This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006R1896
Regulation (EC) No 1896/2006 of the European Parliament and of the Council of 12 December 2006 creating a European order for payment procedure
Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea
Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea
ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1–32
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/07/2017
30.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
1 |
REGOLAMENT (KE) Nru 1896/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta' Diċembru 2006
li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61 (ċ) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Il-Komunità tat lilha nnifisha l-għan li żżomm u tiżviluppa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha jkun żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Għall-istabbiliment gradwali ta' tali żona, il-Komunità għandha tadotta, fost oħrajn, miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfini u li huma meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern. |
(2) |
Skond l-Artikolu 65 (ċ) tat-Trattat, dawn il-miżuri għandhom jinkludu miżuri li jneħħu ostakoli għat-tħaddim tajjeb ta' proċedimenti ċivili, jekk meħtieġ permezz tal-promozzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli dwar proċedura ċivili applikabbli fl-Istati Membri. |
(3) |
Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 stiednet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħejju leġislazzjoni ġdida dwar kwistjonijiet li huma strumentali għal kooperazzjoni ġudizzjarja armonjuża u għal aċċess aħjar għal-liġi u għamlet referenza speċifika, f'dak il-kuntest, għal ordnijiet ta' ħlas ta' flus. |
(4) |
Fit-30 ta' Novembru 2000, il-Kunsill adotta programm konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (3). Il-programm jipprevedi l-possibbiltà ta' proċedura speċifika, uniformi u armonizzata għal kisba ta' deċiżjoni ġudizzjarja stabbilita fi ħdan il-Komunità f'oqsma speċifiċi li jinkludu dak ta' talbiet li m'humiex ikkontestati. Dan ġie mmexxi 'l quddiem mill-Programm ta' l-Aja, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-5 ta' Novembru 2004, li sejjaħ għat-twettiq attiv ta' ħidma fuq l-ordni ta' ħlas Ewropea. |
(5) |
Il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea u dwar miżuri li jissimplifikaw u li jħaffu l-litigazzjoni ta' talbiet żgħar fl-20 ta' Diċembru 2002. Il-Green Paper bdiet konsultazzjonijiet dwar l-għanijiet u l-karatteristiċi possibbli ta' proċedura Ewropea uniformi jew armonizzata għall-irkupru ta' talbiet mhux ikkontestati. |
(6) |
L-irkupru rapidu u effiċjenti ta' djun pendenti li dwarhom ma hemm l-ebda kontroversja legali huwa ta' importanza kbira għall-operaturi ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea, peress li l-arretrati huma raġuni prinċipali għall-falliment li jheddu s-sopravivenza tan-negozji, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u jirriżultaw f'għadd konsiderevoli ta' telf ta' impjiegi. |
(7) |
L-Istati Membri kollha qed jippruvaw jitrattaw il-kwistjoni ta' l-irkupru f'kwantita' ta' talbiet mhux ikkontestati, fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri permezz ta' ordni simplifikata għal proċedura ta' ħlas, iżda kemm il-kontenut tal-leġislazzjoni nazzjonali kif ukoll it-twettiq tal-proċeduri domestiċi jvarjaw b'mod sostanzjali. Barra minn hekk, il-proċeduri li jeżistu bħalissa sikwit huma inammissibbli jew imprattikabbli f'każijiet transkonfini. |
(8) |
L-impedimenti li jirriżultaw għal aċċess għal ġustizzja effiċjenti f'każijiet transkonfini u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern ikkawżata min-nuqqas ta’ ekwilibriju fir-rigward tat-tħaddim tal-mezzi proċedurali mogħtija lill-kredituri fi Stati Membri differenti jfissru l-ħtieġa ta' leġislazzjoni Komunitarja li tiggarantixxi parità għall-kredituri u d-debituri fl-Unjoni Ewropea kollha. |
(9) |
L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-litigazzjoni f'każijiet transkonfinali li jirrigwardjaw talbiet ta' flus mhux ikkontestati billi joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, u li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta' ordnijiet ta' ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta' l-osservanza tagħhom ma jkunx hemm il-ħtieġa li jitressqu proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta' l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar. |
(10) |
Il-proċedura stabbilita b'dan ir-Regolament għandha sservi ta' mezz addizzjonali u fakultattiv għal pretendent, li jibqa' liberu li jirrikorri għal proċedura prevista fil-liġi nazzjonali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament la jissostitwixxi u lanqas jarmonizza l-mekkaniżmi eżistenti għall-irkupru ta' talbiet mhux ikkontestati taħt il-liġi nazzjonali. |
(11) |
Il-proċedura għandha tkun ibbażata, sa fejn l-aktar ikun possibbli, fuq l-użu ta' formoli standard f'kwalunkwe komunikazzjoni bejn il-qorti u l-partijiet sabiex l-amministrazzjoni tagħha tkun aktar faċli u biex tippermetti l-użu ta' l-ipproċessar awtomatiku tad-data. |
