Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2025)6800

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar iż-Żieda fid-Disponibbiltà tal-Kontijiet ta’ Tfaddil u ta’ Investiment bi Trattament tat-Taxxa Simplifikat u Vantaġġuż

C/2025/6800 final

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

ta'30.9.2025

dwar iż-Żieda fid-Disponibbiltà tal-Kontijiet ta’ Tfaddil u ta’ Investiment bi Trattament tat-Taxxa Simplifikat u Vantaġġuż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)Iċ-ċittadini tal-UE għandhom waħda mill-ogħla rati ta’ tfaddil fid-dinja. Madankollu, spiss ma jużawx bl-aħjar mod it-tfaddil tagħhom. Dan huwa dovut għal taħlita ta’ fatturi, inklużi litteriżmu finanzjarju insuffiċjenti, vjaġġi kumplessi tal-investituri u swieq frammentati tas-servizzi finanzjarji li jirriżultaw f’nuqqas ta’ kompetizzjoni, u għażliet limitati. Dan jillimita l-opzjonijiet disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE biex jinvestu t-tfaddil tagħhom b’modi li jistgħu jrendu redditi ogħla u jżidu l-ġid tagħhom.

(2)L-investimenti fis-swieq kapitali jistgħu jikkontribwixxu għal eżiti finanzjarji aħjar għaċ-ċittadini tal-UE. Għalhekk, investimenti li jkunu aċċessibbli b’mod aktar faċli jistgħu jżidu l-benesseri finanzjarju tagħhom.

(3)L-investituri bl-imnut u l-maniġers tal-assi spiss jippreferu jallokaw sehem akbar min-normal tal-portafolli tagħhom lis-swieq kapitali domestiċi tagħhom, minħabba fatturi bħall-iżvilupp tas-suq, il-familjarità, il-lingwa komuni, il-kultura komuni u l-prossimità ġeografika. Għalhekk, l-inkoraġġiment ta’ parteċipazzjoni akbar bl-imnut fis-swieq kapitali jista’ jipprovdi wkoll sorsi addizzjonali ta’ investimenti għall-benefiċċju tal-ekonomija tal-UE.

(4)Filwaqt li l-individwi għandhom il-libertà li jinvestu skont il-preferenzi, il-ħtiġijiet u l-għażliet personali tagħhom u bir-ritmu tagħhom stess, aktar investimenti bl-imnut fis-swieq kapitali jistgħu jipprovdu lin-negozji tal-UE aktar opportunitajiet ta’ finanzjament biex jikbru, jinnovaw u joħolqu l-impjiegi. Iż-żieda fil-bażi tal-investituri tal-UE tista’ tgħin ukoll fil-finanzjament tal-prijoritajiet strateġiċi tal-UE, inklużi t-tranżizzjonijiet diġitali, ekoloġiċi u soċjali, u t-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża tal-UE, jekk l-investituri bl-imnut jagħżlu li jallokaw l-investimenti tagħhom kif xieraq.

(5)L-Istati Membri għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fil-kisba tal-objettivi tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti (SIU, Savings and Investments Union) u ddikjaraw l-impenn tagħhom li jtejbu l-aċċess taċ-ċittadini għas-swieq kapitali kemm fid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro ta’ April 2024 kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2025. Għaldaqstant, l-Istati Membri qed jiġu inkoraġġuti jimplimentaw riformi biex jiżviluppaw u jsaħħu s-swieq kapitali domestiċi tagħhom, inklużi miżuri biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tal-investituri bl-imnut. It-titjib tal-litteriżmu finanzjarju, l-iffaċilitar tal-investimenti bl-imnut u l-għoti ta’ inċentivi xierqa jgħinu biex jinkisbu dawn l-objettivi. Xi Stati Membri diġà kisbu riżultati pożittivi ħafna f’dan ir-rigward.

(6)Din ir-rakkomandazzjoni tipprovdi lill-Istati Membri pjan ta’ azzjoni Ewropew għall-Kontijiet ta’ Tfaddil u ta’ Investiment (SIAs, Savings and Investment Accounts), abbażi tal-aħjar prattiki eżistenti. Hija tiddeskrivi l-karatteristiċi ewlenin li l-SIAs għandu jkollhom biex jimmassimizzaw l-adozzjoni tagħhom u jgħinu biex jinkiseb l-objettiv li tingħata spinta lill-parteċipazzjoni bl-imnut fis-swieq kapitali.

