EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016H1224(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti

ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 484/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2016

dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti

(2016/C 484/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-soċjetà tal-lum kulħadd għandu bżonn ikollu sett wiesa' ta' ħiliet, għarfien u kompetenzi, inkluż livell suffiċjenti ta' litteriżmu, numeriżmu u kompetenza diġitali, biex dak li jkun jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu, jieħu sehem attiv fis-soċjetà u jwettaq ir-responsabbiltajiet soċjali u ċiviċi tiegħu. Tali ħiliet, għarfien u kompetenzi huma wkoll kruċjali biex wieħed jaċċessa s-suq tax-xogħol u javvanza fih, u biex jipparteċipa f'edukazzjoni u taħriġ ulterjuri.

(2)

Kull ma jmur, l-opportunitajiet tax-xogħol jeħtieġu kemm livell ogħla kif ukoll firxa usa' ta' ħiliet. Fil-futur ser ikun hemm inqas impjiegi ta' natura elementari. Anki l-impjiegi li tradizzjonalment kienu jeħtieġu kwalifiki ta' livell baxx jew ma kienu jeħtieġu l-ebda kwalifiki qed isiru aktar eżiġenti. Il-parti l-kbira tal-impjiegi ser jeħtieġu ċertu livell ta' kompetenza diġitali, u għadd dejjem akbar ta' impjiegi elementari jeħtieġu xi ħiliet bażiċi jew ġeneriċi (bħal komunikazzjoni, soluzzjoni ta' problemi, xogħol f'tim u intelliġenza emozzjonali).

(3)

Fl-2015, kien hemm 64 miljun ruħ, aktar minn kwart tal-popolazzjoni tal-Unjoni ta' età bejn 25 u 64 sena, li telqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali bi kwalifika mhux ogħla minn dik tal-edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell. Filwaqt li ma jeżisti l-ebda mezz ta' kejl tal-livelli tal-ħiliet bażiċi ta' dawk in-nies, l-Istħarriġ dwar il-Ħiliet tal-Adulti (“PIAAC”) li sar mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), li ttestja l-livelli ta' litteriżmu, numeriżmu u s-soluzzjoni tal-problemi f'ambjenti teknoloġikament avvanzati, jindika li proporzjonijiet simili ta' adulti ta' età bejn 16 u 65 sena kellhom l-aktar livell baxx ta' profiċjenza f'20 Stat Membru.

(4)

Barra minn hekk, id-data għall-2013 mill-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tenfasizza l-proporzjon sinifikanti ta' persuni ta' 15-il sena li ma jilħqux l-aspettattivi fil-qari (17,8 %), fil-matematika (22,1 %) u fix-xjenza (16,6 %). Dawk ir-riżultati jibqgħu ogħla mill-valur referenzjarju ta' 15 % ta' Edukazzjoni u Taħriġ 2020 (ET 2020).

(5)

Il-PIAAC jindika li adulti b'livell ogħla ta' profiċjenza fil-litteriżmu, in-numeriżmu u s-soluzzjoni tal-problemi f'ambjenti teknoloġikament avvanzati għandhom it-tendenza li jkollhom aktar suċċess fis-suq tax-xogħol. Fl-istess waqt, huwa anqas probabbli li 20 sa 25 % tal-adulti Ewropej ta' bejn is-16 u l-65 sena b'livell baxx ta' profiċjenza f'dawk il-ħiliet jipparteċipaw f'tagħlim jew jipparteċipaw b'mod sħiħ fl-ekonomija u s-soċjetà mmexxija mit-teknoloġija diġitali. Dawn jiffaċċaw riskju akbar ta' qgħad, inċidenza ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali, aktar riskji ta' saħħa u stennija tal-ħajja aktar baxxa, filwaqt li wliedhom jiffaċċaw riskji akbar li ma jilħqux l-aspettattivi fl-edukazzjoni.