(12) |
Meta jiddeċiedu liema qrati għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex joħorġu ordni ta' ħlas Ewropea, l-Istati Membri għandhom jagħtu kont dovut għall-ħtieġa li jiżguraw aċċess għall-ġustizzja. |
(13) |
Fl-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea, il-pretendent għandu jkun obbligat li jipprovdi informazzjoni li hija suffiċjenti biex tidentifika u tappoġġa t-talba b'mod ċar sabiex tqiegħed lill-konvenut f'pożizzjoni li jagħmel għażla infurmata tajjeb jekk għandux jopponi jew ma jikkontestax it-talba. |
(14) |
F'dak il-kuntest, għandu jkun obbligatorju għall-pretendent li jinkludi deskrizzjoni tal-provi li jappoġġaw it-talba. Għal dak l-iskop il-formola ta' applikazzjoni għandha tinkludi lista kemm jista' jkun eżawrjenti ta' tipi ta' provi li huma ġeneralment prodotti biex jappoġġaw talbiet ta' flus. |
(15) |
Il-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea għandu jinvolvi l-ħlas ta' kwalunkwe miżati tal-qorti applikabbli. |
(16) |
Il-qorti għandha teżamina l-applikazzjoni, inkluż il-kwistjoni ta' ġurisdizzjoni u d-deskrizzjoni tal-provi, abbażi ta' l-informazzjoni pprovduta fil-formola ta' applikazzjoni. Dan ikun jippermetti lill-qorti teżamina prima facie l-merti tat-talba u inter alia li teskludi talbiet li jkunu kjarament bla bażi jew applikazzjonijiet inammissibbli. L-eżami m' għandux għalfejn jitwettaq minn imħallef. |
(17) |
M'għandu jkun hemm l-ebda dritt ta' appell kontra ċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni. Madankollu, dan ma jeskludix reviżjoni possibbli tad-deċiżjoni taċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni fl-istess livell ta' ġurisdizzjoni skond il-liġi nazzjonali. |
(18) |
L-ordni ta' ħlas Ewropea għandha tinforma lill-konvenut dwar l-għażliet tiegħu li jħallas l-ammont mogħti lil l-pretendent jew li jibgħat dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni f'limitu ta' żmien ta' 30 jum jekk jixtieq jikkontesta t-talba. Minbarra li tingħatalu l-informazzjoni kollha dwar it-talba kif tkun mogħtija mill-pretendent, il-konvenut għandu jingħata parir dwar is-sinifikat legali ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea u b'mod partikolari tal-konsegwenzi f'każ li ma jikkontestax it-talba. |
(19) |
Minħabba differenzi bejn ir-regoli ta' proċedura ċivili, b'mod partikolari dawk li jirregolaw in-notifika ta' dokumenti fl-Istati Membri, hemm ħtieġa li tiġi stabbilita definizzjoni speċifika u dettaljata ta' l-istandards minimi li għandhom japplikaw fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea. B'mod partikolari, rigward it-twettiq ta' dawk l-istandards, kwalunkwe metodu bbażat fuq fictio juris m' għandux jitqies biżżejjed għan-notifika ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea. |
(20) |
Il-metodi kollha ta' notifika elenkati fl-Artikoli 13 u 14 huma karatterizzati jew b'ċertezza sħiħa (Artikolu 13) jew bi probabbiltà kbira ħafna (Artikolu 14) li d-dokument notifikat wasal għand l-indirizzat. |
(21) |
In-notifika personali għal ċerti persuni ħlief il-konvenut innifsu skond l-Artikolu 14(1)(a) u (b) għandha titqies li tilħaq ir-rekwiżiti ta' dawk id-disposizzjonijiet biss jekk dawk il-persuni fil-fatt aċċettaw/irċevew l-ordni ta' ħlas Ewropea. |
(22) |
L-Artikolu 15 għandu japplika għal sitwazzjonijiet fejn il-konvenut ma jistax jirrappreżenta lilu nnifsu fil-qorti, bħal fil-każ ta' persuna ġuridika, u fejn persuna awtorizzata biex tirrappreżentah tiġi determinata skond il-liġi, kif ukoll sitwazzjonijiet fejn il-konvenut awtorizza persuna oħra, b'mod partikolari avukat, biex tirrappreżentah fil-proċedimenti speċifiċi tal-qorti in kwistjoni. |
(23) |
Il-konvenut jista' jissottometti d-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni tiegħu billi juża l-formola standard stabbilita f' dan ir-Regolament. Madankollu, il-qrati għandhom jieħdu kont ta' kwalunkwe mezz ta' oppożizzjoni bil-miktub oħra jekk dan jiġi espress b'mod ċar. |
(24) |
Dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni mressqa fil-limitu ta' żmien għandha ttemm il-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea u għandha twassal għal trasferiment awtomatiku tal-każ għal proċedimenti ċivili ordinarji sakemm il-pretendent ma jitlobx b'mod espliċitu li jtemm il-proċedimenti f'dak il-każ. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament il-kunċett ta' proċedimenti ċivili ordinarji m'għandux bilfors jiġi interpretat fis-sens tal-liġi nazzjonali. |
(25) |
Wara li jiskadi l-limitu ta' żmien għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni, f'ċerti każijiet eċċezzjonali l-konvenut għandu jkun intitolat japplika għal reviżjoni ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea. Ir-reviżjoni f'każijiet eċċezzjonali m' għandux ifisser li l-konvenut ikun qed jingħata opportunità oħra biex jopponi t-talba. Matul il-proċedura ta' reviżjoni l-merti tat-talba m'għandhomx jiġu valutati lil hinn mir-raġunijiet li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali invokati mill-konvenut. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali l-oħra jistgħu jinkludu sitwazzjoni fejn l-ordni ta' ħlas Ewropea kienet ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija fil-formola ta' l-applikazzjoni. |