(7)L-SIAs huma pprovduti minn fornituri awtorizzati ta’ servizzi finanzjarji u jippermettu lill-individwi jinvestu fi strumenti finanzjarji bħal ishma, bonds, u unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv. Spiss dawn ikollhom benefiċċji tat-taxxa. Ċerti pajjiżi, inklużi xi Stati Membri tal-UE, implimentaw SIAs biex jindirizzaw il-kwistjoni ta’ parteċipazzjoni baxxa bl-imnut fis-swieq kapitali. L-evidenza minn oqfsa li jirnexxu tal-SIA turi li, meta jitfasslu kif suppost, jistgħu jagħmlu s-swieq kapitali aktar attraenti u aktar faċli biex jiġu aċċessati mill-investituri bl-imnut u jgħinuhom jibnu l-ġid tagħhom b’mod aktar effettiv.

(8)Eżami tal-aħjar prattiki tal-SIAs, kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment, enfasizza l-karatteristiċi ewlenin ta’ SIAs li jirnexxu. Dawn il-karatteristiċi jinkludu l-faċilità tal-użu għall-utenti li tagħmilhom faċli biex jiġu aċċessati u mħaddma, il-flessibbiltà f’termini ta’ investiment u żvestiment, u l-faċilitazzjoni tal-konformità mar-regoli tat-taxxa. L-Istati Membri huma rrakkomandati jintroduċu oqfsa nazzjonali tal-SIAs b’dawn il-karatteristiċi.

(9)Il-varjazzjonijiet fil-ġid u fl-introjtu fil-popolazzjoni jaffettwaw il-parteċipazzjoni bl-imnut fis-swieq kapitali. L-oqfsa tal-SIA għandhom jimmiraw għal rati għolja ta’ parteċipazzjoni fil-gruppi tal-etajiet kollha, miż-żgħażagħ sal-anzjani, filwaqt li jakkomodaw liċ-ċittadini kollha irrispettivament minn jekk jistgħux jinvestu ammonti żgħar jew kbar.

(10)It-tfaddil u l-investiment minn età żgħira jistgħu jgħinu biex jinbena b’mod sostenibbli l-ġid u jikkontribwixxu biex jiżdied il-litteriżmu finanzjarju u jrawmu kultura ta’ investiment. L-Istati Membri huma inkoraġġuti jipprevedu qafas li jiffaċilita l-adozzjoni tal-SIAs miż-żgħażagħ, soġġett għal salvagwardji xierqa.

(11)Is-settur finanzjarju tal-UE għandu rwol kruċjali x’jaqdi, bħala l-intermedjarju primarju bejn l-investituri bl-imnut u s-swieq kapitali. Il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji għandhom jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li joffru l-SIAs biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-investituri bl-imnut u joffru lill-investituri bl-imnut l-aħjar opzjonijiet u servizzi ta’ investiment possibbli, bi prezzijiet kompetittivi u ġusti.

(12)L-aħjar prattiki juru li l-SIAs jirnexxu meta jkun hemm kompetizzjoni qawwija fost il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji, li tippermetti lill-investituri bl-imnut jaċċessaw l-aktar offerti vantaġġużi u l-aħjar servizz. Għalhekk, firxa wiesgħa ta’ fornituri ta’ servizzi finanzjarji għandhom jitħallew joffru SIAs lill-investituri bl-imnut, dment li jkollhom awtorizzazzjoni għas-servizzi li beħsiebhom jipprovdu, bħar-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet, l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet u s-salvagwardja u l-amministrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, l-għoti ta’ pariri dwar l-investiment, u l-ġestjoni tal-portafoll. B’mod ġenerali, il-kostijiet u t-tariffi possibbli assoċjati mal-SIAs għandhom ikunu trasparenti kif ukoll faċli biex jinftiehmu u jitqabblu mill-investituri bl-imnut.

(13)Swieq frammentati u mġiba protezzjonista huma detrimentali għall-investituri bl-imnut u għall-iżvilupp tas-swieq kapitali tal-UE. L-iffaċilitar tal-forniment ta’ SIAs min naħa għal oħra tal-fruntiera jista’ jżid il-kompetizzjoni fost il-fornituri u jinkoraġġixxi l-innovazzjoni, filwaqt li joħloq aktar opportunitajiet għall-investituri bl-imnut biex jiksbu l-aħjar opportunitajiet ta’ investiment, kif urew oqfsa li jirnexxu tal-SIA fl-UE. Skont ir-regoli eżistenti, fornituri ta’ servizzi finanzjarji awtorizzati fi Stat Membru wieħed ma jridux jiffaċċjaw ostakli addizzjonali għad-dħul meta jipprovdu servizzi finanzjarji fi Stat Membru ieħor abbażi tal-prinċipji tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fl-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw li, fl-istabbiliment ta’ oqfsa tal-SIA, ma jinħoloq l-ebda ostaklu għall-moviment liberu tal-kapital, jew għall-forniment transfruntier ta’ servizzi finanzjarji jew għal-libertà tal-istabbiliment fl-UE. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jippermettu li l-SIAs jiġu pprovduti minn fornituri ta’ servizzi finanzjarji awtorizzati fi kwalunkwe Stat Membru.