(6)

Persuni bi kwalifiki baxxi b'dgħufijiet fundamentali f'ħiliet bażiċi jistgħu jikkostitwixxu proporzjon għoli tal-qiegħda (b'mod partikolari l-qiegħda fit-tul) u gruppi vulnerabbli oħra, pereżempju ħaddiema kbar fl-età, persuni mhux attivi ekonomikament u ċittadini ta' pajjiżi terzi. Tali nuqqasijiet jagħmluha aktar diffiċli għalihom biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

(7)

Il-politiki tal-Istati Membri biex inaqqsu t-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 (1) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2015 dwar politiki biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel, abbażi ta' miżuri ta' prevenzjoni, intervent u kumpens, qed ikollhom effett pożittiv. Fl-2015 ir-rata medja tal-Unjoni għat-tluq bikri mill-iskola fost dawk ta' età minn 18 sa 24 sena kienet ta' madwar punt perċentwali wieħed taħt il-mira ewlenija ta' 10 % ta' Ewropa 2020, iżda b'varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri. Anki jekk tinkiseb il-mira ewlenija, l-10 % ta' persuni li jifdal ser jiffaċċaw problemi serji, meta jsiru adulti, biex isibu aċċess għal impjieg sostenibbli. Barra minn hekk, għad hemm għadd kbir ta' persuni ta' età ta' 25 u akbar li telqu kmieni mill-iskola, ħafna minnhom ċittadini minn pajjiżi terzi u persuni oħra li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni jew ambjent żvantaġġat.

(8)

Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja minn adulti bi kwalifiki baxxi għadha erba' darbiet aktar baxxa minn dawk bi kwalifiki terzjarji. L-aċċess għal opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għadu mhuwiex uniformi fost il-gruppi soċjoekonomiċi, u xi gruppi tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, b'mod partikolari ċittadini ta' pajjiżi terzi, għandhom inqas aċċess. L-inkoraġġiment ta' parteċipazzjoni wiesgħa u inklużiva huwa għaldaqstant essenzjali għas-suċċess ta' miżuri ta' titjib tal-ħiliet. Huwa wkoll essenzjali li jsiru sforzi biex jintlaħqu individwi li jistgħu jkollhom bżonn ta' motivazzjoni, appoġġ u gwida tul il-ħajja speċjali, speċjalment dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol jew mill-edukazzjoni u t-taħriġ.

(9)

Il-Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet ikollu fil-mira adulti b'livell baxx ta' ħiliet, għarfien u kompetenzi, li ma jkunux eliġibbli għal appoġġ taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (2), u jipprovdilhom opportunitajiet flessibbli biex jittejbu l-litteriżmu, in-numeriżmu u l-kompetenza diġitali tagħhom u biex jimxu lejn livelli ogħla tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) rilevanti għas-suq tax-xogħol u għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà. Dan jista' jinkiseb billi jingħataw edukazzjoni u taħriġ f'ambjenti ta' tagħlim adatti li fihom għalliema u ħarrieġa kwalifikati japplikaw metodi tat-tagħlim speċifiċi għall-adulti u jisfruttaw il-potenzjal tat-tagħlim diġitali.

(10)

Filwaqt li jieħdu kont tal-leġislazzjoni nazzjonali, iċ-ċirkostanzi u r-riżorsi disponibbli, l-Istati Membri jistgħu jiffukaw il-perkorsi ta' titjib tal-ħiliet fuq il-gruppi fil-mira ta' prijorità identifikati tagħhom. Dawn jistgħu jitwasslu f'konformità mal-arranġamenti ta' implimentazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri u fuq il-bażi tal-impenn u l-interess tal-individwu li jipparteċipa.

(11)

It-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-adulti jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ksib tal-objettivi strateġiċi tal-Ewropa 2020, kif rifless fiċ-ċiklu ta’ politika tas-Semestru Ewropew.

(12)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-dritt għall-edukazzjoni u l-aċċess għal taħriġ vokazzjonali u kontinwu għal kulħadd.

(13)

L-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2015 isejħu għall-azzjoni biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha u proporzjon sostanzjali ta' adulti, kemm irġiel kif ukoll nisa, jiksbu livell ta' litteriżmu u numeriżmu sal-2030.

(14)

Ir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (3) tipprovdi qafas ta' referenza li jgħin lill-Istati Membri biex jiżguraw li, sa tmiem l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali, iż-żgħażagħ ikunu żviluppaw il-kompetenzi ewlenin li jħejjuhom għall-ħajja adulta, għal tagħlim ulterjuri u għall-ħajja tax-xogħol. Dak il-qafas jappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin tagħhom matul ħajjithom.

(15)

Il-Qafas Ewropew ta' Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini jipprovdi referenza Ewropea komuni għal xi jfisser li tkun midħla tat-teknoloġija diġitali fis-soċjetà tal-lum, u jiddefinixxi kompetenzi u livelli ta' kompetenza f'ħames oqsma ewlenin.

