Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2006:161:FULL

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 161, 14 ta' Ġunju 2006


    Display all documents published in this Official Journal
     

    ISSN 1725-5104

    Il-Ġurnal Uffiċjali

    ta’ l-Unjoni Ewropea

    Ħarġa Speċjali ( 1 )

    European flag  

    Edizzjoni bil-Malti

    Leġiżlazzjoni

    Volum 49
    14 ta' Ġunju 2006


    Werrej

     

    I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

    Paġna

     

    *

    Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra flworinati  ( 3 )

    1

     

    *

    Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE  ( 3 )

    12

     


     

    (1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 161.

     

    (3)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    MT

    L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

    It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


    I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

    14.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    1


    REGOLAMENT (KE) Nru 842/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-17 ta' Mejju 2006

    dwar ċerti gassijiet serra flworinati

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 175(1) u l-Artikolu 95 tiegħu b-konnessjoni ma' l-Artikoli 7, 8 u 9 ta' dan ir-Regolament,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Fil-waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ta l-14 ta' Marzu 2006.

    Billi:

    (1)

    Is-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali (3) jidentifika l-bidla fil-klima bħala prijorità għall-azzjoni. Dak il-Programm jirrikonoxxi li l-Komunità impenjat ruħha li tikseb tnaqqis ta' 8 % f'emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati fil-perjodu bejn l-2008 u l-2012 meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990, u li, fuq perjodu iżjed fit-tul, sejjer jinħtieġ li jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra flworinati b'madwar 70 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990.

    (2)

    L-għan aħħari tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, li kienet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE tal-15 ta' Diċembru 1993 dwar il-konklużjonijiet tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (4), huwa li l-konċentrazzjonijiet ta' gass serra fl-atmosfera jiġu stabbilizzati għal livell li jimpedixxi interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u t-twettiq konġunt ta' l-obbligi tiegħu (5) tikkommetti lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi totali tagħhom ta' gassijiet serra elenkati fl-Anness A mal-Protokoll ta' Kyoto bi 8 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990 fil-perjodu mill-2008 sa l-2012.

    (4)

    Ħafna gassijiet serra flworinati kkontrollati skond il-Protokoll ta' Kyoto u dan ir-Regolament għandhom potenzjal ta' tisħin globali.

    (5)

    Għandu jsir provvediment għall-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (6), għad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (7), għad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (8) u għad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (9).

    (6)

    L-għan primarju ta' dan ir-Regolament huwa li jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet tal-gassijiet serra flworinati koperti mill-Protokoll ta' Kyoto u b'hekk jiġi protett l-ambjent. Il-bażi legali għandha tkun l-Artikolu 175(1) tat-Trattat.

    (7)

    Madankollu, huwa kunsiljabbli li jittieħdu miżuri fuq il-livell Komunitarju abbażi ta' l-Artikolu 95 tat-Trattat sabiex jiġu armonizzati r-rekwiżiti dwar l-użu ta' gassijiet serra flworinati u t-tqegħid fis-suq u t-tikkettar ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu gassijiet serra flworinati. Ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u fuq l-użu fir-rigward ta' ċerti applikazzjonijiet ta' gassijiet serra flworinati huma kunsidrati kunsiljabbli meta jkunu disponibbli alternattivi vijabbli u meta ma jkunx possibbli t-titjib fit-trażżin u fl-irkupru. Għandu jittieħed kont ukoll ta' l-inizjattivi volontarji minn xi setturi industrijali, kif ukoll tal-fatt li l-iżvilupp ta' alternattivi għadu sejjer.

    (8)

    L-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament għandhom jistimolaw l-innovazzjoni teknoloġika billi jkunu mħeġġa l-iżviluppi kontinwi ta' teknoloġiji alternattivi u t-tranżizzjoni għal teknoloġiji eżistenti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

    (9)

    L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-vjaġġi transkonfinali ta' gassijiet serra flworinati inkuprati sabiex jinqerdu jew jinġabru fil-Komunità skond ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar vjeġġi ta' skart.

    (10)

    It-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu gassijiet serra flworinati kif elenkati fl-Anness II huwa dannuż għall-għanijiet u l-impenji tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-bidla fil-klima u jeħtieġ għalhekk li jiġi ristrett it-tqegħid fis-suq ta' dawn il-prodotti u tagħmir fir-rigward tal-Komunità. Dan jista' jkun ukoll il-każ fir-rigward ta' applikazzjonijiet oħra li jikkontjenu gassijiet serra flworinati u għalhekk għandha tiġi riveduta l-ħtieġa għal estensjoni ta' l-Anness II, b'kont meħud tal-benefiċċji ambjentali, tal-fattibbiltà teknika u ta' l-effiċjenza meta mqabbla man-nefqa.

    (11)

    Anness II tad-Deċiżjoni 2002/358/KE jistipula l-miri differenti għall-Istati Membri individwali u l-Istati Membri adottaw strateġiji differenti sabiex jilħqu dawn il-miri. Skond l-Artikolu 95 tat-Trattat l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu miżuri nazzjonali eżistenti adottati sabiex jintlaħqu dawk il-miri għal perijodu limitat ta' żmien.

    (12)

    Bil-għan li jikkontribwixxu fit-twettiq ta' l-impenji tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha skond il-Konvenzjoni Kwadru tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima, il-Protokoll ta' Kyoto u d-Deċiżjoni 2002/358/KE, id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (11) u dan ir-Regolament, li t-tnejn li huma jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati, għandhom jiġu adottati u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea simultanjament.

    (13)

    Għandu jsir provvediment għall-monitoraġġ, għall-valutazzjoni u għar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament.

    (14)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawk ir-regoli jiġu implimentati. Dawk il-pieni jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    (15)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (16)

    Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-trażżin u r-rappurtaġġ ta' ċerti gassijiet serra flworinati u l-kontroll ta' l-użu u tat-tqegħid fis-suq ta' prodotti u ta' tagħmir li jikkontjenu ċerti gassijiet serra flworinati sabiex jiġi protett l-ambjent u jiġi salvagwardat is-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjentement mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, minħabba d-daqs ta' l-ambitu u l-effetti ta' dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (17)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (12),

    ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jitrażżnu, jitwaqqfu u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra flworinati koperti mill-Protokoll ta' Kyoto. Huwa għandu japplika għall-gassijiet serra flworinati elenkati fl-Anness A ma' dak il-Protokoll. L-Anness I ma' dan ir-Regolament jikkontjeni lista tal-gassijiet serra flworinati attwalment koperti minn dan ir-Regolament, flimkien mal-potenzjali ta' tisħin globali tagħhom. L-Anness I jista' jiġi rivedut, u jekk ikun il-każ jista' mbagħad jiġi aġġornat, fid-dawl ta' reviżjonijiet previsti fl-Artikolu 5(3) tal-Protokoll ta' Kyoto u aċċettati mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha.