(26) |
Miżati tal-qorti koperti bl-Artikolu 25 m'għandhomx jinkludu per eżempju miżati ta' l-avukati jew spejjeż għan-notifika ta' dokumenti minn entità oħra minbarra qorti. |
(27) |
Ordni ta' ħlas Ewropea maħruġa fi Stat Membru wieħed li tkun saret esegwibbli għandha titqies għall-iskopijiet ta' infurzar bħallikieku nħarġet fl-Istat Membru fejn qed jiġi mfittex l-infurzar. Fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri tiġġustifika l-valutazzjoni mill-qorti ta' Stat Membru wieħed li l-kondizzjonijiet kollha għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas Ewropea ġew sodisfatti sabiex l-ordni tiġi infurzata fl-Istati Membri l-oħra kollha mingħajr reviżjoni ġudizzjarja ta' l-applikazzjoni proprja ta' l-istandards proċedurali minimi fl-Istat Membru fejn l-ordni għandha tiġi infurzata. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari għall-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 22(1) u (2) u 23, il-proċeduri għall-infurzar ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea għandhom jibqgħu jiġu regolati mil-liġi nazzjonali. |
(28) |
Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-limiti ta' żmien, għandu japplika r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jiddetermina r-regoli applikabbli għall-perijodi, id-dati u l-limiti ta' żmien (4). Il-konvenut għandu jiġi avżat b' dan u għandu jkun infurmat li ser jittieħed kont tal-festi pubbliċi ta' l-Istat Membru fejn tinsab il-qorti li toħroġ l-ordni ta' ħlas Ewropea. |
(29) |
Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jinħalaq mekkaniżmu uniformi, effiċjenti u rapidu għall-irkuprar ta' talbiet ta' flus mhux ikkontestati fl-Unjoni Ewropea kollha, ma jistgħux jiġu milħuqa b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, permezz ta’ l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan. |
(30) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5). |
(31) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda, b'mod konformi ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, taw avviż dwar ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
(32) |
Id-Danimarka, b'mod konformi ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, m'hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u m'hijiex marbuta bih u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
1. L-għan ta' dan ir-Regolament hu:
(a) |
li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta' litigazzjoni f'każijiet transkonfinali fir-rigward ta' talbiet mhux kontestati ta' flus permezz tal-ħolqien ta' proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea; u |
(b) |
li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta' ordnijiet ta' ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta' l-osservanza tagħhom ma jkunu meħtieġa l-ebda proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta' infurzar għar-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom. |
2. Dan ir-Regolament m' għandux iżomm pretendent milli jsegwi talba fis-sens ta' l-Artikolu 4 billi jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta' Stat Membru jew taħt il-liġi Komunitarja.
Artikolu 2
Kamp ta' Applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f'każijiet transkonfinali tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal. M' għandux jikkonċerna, b'mod partikolari, kwistjonijiet dwar dħul ta' flus, dwana jew ta' amministrazzjoni jew ir-responsabbiltà ta' l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta' l-awtorità ta' Stat (“acta iure imperii”).
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal:
(a) |
drittijiet dwar proprjetà li toriġina minn relazzjoni matrimonjali, testmenti u suċċessjoni; |
(b) |
falliment, proċedimenti relatati ma’ l-istralċ ta’ kumpaniji jew persuni ġuridiċi oħra insolventi, arranġamenti ġudizzjarji, kompożizzjonijiet u proċedimenti analogi; |
(ċ) |
sigurtà soċjali; |
(d) |
talbiet li joriġinaw minn obbligi mhux kuntrattwali, sakemm:
|
3. F'dan ir-Regolament, it-terminu “Stat Membru” għandu jfisser l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.
Artikolu 3
Każijiet transkonfinali
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn ikun sar rikors għall-qorti.
2. Id-domiċilju għandu jiġi ddeterminat b'mod konformi ma' l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (6).
3. Il-mument rilevanti biex jiġi determinat jekk hemmx każ transkonfini hu l-ħin meta l-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea tkun sottomessa b'mod konformi ma' dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Proċedura ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea
Il-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea għandha tiġi stabbilita għall-ġbir ta' talbiet ta' flus ta' ammont speċifiku li jridu jitħallsu fil-waqt meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea.