(16)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (4) sawret qafas ta' referenza komuni dwar il-kwalifiki bi tmien livelli, espressi bħala eżiti tat-tagħlim, li jistgħu jinkisbu permezz ta' diversi rotot ta' tagħlim formali, mhux formali u informali.

(17)

Ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) ipprijoritizza fil-qasam tat-tagħlim tal-adulti, fost l-oħrajn, il-provvista tal-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali u ta' biżżejjed opportunitajiet għal ċans ieħor li jwasslu għal kwalifika rikonoxxuta tal-QEK għal persuni mingħajr kwalifika tal-QEK tal-livell 4. Ir-Rapport Konġunt jinkludi wkoll riżultati tanġibbli fuq perijodu medju għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), fosthom aċċess aħjar għall-kwalifiki għal kulħadd permezz ta’ sistemi tal-ETV iktar flessibbli u permeabbli, b’mod partikolari billi jiġu offruti servizzi effiċjenti u integrati ta’ gwida u billi tkun magħmula disponibbli l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(18)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (5) tistieden lill-Istati Membri biex sal-2018 jistabbilixxu arranġamenti nazzjonali għall-validazzjoni (l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni, il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni) tat-tagħlim mhux formali u informali. Dan jinkludi possibbiltajiet għal persuni qiegħda jew għal persuni fir-riskju tal-qgħad biex jagħmlu “verifika tal-ħiliet” maħsuba għall-identifikazzjoni tal-għarfien, ħiliet u kompetenzi tagħhom.

(19)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tirrakkomanda li ż-żgħażagħ ta' età taħt il-25 sena jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jitilqu l-edukazzjoni formali. Din tistieden lill-Istati Membri biex joffru u liż-żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola u liż-żgħażagħ b'ħiliet baxxi perkorsi biex jaqbdu t-triq lura għall-edukazzjoni u t-taħriġ jew programmi ta' edukazzjoni li jagħtuhom ċans ieħor, li joffru ambjenti ta' tagħlim li jirrispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u li jippermettulhom jiksbu l-kwalifika li ma kisbux.

(20)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-Integrazzjoni tal-Persuni li Ilhom Qiegħda fis-Suq tax-Xogħol (6) tirrakkomanda li persuni qiegħda fit-tul jiġu offerti valutazzjonijiet individwali fid-dettall u gwida u ftehim ta' integrazzjoni f'impjieg li jikkonsisti f'offerta individwali u fl-identifikazzjoni ta' punt uniku ta' kuntatt mhux aktar tard minn meta jagħlqu 18-il xahar qiegħda.

(21)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (7) tistieden lill-Istati Membri biex jespandu u jtejbu l-investiment fil-kapital uman permezz ta' politiki ta' edukazzjoni u ta' taħriġ inklussivi, li jinkludu strateġiji effettivi ta' tagħlim tul il-ħajja, u biex jadattaw is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ b'rispons għal rekwiżiti ġodda relatati mal-ħiliet u għall-ħtieġa għal ħiliet diġitali.

(22)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u s-6 ta' Ġunju 2014 dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Unjoni affermaw mill-ġdid il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika ta' Integrazzjoni fl-UE li ġew adottati fl-2004, u prinċipju minnhom hu li l-isforzi fl-edukazzjoni huma kritiċi biex l-immigranti, u b'mod partikolari d-dixxendenti tagħhom, jitħejjew biex ikollhom aktar suċċess u jkunu parteċipanti aktar attivi fis-soċjetà.

(23)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar kif l-iggwidar tul il-ħajja jista' jiġi integrat aħjar fl-istrateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja 2008 (8) tistieden lill-Istati Membri biex jużaw erba’ prinċipji ta' gwida bl-għan li jkunu appoġġati t-transizzjonijiet fil-karriera tul il-ħajja taċ-ċittadini: jinkoraġġixxu l-akkwist tul il-ħajja ta' ħiliet għat-treġija tal-karriera; jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini kollha għas-servizzi ta' gwida; jiżviluppaw l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-provediment tal-iggwidar; u jinkoraġġixxu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost id-diversi partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali.