(14)It-tariffi u l-proċessi amministrattivi assoċjati mat-trasferiment tal-assi bejn l-SIAs jew mal-qlib tal-fornituri tal-SIA jistgħu wkoll jimpedixxu l-kompetizzjoni. Għalhekk, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċess ta’ trasferiment ta’ kontijiet u ta’ assi jiġi simplifikat u jġarrab tariffi minimi. Bl-istess mod, trasferiment ta’ portafoll bejn il-fornituri jista’ jitqies minn perspettiva tat-taxxa bħala avveniment taxxabbli (eż. jekk it-trasferiment bejn il-fornituri jiġi rranġat billi fil-fatt l-ewwel jinbiegħ il-portafoll segwit mir-riakkwist ta’ portafoll mal-fornitur il-ġdid) u b’hekk soġġett għat-tassazzjoni. Dan jista’ jimpedixxi l-portabbiltà tal-SIAs bejn il-fornituri. Għalhekk, l-Istati Membri huma rrakkomandati jiżguraw li t-trasferiment ta’ portafoll ta’ investitur bl-imnut bejn il-fornituri, domestikament jew b’mod transfruntier, la joħloq avveniment taxxabbli għat-taxxa fuq l-introjtu u lanqas jikkontesta benefiċċji eżistenti tat-taxxa, inkluż meta jinvolvi bejgħ tal-assi bi trasferiment sussegwenti tar-rikavati lill-fornitur il-ġdid, u li jitkompla t-trattament tat-taxxa tal-assi fil-kont. Dan huwa mingħajr preġudizzju għat-Trattati bilaterali dwar it-taxxa, u għad-drittijiet ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri f’każ ta’ bidla fir-residenza tat-taxxa tal-investitur bl-imnut.

(15)L-Istati Membri huma inkoraġġuti wkoll jaħdmu flimkien biex jevitaw ir-riskju ta’ tassazzjoni doppja relatata mal-pussess ta’ SIA jekk investitur bl-imnut jibdel ir-residenza tat-taxxa fl-UE, u biex jiżguraw li t-trattament tat-taxxa ma jiskoraġġix liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà ta’ moviment.

(16)Id-diversifikazzjoni tal-portafolli tal-investituri hija essenzjali għall-mitigazzjoni tar-riskju, li tista’ tiġi ffaċilitata billi jiġi żgurat aċċess wiesa’ għal diversi opzjonijiet ta’ investiment. Għalhekk, meta jinvestu permezz ta’ SIA, iċ-ċittadini tal-UE għandu jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji, inklużi, bħala minimu, ishma, bonds, u unitajiet jew ishma ta’ impriża ta' investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS, undertakings for collective investment in transferable securities; inklużi fondi negozjati fil-borża), minn firxa wiesgħa ta’ emittenti biex jiġi żgurat l-aċċess għal prodotti finanzjarji mhux kumplessi. Strumenti finanzjarji oħra, bħal unitajiet jew ishma ta’ fond ta’ investiment Ewropew fuq terminu twil (ELTIFs, European long-term investment funds) u fond ta’ investiment alternattiv bl-imnut (AIFs, alternative investment funds; li fihom Stat Membru jippermetti li fondi ta’ investiment alternattiv jiġu kkummerċjalizzati lil investituri bl-imnut), jistgħu jkunu eliġibbli wkoll biex jinżammu f’SIA. Id-disponibbiltà ta’ tali strumenti tista’ tippermetti lill-investituri bl-imnut jiddiversifikaw il-portafolli tagħhom u jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ proġetti importanti tal-infrastruttura kif ukoll kumpaniji mhux elenkati, inklużi start-ups, scale-ups u SMEs. Il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji għandhom jestendu l-offerta ta’ assi ta’ investiment disponibbli lil hinn mill-assi finanzjarji maħruġa fl-Istat Membru li skont il-liġijiet tiegħu tiġi offruta l-SIA. L-investituri bl-imnut għandu jkollhom l-opportunità li jiddiversifikaw l-investimenti tagħhom f’diversi klassijiet ta’ assi u ġeografiji.

(17)Il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji għandhom jipprovdu wkoll lill-investituri bl-imnut opzjonijiet biex jiffukaw l-investimenti tagħhom fuq l-ekonomija tal-UE, jikkontribwixxu għall-prijoritajiet strateġiċi tal-UE, inklużi t-tranżizzjonijiet diġitali, ekoloġiċi u soċjali, u jsaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-UE.