    Dan ir-Regolament jindirizza t-trażżin, l-użu, l-irkupru u d-distruzzjoni tal-gassijiet serra flworinati elenkati fl-Anness I; it-tikkettar u r-rimi ta' prodotti u ta' tagħmir li jikkontjenu dawk il-gassijiet; ir-rappurtaġġ ta' informazzjoni dwar dawk il-gassijiet; il-kontroll ta' l-użi msemmija fl-Artikolu 8 u l-projbizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti u t-tagħmir imsemmija fl-Artikolu 9 u fl-Anness II; u t-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-persunal u kumpaniji involuti fl-attivitajiet previsti f'dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 75/442/KEE, 96/61/KE, 2000/53/KE u 2002/96/KE.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “gassijiet serra flworinati” tfisser idroflworokarbonji (hfcs), perflworokarbonji (pfcs) u eżaflworidu tal-kubrit (sf6) kif imniżżla fl-anness i u preparazzjonijiet li jikkontjenu dawk is-sustanzi, iżda teskludi sustanzi kontrollati taħt ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' ġunju 2000 dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu (13);

    (2)

    “idroflworokarbonju” tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju, idroġenu u flworin, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula;

    (3)

    “perflworokarbonju” tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju u flworin biss, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula;

    (4)

    “potenzjal ta' tisħin globali” (ĠWP) tfisser il-potenzjal ta' tisħin klimatiku ta' gass serra flworinat relattivament għal dak tad-diossidu karboniku. Il-potenzjal ta' tisħin klimatiku (GWP) huwa kalkulat f'termini tal-potenzjal ta' tisħin, f'mitt (100) sena, ta' kilogramma ta' gass relattivament għal kilogramma ta' CO2. Il-figuri tal-GWP elenkati fl-Anness I huma dawk pubblikati fit-tielet rapport ta' valutazzjoni (TAR) adottat mill-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (il-“valuri IPCC GWP ta' l-2001”) (14);

    (5)

    “preparazzjoni” tfisser għall-finijiet ta' l-obbligi ta' dan ir-Regolament, eskluża d-distruzzjoni, taħlita komposta minn żewġ sustanzi jew iktar li minnhom almenu waħda hija gass serra flworinat, ħlief fejn il-potenzjal totali ta' tisħin globali tal-preparazzjoni huwa inqas minn 150. Il-potenzjal totali ta' tisħin globali (15) tal-preparazzjoni għandu jiġi determinat skond il-Parti 2 ta' l-Anness I;

    (6)

    “operatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita l-poter effettiv fuq il-funzjonament tekniku tat-tagħmir u tas-sistemi koperti b'dan ir-Regolament; Stat Membru jista', f'sitwazzjonijiet definiti u speċifiċi, jagħżel is-sid bħala dak responsabbli għall-obbligazzjonijiet ta' l-operatur;

    (7)

    “tqegħid fis-suq” tfisser il-provvista jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' terzi fil-Komunità għall-ewwel darba, bi ħlas jew bla ħlas, ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu gassijiet serra flworinati jew li l-funzjonament tagħhom jiddipendi fuq gassijiet serra flworinati, u tinkludi l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità;

    (8)

    “użu” tfisser l-użu ta' gassijiet serra flworinati fil-produzzjoni, riforniment, tiswija jew manutenzjoni ta' prodotti u tagħmir koperti b'dan ir-Regolament;

    (9)

    “pompa tas-sħana” tfisser apparat jew installazzjoni għall-estrazzjoni tas-sħana b'temperatura baxxa mill-arja, mill-ilma jew mill-art u għall-fornitura tas-sħana;

    (10)

    “sistema ta' skoperta ta' telf” tfisser apparat mekkaniku, elettriku jew elettroniku kalibrat għall-iskoperta ta' telf ta' gassijiet serra flworinati li, f'każ ta' skoperta, javverti l-operatur;

    (11)

    “sistema ermetikament siġillata” tfisser sistema li l-partijiet tagħha kontenenti refriġerant jiġu ssikkati b'welding, bi brazing jew b'konnessjoni permanenti simili li tista' tinkludi valvesservice parts ikkappjati li jippermettu t-tiswija jew rimi xieraq u li għandhom rata ta' telf ittestjat ta' inqas minn 3 grammi fis-sena taħt pressjoni ta' mill-inqas kwart tal-pressjoni massima permessa;

    (12)

    “kontenitur” tfisser prodott destinat prinċipalment għat-trasport jew għall-ħażna ta' gassijiet serra flworinati;

    (13)

    “kontenitur li ma jistax jerġa jimtela” tfisser kontenitur li huwa mfassal sabiex ma jerġax jiġi mimli u li huwa wżat fir-riparazzjoni, manutenzjoni jew riforniment ta' tagħmir ta' refriġerazzjoni, ta' kondizzjonament ta' l-arja jew ta' pompi tas-sħana, ta' sistemi ta' protezzjoni min-nar jew switchgear ta' vultaġġ għoli, jew maħsub għall-ħażna jew għat-trasport ta' solventi b'bażi ta' gass serra flworinat;

    (14)

    “rkupru” tfisser il-ġbir u l-ħażna ta' gassijiet serra flworinati minn, per eżempju, makkinarju, tagħmir u kontenituri;

    (15)

    “riċiklaġġ” tfisser l-użu mill-ġdid ta' gass serra flworinat irkuprat wara proċess ta' tindif bażiku;

    (16)

    “reklamazzjoni” tfisser il-proċessar mill-ġdid ta' gass serra flworinat irkuprat sabiex jintlaħaq standard speċifiku ta' rendiment;

    (17)

    “distruzzjoni” tfisser il-proċess li permezz tiegħu il-gass serra flworinat, kollu jew il-parti l-kbira tiegħu, jiġi permanentement trasformat jew dekompost f'sustanza stabbli waħda jew iktar li mhumiex gassijiet serra flworinati;

    (18)

    “applikazzjoni jew tagħmir stazzjonarju” tfisser applikazzjoni jew tagħmir li normalment ma jkunx fi tranżitu waqt it-tħaddim tiegħu;

    (19)

    novelty aerosol” tfisser dawk il-ġeneraturi aerosol kummerċjalizzati u maħsuba għall-bejgħ lill-pubbliku in ġenerali għall-finijiet ta' divertiment u dekorazzjoni kif imniżżla fl-Anness mad-Direttiva 94/48/KE (16).

    Artikolu 3

    Trażżin

    1.   L-operaturi ta' l-applikazzjonijiet stazzjonarji li ġejjin: tagħmir ta' refriġerazzjoni, ta' kondizzjonament ta' l-arja u ta' pompi tas-sħana, inklużi ċirkwiti, kif ukoll sistemi ta' protezzjoni min-nar, li jikkontjenu gassijiet serra flworinati elenkati fl-Anness I, għandhom, bl-użu tal-miżuri kollha li huma teknikament possibbli u li ma jinvolvux spiża sproporzjonata:

    (a)

    jipprevjenu t-telf ta' dawn il-gassijiet; u

    (b)

    malajr kemm jista' jkun isewwu kwalunkwe telf skopert.

    2.   L-operaturi ta' l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li dawn jiġu kontrollati kontra t-telf ta' gass minn persunal ċertifikat li jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5, skond l-iskeda li ġejja:

    (a)

    l-applikazzjonijiet li jikkontjenu 3 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati għandhom jiġu kontrollati kontra t-telf almenu darba kull tnax-il xahar; dan ma għandux japplika għal tagħmir b'sistemi ermetikament siġillati, li huma tikkettati bħala tali u li jikkontjenu inqas minn 6 kg ta' gassijiet serra flworinati;

    (b)

    l-applikazzjonijiet li jikkontjenu 30 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati għandhom jiġu kontrollati kontra t-telf almenu darba kull sitt xhur;

    (ċ)

    l-applikazzjonijiet li jikkontjenu 300 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati għandhom jiġu kontrollati kontra t-telf almenu darba kull tliet xhur.