(24)

Minkejja dawn l-isforzi, l-aċċess ta' adulti b'livell baxx ta' ħiliet għal opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, u l-parteċipazzjoni tagħhom fihom, jibqgħu sfida li għad trid tingħeleb. Il-politiki attivi fis-suq tax-xogħol għandhom l-għan li jġibu lin-nies qiegħda f'impjieg kemm jista' jkun malajr iżda mhux dejjem jipprovdu opportunitajiet personalizzati flessibbli ta' titjib tal-ħiliet. Huma biss ftit il-politiki pubbliċi li jindirizzaw il-ħtieġa ta' titjib tal-ħiliet tal-persuni li diġà għandhom xogħol, u b'hekk dawn jitqiegħdu fir-riskju ta' obsolexxenza tal-ħiliet u ta' telf tal-impjieg, filwaqt li persuni l-aktar mbiegħda mis-suq tax-xogħol għandhom l-akbar bżonn ta' titjib tal-ħiliet iżda huma l-aktar diffiċli biex jintlaħqu.

(25)

Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri stiednu lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposta għal aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa li tindirizza fost l-oħrajn modi kif l-iżvilupp tal-ħiliet u l-akkwist tal-għarfien jistgħu jingħataw spinta u li tirrikonoxxi li t-tlestija tal-livell sekondarju ogħla jew ekwivalenti għandha t-tendenza li tkun ikkunsidrata bħala r-rekwiżit minimu biex tkun żgurata transizzjoni ta’ suċċess mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol u biex jinkiseb aċċess għal aktar tagħlim.

(26)

Il-bażi ta' għarfien meħtieġa minn dawk li jfasslu l-politika u mill-prattikanti qed tikber, iżda għadha mhijiex kompluta. Il-korpi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Eurostat, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (Cedefop), jistgħu jiżviluppaw aktar ir-riċerka, l-għarfien u l-analiżi rilevanti. Ir-riżultati tal-ħidma mwettqa fi ħdan il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-impjiegi, tal-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jikkontribwixxu aktar għall-iżvilupp tal-bażi tal-għarfien u t-tagħlim reċiproku.

(27)

L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, l-impjegaturi, it-trade unions, il-kmamar tal-industrija, tan-negozju, tal-kummerċ u tal-artiġjanat, l-entitajiet nazzjonali involuti fl-ippjanar, l-organizzazzjoni jew il-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ u fil-politiki ta' integrazzjoni tal-migranti, is-servizzi għall-impjiegi, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet intermedjarji u settorjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, atturi ekonomiċi lokali u reġjonali, il-libreriji, is-servizzi komunitarji u l-adulti stess li qed jitgħallmu huma fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-isforz komuni meħtieġ biex jiġu milħuqa, involuti, ggwidati u appoġġati l-individwi huma u jagħmlu progress fil-perkors ta' titjib tal-ħiliet tagħhom.

(28)

Id-diversità tal-grupp fil-mira u l-frammentazzjoni u l-kumplessità tal-miżuri ta' politika f'dan il-qasam ta' spiss jirriżultaw f'nuqqas ta' approċċi sistematiċi għat-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol u f'nuqqas ta' għarfien dwar il-benefiċċji soċjali li jista' jġib miegħu dan it-titjib. Għaldaqstant, huma mixtieqa sforzi ta politika koerenti bbażati fuq koordinazzjoni effettiva u sħubiji fl-oqsma kollha ta' politika.

(29)

Peress li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-sitwazzjonijiet tas-suq tax-xogħol ivarjaw sostanzjalment bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, m’hemmx approċċ ta’ universalità għall-impjegabbiltà. F’dan il-kuntest, il-progress lejn livell speċifiku ta’ kwalifika huwa mezz biex tissaħħaħ l-impjegabbiltà u l-parteċipazzjoni attiva tal-individwu fis-soċjetà, aktar milli għan fih innifsu,

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI,

f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, iċ-ċirkostanzi u r-riżorsi disponibbli, u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ:

1.

Joffru lil adulti b'livell baxx ta' ħiliet, għarfien u kompetenzi, pereżempju dawk li jkunu telqu l-edukazzjoni jew it-taħriġ inizjali mingħajr ma jkunu lestew l-edukazzjoni sekondarja għolja jew ekwivalenti, u li mhumiex eliġibbli għal appoġġ taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, aċċess għal perkorsi ta' titjib tal-ħiliet li jippermettulhom l-opportunità, skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom, biex:

(a)

jiksbu livell minimu ta' litteriżmu, numeriżmu u kompetenza diġitali; u/jew

(b)

jiksbu sett usa' ta' ħiliet, għarfien u kompetenzi, rilevanti għas-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, li jibni fuq ir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, billi jsir progress lejn kwalifika fil-livell 3 jew 4 tal-QEK skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali.