(18)Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-SIAs huwa li jgħinu lill-investituri bl-imnut, inklużi ċ-ċittadini li qabel ma jkunux investew fis-swieq kapitali, jiddiversifikaw il-portafolli tagħhom u jżidu l-ġid tagħhom b’mod prudenti u sostenibbli permezz tas-swieq kapitali. Dan jista’ jsir bl-aħjar mod billi jsir investiment primarjament fi strumenti finanzjarji mhux kumplessi, li ma jesponux lill-investituri bl-imnut għal riskji li huma diffiċli biex jinftiehmu u li ma jikkostitwixxux investimenti fl-ekonomija reali. Għalhekk, l-assi investibbli tal-SIA għandhom jeskludu ċerti assi riskjużi ħafna jew kumplessi, mingħajr assi ta’ referenza, jew li l-assi ta’ referenza tagħhom jitqies huwa stess riskjuż ħafna jew kumpless. Tali assi jinkludu strumenti finanzjarji riskjużi ħafna jew kumplessi bħal xi derivattivi, kif ukoll kriptoassi għajr dawk li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji eliġibbli biex jinżammu f’SIA (jiġifieri verżjoni tokenizzata ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji).

(19)Kif innotat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija ta’ Litteriżmu Finanzjarju għall-UE, imnedija flimkien ma’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-investituri għandhom livelli differenti ta’ litteriżmu finanzjarju u għarfien espert, u objettivi ta’ investiment u profili tar-riskju differenti. Għalhekk, l-investituri bl-imnut għandu jkollhom l-opzjoni li jagħżlu bejn servizzi ta’ investiment li jipprovdu pariri dwar l-investiment u l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet, u servizzi li jikkonsistu biss mill-eżekuzzjoni jew ir-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet tal-klijenti, li fihom id-deċiżjonijiet ta’ investiment isiru indipendentement mill-investituri bl-imnut. Barra minn hekk, ma għandu jkun hemm l-ebda rekwiżit minimu ta’ investiment biex tinfetaħ jew titħaddem SIA biex l-investituri bl-imnut kollha jkunu jistgħu jużawh irrispettivament mil-livell ta’ ġid tagħhom.

(20)L-isforzi tal-Istati Membri u tal-fornituri ta’ servizzi finanzjarji biex jirrazzjonalizzaw il-vjaġġ tal-investituri u jissimplifikaw l-aspetti amministrattivi u proċedurali kollha tal-SIAs huma kruċjali għal qafas li jirnexxi. Għalhekk, l-Istati Membri u l-industrija għandhom jiżguraw li l-SIAs jipprovdu esperjenza sempliċi, affidabbli u faċilment aċċessibbli għall-investituri bl-imnut, inkluż permezz ta’ interfaċċi diġitali faċli għall-utent u servizz tal-klijenti ta’ kwalità għolja. Il-kooperazzjoni tal-industrija fl-istabbiliment ta’ tali interfaċċi diġitali faċli għall-utent tista’ tiffaċilita l-adozzjoni tagħhom mill-investituri u tnaqqas il-kostijiet ġenerali għall-industrija. Filwaqt li s-soluzzjonijiet diġitali huma mod effettiv ħafna biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-SIAs, għandhom ikunu disponibbli wkoll opzjonijiet offline għall-SIAs meta fattibbli biex jiġu żgurati l-inklużività u l-aċċessibbiltà għal kulħadd.

(21)Għal ħafna nies, il-kumplessità tal-konformità mar-regoli tat-taxxa relatata mal-introjtu mill-investiment tista’ tiskoraġġihom milli jinvestu fis-swieq kapitali. Meta jiġu biex isaldu t-taxxi fuq l-assi miżmuma f’SIAs, in-nies għandhom ikunu jistgħu jużaw sistemi tat-taxxa sempliċi, faċli u, kemm jista’ jkun, awtomatizzati. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa għandhom jiddependu fuq il-fornituri tal-SIA għall-ġbir tat-taxxa u/jew l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-investimenti tal-SIA biex jimminimizzaw il-kumplessità relatata mal-konformità mar-regoli tat-taxxa għad-detenturi ta’ tali kontijiet. Biex tiġi promossa l-kompetizzjoni transfruntiera bejn il-fornituri, kull Stat Membru għandu jippermetti lill-fornituri tal-SIA minn Stati Membri oħra jsegwu l-istess proċeduri ta’ konformità mar-regoli tat-taxxa bħall-fornituri awtorizzati domestikament, inkluż meta rilevanti, biex jiġbru u jsaldaw it-taxxi rilevanti relatati mal-SIA f’isem il-klijenti tagħhom.