    L-applikazzjonijiet għandhom jiġu kontrollati għal telf ta' gass fi żmien xahar wara t-tiswija ta' xi telf sabiex jiġi żgurat li t-tiswija kienet effettiva.

    Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, “kontrolli għal telf” tfisser li t-tagħmir jew is-sistema jiġu eżaminati għal telf bl-użu ta' metodi ta' KEjl diretti jew indiretti, b'konċentrazzjoni fuq dawk il-partijiet tat-tagħmir jew tas-sistema li minnhom it-telf ta' gass ikun l-aktar possibbli. il-metodi ta' KEjl diretti u indiretti għal kontrolli għal telf għandhom ikunu spjegati fir-rekwiżiti ta' kontrolli standard imsemmija fil-paragrafu 7.

    3.   L-operaturi ta' l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, li jikkontjenu 300 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati, għandhom jinstallaw sistemi ta' skoperta ta' telf ta' gass. Dawn is-sistemi ta' skoperta ta' telf għandhom jiġu spezzjonati almenu darba kull tnax-il xahar sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tagħhom. Fil-każ ta' tali sistemi ta' protezzjoni min-nar installati qabel l-4 ta' Lulju 2007, is-sistemi ta' skoperta ta' telf għandhom jitpoġġew sa l-4 ta' Lulju.

    4.   Fejn tkun installata sistema adatta ta' skoperta ta' telf li tkun qiegħda taħdem korrettament, il-frekwenza ta' kontrolli meħtieġa taħt il-paragrafu 2 (b) u (ċ) għandha titnaqqas għal nofs dik stabbilita.

    5.   Fil-każ ta' sistemi ta' protezzjoni min-nar, fejn huwa diġà applikat reġim ta' spezzjonijiet konformi ma' l-istandard ISO 14520, dawn l-ispezzjonijiet jistgħu wkoll jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament sakemm dawn ikunu ta' l-inqas daqstant frekwenti.

    6.   L-operaturi ta' l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, li jikkontjenu 3 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati, għandhom iżommu reġistru tal-kwantitajiet u tat-tipi ta' gassijiet serra flworinati installati, ta' kwalunkwe kwantitajiet miżjuda u tal-kwantità rkuprata matul ir-riparazzjoni, il-manutenzjoni u r-rimi finali. Għandhom iżommu wkoll reġistru ta' informazzjoni oħra rilevanti inklużi l-identifikazzjoni tal-kumpannija jew tat-tekniku li wettqu r-riparazzjoni jew il-manutenzjoni, kif ukoll id-dati u r-riżultati ta' kontrolli imwettqa skond il-paragrafi 2, 3 u 4 u informazzjoni rilevanti li tidentifika speċifikament it-tagħmir stazzjonarju separat ta' l-applikazzjonijiet, imsemmi fil-paragrafu 2 (b) u (ċ). Meta mitluba, dawn ir-reġistri għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità kompetenti u tal-Kummissjoni.

    7.   Ir-rekwiżiti standard għal kontrolli ta' telf għal kull waħda mill-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni sa l-4 ta' Lulju 2007 skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

    Artikolu 4

    Rkupru

    1.   L-operaturi tas-segwenti tipi ta' tagħmir stazzjonarju għandhom ikunu responsabbli sabiex jistabbilixxu arranġamenti għall-irkupru korrett minn persunal ċertifikat, li jikkonforma mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5, ta' gassijiet serra flworinati sabiex jiżguraw ir-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni jew id-distruzzjoni tagħhom:

    (a)

    iċ-ċirkwiti ta' tkessiħ ta' tagħmir ta' refriġerazzjoni, ta' kondizzjonament ta' l-arja u ta' pompi tas-sħana;

    (b)

    tagħmir li jikkontjeni solventi b'bażi ta' gass serra flworinat;

    (ċ)

    sistemi ta' protezzjoni min-nar u tagħmir tat-tifi tan-nar; u

    (d)

    switchgear ta' vultaġġ għoli.

    2.   Meta kontenitur, kemm jekk jista' jerġa' jimtela kif ukoll jekk le, tal-gass serra flworinat jasal fl-aħħar tal-ħajja tiegħu, il-persuna li tuża l-kontenitur għall-finijiet ta' trasport jew ta' ħażna għandha tkun responsabbli sabiex tistabbilixxi arranġamenti għall-irkupru korrett ta' kwalunkwe gassijiet residwi kontenenti fih sabiex jiġi żgurat ir-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni jew id-distruzzjoni tagħhom.

    3.   Il-gassijiet serra flworinati kontenenti fi prodotti u tagħmir oħra, inkluż tagħmir mobbli sakemm ma jkunx qed iservi f'operazzjonijiet militari, għandhom, sa fejn ikun teknikament possibbli u ma jinvolvix spiża sproporzjonata, jiġu rkuprati minn persunal adegwatament kwalifikat, sabiex jiġi żgurat ir-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni jew id-distruzzjoni tagħhom.

    4.   L-irkupru, għall-finijiet ta' riċiklaġġ, reklamazzjoni jew distruzzjoni tal-gassijiet serra flworinati, skond il-paragrafi 1 sa 3, għandu jsir qabel ir-rimi finali ta' dak it-tagħmir u, fejn ikun il-każ, matul ir-riparazzjoni u l-manutenzjoni tiegħu.

    Artikolu 5

    Taħriġ u ċertifikazzjoni

    1.   Sa l-4 ta' Lulju 2007, abbażi ta' informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri u b'konsultazzjoni mas-setturi rilevanti, ir-rekwiżiti minimi u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku għandha tkun stabbilita, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2) għal programmi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni kemm għall-kumpanniji u kemm għal personal relevanti involut fl-installazzjoni, il-manteniment jew 'servicing' ta' tagħmir u sistemi koperti mill-Artikolu 3(1) kif ukoll għall-persunal involut fl-attivitajiet previsti fl-Artikoli 3 u 4.

    2.   Sa l-4 ta' Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jadattaw ir-rekwiżiti tagħhom stess ta' taħriġ u ċertifikazzjoni, abbażi tar-rekwiżiti minimi msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-programmi tagħhom ta' taħriġ u ċertifikazzjoni. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati maħruġa fi Stat Membru ieħor u ma għandhomx jirrestrinġu l-provvediment liberu ta' servizzi jew il-libertà ta' l-istabbiliment għal raġunijiet relatati maċ-ċertifikazzjoni maħruġa fi Stat Membru ieħor.

    3.   L-operatur ta' l-applikazzjoni rilevanti għandu jiżgura li l-persunal interessat ikun kiseb iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa, imsemmija fil-paragrafu 2, li timplika konoxxenza adegwata tar-regolamenti u ta' l-istandards applikabbli kif ukoll il-kompetenza neċessarja fil-prevenzjoni ta' l-emissjonijiet u fl-irkupru ta' gassijiet serra flworinati u fil-maniġġar mingħajr periklu tat-tip u d-daqs rilevanti ta' tagħmir.