2.

Filwaqt li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali, ir-riżorsi disponibbli u l-istrateġiji nazzjonali eżistenti, jidentifikaw gruppi fil-mira ta' prijorità għat-twassil ta' perkorsi ta' titjib tal-ħiliet fil-livell nazzjonali. Filwaqt li jkun qed isir dan, għandu jittieħed kont ukoll tas-sess, id-diversità u d-diversi sottogruppi fil-popolazzjoni fil-mira.

3.

Fejn xieraq, jibbażaw it-tfassil tal-perkorsi ta' titjib fuq tliet passi: il-valutazzjoni tal-ħiliet, il-provvista ta’ offerta ta’ tagħlim li tkun flessibbli, ta' kwalità u mfassla apposta għall-individwu, u validazzjoni u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba. Dawk il-passi jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta’ miżuri ta’ gwida u ta’ appoġġ kif previst fil-paragrafi 12 sa 14 billi jsir l-aħjar użu mill-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali, kif ikun xieraq.

Valutazzjoni tal-ħiliet

4.

Joffru lill-adulti fil-gruppi fil-mira ta' prijorità, definiti f'konformità mal-paragrafu 2, l-opportunità li ssirilhom valutazzjoni, e.ż. verifika tal-ħiliet, biex jiġu identifikati l-ħiliet eżistenti u l-ħtiġijiet ta' titjib tal-ħiliet.

5.

Japplikaw, fejn xieraq, għal adulti b'livell baxx ta' kwalifiki, l-arranġamenti ta' validazzjoni stabbiliti f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, biex il-ħiliet eżistenti jiġu identifikati, dokumentati, ivvalutati u/jew iċċertifikati.

Offerta ta' tagħlim imfassla apposta għall-individwu u flessibbli

6.

Jipprovdu offerta ta' edukazzjoni u taħriġ, f'konformità mal-paragrafu 1, li tissodisfa l-ħtiġijiet identifikati permezz tal-valutazzjoni tal-ħiliet. Għal migranti minn pajjiżi terzi, jinkludu, kif ikun xieraq, opportunitajiet ta' tagħlim tal-lingwa u ta' tħejjija għat-taħriġ.

7.

Jekk dan ikun konformi mas-sistemi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, jippermettu użu akbar ta' unitajiet ta' eżiti ta' tagħlim li jistgħu jiġu ddokumentati, ivvalutati u vvalidati sabiex jiġi rreġistrat il-progress ta' dawk li qed jitgħallmu fi stadji differenti.

8.

Iqisu, sa fejn possibbli, il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali, reġjonali u nazzjonali meta jistabbilixxu offerta f'konformità mal-paragrafu 1, u jwassluha b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b'mod partikolari s-sħab soċjali u l-atturi ekonomiċi lokali, reġjonali u nazzjonali.

Validazzjoni u rikonoxximent

9.

Jibnu fuq l-arranġamenti eżistenti ta' validazzjoni stabbiliti f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali biex jiġu vvalutati u ċċertifikati l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba, inkluż it-tagħlim fuq il-post tax-xogħol, u titħeġġeġ iċ-ċertifikazzjoni tagħhom għal kwalifika, f'konformità mal-oqfsa u s-sistemi nazzjonali ta' kwalifiki.

10.

F'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, u skont iċ-ċirkostanzi u r-riżorsi disponibbli, jibbażaw it-twassil ta' perkorsi ta' titjib tal-ħiliet fuq il-prinċipji deskritti fil-paragrafi 11 sa 18.

Koordinazzjoni u sħubija

11.

Jiżguraw koordinazzjoni effettiva biex tiġi implimentata din ir-Rakkomandazzjoni, u jappoġġaw, fejn xieraq, l-involviment ta' atturi pubbliċi u privati rilevanti fl-oqsma ta' politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tal-impjiegi, dawk soċjali, kulturali u oħrajn rilevanti, kif ukoll il-promozzjoni ta' sħubijat bejniethom, inkluż il-kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali.

Miżuri ta' lħiq, gwida u appoġġ

12.

Jimplimentaw miżuri ta' motivazzjoni u ta' lħiq li jinkludu s-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tat-titjib tal-ħiliet, id-disponibbiltà ta' informazzjoni dwar l-iggwidar eżistenti, il-miżuri ta' appoġġ, l-opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u l-korpi responsabbli, u l-għoti ta' inċentivi lill-persuni l-inqas motivati sabiex jagħmlu użu produttiv minnhom.

13.

Jipprovdu servizzi ta' gwida u/jew mentoraġġ biex il-progressjoni tal-istudenti tiġi appoġġata tul l-istadji kollha tal-proċess tat-titjib tal-ħiliet.

14.

Jikkunsidraw li jfasslu u jimplimentaw miżuri ta' appoġġ li jindirizzaw b'mod ekwu l-ostakli għall-parteċipazzjoni f'perkorsi ta' titjib tal-ħiliet. Dawn jistgħu jkunu, fost l-oħrajn, appoġġ dirett għal dawk li qed jitgħallmu jew appoġġ indirett għall-impjegaturi biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom.

15.

Jappoġġaw it-taħriġ inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-persunal involut fit-twassil ta' perkorsi ta' titjib tal-ħiliet, b'mod partikolari tal-professjonisti tat-tagħlim.

Segwitu u evalwazzjoni

16.

Fejn possibbli, fi żmien sena mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhux aktar tard min-nofs l-2018, u abbażi tal-arranġamenti nazzjonali eżistenti rilevanti u oqfsa finanzjarji eżistenti, ifasslu miżuri xierqa għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-livell nazzjonali.

17.

Jevalwaw fl-oqfsa nazzjonali eżistenti l-miżuri kollha msemmija fil-paragrafu 16 u l-impatt tagħhom fuq il-progress tal-grupp fil-mira lejn il-kisba ta' kompetenzi ta' litteriżmu, numeriżmu u dawk diġitali u/jew lejn kwalifika fil-livell 3 jew 4 tal-QEK skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali.

18.

Jużaw ir-riżultati tal-evalwazzjoni bħala l-bażi, kif ikun xieraq, għat-tfassil u t-twassil ta' perkorsi ta' titjib tal-ħiliet fil-livell nazzjonali u għat-tfassil ta' aktar politiki u riformi bbażati fuq l-evidenza.

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-KUMMISSJONI:

19.

Bl-appoġġ tal-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali, issegwi l-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ skambji bħal tagħlim reċiproku, flimkien mal-korpi u l-proċessi ta' koordinazzjoni rilevanti Ewropej li jittrattaw l-impjiegi u l-edukazzjoni u l-politiki dwar it-taħriġ.

20.

Tippromwovi l-użu tal-oqfsa ta' kompetenza rilevanti eżistenti, bħall-Qafas Ewropew ta' Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini, u għodod ta' valutazzjoni.

21.

Tiffaċilita t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri u tagħmel disponibbli r-riżorsi u l-informazzjoni ewlenin disponibbli fuq il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE).

22.

Tappoġġa u twettaq f'kooperazzjoni mal-korpi tal-Unjoni u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-OECD jew il-UNESCO, riċerka u analiżi rilevanti dwar it-tagħlim tal-adulti u l-valutazzjonijiet tal-ħiliet (eż. il-PIAAC).

23.

Fejn xieraq, mingħajr preġudizzju għan-negozjati għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u f'konformità mal-prijoritajiet definiti għall-perijodu 2014-2020, tappoġġa l-użu ta' programmi ta' finanzjament Ewropej attwali u futuri fil-qasam tal-iżvilupp tal-ħiliet, b'mod partikolari l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, u Erasmus +, għall-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, f'konformità mal-bażi legali tagħhom.

24.

Fil-qafas tal-proċeduri eżistenti ta' rappurtar, tagħmel rendikont, sal-31 ta' Diċembru 2018, tal-miżuri ta' implimentazzjoni mfassla mill-Istati Membri.

25.

Tivvaluta u tevalwa, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-azzjonijiet meħuda bħala rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni u, fi żmien ħames snin mid-data tal-adozzjoni tagħha, tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar lejn it-titjib tal-livelli ta' litteriżmu, numeriżmu u tal-kompetenza diġitali fost adulti b'livell baxx ta' kwalifiki, l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

L. SÓLYMOS


(1)  ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.).

(3)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(4)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(5)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(6)  ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.

(7)  ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.

(8)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 4.


Top