(22)L-offerta lill-investituri bl-imnut ta’ inċentiv tat-taxxa u li jkollhom proċeduri sempliċi ta’ konformità mar-regoli tat-taxxa għall-investimenti miżmuma f’SIA tista’ ttejjeb l-adozzjoni u ntwera li huma karatteristiċi ewlenin ta’ oqfsa li jirnexxu tal-SIA fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi. L-Istati Membri huma inkoraġġuti jagħtu trattament tat-taxxa vantaġġuż lill-SIAs, li jkun mill-inqas ekwivalenti għall-aktar trattament tat-taxxa favorevoli disponibbli skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru li jingħata lil introjtu minn kwalunkwe klassi ta’ assi jew mogħti lil prodott jew kont ta’ investiment. Jekk l-Istati Membri jixtiequ jintroduċu inċentivi tat-taxxa biex jippromwovu l-adozzjoni tal-SIAs, jistgħu jqisu l-introduzzjoni ta’ tnaqqis tat-taxxa, eżenzjonijiet mit-taxxa, miżuri ta’ differiment ta’ taxxa, rati uniformi tat-taxxa, jew kombinazzjoni ta’ tali miżuri. L-iskemi ta’ tnaqqis tat-taxxa jistgħu jgħinu biex jinċentivaw l-adozzjoni inizjali tal-SIAs. Dawn jistgħu jikkonsistu minn ammont li jkun jista’ jitnaqqas mill-introjtu taxxabbli meta jinfetaħ kont, bħat-tnaqqis mill-introjtu taxxabbli ta’ ammont fl-ewwel sena fiskali tal-ftuħ ta’ SIA waħda jew aktar. Skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa tista’ tikkonsisti minn eżenzjoni mit-tassazzjoni tal-introjtu ġġenerat mill-assi miżmuma f’SIA. Id-differimenti tat-taxxa jagħmluha possibbli li jiġi pospost l-avveniment ta’ tassazzjoni sakemm l-assi jiġu rtirati mill-SIA.

(23)L-Istati Membri huma inkoraġġuti bil-qawwa jfasslu tali inċentivi tat-taxxa bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-objettivi tal-SIAs li jiffaċilita l-investiment bl-imnut, kif ukoll tal-prinċipji ewlenin li fuqhom huwa bbażat l-użu għaqli u kosteffettiv ta’ inċentivi tat-taxxa f’sistema tat-taxxa soda u effiċjenti. Filwaqt li l-inċentivi tat-taxxa jistgħu jinkoraġġixxu l-adozzjoni tal-SIAs u jistgħu jqisu wkoll ir-rabta mal-prijoritajiet strateġiċi tal-UE, mingħajr ma jirrestrinġu l-kapaċità li tinżamm firxa wiesgħa u diversifikata ta’ strumenti finanzjarji eliġibbli fl-SIA, huwa importanti li tiġi żgurata l-ġustizzja fit-taxxa u ma jiġix iffaċilitat l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa. Kwalunkwe inċentiv tat-taxxa introdott biex jistimula l-adozzjoni tal-SIAs għandu jsegwi l-prinċipju li l-inċentivi tat-taxxa għandhom ikunu mmirati tajjeb u sempliċi biex jifhmuhom u japplikawhom l-investituri bl-imnut, il-fornituri tal-SIA u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Filwaqt li jitqies l-objettiv li jiġi ppreservat suq intern miftuħ u inklużiv, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li tali inċentivi jkunu allinjati bis-sħiħ mal-moviment liberu tal-kapital u ma’ rekwiżiti oħra li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE. B’mod partikolari, tali miżuri ma għandhomx jiddiskriminaw bejn negozji stabbiliti fis-suq uniku u għandhom jitfasslu b’mod li ma jfixklux id-distribuzzjoni transfruntiera u l-espansjoni tal-prodotti ta’ investiment fl-UE.

(24)L-Istati Membri jistgħu jappoġġaw l-adozzjoni tal-SIAs b’miżuri mhux tat-taxxa, inklużi inċentivi monetarji bħal ħlasijiet ta’ ammont f’daqqa direttament fihom, meta dawn jinfetħu jew bħala komplement għall-fondi investiti mid-detentur tal-kont.

(25)Livelli ogħla ta’ investiment bl-imnut x’aktarx iwasslu għal żieda fl-attività ekonomika, redditi ogħla u bażi akbar tat-taxxa fuq ir-redditi fuq l-investiment, li fit-tul jistgħu jtaffu l-kost tat-taxxa jew inċentivi monetarji oħra. L-eżistenza ta’ SIAs biex jiġi formalizzat l-investiment iżżid ukoll it-traċċabbiltà tal-avvenimenti taxxabbli relatati mal-investimenti, tappoġġa konformità ogħla u timmitiga kwalunkwe distakk fiskali eżistenti relatat mal-introjtu mill-investiment tal-investituri bl-imnut.