Artikolu 5
Tifsiriet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:
1) |
“Stat Membru ta' oriġini”: tfisser l-Istat Membru li fih tkun ħarġet ordni ta' ħlas Ewropea; |
2) |
“Stat Membru ta' infurzar”: tfisser l-Istat Membru li fih ikun mitlub l-infurzar ta' ordni ta' ħlas Ewropea; |
3) |
“qorti”: tfisser kwalunkwe awtorità f' Stat Membru bil-kompetenza dwar ordnijiet ta' ħlas Ewropea jew kwalunkwe kwistjonijiet relatati oħra; |
4) |
“Qorti ta' oriġini”: tfisser il-qorti li toħroġ ordni ta' ħlas Ewropea. |
Artikolu 6
Ġurisdizzjoni
1. Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 44/2001.
2. Madankollu, jekk it-talba tikkonċerna kuntratt konkluż minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista' jitqies bħala wieħed lil hinn mis-sengħa jew il-professjoni tiegħu, u jekk il-konvenut huwa l-konsumatur, il-qrati fl-Istat Membru fejn il-konvenut huwa domiċiljat biss, fi ħdan is-sens ta' l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, għandha jkollha ġurisdizzjoni.
Artikolu 7
Applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea
1. Applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea għandha ssir billi tintuża l-formola standard A, kif stabbilit fl-Anness 1.
2. L-applikazzjoni għandha tiddikjara:
(a) |
l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet, u, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tagħhom, u tal-qorti li lilha ssir l-applikazzjoni; |
(b) |
l-ammont tat-talba, inkluż it-talba prinċipali u, fejn applikabbli, l-imgħax u l-penali kuntrattwali u l-ispejjeż; |
(ċ) |
jekk jintalab l-imgħax fuq it-talba, ir-rata ta' l-imgħax u l-perijodu ta' żmien li għalih jintalab l-imgħax sakemm ma jiġix magħqud b'mod awtomatiku mal-prinċipali taħt il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini; |
(d) |
il-kawża ta' l-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi invokati bħala l-bażi tat-talba u, fejn applikabbli, ta' l-imgħax mitlub; |
(e) |
deskrizzjoni ta' evidenza li tappoġġa t-talba; |
(f) |
ir-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni; u |
(g) |
in-natura transkonfini tal-każ fit-tifsira ta' l-Artikolu 3. |
3. Fl-applikazzjoni, il-pretendent għandu jiddikjara li l-informazzjoni pprovduta hi vera skond l-għarfien u t-twemmin tiegħu u għandu jirrikonoxxi li kwalunkwe dikjarazzjoni deliberatament falza tista' twassal għal penali xierqa taħt il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini.
4. F'appendiċi għall-applikazzjoni l-pretendent jista' jindika lill-qorti li hu jopponi trasferiment għal proċedimenti ċivili ordinarji fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 17 f'każ ta' oppożizzjoni mill-konvenut. Dan ma jimpedixxix lill-pretendent milli jinforma b' dan lill-qorti sussegwentement, iżda fi kwalunkwe każ qabel tkun ħarġet l-ordni.
5. L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa fuq karta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta' komunikazzjoni, inkluż il-forma elettronika, aċċettat mill-Istat Membru ta' oriġini u disponibbli għall-qorti ta' oriġini.
6. L-applikazzjoni għandha tkun iffirmata mill-pretendent jew, fejn applikabbli, mir-rappreżentant tiegħu. Fejn l-applikazzjoni tiġi sottomessa f'forma elettronika b'mod konformi mal-paragrafu 5, hi għandha tiġi ffirmata b'mod konformi ma' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar qafas Komunitarju għall-firem elettroniċi (7). Il-firma għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istat Membru ta' oriġini u ma tistax tiġi soġġetta għal rekwiżiti addizzjonali.
Madankollu, tali firma elettronika m'għandhiex tkun meħtieġa jekk u sakemm sistema alternattiva ta' komunikazzjoni elettronika teżisti fil-qrati ta' l-Istat Membru ta' oriġini li hi disponibbli għal ċertu grupp ta' utenti awtentikati reġistrati minn qabel u li tippermetti l-identifikazzjoni ta' dawk l-utenti b'mod sigur. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'tali sistemi ta' komunikazzjoni.
Artikolu 8
Eżami ta' l-Applikazzjoni
Il-qorti li tkun ħadet applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea għandha teżamina, malajr kemm jista' jkun u abbażi tal-formola ta' applikazzjoni, jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 intlaħqux u jekk it-talba tidhirx li għandha bażi u hi ammissibbli. Dan l-eżami jista' jsir permezz ta' proċedura awtomatizzata.