    4.   Sa l-4 ta' Lulju 2009 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji involuti fit-twettiq ta' l-attivitajiet previsti fl-Artikoli 3 u 4 jirċievu kunsinni ta' gassijiet serra flworinati biss fejn il-persunal interessat tagħhom ikollu ċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

    5.   Sa l-4 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni għandha tiddetermina, il-forma tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

    Artikolu 6

    Rappurtaġġ

    1.   Sal-31 ta' Marzu 2008 u kull sena wara dan, kull produttur, importatur u esportatur ta' gassijiet serra flworinati għandu jikkomunika lill-Kummissjoni permezz ta' rapport, filwaqt li jibgħat l-istess informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat, l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti:

    (a)

    Kull produttur li jipproduċi iktar minn tunnellata metrika ta' gassijiet serra flworinati kull sena għandu jikkomunika:

    il-produzzjoni totali tiegħu ta' kull gass serra flworinat fil-Komunità, filwaqt li jidentifika l-kategoriji prinċipali ta' applikazzjonijiet (eż. kondizzjonament mobbli ta' l-arja, refriġerazzjoni, kondizzjonament ta' l-arja, xkumi, aerosols, tagħmir elettriku, manifattura ta' semikondutturi solventi u protezzjoni min-nar) li fihom huwa mistenni l-użu tas-sustanza;

    il-kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat li huwa qiegħed fis-suq fil-Komunità;

    kwalunkwe kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat riċiklat, reklamat jew distrutt.

    (b)

    Kull importatur li jimporta iktar minn tunnellata metrika ta' gassijiet serra flworinati kull sena, inklużi kwalunkwe produtturi li jimportaw ukoll, għandu jikkomunika:

    il-kwantità ta' kull gass serra flworinat li huwa qiegħed fis-suq fil-Komunità, filwaqt li jidentifika separatament il-kategoriji prinċipali ta' applikazzjonijiet (eż. kondizzjonament mobbli ta' l-arja, refriġerazzjoni, kondizzjonament ta' l-arja, xkumi, aerosols, tagħmir elettriku, manifattura ta' semikondutturi) li fihom huwa mistenni l-użu tas-sustanza;

    kwalunkwe kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat li huwa importa għal riċiklaġġ, għal reklamazzjoni jew għal distruzzjoni.

    (ċ)

    Kull importatur li jesporta iktar minn tunnellata metrika ta' gassijiet serra flworinati kull sena, inklużi kwalunkwe produtturi li jesportaw ukoll, għandu jikkomunika:

    il-kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat li huwa esporta mill-Komunità;

    kwalunkwe kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat użat li huwa esporta għal riċiklaġġ, għal reklamazzjoni jew għal distruzzjoni.

    2.   Il-forma tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhatkun stabbilita sa l-4 ta' Lulju 2007, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

    3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi adatti sabiex tipproteġi l-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni preżentata lilha.

    4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta' rappurtaġġ għas-setturi rilevanti msemmija f'dan ir-Regolament, bil-għan li tinkiseb, sa fejn huwa possibbli, data dwar l-emissjonijiet.

    Artikolu 7

    Tikkettar

    1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonidispożizzjonijiet tad-Direttiva 67/548/KEE (17) u tad-Direttiva 1999/45/KE (18) fir-rigward tat-tikkettar ta' sustanżi perikolużi u preparazzjonjijiet, il-prodotti u t-tagħmir, elenkati fil-paragrafu 2, li jikkontjenu gassijiet serra flworinati ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq sakemm l-ismijiet kimiċi tal-gassijiet serra flworinati jiġu identifikati permezz ta' tikketta bl-użu tan-nomenklatura aċċettata ta' l-industrija. Tali tikketta għandha tindika b'mod ċar li l-prodott jew it-tagħmir jikkontjeni gassijiet serra flworinati koperti mill-Protokoll ta' Kyoto u l-kwantità tagħhom, dan għandu jkun dikjarat b'mod ċar u indelibbli fuq il-prodott jew it-tagħmir, viċin il-punti ta' servizz għar-riforniment jew irkupru tal-gass serra flworinat, jew fuq dik il-parti tal-prodott jew tagħmir li tikkontjeni l-gass serra flworinat. Is-sistemi ermetikament siġillati għandhom jiġu tikkettati bħala tali.

    Għandu jiġi inkluż tagħrif dwar il-gassijiet serra flworinati, inkluż il-potenzjal tagħhom ta' tisħin globali, fil-manwal ta' struzzjonijiet ipprovdut għal dawn il-prodotti u tagħmir.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għas-segwenti tipi ta' prodotti u tagħmir li ġejjin:

    (a)

    prodotti u tagħmir ta' refriġerazzjoni li jikkontjenu perflworokarbonji jew preparazzjonijiet li jikkontjenu perflworokarbonji;

    (b)

    prodotti u tagħmir ta' refriġerazzjoni u tal-kondizzjonament ta' l-arja (barra dawk li jinsabu fil-vetturi b'mutur), pompi tas-sħana, sistemi ta' protezzjoni min-nar u tagħmir tat-tifi tan-nar, jekk it-tip rispettiv ta' prodott jew tagħmir jikkontjeni idroflworokarbonji jew preparazzjonijiet li jikkontjenu idroflworokarbonji;

    (ċ)

    switchgear li jikkontjeni eżaflworidu tal-kubrit jew preparazzjonijiet li jikkontienu eżaflworidu tal-kubrit; u

    (d)

    il-kontenituri kollha ta' gass serra flworinat.

    3.   Il-forma tat-tikketta li għandha tintuża u għandha tkun stabbilita skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2). Ir-rekwiżiti ta' tikkettar, flimkien ma' dawk stipulati fil-paragrafu 1 għandhom, fejn xieraq, ikunu adottati skond l-istess proċedura. Qabel ma tkun preżentata proposta lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-Kummissjoni għandha tirrevedi x-xewqa li jkun inkluż tagħrif ambjentali addizzjonali, inkluż il-potenzjal ta' tisħin globali fuq tikketti, filwaqt li jittieħed kont ta' skemi ta' tikkettar eżistenti li jkunu diġa applikabbli għal prodotti u tagħmir kopert fil-paragrafu 2.

    Artikolu 8

    Kontroll ta' l-użu

    1.   Mill-1 ta' Jannar 2008 għandu jiġi projbit l-użu ta' l-eżaflworidu tal-kubrit jew ta' preparazzjonijiet minnu f'die-casting tal-manjesju, ħlief fejn il-kwantità ta' l-eżaflworidu tal-kubrit użata hija inqas minn 850 kg kull sena.

    2.   L-użu ta' l-eżaflworidu tal-kubrit jew ta' preparazzjonijiet minnu għall-mili ta' tyres ta' vetturi għandu jiġi projbit mill-4 ta' Lulju 2007.

    Artikolu 9

    Tqegħid fis-suq

    1.   It-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu gassijiet serra flworinati, jew li l-funzjoni tagħhom tiddipendi fuq gassijiet serra flworinati, elenkati fl-Anness II għandu jiġi projbit kif speċifikat f'dak l-Anness.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal prodotti u tagħmir li fir-rigward tagħhom jiġi muri li ġew manifatturati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni rilevanti tat-tqegħid fis-suq.

    3.

    a)

    Fejn sal-31 ta' Diċembru 2005 Stat Membru ikun adotta miżuri nazzjonali li huma aktar stretti minn dawk stipulati f'dan l-Artikolu u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu, jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi fuq gassijiet serra flworinati, dak l-Istat Membru jistà, suġġett għall-punt (b), iżomm dawk il-miżuri nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2012.

    b)

    L-Istat Membru konċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali, flimkien ma' ġustifikazzjoni li tappoġja dawk il-miżuri sa l-4 ta' Lulju 2007. Tali miżuri ghandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi informazzjoni relevanti dwar tali miżuri lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(1).