(26)Kwalunkwe miżura implimentata mill-Istati Membri skont din ir-rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(27)L-iżvilupp tal-SIAs huwa r-responsabbiltà tal-Istati Membri, għalhekk huwa importanti li jkun hemm stabbiliti sistemi ta’ monitoraġġ adegwati biex isegwu l-iżvilupp tagħhom. Dan il-monitoraġġ, li għandu jseħħ bħala parti mill-proċess ta’ monitoraġġ rilevanti relatat mal-SIU u s-Semestru Ewropew, għandu jinkludi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u jsegwi kif l-Istati Membri u l-industrija jkunu żviluppaw u implimentaw oqfsa tal-SIA.

(28)L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jikkonformaw ma’ din ir-rakkomandazzjoni u bl-adozzjoni attwali tal-SIAs. Huwa importanti li tiġi evalwata l-effettività tal-inċentivi tat-taxxa f’intervalli regolari u jekk dawn l-inċentivi għandhomx ukoll impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-UE. Dawn il-miżuri se jippermettu wkoll lill-Kummissjoni ssegwi l-oqfsa tal-SIA tal-Istati Membri f’intervalli regolari, meta timmonitorja mill-qrib il-progress li jkun sar taħt l-SIU għar-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-SIU.

(29)Is-sensibilizzazzjoni dwar l-SIAs, inklużi l-funzjonalità u l-aċċessibbiltà tagħhom, hija kruċjali biex tiġi inkoraġġuta l-adozzjoni tagħhom. Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, immexxija mill-Istati Membri u mill-industrija, li jistgħu jiġu integrati f’kampanji usa’ ta’ litteriżmu finanzjarju u tal-investiment, għandhom jakkumpanjaw il-varar tal-SIAs. Dawn il-kampanji għandhom jiffukaw ukoll fuq l-inkoraġġiment tat-tfaddil u tal-investiment minn età żgħira billi jippreżentaw l-opportunitajiet fit-tul filwaqt li jkunu ċari wkoll dwar ir-riskji.

(30)Din ir-rakkomandazzjoni tirrikonoxxi l-inizjattivi eżistenti fil-livell tal-Istati Membri biex tinħoloq tikketta għal prodott tat-tfaddil Ewropew biex tappoġġa l-finanzjament tal-ekonomija Ewropea. Barra minn hekk, ma għandhiex l-intenzjoni li tinterferixxi jew tfixkel l-SIAs eżistenti li jaħdmu tajjeb, li żiedu l-parteċipazzjoni tal-investituri bl-imnut fis-swieq kapitali u li ffaċilitaw il-ħolqien tal-ġid tagħhom.

(31)Din ir-rakkomandazzjoni hija adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 292 TFUE. Ir-rilevanza u l-effett tar-rakkomandazzjoni fir-rigward taż-ŻEE jridu jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-Ftehim ŻEE.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Artikolu 1 
Suġġett

Din ir-rakkomandazzjoni tikkonċerna l-istabbiliment ta’ oqfsa tal-SIA mill-Istati Membri biex jippromwovu parteċipazzjoni akbar tal-investituri bl-imnut fis-swieq kapitali, u l-karatteristiċi ta’ dawn il-kontijiet.

Artikolu 2 
Ħolqien ta’ SIAs

(1)L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu oqfsa tal-SIA.

(2)Fl-iżvilupp tal-oqfsa tagħhom tal-SIA, l-Istati Membri huma inkoraġġuti jagħtuhom il-karatteristiċi deskritti f’din ir-rakkomandazzjoni.

(3)Jekk ma jkunux diġà allinjati ma’ din ir-rakkomandazzjoni, l-Istati Membri huma inkoraġġuti jirrieżaminaw l-oqfsa eżistenti tagħhom tal-SIA, filwaqt li jżommu f’moħħhom il-karatteristiċi deskritti f’din ir-rakkomandazzjoni.

(4)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jiġi impost l-ebda ammont minimu għall-ftuħ ta’ SIA jew għal pagamenti regolari fiha.

(5)L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-investituri jiftħu SIAs multipli inkluż ma’ fornituri differenti. 

Artikolu 3 
Forniment ta’ SIAs

(1)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri kollha ta’ servizzi finanzjarji awtorizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-UE biex joffru s-servizzi rilevanti li biħsiebhom jipprovdu fir-rigward ta’ SIA, bħar-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet, l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet f’isem il-klijenti u s-salvagwardja u l-amministrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, il-ġestjoni tal-portafoll u l-pariri dwar l-investiment, jitħallew joffru SIA lil individwi residenti fit-territorju tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu awtorizzati tali fornituri ta’ servizzi finanzjarji.

(2)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi finanzjarji awtorizzati u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor u awtorizzati minn tali awtoritajiet biex jipprovdu jew iwettqu s-servizzi finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1, fit-territorji tagħhom, ma jkunu meħtieġa jikkonforma mal-ebda rekwiżit addizzjonali meta joffru dawk is-servizzi flimkien mal-forniment ta’ SIA u jkunu jistgħu joffru l-SIA bl-istess kundizzjonijiet bħall-fornituri stabbiliti fit-territorji tagħhom.