Artikolu 9
Tlestija u rettifika
1. Jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikolu 7 ma jintlaħqux u sakemm it-talba ma tkunx kjarament bla bażi jew l-applikazzjoni kjarament inammissibbli, il-qorti għandha tagħti lill-pretendent l-opportunità biex ilesti jew jirrettifika l-applikazzjoni. Il-qorti għandha tuża l-formola standard B kif stabbilit fl-Anness II.
2. Fejn il-qorti titlob lill-pretendent jikkompleta jew jirrettifika l-applikazzjoni, hi għandha tispeċifika limitu ta' żmien li tħoss li hu xieraq fiċ-ċirkostanzi. Il-qorti tista' fid-diskrezzjoni tagħha testendi dak il-limitu ta' żmien.
Artikolu 10
Modifika ta' l-applikazzjoni
1. Jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu biss għal parti mit-talba, il-qorti għandha tinforma lill-pretendent b' dan, bl-użu tal-formola standard C kif stabbilit fl-Anness III. Il-pretendent għandu jiġi mistieden jaċċetta jew jirrifjuta proposta għal ordni ta' ħlas Ewropea għall-ammont speċifikat mill-qorti u għandu jiġi infurmat bil-konsegwenzi tad-deċiżjoni tiegħu. Il-pretendent għandu jwieġeb billi jirritorna l-formola standard C mibgħuta mill-qorti f'limitu ta' żmien speċifikat mill-qorti b'mod konformi ma' l-Artikolu 9(2).
2. Jekk il-pretendent jaċċetta l-proposta tal-qorti, il-qorti għandha toħroġ ordni ta' ħlas Ewropea, b'mod konformi ma' l-Artikolu 12, għal dik il-parti tat-talba aċċettata mill-pretendent. Il-konsegwenzi fir-rigward tal-parti li tifdal mit-talba inizjali għandha tiġi regolata bil-liġi nazzjonali.
3. Jekk il-pretendent ma jibgħatx ir-risposta tiegħu fil-limitu ta' żmien speċifikat mill-qorti jew jirrifjuta l-proposta tal-qorti, il-qorti għandha tirrifjuta l-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea fl-intier tagħha.
Artikolu 11
Rifjut ta' l-applikazzjoni
1. Il-qorti għandha tirrifjuta l-applikazzjoni jekk:
(a) |
ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 ma jintlaħqux; jew |
(b) |
it-talba tkun kjarament bla bażi; jew |
(ċ) |
il-pretendent ma jibgħatx ir-risposta tiegħu fil-limitu ta' żmien speċifikat mill-qorti taħt l-Artikolu 9(2); jew |
(d) |
il-pretendent ma jibgħatx it-tweġiba tiegħu fil-limitu ta' żmien speċifikat mill-qorti jew jirrifjuta l-proposta tal-qorti, b'mod konformi ma' l-Artikolu 10. |
Il-pretendent għandu jiġi infurmat bir-raġunijiet għar-rifjut permezz tal-formola standard D kif stabbilit fl-Anness IV.
2. M' għandux ikun hemm dritt ta' appell kontra r-rifjut ta' l-applikazzjoni.
3. Ir-rifjut ta' l-applikazzjoni m'għandux jimpedixxi lill-pretendent milli jsegwi t-talba permezz ta' applikazzjoni ġdida għal ordni ta' ħlas Ewropea jew permezz ta' kwalunkwe proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta' Stat Membru.
Artikolu 12
Ħruġ ta' ordni ta' ħlas Ewropea
1. Jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu, il-qorti għandha toħroġ, malajr kemm jista' jkun u normalment fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni, ordni ta' ħlas Ewropea billi tuża l-formola standard E kif stabbilit fl-Anness V.
Il-perijodu ta' 30 jum m'għandux jinkludi ż-żmien meħud mill-pretendent biex jlesti, jirrettifika jew jimmodifika l-applikazzjoni.
2. L-ordni ta' ħlas Ewropea għandha tinħareġ flimkien ma' kopja tal-formola ta' l-applikazzjoni. M'għandhiex tinkludi l-informazzjoni pprovduta mill-pretendent fl-Appendiċi 1 u 2 tal-formola A.
3. Fl-ordni ta' ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:
(a) |
iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent; jew |
(b) |
jopponi l-ordni billi jippreżenta dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fil-qorti ta' oriġini, mibgħuta fi żmien 30 jum min-notifika ta' l-ordni lill-konvenut. |
4. Fl-ordni ta' ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat li:
(a) |
l-ordni nħarġet biss abbażi ta' l-informazzjoni li ġiet provduta mill-konvenut u ma kinitx verifikata mill-qorti; |
(b) |
l-ordni ser issir esegwibbli sakemm ma tiġix ippreżentata dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fil-qorti b'mod konformi ma' l-Artikolu 16; |
(ċ) |
fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni, il-proċedimenti għandhom ikomplu quddiem il-qrati kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini b'mod konformi mar-regoli ta' proċedura ċivili ordinarja sakemm il-konvenut ma jkunx talab b'mod espliċitu biex jitwaqqfu l-proċedimenti f'dak il-każ. |
5. Il-qorti għandha tiżgura li l-ordni ġiet notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali permezz ta' metodu li jirrispetta l-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15.