    Artikolu 10

    Reviżjoni

    1.   Abbażi tal-progress fit-trażżin jew sostituzzjoni potenzjali ta' gassijiet serra flworinati f'sistemi tal-kondizzjonament ta' l-arja, barra dawk li bihom huma mgħammra l-vetturi b'mutur imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (19), u f'sistemi ta' refriġerazzjoni wżati f'mezzi ta' trasport, il-Kummissjoni għandha tirrivedi dan ir-Regolament u tippubblika rapport sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2007. Jekk ikun kunsiljabbli hija għandha takkumpanja dan ir-rapport biproposti leġislattivi sal-31 ta' Diċembru 2008 wkoll bil-għan ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 għas-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, barra dawk li bihom huma mgħammra l-vetturi b'mutur imsemmija fid-Direttiva 70/156/KEE, u s-sistemi ta' refriġerazzjoni wżati f'mezzi ta' trasport.

    2.   Sa l-4 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ibbażat fuq l-esperjenza ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, ir-rapport għandu:

    (a)

    jivvaluta l-impatt tad-dispożizzjonijiet rilevanti fuq l-emissjonijiet u l-emissjonijiet proġettati ta' gassijiet serra flworinati u jeżamina kemm l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet hija effikaċi vis-à-vis n-nefqa nvoluta;

    (b)

    fid-dawl ta' rapporti futuri ta' valutazzjoni ta' l-IPCC, jivvaluta jekk għandhomx jiġu miżjuda fl-Anness I gassijiet serra flworinati addizzjonali;

    (ċ)

    jivvaluta l-programmi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni stabbiliti minn Stati Membri taħt l-Artikolu 5(2);

    (d)

    jivvaluta l-ħtieġa għal standards tal-Komunità relattivi għall-kontroll ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati minn prodotti u tagħmir, b'mod partikolari fir-rigward ta' xkumi, inklużi rekwiżiti tekniċi fir-rigward tad-disinn ta' prodotti u tagħmir;

    (e)

    jivvaluta l-effikaċja ta' miżuri ta' trażżin imwettqa minn operaturi taħt l-Artikolu 3 u jivvaluta jekk jistgħux jiġu stabbiliti, għall-installazzjonijiet, rati massimi ta' telf;

    (f)

    jivvaluta u, jekk ikun il-każ, jista' jipproponi l-modifika tar-rekwiżiti ta' rappurtaġġ fl-Artikolu 6(1), b'mod partikolari l-limitu kwantitattiv ta' tunnellata u jivvaluta l-ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti jirrapurtaw perjodikament lill-Kummissjoni dwar emissjonijiet stmati fuq bażi ta' kampjuni rappreżentattivi sabiex tiġi mtejba l-applikazzjoni prattika ta' dawk ir-rekwiżiti ta' rappurtaġġ;

    (g)

    jivvaluta l-ħtieġa għall-iżvilupp u d-disseminazzjoni ta' noti informattivi li jiddeskrivu l-aħjar tekniki disponibbli u l-aħjar prattiki ambjentali dwar il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati;

    (h)

    jinkludi sommarju globali ta' l-iżvilupp, kemm fil-Komunità kif ukoll fuq livell internazzjonali, ta' l-istat tat-teknoloġija, b'mod partikolari fir-rigward ta' xkumi, ta' l-esperjenza miksuba, ta' ħtiġijiet ambjentali u ta' kwalunkwe impatti fuq il-funzjonament tas-suq intern;

    (i)

    jivvaluta jekk is-sostituzzjoni ta' l-eżaflworidu tal-kubrit f' sand casting, mould casting permanenti u die-casting bi pressjoni għolja hijiex teknikament possibbli u effiċjenti meta mqabbla mal-prezz involut u, jekk ikun il-każ, jipproponi reviżjoni ta' l-Artikolu 8(1) sa l-1 ta' Jannar 2009; għandu jirrivedi wkoll l-eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 8(1) fid-dawl ta' valutazzjoni ulterjuri ta' l-alternattivi disponibbli sa l-1 ta' Jannar 2010;

    (j)

    jivvaluta jekk l-inklużjoni ta' prodotti u tagħmir ulterjuri li jikkontjenu gassijiet serra flworinati fl-Anness II hijiex teknikament possibbli u effiċjenti meta mqabbla mal-prezz involut meħud kont ta' effiċjenza fl-enerġija u, jekk ikun il-każ, jippreżenta proposti għall-emendament ta' l-Anness II sabiex jiġu inklużi tali prodotti u tagħmir ulterjuri;

    (k)

    jivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' gassijiet serra flworinati għandhomx jiġu emendati; kwalunkwe bidliet għandhom jieħdu kont ta' żviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi ta' l-ippjanar tal-produzzjoni industrijali;

    (l)

    jivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri mill-Komunità u mill-Istati Membri Tagħha fid-dawl ta' obbligi eżistenti u ġodda internazzjonali dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra.

    3.   Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti adatti għal reviżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 11

    Mingħajr preġudizzju għal-liġi Komunitarja relevanti, b'mod partikolari r-regoli Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat u d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabilixxi l-proċedura għall-provvediment ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards tekniċi u regolamenti u ta' regoli dwar membri tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni (20), l-Istati Membri jistgħu jippromwovu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li jużaw alternattivi għall-gassijiet b'potenzjali għali ta' tisħin globali u li huma effiċjenti, innovattivi u li jnaqqsu iktar l-impatt fuq il-klima.

    Artikolu 12

    Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5 (6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

    3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

    Artikolu 13

    Pieni

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad- dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li tali regoli jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa l-4 ta' Lulju 2008 bir-regoli dwar il-pieni u għandhom jinnotifikawha wkoll mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk ir-regoli.

    Artikolu 14

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(3), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti skond il-proċeduri mniżżla fl-Artikolu 95 tat-Trattat b'relazzjoni ma' l-Artikoli 7, 8 u 9 ta' dan ir-Regolament, jew l-Artikolu 176 tat-Trattat b'relazzjoni ma' Artikoli oħrajn ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika b'effett mill-4 ta' Lulju 2007 bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 9 u Aness II, li għandhom japplikaw mill-4 ta' Lulju 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, nhar is-17 ta' Mejju 2006.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. WINKLER


    (1)  ĠU C 108, 30.4.2004, p. 62.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 600), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2005 (ĠU C 183 E, 26.7.2005, p. 1), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2006.

    (3)  Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali (ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1).

    (4)  ĠU L 33, 7.2.1994, p. 11.

    (5)  ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.

    (6)  ĠU L 194, 25.7.1975, p. 39. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (7)  ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

    (8)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/673/KE (ĠU L 254, 30.9.2005, p. 69).

    (9)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2003/108/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 106).

    (10)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (11)  Ara paġna 12 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (13)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2006 (ĠU L 6, 11.1.2006, p. 27).

    (14)  It-Tielet Valutazzjoni IPCC tal-Bidla fil-Klima ta' l-2001. Rapport tal-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (http://www.ipcc.ch/pub/reports.htm).

    (15)  Għall-kalkolu tal-GWP ta' gassijiet serra mhux flworinati fi preparazzjonijiet, għandhom japplikaw il-valuri pubblikati fl-Ewwel Valutazzjoni IPCC, ara: Climate Change, The IPCC Scientific Assessment, J.T. Houghton, G.J. Jenkins, J.J. Ephraums (ed.), Cambridge University Press, Cambridge (UK) 1990.

    (16)  Direttiva 94/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 1994 li temenda, għat-13-il darba d-Direttiva 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 331, 21.12.1994, p. 7).