(3)Sakemm ma jkunx meħtieġ speċifikament skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, id-detenturi ta’ SIAs ma għandhomx ikunu meħtieġa jirċievu pariri finanzjarji meta jinvestu permezz ta’ SIA.

(4)L-Istati Membri għandhom jippermettu t-trasferiment ta’ strumenti finanzjarji individwali jew il-portafoll kollu kemm hu minn fornitur tal-SIA għal ieħor, sakemm il-fornitur riċeventi tal-SIA jkun jista’ jipprovdi salvagwardja u amministrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li jkunu qed jiġu ttrasferiti u jsegwi r-regoli dwar l-iffaċilitar tal-konformità mar-regoli tat-taxxa kif imsemmi fl-Artikolu 7. 

Artikolu 4 
Kostijiet assoċjati mal-SIAs

(1)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kostijiet tal-ftuħ u tat-tħaddim ta’ SIA u t-tariffi għalihom jkunu ġusti, proporzjonati, trasparenti u faċli biex jinftiehmu.

(2)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kostijiet tat-trasferiment tal-assi għal SIA differenti kif iddikjarat fl-Artikolu 3(4), kemm jekk offrut mill-istess fornitur kif ukoll minn fornitur differenti, ikunu limitati għall-kostijiet amministrattivi. Tali kostijiet għandhom jiġu imposti f’livell proporzjonat u ddikjarati b’mod ċar fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-SIA.

(3)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasferiment tal-portafoll ta’ investitur bl-imnut minn fornitur tal-SIA għal fornitur ieħor tal-SIA, domestikament jew b’mod transfruntier, la joħloq avveniment taxxabbli għat-taxxa fuq l-introjtu u lanqas jikkontesta l-benefiċċji eżistenti tat-taxxa. Dan huwa mingħajr preġudizzju għat-Trattati bilaterali dwar it-taxxa, u għad-drittijiet ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri f’każ ta’ bidla fir-residenza tat-taxxa tal-investitur bl-imnut.

Artikolu 5 
Kamp ta’ applikazzjoni tal-assi fl-SIAs

(1)Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit skont id-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji II), b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-idoneità u l-valutazzjoni tal-idoneità li għandha titwettaq mid-ditti tal-investiment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SIAs jipprovdu aċċess, bħala minimu, għall-istrumenti finanzjarji li ġejjin: ishma, bonds u ishma jew unitajiet f’UCITS. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-ambitu tal-SIAs għal strumenti finanzjarji oħra dment li dawn ikunu adegwati għall-investituri bl-imnut.

(2)L-Istati Membri għandhom jeskludu mill-ambitu tal-SIAs strumenti finanzjarji riskjużi ħafna u kumplessi, bħal derivattivi riskjużi ħafna u kumplessi, u kriptoassi għajr dawk li jikkwalifikaw bħala strument finanzjarju eliġibbli biex jinżammu f’SIA.

(3)Fost l-investimenti eliġibbli, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-fornituri joffru l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ opzjonijiet ta’ investiment disponibbli fis-suq, sabiex l-investituri bl-imnut ikunu jistgħu jiddiversifikaw il-portafolli tagħhom fil-klassijiet tal-assi, il-ġeografiji, l-emittenti, il-maniġers tal-assi, il-manifatturi tal-istrumenti finanzjarji, u l-profili tar-riskju kollha. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu bil-qawwa lill-fornituri jinkludu opzjonijiet ta’ investiment li jippermettu lill-investituri bl-imnut jidderieġu l-investimenti tagħhom fl-ekonomija tal-UE jew jikkontribwixxu għal prijoritajiet strateġiċi tal-UE, inklużi t-tranżizzjonijiet diġitali, ekoloġiċi u soċjali, u jsaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-UE.

Artikolu 6 
Sempliċità u trasparenza tal-SIAs

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SIAs jipprovdu esperjenza sempliċi, affidabbli, sigura, u faċilment aċċessibbli għall-investituri bl-imnut – online kif ukoll offline. Il-prinċipji tas-sempliċità, tal-affidabbiltà, tas-sigurtà u tal-aċċessibbiltà għandhom jiġu applikati b’mod konsistenti fl-interfaċċi kollha tal-utent.

Artikolu 7 
Konformità tat-taxxa ffaċilitata

(1)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni komprensiva dwar it-trattament tat-taxxa tal-assi miżmuma fl-SIAs tkun disponibbli b’mod li jkun faċilment aċċessibbli u komprensibbli għall-investituri bl-imnut u għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji li beħsiebhom joffru l-SIAs.