Artikolu 13
Notifika bi prova li waslet għand il-konvenut
L-ordni ta' ħlas Ewropea tista' tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat li fih għandha ssir in-notifika, b'wieħed mill-metodi li ġejjin:
(a) |
notifika minn persuna għal persuna, attestata b'dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata mill-konvenut; |
(b) |
notifika minn persuna għal persuna attestata b'dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li wasslet in-notifika fejn hu ddikjarat li l-konvenut irċieva d-dokument jew irrifjuta li jirċevih bla ebda ġustifikazzjoni legali, u bid-data tan-notifika; |
(ċ) |
notifika bil-posta attestata b'dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata u rritornata mill-konvenut; |
(d) |
notifika b'mezzi elettroniċi bħall-fax jew l-e-mail, attestata b'dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata u rritornata mill-konvenut. |
Artikolu 14
Notifika mingħajr prova li waslet għand il-konvenut
1. L-ordni ta' ħlas Ewropea tista' wkoll tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat li fih issir in-notifika, b'wieħed mill-metodi li ġejjin:
(a) |
notifika minn persuna għal persuna fl-indirizz personali tal-konvenut lil persuni li joqogħdu fl-istess dar bħall-konvenut jew huma impjegati hemm; |
(b) |
f'każ ta' konvenut li jaħdem għal rasu jew persuna ġuridika, notifika minn persuna għal persuna fis-sit kummerċjali tal-konvenut lil persuni li huma impjegati mill-konvenut; |
(ċ) |
depożitu ta' l-ordni fil-kaxxa postali tal-konvenut; |
(d) |
depożitu ta' l-ordni f'uffiċċju postali jew ma' awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tqegħid ta' notifika bil-miktub ta' dak id-depożitu fil-kaxxa postali tal-konvenut, dment li n-notifika bil-miktub turi b'mod ċar il-karattru tad-dokument bħala dokument tal-qorti jew l-effett legali tal-komunikazzjoni li taffetwa n-notifika u li tibda tiddekorri l-limiti ta' żmien; |
(e) |
servizz postali mingħajr prova b'mod konformi mal-paragrafu 3 fejn il-konvenut għandu l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta' oriġini; |
(f) |
mezzi elettroniċi attestati b'konferma awtomatika tal-wasla, sakemm il-konvenut ikun esprima l-aċċettazzjoni ta' dan il-metodu ta' servizz minn qabel. |
2. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhuwiex ammissibbli jekk l-indirizz tal-konvenut ma jkunx magħruf b'ċertezza.
3. Is-servizz b'mod konformi mal-paragrafu 1 (a), (b), (ċ) u (d) għadu jiġi attestat b':
(a) |
dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li effettwat in-notifika, li jindika:
jew |
(b) |
rikonoxximent ta' riċevuta mill-persuna notifikata, għall-finijiet tal-paragrafi (1)(a) u (b). |
Artikolu 15
Notifika lil rappreżentant
Notifika b'mod konformi ma' l-Artikoli 13 jew 14 tista' tiġi effettwata wkoll lil rappreżentant tal-konvenut.
Artikolu 16
Oppożizzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea
1. Il-konvenut jista' jressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għall-ordni ta' ħlas Ewropea mal-qorti ta' oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma' l-ordni ta' ħlas Ewropea.
2. Id-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta' l-ordni fuq il-konvenut.
3. Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m'għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.
4. Id-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għandha tiġi sottomessa fuq karta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta' komunikazzjoni, inkluż il-forma elettronika, aċċettat mill-Istat Membru ta' oriġini u disponibbli għall-qorti ta' oriġini.
5. Id-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għandha tkun iffirmata mill-konvenut jew, fejn applikabbli, mir-rappreżentant tiegħu. Fejn id-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni tiġi sottomessa f'forma elettronika b'mod konformi mal-paragrafu 4, hi għandha tiġi ffirmata b'mod konformi ma' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 1999/93/KE. Il-firma għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istat Membru ta' oriġini u ma tistax tiġi soġġetta għal rekwiżiti addizzjonali.
Madankollu, tali firma elettronika m'għandhiex tkun meħtieġa jekk u sakemm sistema alternattiva ta' komunikazzjoni elettronika teżisti fil-qrati ta' l-Istat Membru ta' oriġini li hi disponibbli għal ċertu grupp ta' utenti awtentikati reġistrati minn qabel u li tippermetti l-identifikazzjoni ta' dawk l-utenti b'mod sigur. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'tali sistemi ta' komunikazzjoni.
Artikolu 17
Effetti tal-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni
1. Jekk dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini b'mod konformi mar-regoli ta' proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b'mod espliċitu biex f'dak il-każ jintemmu l-proċedimenti.