    (17)  Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Gunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, 30.4.2004, p. 1).

    (18)  Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/8/KE (ĠU L 19, 24.1.2006, p. 12).

    (19)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 10).

    (20)  ĠU L 204, 21.7.1998 p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.


    ANNESS I

    PARTI 1

    Gassijiet serra flworinati imsemmija fl-Artikolu 2(1)

    Gassijiet serra flworinati

    Formula Kimika

    Potenzjal ta' Tisħin Globali (GWP)

    Eżaflworidu tal-Kubrit

    SF6

    22 200

    Idroflworokarbonji (HFCs):

    HFC-23

    CHF3

    12 000

    HFC-32

    CH2F2

    550

    HFC-41

    CH3F

    97

    HFC-43-10mee

    C5H2F10

    1 500

    HFC-125

    C2HF5

    3 400

    HFC-134

    C2H2F4

    1 100

    HFC-134a

    CH2FCF3

    1 300

    HFC-152a

    C2H4F2

    120

    HFC-143

    C2H3F3

    330

    HFC-143a

    C2H3F3

    4 300

    HFC-227ea

    C3HF7

    3 500

    HFC-236cb

    CH2FCF2CF3

    1 300

    HFC-236ea

    CHF2CHFCF3

    1 200

    HFC-236fa

    C3H2F6

    9 400

    HFC-245ca

    C3H3F5

    640

    HFC-245fa

    CHF2CH2CF3

    950

    HFC-365mfc

    CF3CH2CF2CH3

    890

    Perflworokarbonji (PFCs)

    Perflworometanu

    CF4

    5 700

    Perflworoetanu

    C2F6

    11 900

    Perflworopropan

    C3F8

    8 600

    Perflworobutan

    C4F10

    8 600

    Perflworopentan

    C5F12

    8 900

    Perflworoexan

    C6F14

    9 000

    Perflworoċiklobutan

    c-C4F8

    10 000

    PARTI 2

    Metodu ta' kalkolu tal-potenzjal totali ta' tisħin globali (GWP) għal preparazzjoni

    Il-GWP totali għal preparazzjoni huwa medja ppeżata, derivata mis-somma tal-frazzjonijiet tal-piż tas-sustanzi individwali multiplikati bil-GWPs tagħhom.

    Σ (Sustanza X % x GWP) + (Sustanza Y % x GWP) + … (Sustanza N % x GWP)

    fejn % huwa l-kontribut skond il-piż b'tolleranza tal-piż ta' +/- 1 %.

    Per eżempju: l-applikazzjoni tal-formula għal taħlita teoretika ta' gassijiet li tikkonsisti f'23 % HFC-32; 25 % HFC-125 u 52 % HFC-134a:

    Σ (23 % x 550) + (25 % x 3 400) + (52 % x 1 300)

    → GWP totali = 1 652,5


    ANNESS II

    Projbizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq skond l-Artikolu 9

    Gassijiet serra flworinati

    Prodotti u tagħmir

    Data tal-projbizzjoni

    Gassijiet serra flworinati

    Kontenituri li ma jistgħux jerġgħu jimtlew

    4 ta' Lulju 2007

    Idroflworokarbonji u perflworokarbonji

    Sistemi non-konfinati u b'evaporazzjoni diretta li jikkontjenu refriġeranti

    4 ta' Lulju 2007

    Perflworokarbonji

    Sistemi ta' protezzjoni min-nar u tagħmir tat-tifi tan-nar

    4 ta' Lulju 2007

    Gassijiet serra flworinati

    Twieqi għal użu domestiku

    4 ta' Lulju 2007

    Gassijiet serra flworinati

    Twieqi oħra

    4 ta' Lulju 2008

    Gassijiet serra flworinati

    Xedd tas-saqajn

    4 ta' Lulju 2006

    Gassijiet serra flworinati

    Tyres

    4 ta' Lulju 2007

    Gassijiet serra flworinati

    Xkumi b'komponent wieħed, ħlief meta meħtieġa biex jintlaħqu standards nazzjonali ta' sigurtà

    4 ta' Lulju 2008

    Idroflworokarbonji

    Novelty aerosols

    4 ta' Lulju 2009


    14.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    12


    DIRETTIVA 2006/40/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-17 ta' Mejju 2006

    dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ta' l-14 ta' Marzu 2006.

    Billi:

    (1)

    Is-suq intern jinvolvi spazju mingħajr fruntieri interni li fih għandu jiġi żgurat il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital u għal dak il-għan teżisti sistema Komunitarja ta' approvazzjoni tat-tip għal vetturi bil-mutur. Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja għandhom jiġu armonizzati sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta' rekwiżiti li huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern.

    (2)

    Numru li qed jikber ta' Stati Membri għandhom il-ħsieb li jirregolaw l-użu ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur bħala konsegwenza tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta' l-obbligi taħtu (3). Id-Deċiżjoni timpenja lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi totali tagħhom ta' gassijiet serra elenkati fl-Anness A għall-Protokoll ta' Kyoto bi 8 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990 fil-perjodu mill-2008 sa l-2012. L-implimentazzjoni mhux kordinata ta' dawn l-impenji tinvolvi r-riskju li jinħolqu ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' vetturi bil-mutur fil-Komunità.Għalhekk huwa kunsiljabbli li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi sabiex jibqgħu aċċettati fis-suq u sabiex jiġu projbiti, minn ċerta data, sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150.

    (3)

    L-emissjonijiet ta' idroflworokarbonju-134a (HFC-134a), li għandu potenzjal ta' tisħin globali ta' 1300, minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur iqajmu tħassib li qiegħed jiżdied minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bidla fil-klima. Huma mistennija li jkunu disponibbli fil-ġejjieni qrib alternattivi għall-idroflworokarbonju-134a (HFC-134a) li huma effiċjenti vis-à-vis in-nefqa involuta u li huma mingħajr periklu. Għandha titwettaq reviżjoni sabiex jiġi stabbilit, fid-dawl tal-progress realizzat fit-trażżin potenzjali ta' emissjonijiet minn gassijiet serra flworinati jew fis-sostituzzjoni ta' gassijiet serra flworinati f'tali sistemi, jekk din id-Direttiva għandhiex tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' vetturi bil-mutur u jekk id-disposizzjonijiet dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' dawn il-gassijiet għandhomx jiġu emendati, b'kont meħud ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi fl-ippjanar tal-produzzjoni industrijali.

    (4)

    Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-projbizzjoni ta' ċerti gassijiet serra flworinati, hemm bżonn li tiġi limitata l-possibbiltà tar-rikonfigurazzjoni ta' vetturi bil-mutur b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 u li jiġi projbit il-mili ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja b'tali gassijiet.

    (5)

    Sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet ta' ċerti gassijiet serra flworinati minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur jeħtieġ li jiġu stabbiliti valuri limitativi għar-rati ta' telf u l-proċedura għall-istima tat-telf minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 li huma installati f'vetturi bil-mutur.

    (6)

    Bil-għan li jikkontribwixxu fit-twettiq ta' l-impenji tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha skond il-Konvenzjoni Kwadru tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima, il-Protokoll ta' Kyoto u d-Deċiżjoni 2002/358/KE, ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar ċertu gassijiet serra flworinati (4) u din id-Direttiva, li t-tnejn li huma jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati, għandhom jiġu adottati u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea simultanjament.