(2)L-Istati Membri għandhom jiżguraw proċeduri sempliċi u faċli ta’ konformità mar-regoli tat-taxxa għad-detenturi tal-kontijiet tal-SIA rigward l-introjtu taxxabbli relatat mal-assi miżmuma f’SIA waħda jew aktar billi jistabbilixxu qafas li jippermetti lill-fornituri tal-SIA joffru servizzi li jinkludu:

(a)il-ġbir tat-taxxa f’isem id-detentur tal-kont tal-SIA; u/jew

(b)il-kondiviżjoni tad-data rilevanti kollha mal-awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru tar-residenza tat-taxxa tad-detentur tal-kont tal-SIA sabiex tkun tista’ tintuża biex timtela minn qabel id-dikjarazzjoni tat-taxxa tad-detentur tal-kont inkwistjoni.

(3)L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-fornituri tal-SIA awtorizzati u taħt superviżjoni fi kwalunkwe Stat Membru ieħor jipprovdu s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 lil kwalunkwe investitur bl-imnut fir-rigward tal-qafas tal-SIA fil-ġurisdizzjoni tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħall-fornituri stabbiliti fit-territorji tagħhom.

Artikolu 8 
Trattament tat-taxxa ta’ benefiċċju

(1)Biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni tal-SIAs, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jintroduċu inċentivi tat-taxxa u jiżguraw li l-SIAs u l-assi miżmuma fl-SIAs jingħataw mill-inqas l-aktar trattament favorevoli tat-taxxa disponibbli li jingħata lill-introjtu minn kwalunkwe klassi tal-assi jew mogħti lil prodott jew kont tal-investiment.

(2)Mingħajr preġudizzju għal dan ta’ hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jinċentivaw l-SIAs permezz ta’ miżuri bħal, iżda mhux limitati għal:

(a)it-tnaqqis mill-bażi taxxabbli, inkluż li ammont investit f’SIA jkun jista’ jitnaqqas mill-introjtu taxxabbli;

(b)l-eżenzjonijiet mit-taxxa, inkluż l-għoti ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu taxxabbli ġġenerat mill-assi f’SIA;

(c)id-differimenti tat-taxxa, inkluż differiment tat-tassazzjoni tal-introjtu ġġenerat permezz ta’ SIA sakemm jiġi rtirat mill-SIA; jew

(d)l-applikazzjoni ta’ rata uniformi tat-taxxa għall-introjtu ġġenerat mill-valur tal-assi miżmuma f’SIA jew il-valur tiegħu.

Artikolu 9 
Implimentazzjoni u Rapportar

(1)L-Istati Membri huma inkoraġġuti jevalwaw b’mod regolari l-effettività tal-miżuri meħuda biex jimplimentaw din ir-rakkomandazzjoni fiż-żieda tal-ħolqien tal-ġid u fl-appoġġ tal-finanzjament tal-ekonomija Ewropea. Huma mistiedna jimmonitorjaw l-adozzjoni, l-assi investiti, u l-impatt baġitarju relatat ma’ kwalunkwe inċentiv tat-taxxa sabiex ikejlu l-effettività tal-appoġġ.

(2)Biex jiġi aċċellerat il-ħolqien ta’ suq uniku għall-SIAs, jiġu promossi l-aħjar prattiki u jinġiebu aktar konformi ma’ xulxin, l-Istati Membri huma inkoraġġuti jiskambjaw l-aħjar prattiki rigward it-tfassil tal-SIAs, inkluża t-tassazzjoni tal-introjtu fuq it-tfaddil u l-investimenti, biex kemm jista’ jkun jallinjaw il-kriterji nazzjonali tagħhom għall-għoti ta’ inċentivi tat-taxxa u jiffaċilitaw il-portabbiltà ta’ tali kontijiet jew prodotti madwar l-Istati Membri, inkluż billi jintroduċu miżuri biex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja.

(3)L-Istati Membri għandhom jirrapportaw b’mod regolari l-miżuri meħuda biex jimplimentaw din ir-rakkomandazzjoni permezz tal-proċessi ta’ monitoraġġ relatati mal-SIU, u fil-kuntest tar-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-istrateġija tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, li se tiġi ppubblikata fl-2027.

(4)Il-Kummissjoni se timmonitorja wkoll l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

Artikolu 10 
Sensibilizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom iwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-benefiċċji u r-riskji tal-investiment u tal-użu tal-SIAs. Dawn il-kampanji jistgħu jkunu marbuta mal-inizjattivi usa’ tal-litteriżmu finanzjarju jew jiffurmaw parti minnhom.

Artikolu 11 
Destinatarji

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 30.9.2025

   Għall-Kummissjoni

   Maria Luís Albuquerque

   Membru tal-Kummissjoni

Top