Fejn il-pretendent ressaq it-talba tiegħu permezz tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, xejn taħt il-liġi nazzjonali m'għandu jippreġudika l-pożizzjoni tiegħu fi proċedimenti ċivili ordinarji sussegwenti.
2. It-trasferiment għal proċedimenti ċivili ordinarji fi ħdan it-tifsira ta' paragrafu 1 għandu jiġu regolat mil-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini.
3. Il-pretendent għandu jiġi infurmat dwar jekk il-konvenut ikunx ressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni u dwar kwalunkwe trasferiment għal proċedimenti ċivili ordinarji.
Artikolu 18
Esegwebilita
1. Jekk fil-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), b' konsiderazzjoni meħuda taż-żmien xieraq li jippermetti li tasal dikjarazzjoni, ma tkun ġiet imressqa l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fil-qorti ta' oriġini, il-qorti ta' oriġini għandha mingħajr dewmien tiddikjara l-ordni ta' ħlas Ewropea esegwibbli, bl-użu tal-formola standard G kif stabbilit fl-Anness VII. Il-qorti ta' oriġini għandha tivverifika d-data ta' servizz.
2. Bla preġudizzju għall-paragrafu 1, ir-rekwiżiti formali għall-esegwebilita' għandhom ikunu regolati mil-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini.
3. Il-qorti għandha tibgħat l-ordni ta' ħlas Ewropea esegwibbli lill-pretendent.
Artikolu 19
Tneħħija ta' l-exequatur
Ordni ta' ħlas Ewropea li saret esegwibbli fl-Istat Membri ta' oriġini għandha tiġi rikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta' dikjarazzjoni ta' esegwibilita' u mingħajr kwalunkwe possibbiltà li jiġi opponut ir-rikonoxximent tagħha.
Artikolu 20
Reviżjoni f'każijiet eċċezzjonali
1. Wara l-iskadenza tal-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 16 (2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta' oriġini fejn:
(a) |
jew |
(b) |
il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta' force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu, |
sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront.
2. Wara l-iskadenza tal-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 16 (2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta' oriġini fejn l-ordni ta' ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b'kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.
3. Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta' ħlas Ewropea għandha tibqa' fis-seħħ.
Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta' ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett.
Artikolu 21
Infurzar
1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, proċeduri ta' infurzar għandhom jiġu regolati mil-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-infurzar.
Ordni ta' ħlas Ewropea li tkun saret esegwibbli għandha tiġi infurzata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal deċiżjoni esegwibbli fl-Istat Membru ta' infurzar.
2. Għall-infurzar fi Stat Membru ieħor, il-pretendent għandu jipprovdi lill-awtoritajiet ta' infurzar kompetenti ta' dak l-Istat Membru b':
(a) |
kopja ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea, kif dikjarata esegwibbli mill-qorti ta' oriġini, li tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; u |
(b) |
fejn meħtieġ, traduzzjoni ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea fil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' infurzar jew, jekk ikun hemm aktar minn lingwa uffiċjali waħda f'dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-proċedimenti tal-qorti tal-post fejn ikun ġie mfittex l-infurzar, f'konformità mal-liġi ta' dak l-Istat Membru, jew f'lingwa oħra li l-Istat Membru ta' infurzar ikun indika li jista' jaċċetta. Kull Stat Membru jista' jindika l-lingwa jew lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea minbarra dawk tiegħu li hu jista' jaċċetta għall-ordni ta' ħlas Ewropea. It-traduzzjoni għandha tkun ċertifikata minn persuna kwalifikata biex tagħmel dan f’wieħed mill-Istati Membri. |
3. L-ebda sigurtà, bond jew depożitu, deskritt kif deskritt, m’għandu jkun meħtieġ minn pretendent li fi Stat Membru wieħed japplika għal infurzar ta' ordni ta' ħlas Ewropea maħruġa fi Stat Membru ieħor minħabba li jkun ċittadin barrani jew li ma jkunx domiċiljat jew residenti fl-Istat Membru ta' infurzar.
Artikolu 22
Rifjut ta' Infurzar
1. L-infurzar għandu, wara l-applikazzjoni mill-konvenut, jiġi rifjutat mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta' infurzar jekk l-ordni ta' ħlas Ewropea hi rrikonċiljabbli ma' deċiżjoni aktar bikrija jew ordni mogħtija qabel fi kwalunkwe Stat Membru jew f'pajjiż terz, sakemm:
(a) |
id-deċiżjoni jew ordni aktar bikrija involviet l-istess kawża ta' azzjoni bejn l-istess partijiet; u |
(b) |
id-deċiżjoni jew ordni aktar bikrija twettaq il-kondizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru ta' infurzar; u |
(ċ) |
l-irrikonċiljabbiltà ma setgħetx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċedimenti tal-qorti fl-Istat Membru ta' oriġini. |
2. L-infurzar għandu, wara l-applikazzjoni, jiġi rrifjutat ukoll jekk u sal-punt li l-konvenut ikun ħallas lill-pretendent l-ammont mogħti fl-ordni ta' ħlas Ewropea.
