Izberite preskusne funkcije, ki jih želite preveriti.

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

L-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkonsolida diversi direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tissimplifika, timmodernizza u ttejjeb il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-qasam tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fl-impjieg.

PUNTI EWLENIN

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tad-dritt tal-UE li japplika għal diversi aspetti tal-ħajja fis-soċjetà, inkluż id-dinja tax-xogħol.

Ugwaljanza fl-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

Din id-Direttiva tipprojbixxi d-diskriminazzjoni diretta* jew indiretta* bejn l-irġiel u n-nisa dwar il-kundizzjonijiet ta’:

  • reklutaġġ, aċċess għall-impjieg u impjieg indipendenti;
  • kondizzjonijiet ta’ impjieg, inklużi l-paga u s-sensja;
  • taħriġ vokazzjonali u promozzjoni;
  • sħubija f’organizzazzjonijiet tal-ħaddiema jew ta’ min iħaddem.

Barra minn hekk, l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess fi kwistjonijiet ta’ paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur. Dan il-prinċipju japplika wkoll għal sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi li jintużaw biex tiġi ddeterminata l-paga.

Madankollu, eċċezzjonalment, trattament differenti għall-irġiel u n-nisa jista’ jkun iġġustifikat minħabba n-natura tal-attività tax-xogħol partikolari, jekk il-miżuri li jittieħdu jkunu leġittimi u proporzjonati.

L-Istati Membri tal-UE jridu jħeġġu lil min iħaddem biex jaġixxi kontra d-diskriminazzjoni (kemm diretta u indiretta) abbażi tas-sess, u b’mod partikolari kontra l-fastidju* u l-fastidju sesswali*.

L-ugwaljanza fil-protezzjoni soċjali

L-irġiel u n-nisa huma trattati b’mod ugwali taħt l-iskemi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali, li b’mod partikolari jikkonċernaw:

  • il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-iskemi;
  • il-kontribuzzjonijiet;
  • il-kalkolu ta’ benefiċċji, inklużi benefiċċji supplimentari, u l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-intitolament.

Dan il-prinċipju japplika għall-popolazzjoni kollha li taħdem, inkluż:

  • ħaddiema li jaħdmu għal rashom (madanakollu, għal din il-kategorija, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu trattament differenti dwar l-età tal-pensjoni);
  • ħaddiema li l-attività tagħhom tkun interrotta minn mard, aċċident jew qgħad involontarju;
  • persuni li jkunu qed ifittxu impjieg, ħaddiema rtirati u b’diżabilità, u dawk li jagħmlu pretensjonijiet taħt dawn.

Liv tal-maternità, tal-paternità u tal-adozzjoni

Fit-tmiem tal-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-adozzjoni, l-impjegati għandhom id-dritt li:

  • jirritornaw lura għax-xogħlijiet tagħhom jew għal pożizzjonijiet ekwivalenti b’kundizzjonijiet li ma jkunux inqas favorevoli għalihom;
  • jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg li kienu jkunu intitolati għalih matul l-assenza tagħhom.

Difiża tad-drittijiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu rimedji għall-impjegati li kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni, bħal proċeduri ta’ konċiljazzjoni u ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom minn trattament ħażin minn min iħaddem bħala reazzjoni għal ilment fi ħdan il-kumpanija jew għal kwalunkwe proċedura legali.

Għandhom jistabbilixxu penali u possibbiltajiet ta’ riparazzjoni jew kumpens b’rabta mal-ħsara mġarrba.

Fil-każ ta’ proċedimenti legali, l-oneru tal-provi jinqasam bejn il-persuna li tippreżenta l-ilment dwar id-diskriminazzjoni u l-parti li tkun ġiet akkużata bid-diskriminazzjoni. Jekk l-ilmentatur jippreżenta fatti lill-qorti li jistgħu joħolqu preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni (eż. in-nisa kollha fil-kumpanija għandhom salarji aktar baxxi mill-irġiel), imbagħad ir-rikorrent irid juri li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (eż. l-impjiegi tagħhom huma differenti jew jaħdmu part-time).

Għandu jiġi nnotat li l-Kapitolu III (Remedji u infurzar) tad-Direttiva (UE) 2023/970 dwar ir-regoli dwar it-trasparenza tal-pagi fir-rigward ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali (ara s-sommarju) japplika għal proċedimenti li jikkonċernaw kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE. Sal-lum, għalkemm id-dritt għal paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali huwa stabbilit fl-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2006/54/KE, il-prinċipju kien diffiċlu biex jiġi applikat u inforzat. Ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2023/970 se japplikaw mis-7 ta’ Ġunju 2026.

Il-promozzjoni tat-trattament ugwali

L-Istati Membri jaħtru korpi li r-rwol tagħhom huwa li jippromwovu, janalizzaw u jwettqu monitoraġġ tat-trattament ugwali biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tiġi segwita u li jipprovdu wkoll appoġġ indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-15 ta’ Awwissu 2008.

Id-Direttiva 2006/54/KE rrevediet u ssostitwiet diversi direttivi (75/117/KEE, 76/207/KEE, 2002/73/KE, 86/378/KEE, 96/97/KE, 97/80/KE u 98/52/KE) u l-emendi sussegwenti tagħhom.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Diskriminazzjoni diretta. Fejn persuna waħda tiġi ttrattata minħabba s-sess tagħha b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi ttrattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli.
Diskriminazzjoni indiretta. Fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali jpoġġu lill-persuni ta’ sess wieħed fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni ta’ sess ieħor (sakemm dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma jkunux iġġustifikati b’mod oġġettiv minn għan leġittimu u l-mezzi biex jinkiseb dak l-għan ikunu xierqa u neċessarji).
Fastidju. Fejn ikun hemm imġiba mhux mixtieqa li għandha x’taqsam mas-sess ta’ persuna bl-għan jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità ta’ persuna, u li jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.
Fastidju sesswali. Meta titwettaq kwalunkwe forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali, bil-fini jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, 26.7.2006, pp. 23–36).

DOKUMENT RELATAT

Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (ĠU L 132, 17.5.2023, pp. 21–44).

l-aħħar aġġornament 26.05.2023

Na vrh