    (7)

    Kwalunkwe manifattur ta' vetturi għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità ta' l-approvazzjoni l-informazzjoni teknika kollha rilevanti dwar is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati u l-gassijiet użati fihom. Fil-każ ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, il-manifattur għandu jagħmel disponibbli wkoll informazzjoni dwar ir-rata tat-telf ta' gass ta' dawn is-sistemi.

    (8)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5).

    (9)

    Din id-Direttiva hija waħda mid-Direttivi separati tal-proċedura Komunitarja ta' l-approvazzjoni tat-tip li kienet stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (6). B'konsegwenza, id-Direttiva 70/156/KEE għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

    (10)

    Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li jiġi kontrollat it-telf tal-gassijiet serra flworinati speċifiċi mis-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi u li jiġu projbiti, minn ċerta data, is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom u jistgħu għalhekk, minħabba l-firxa u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (11)

    Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (7), l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, sa fejn hu possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

    ADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti, għas-sistema tal-KE jew għas-sistemi nazzjonali, ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi fir-rigward ta' emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi u tal-funzjonament mingħajr periklu ta' dawn is-sistemi. Hija tistabbilixxi wkoll disposizzjonijiet dwar ir-rikonfigurazzjoni u r-riforniment ta' tali sistemi.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Din id-Direttiva għandha tapplika għal vetturi bil-mutur tal-kategoriji M1 u l-kategorija N1 kif definiti fl-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-vetturi tal-kategorija N1 huma limitati għal dawk tal-Klassi I kif deskritt fl-ewwel skeda fil-punt 5.3.1.4 ta' l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE ta' l-20 ta' Marzu 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta' l-arja b'emissjonijiet minn vetturi b'mutur (8), kif inserit permezz tad-Direttiva 98/69/KE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “vettura” tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur li taqa' fl-ambitu ta' din id-Direttiva;

    (2)

    “tip ta' vettura” tfisser tip kif definit fis-sezzjoni B ta' l-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE;

    (3)

    “sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja” tfisser kwalunkwe sistema li l-għan prinċipali tagħha huwa li tnaqqas it-temperatura ta' l-arja u l-umdità tal-kompartiment tal-passiġġieri ta' vettura;

    (4)

    “sistema ta' evaporatur doppju” tfisser sistema fejn evaporatur wieħed huwa mmuntat fil-kompartiment tal-magna u l-ieħor f'kompartiment differenti tal-vettura; is-sistemi l-oħra kollha għandhom ikunu kunsidrati bħala “sistemi ta' evaporatur uniku”;

    (5)

    “gassijiet serra flworinati” tfisser idroflworkarbonji (HFCs), perflworokarbonji (PFCs) u eżaflworidu tal-kubrit (SF6) kif imsemmija fl-Anness A mal-Protokoll ta' Kyoto u preparazzjonijiet li jikkontjenu dawn is-sustanzi, iżda teskludi sustanzi kontrollati taħt ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu (10);

    (6)

    “idroflworokarbonju” tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju, idroġenu u flworin, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula;

    (7)

    “perflworokarbonju” tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju u flworin biss, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula;

    (8)

    “potenzjal ta' tisħin globali” tfisser il-potenzjal ta' tisħin klimatiku ta' gass serra flworinat relattivament għal dak tad-diossidu karboniku. Il-potenzjal ta' tisħin globali (GWP) huwa kalkolat f'termini tal-potenzjal ta' tisħin f'100 sena ta' kilogramma ta' gass meta mqabbla ma' kilogramma ta' CO2. Il-figuri GWP rilevanti huma dawk pubblikati fit-tielet rapport ta' valutazzjoni adottat mill-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (il-“valuri IPCC GWP ta' l-2001”) (11);

    (9)

    “preparazzjoni” tfisser taħlita komposta minn żewġ sustanzi jew iktar li minnhom almenu waħda hija gass serra flworinat. Il-potenzjal ta' tisħin globali (12) totali tal-preparazzjoni għandu jiġi determinat skond il-Parti 2 ta' l-Anness;

    (10)

    “rikonfigurazzjoni” tfisser l-installazzjoni ta' sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vettura wara li tkun ġiet reġistrata.

    Artikolu 4

    Obbligi ta' l-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu, skond kif meħtieġ, l-approvazzjoni tat-tip KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, fir-rigward ta' l-emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, biss lil tipi ta' vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

    2.   Għall-fini ta' l-għoti ta' l-approvazzjoni kompleta tat-tip tal-vettura skond l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 70/156/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi jipprovdu informazzjoni dwar it-tip ta' refriġerant użat fis-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi bil-mutur ġodda.

    3.   Għall-fini ta' l-għoti ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi mgħammra b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gass serra flworinat b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skond it-test armonizzat għall-iskoperta tat-telf imsemmi fl-Artikolu 7(1), ir-rata tat-telf ta' tali gassijiet ma għandhiex teċċedi l-limiti massimi permissibbli stabbiliti fl-Artikolu 5.

    Artikolu 5

    Approvazzjoni tat-tip

    1.   B'effett minn sitt xhur mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf, l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet marbuta ma' emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja:

    (a)

    jirrifjutaw, fir-rigward ta' tip ġdid ta' vettura, li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

    (b)

    jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda

    jekk il-vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 tkun konformi mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

    2.   B'effett minn 12-il xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf jew l-1 ta' Jannar 2007, skond liema huwa l-iktar tard, l-Istati Membri ma għandhomx iktar jagħtu approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta' vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, sakemm ir-rata tat-telf minn dik is-sistema teċċedi l-40 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur uniku, jew 60 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur doppju.

    3.   B'effett minn 24 xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf jew l-1 ta' Jannar 2008, skond liema huwa l-iktar tard, fir-rigward ta' vetturi ġodda mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, sakemm ir-rata tat-telf minn dik is-sistema teċċedi l-40 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur uniku jew 60 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur doppju, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, u

    (b)

    jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni u jipprojbixxu l-bejgħ u d-dħul fis-servizz.

    4.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2011, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu iktar approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta' vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150.

    5.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2017, fir-rigward ta' vetturi ġodda li huma mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, u

    (b)

    jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, u jipprojbixxu l-bejgħ u d-dħul fis-servizz.

    6.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi Komunitarja relevanti, b'mod partikolari r-regoli Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat u d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li jistabbilixxu l-proċedura għall-provvediment ta' informazzjoni fil-qasam ta' standards tekniċi u regolamenti u ta' regoli dwar servizzi tas-Soċjeta' ta' l-Informazzjoni1 (13), l-Istati Membri jistgħu jippromwovu l-istallazzjoni ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja li huma effiċjenti, innovattivi u jnaqqsu iktar l-impatt tal-klima.

    Artikolu 6

    Rikonfigurazzjoni u riforniment

    1.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2011, vetturi mogħtija approvazzjoni tat-tip minn dik id-data ma għandhomx jiġu rikonfigurati b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. B'effett mill-1 ta' Jannar 2017, l-ebda vettura ma tista' tiġi rikonfigurata b'tali sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja.

    2.   Is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi b'approvazzjoni tat-tip fl-1 ta' Jannar 2011 jew wara tali data ma għandhomx jiġu mimlija b'gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. B'effett mill-1 ta' Jannar 2017 is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja fil-vetturi kollha ma għandhomx ikunu mimlija b'gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, bl-eċċezzjoni tar-riforniment tas-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja li jikkontjenu dawk il-gassijiet li ġew installati f'vetturi qabel dik id-data.

    3.   Il-fornituri ta' servizzi li joffru servizz u tiswija ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja ma għandhomx jimlew tali tagħmir b'gassijiet serra flworinati jekk intilef ammont anormali tar-refriġerant mis-sistema, sakemm jiġu kompletati t-tiswijiet meħtieġa.

    Artikolu 7

    Miżuri implimentattivi

    1.   Sa l-4 ta' Lulju 2007 l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5, u b'mod partikolari:

    (a)

    id-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip KE ta' vetturi; u

    (b)

    proċedura ta' test għall-kejl tar-rata tat-telf ta' gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn il-miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    4.   Il-proċedura imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tapplika għall-adozzjoni, fejn xieraq ta':

    (a)

    miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati l-funzjonament mingħajr periklu u l-manutenzjoni korretta ta' refriġeranti f'sistemi mobbli ta' kondizzjonament ta' l-arja;

    (b)

    miżuri relatati mar-rikonfigurazzjoni ta' vetturi fiċ-ċirkolazzjoni b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja u r-riforniment ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja fiċ-ċirkolazzjoni sal-punt mhux kopert mill-Artikolu 6;

    (ċ)

    l-adattament, fejn ikun il-każ, tal-metodu tad-determinazzjoni tal-potenzjal ta' tisħin globali rilevanti tal-preparazzjonijiet.

    Artikolu 8

    Reviżjoni

    1.   Abbażi tal-progress realizzat fil-kapaċità tat-trażżin ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, jew is-sostituzzjoni tagħhom f'tali sistemi, installati f'vetturi bil-mutur, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk:

    il-leġiżlazzjoni attwali għandhiex tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' vetturi, partikolarment il-kategoriji M2 u M3 kif ukoll il-klassijiet II u III tal-kategorija N1; u

    għandhom jiġu emendati d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' gassijiet serra flworinati; kwalunkwe tibdiliet għandhom jieħdu kont ta' żviluppi tekonoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi tal-produzzjoni industrijali,

    u għandha tippubblika rapport sa l-4 ta' Lulju 2011. Fejn meħtieġ, hija għandha tippreżenta proposti leġiżlattivi adatti.

    2.   Fejn gass serra flworinat b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, li għadu mhuwiex kopert mir-rapport IPCC imsemmi fl-Artikolu 3(8), jiġi nkluż f'rapport futur ta' l-IPCC, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ikunx opportun li tiġi emendata din id-Direttiva sabiex tinkludi dak il-gass. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm il-ħtieġa, hija għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE:

    tadotta l-miżuri meħtieġa; u

    tiddefinixxi l-perjodi transitorji għall-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri. Permezz ta' dan il-Kummissjoni għandha ssib bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi ffissat terminu adegwat ta' żmien u r-riskju li l-gass serra flworinat jikkostitwixxi għall-ambjent.

    Artikolu 9

    Emendi lid-Direttiva 70/156/KEE

    Id-Direttiva 70/156/KEE tiġi b'dan emendata skond il-Parti 1 ta' l-Anness ma' din id-Direttiva.

    Artikolu 10

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa l-4 ta' Jannar 2008, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva.

    Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-5 ta' Jannar 2008.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jikontjenu riferiment għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru tali riferimenti għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 12

    L-indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, nhar is-17 ta' Mejju 2006.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. WINKLER


    (1)  ĠU C 108, 30.4.2004, p. 62.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 600), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2005 (ĠU C 183 E, 26.7.2005, p. 17), u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2006.

    (3)  ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.

    (4)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (6)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/64/KE (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 27).

    (7)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

    (8)  ĠU L 76, 6.4.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/76/KE (ĠU L 206, 15.8.2003, p. 29).

    (9)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 1.

    (10)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2006 (ĠU L 6, 11.1.2006, p. 27).

    (11)  It-Tielet Valutazzjoni IPCC tal-Bidla fil-Klima 2001. Rapport tal-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (http://www.ipcc.ch/pub/reports.htm).

    (12)  Għall-kalkolu tal-GWP ta' gassijiet serra mhux flworinati fi preparazzjonijiet, għandhom japplikaw il-valuri pubblikati fl-Ewwel Valutazzjoni ta' IPCC, ara: Climate Change, The IPCC Scientific Assessment, J.T. Houghton, G.J. Jenkins, J.J. Ephraums (ed.), Cambridge University Press, Cambridge (UK) 1990.

    (13)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.


    ANNESS

    PARTI 1

    Id-Direttiva 70/156/KEE hija emendata kif ġej:

    1.

    Fl-Anness IV, Parti I, jiġu inseriti punt ġdid numerat 61, u nota f'qiegħ il-paġna, kif ġej:

    Suġġett

    Numru tad-Direttiva

    Riferiment għall-Ġurnal Uffiċjali

    Applikabbiltà

    M1

    M2

    M3

    N1

    N2

    N3

    O1

    O2

    O3

    O4

    “61. Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja

    2006/40/KE

    L 161, 14.6.2006, p. 12

    X

     

     

    X (8)

     

     

     

     

     

     

    2.

    L-Anness XI jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fl-Appendiċi 1 jiġi inserit punt ġdid numerat 61 kif ġej:

    Punt

    Suġġett

    Numru tad-Direttiva

    M1 ≤ 2 500 (1) kg

    M1 ≤ 2 500 (1) kg

    M2

    M3

    “61

    Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja

    2006/40/KE

    X

    X”

     

     

    (b)

    Fl-Appendiċi 2 jiġi inserit punt ġdid numerat 61 kif ġej:

    Punt

    Suġġett

    Numru tad-Direttiva

    M1

    M2

    M3

    N1

    N2

    N3

    O1

    O2

    O3

    O4

    “61

    Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja

    2006/40/KE

    X

     

     

    W”

     

     

     

     

     

     

    (ċ) Fl-Appendiċi 3 jiġi nserit punt ġdid numerat 61 kif ġej:

    Punt

    Suġġett

    Numru tad-Direttiva

    M2

    M3

    N1

    N2

    N3

    O1

    O2

    O3

    O4

    “61

    Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja

    2006/40/KE

     

     

    W”

     

     

     

     

     

     

    (d)

    Taħt it-titolu “Tifsira ta' l-ittri” tiġi nserita l-ittra li ġejja:

    “W

    Għall-vetturi biss tal-kategorija N1, tal-klassi I kif deskritt fl-ewwel skeda fil-punt 5.3.1.4. ta' l-Anness I mad-Direttiva 70/220/KEE kif inserit permezz tad-Direttiva 98/69/KE”.

    PARTI 2

    Metodu ta' kalkolu tal-potenzjal totali ta' tisħin globali (GWP) għal preparazzjoni

    Il-GWP totali għal preparazzjoni huwa medja ppeżata, derivata mis-somma tal-frazzjonijiet tal-piż tas-sustanzi individwali multiplikati bil-GWP rispettivi tagħhom.

    Σ (Sustanza X % x GWP) + (Sustanza Y % x GWP) + … (Sustanza N % x GWP)

    fejn % huwa l-kontribut skond il-piż b'tolleranza ta' piż ta' +/- 1 %

    Per eżempju: l-applikazzjoni tal-formola għal taħlita teorika ta' gassijiet li tikkonsisti fi 23 % HFC-32; 25 % HFC-125 u 52 % HFC-134a:

    Σ (23 % x 550) + (25 % x 3 400) + (52 % x 1 300)

    → GWP totali = 1 652,5



    Top