3. L-ordni ta' ħlas Ewropea ma tista' tiġi riveduta taħt l-ebda ċirkostanza għal dak li jirrigwarda s-sustanza tagħha fl-Istat Membru ta' infurzar.
Artikolu 23
Sospensjoni jew limitazzjoni ta' l-infurzar
Fejn il-konvenut ikun applika għal reviżjoni b'mod konformi ma' l-Artikolu 20, il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta' infurzar tista', wara l-applikazzjoni mill-konvenut:
(a) |
tillimita l-proċedimenti ta' l-infurzar għal miżuri protettivi; jew |
(b) |
tagħmel l-infurzar kondizzjonali fuq l-għoti ta' tali sigurtà kif hija tiddetermina; jew |
(ċ) |
taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, tissospendi l-proċedimenti ta' l-infurzar. |
Artikolu 24
Rappreżentanza legali
Ir-rappreżentanza minn avukat jew professjonista legali ieħor m'għandhiex tkun obbligatorja:
(a) |
għall-pretendent fir-rigward ta' l-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea; |
(b) |
għall-konvenut fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea. |
Artikolu 25
Miżati tal-qorti
1. Il-miżati kombinati tal-qorti ta' proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea u tal-proċedimenti ordinarji ċivili li jsegwu f'każ ta' dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea fi Stat Membru m'għandhomx jaqbżu l-miżati tal-qorti ta' proċedimenti ċivili ordinarji mingħajr proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea preċedenti f'dak l-Istat Membru.
2. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-miżati tal-qorti għandhom jinkludu miżati u spejjeż li għandhom jitħallsu lill-qorti, li l-ammont tagħhom huwa ffissat skond il-liġi nazzjonali.
Artikolu 26
Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali
Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b'mod speċifiku f'dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.
Artikolu 27
Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1348/2000
Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (8).
Artikolu 28
Infromazzjoni dwar l-ispejjeż tan-notifika u l-infurzar
L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jipprovdu lill-pubbliku ġenerali u ċ-ċrieki professjonali b'informazzjoni dwar:
(a) |
spejjeż għan-notifika ta' dokumenti, u |
(b) |
liema awtoritajiet għandhom kompetenza fir-rigward ta' l-infurzar għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 21, 22 u 23, |
b' mod partikolari permezz tan-Network Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali stabbilit b'mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (9).
Artikolu 29
Informazzjoni dwar il-ġurisdizzjoni, il- proċeduri ta' reviżjoni, il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-lingwi
1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sat-12 ta’ Ġunju 2008:
(a) |
liema qrati għandhom ġurisdizzjoni sabiex joħorġu ordni ta' ħlas Ewropea; |
(b) |
il-proċedura ta' reviżjoni u l-qrati kompetenti għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 20; |
(ċ) |
il-mezzi ta' komunikazzjoni aċċettati għall-finijiet tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea u li huma disponibbli għall-qrati; |
(d) |
il-lingwi aċċettati b'mod konformi ma' l-Artikolu 21 (2)(b). |
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil sussegwenti ta' din l-informazzjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-informazzjoni b'mod konformi mal-paragrafu 1 disponibbli għall-pubbliku permezz ta' pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u permezz ta' kwalunkwe mezz adegwat ieħor.
Artikolu 30
Emendi għall-Annessi
Il-formoli standard imniżżla fl-Annessi għandhom jiġu aġġornati jew aġġustati b'mod tekniku, biex jiżguraw konformità sħiħa mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, b'mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2).
Artikolu 31
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit permezz ta' l-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.
2. Fejn isir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħu.
3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.
Artikolu 32
Reviżjoni
Sat-12 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dettaljat li jirrevedi l-operat tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea. Dak ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni tal-proċedura kif ġiet operata u valutazzjoni estiża ta' l-impatt għal kull Stat Membru.
Għal dak il-għan u sabiex jiġi żgurat li l-aħjar prattika fl-Unjoni Ewropew tkun meqjusa b'mod xieraq u tirrifletti l-prinċipji ta' leġislazzjoni aħjar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni rigward l-operat transkonfini ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea. Din l-informazzjoni għandha tkopri l-miżati tal-qorti, il-veloċità tal-proċedura, l-effiċjenza, l-użu faċli u l-proċeduri ta' ordni ta' ħlas interna ta' l-Istati Membri.
Ir-rapport mill-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti għal adattament.
Artikolu 33
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Hu għandu japplika mit-12 ta’ Diċembru 2008, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikoli 28, 29, 30 u 31 li għandhom japplikaw mit-12 ta’ Diċembru 2008 18-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri b'mod konformi mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, nhar it-12 ta’ Diċembru 2006.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill
Il-President
M. PEKKARINEN
(1) ĠU C 221, 8.9.2005, p. 77.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2006.Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2006.
(5) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(6) ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, 28.12.2004, p. 10).
(7) ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.
(8) ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.
(9) ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.
ANNESS III
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni