Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0016

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet

    COM/2022/16 final

    Strasburgu, 18.1.2022

    COM(2022) 16 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet

    {SWD(2022) 6 final}


    1L-universitajiet – karatteristika distintiva tal-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna

    Illum, is-soċjetà tagħna teħtieġ aktar minn qatt qabel il-kontribut tal-universitajiet tagħha 1 . L-Ewropa, f’dinja li qed tinbidel malajr, qed tiffaċċja sfidi kbar - it-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità, it-trasformazzjoni diġitali u t-tixjiħ tal-popolazzjoni - fi żmien meta hija affettwata mill-akbar kriżi tas-saħħa globali f’seklu sħiħ u mit-tisbita ekonomika li tirriżulta minnha. Il-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja u l-benesseri u l-prosperità tal-ġenerazzjonijiet futuri se jiddependu fuq ir-rispons tagħna. Is-settur tal-edukazzjoni għolja għandu rwol essenzjali fl-irkupru wara l-pandemija tal-Ewropa u fit-tiswir ta’ soċjetajiet u ta’ ekonomiji sostenibbli u reżiljenti. Universitajiet eċċellenti u inklużivi huma kundizzjoni u pedament għal soċjetajiet miftuħa, demokratiċi, ġusti u sostenibbli kif ukoll għal tkabbir sostnut, għall-intraprenditorija u għall-impjiegi.

    L-Ewropa tista’ tibni fuq settur tal-edukazzjoni għolja divers u li qed jiffjorixxi, b’għeruq fondi fil-kultura Ewropea. L-Ewropa tinkludi qrib il-5 000 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja 2 , 17,5 miljun student tal-edukazzjoni terzjarja, 1,35 miljun persuna li qed jgħallmu fl-edukazzjoni terzjarja 3 u 1,17 miljun riċerkatur 4 . Kemm jekk ikunu universitajiet tar-riċerka, istitut tat-teknoloġija, skejjel tal-arti jew istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għolja – it-tipi differenti ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huma kollha karatteristiċi tal-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna. Din id-diversità hija meqjusa punt pożittiv, minħabba li tippermetti għall-għażla u għall-kreattività u għas-sinerġija permezz tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni. L-Ewropa issa qiegħda tiċċelebra 35 sena ta’ esperjenzi ta’ impatt kbir fuq il-ħajja għal aktar minn 10 miljun student żagħżugħ u żagħżugħa permezz tal-programm emblematiku tagħha Erasmus+.

    L-universitajiet għandhom pożizzjoni unika f’salib it-toroq tal-edukazzjoni, tar-riċerka, tal-innovazzjoni, tal-qadi lis-soċjetà u tal-ekonomija: għandhom rwol kritiku fil-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ŻEE) u taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) , f’sinerġija maż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja. Permezz ta’ sħubijiet b’saħħithom fl-UE u madwar id-dinja u permezz tal-bini fuq l-assi kumulattivi tas-sistemi tal-edukazzjoni u tan-networks tar-riċerka, huma atturi ewlenin għall-promozzjoni tal-mudell Ewropew f’konformità mal-interessi u mal-valuri tal-UE: l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u n-normi u l-istandards internazzjonali.

    L-Ewropa teħtieġ universitajiet b’saħħithom biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-aġenda politika tal-Unjoni Ewropea, peress li jikkondividu ħafna inizjattivi ewlenin differenti li ttieħdu dan l-aħħar għall-irkupru u għar-reżiljenza. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom interess komuni f’li jappoġġaw is-settur tal-edukazzjoni għolja billi jaħdmu flimkien lejn viżjoni konġunta għas-settur tal-edukazzjoni għolja, filwaqt li jibnu fuq ir-rikkezza tad-diversità tiegħu.

    B’dan il-mod, jeħtieġ li jqisu l-kuntest li qiegħed jevolvi li qiegħda tiffaċċja l-UE, u li jħalli impatt fuq is-settur tal-edukazzjoni għolja direttament. F’każ li ma titteħidx azzjoni xierqa, dan jista’ jxekkel il-prestazzjoni tal-universitajiet. L-universitajiet bdew proċess ta’ ħsieb mill-ġdid u ta’ tiġdid huma stess. L-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġawhom f’dan l-isforz.

    L-universitajiet jistgħu jsolvu aħjar l-isfidi l-kbar tas-soċjetà billi jinvolvu ruħhom b’mod aktar effettiv fil-kooperazzjoni tranżnazzjonali. 92 % tal-universitajiet identifikaw l-eliminazzjoni tal-ostakli legali u amministrattivi għas-sħubijiet istituzzjonali strateġiċi internazzjonali bħala kwistjoni ewlenija 5 . Fi stħarriġ tal-Ewrobarometru, 93 % tar-rispondenti wieġbu li jkun utli li jinħolqu gradi tal-UE pprovduti minn networks ta’ universitajiet Ewropej, li joffru lill-istudenti bl-opportunità li jistudjaw f’pajjiżi differenti tal-UE, b’għażla flessibbli ta’ korsijiet jew moduli 6

    Il-finanzjament tal-universitajiet spiss ma jkunx biżżejjed biex jissodisfa l-missjoni soċjetali dejjem tikber tagħhom. Rapport tal-osservatorju tal-finanzjament pubbliku 7 żvela li f’aktar minn nofs is-sistemi tal-edukazzjoni għolja mistħarrġa, l-investiment fl-edukazzjoni għolja jew jonqos minkejja numri dejjem akbar ta’ studenti, jew inkella ma jiżdiedx bl-istess pass. Il-pandemija tal-Covid-19 wasslet għal ħtiġijiet ta’ investiment addizzjonali (eż. fl-għodod u fl-infrastruttura diġitali) u għat-telf tad-dħul.

    Peress li l-ħtiġijiet tal-ħiliet qed jevolvu malajr, is-settur tal-edukazzjoni għolja jrid jadatta. It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jeħtieġu edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni li jibqgħu validi fil-futur, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-industriji u mal-partijiet ikkonċernati relatati u jridu jingħelbu d-disparitajiet sinifikanti fil-ħiliet diġitali madwar l-UE. L-istudenti u l-persunal madwar l-UE jeħtieġ li jkunu mgħammra bil-ħiliet ekoloġiċi u diġitali għall-futur u l-potenzjal tal-innovazzjoni u teknoloġiku tal-universitajiet jeħtieġ li jiġi implimentat biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà relatati. Il-miri Ewropej huma li, sal-2030, mill-inqas 45 % taż-żgħażagħ ta’ bejn il-25-34 sena jiksbu grad f’livell terzjarju 8 u mill-inqas 60 % tal-adulti jipparteċipaw fl-apprendiment (matul it-12-il xahar preċedenti) sal-2030 9 . Id-Deċennju Diġitali 10 jistabbilixxi miri ambizzjużi, li għandhom l-għan li jilħqu 80 % tan-nies b’mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi u 20 miljun speċjalista tal-ICT impjegati sal-2030.

    Id-diversità, l-inklużività u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-edukazzjoni għolja saru aktar importanti minn qatt qabel. Studenti, akkademiċi, persunal amministrattiv u riċerkaturi minn sfondi żvantaġġati għadhom ma humiex irrappreżentati biżżejjed fl-edukazzjoni għolja 11 . Għad hemm differenza persistenti bejn il-ġeneri f’xi oqsma ta’ studju u riċerka u f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-universitajiet. Il-bilanċ bejn il-ġeneri jonqos b’mod ċar aktar ma tiżdied l-anzjanità (fil-kariga) fost il-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fejn in-nisa għandhom ftit inqas minn 24 % ta’ dawn il-pożizzjonijiet fl-EU27 12 .

    Il-valuri akkademiċi u demokratiċi fundamentali jinsabu taħt pressjoni. L-universitajiet esprimew tħassib kbir dwar it-theddid għal-libertà akkademika u l-awtonomija tal-universitajiet 13 . In-numri ta’ akkademiċi u riċerkaturi li jinsabu f’riskju fil-viċinat Ewropew qed jiżdiedu. L-interferenza barranija fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja hija wkoll theddida. 

    L-universitajiet għandhom jibqgħu kompetittivi fix-xena dinjija. Il-piż relattiv tal-Ewropa fuq skala globali fir-rigward tal-universitajiet intensivi fir-riċerka qiegħed jonqos. Hemm potenzjal mhux użat biex jingħaqdu flimkien l-isforzi tal-Istati Membri fix-xena globali. L-Ewropa xorta tista’ tagħmel aktar biex tistimula l-mobbiltà u tattira u żżomm studenti, akkademiċi u riċerkaturi ta’ talent biex timmassimizza l-influwenza globali tal-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-valuri, mal-edukazzjoni, mar-riċerka, mal-industrija u mal-impatt tas-soċjetà.

    Din l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet hija parti minn pakkett ta’ edukazzjoni għolja, flimkien ma’ proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-bini ta’ rabtiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja. Iż-żewġ inizjattivi flimkien għandhom l-għan li jiżblukkaw il-potenzjal sħiħ tas-settur tal-edukazzjoni għolja bħala l-promotur tal-ħiliet u tal-għarfien u l-magna għall-innovazzjoni u għas-solvien tal-isfidi tas-soċjetà. L-istrateġija tibni fuq il-kisbiet ta’ aktar minn 20 sena tal-proċess ta’ Bolonja biex tipproponi viżjoni għal kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja li hija trasformattiva għall-benefiċċju tal-UE u lil hinn minnha. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija l-ewwel pass fl-iffaċilitar ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali profonda għall-universitajiet biex ikunu jistgħu jirnexxu u jsaħħu sens ta’ appartenenza Ewropea.

    2L-objettivi tal-istrateġija Ewropea għall-universitajiet

    L-istrateġija Ewropea għall-universitajiet għandha l-għan li tappoġġa u li tippermetti lill-universitajiet jadattaw għall-kundizzjonijiet li qed jinbidlu, li jirnexxu u li jikkontribwixxu għar-reżiljenza u għall-irkupru tal-Ewropa. L-istrateġija hija sejħa lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa biex jingħaqdu flimkien. Hija tfittex li tieħu l-kooperazzjoni tranżnazzjonali għal livell ġdid ta’ intensità u ta’ ambitu u li tiżviluppa dimensjoni ġenwinament Ewropea fis-settur tal-edukazzjoni għolja, mibnija fuq valuri kondiviżi. L-istrateġija tirrikonoxxi l-eċċellenza u l-inklużjoni bħala karatteristika distintiva tal-edukazzjoni għolja Ewropea, eżemplari għall-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna. Dan jagħmel is-settur tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa differenti minn dak ta’ partijiet oħra tad-dinja.

    L-istrateġija tibni wkoll fuq l-ewwel tagħlimiet meħuda mill-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej 14 . Din l-inizjattiva tirrappreżenta eżempju ċar ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali istituzzjonali profonda bbażata fuq viżjonijiet konġunti u kondiviżi fit-tul tal-universitajiet. Il-41 alleanza tal-Universitajiet Ewropej 15 huma katalizzaturi għat-tnedija ta’ strumenti u ta’ oqfsa ġuridiċi ġodda u jistgħu jispiraw lill-komunità usa’ tal-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa.

    Sa nofs l-2024 , il-Kummissjoni tipproponi li tiffoka fuq l-ilħuq tal-erba’ objettivi ewlenin konġunti:

    -it-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja u r-riċerka:

    L-implimentazzjoni ta’ sett ta’ inizjattivi ewlenin li se jkunu għal kooperazzjoni tranżnazzjonali dak li kien Erasmus+ għall-mobbiltà tal-istudenti s’issa u Orizzont Ewropa għal riċerka eċċellenti: l-espressjoni viżibbli ta’ approċċ distint Ewropew. Bir-responsabbiltajiet dejjem akbar tal-universitajiet għal Ewropa reżiljenti, dawn jeħtieġu appoġġ finanzjarju xieraq.

    -l-appoġġ lill-universitajiet bħala fanali tal-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna:

    L-edukazzjoni għolja u r-riċerka fl-Ewropa jappoġġaw il-mod ta’ ħajja Ewropew tagħna permezz tal-fokus tripplu tagħhom fuq 1) il-kwalità u r-rilevanza għal ħiliet li jibqgħu validi fil-futur, 2) id-diversità u l-inklużjoni 3) il-prattiki demokratiċi, id-drittijiet fundamentali u l-valuri akkademiċi u l-libertà tar-riċerka xjentifika. Jeħtieġ li jiġu promossi karrieri akkademiċi flessibbli u attraenti, il-valutazzjoni tal-attivitajiet tat-tagħlim, tar-riċerka, tal-intraprenditorija, tal-ġestjoni u tat-tmexxija.

    - l-għoti tas-setgħa lill-universitajiet bħala atturi tal-bidla fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali:

    L-appoġġ għall-involviment sħiħ tal-universitajiet fl-iżvilupp ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-UE se tissodisfa biss l-ambizzjonijiet tagħha li tgħammar lil aktar żgħażagħ u studenti tul il-ħajja b’ħiliet diġitali u b’ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika, jew li tiżviluppa soluzzjonijiet ekoloġiċi permezz tal-innovazzjoni teknoloġika u soċjali, jekk is-settur tal-edukazzjoni għolja jagħmel sehmu.

    -it-tisħiħ tal-universitajiet bħala xprunaturi tar-rwol u tat-tmexxija globali tal-UE:

    Permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali aktar profonda fl-Ewropa u lil hinn minnha, tappoġġa lill-universitajiet biex isiru aktar aperti u kompetittivi fix-xena globali, u biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi sħab, f’konformità mal-valuri Ewropej. Dan imbagħad se jgħin biex tingħata spinta lill-attraenza tal-Ewropa mhux biss bħala destinazzjoni ta’ studju, iżda wkoll bħala sieħeb globali attraenti għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni.

    Sabiex tirnexxi, l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet teħtieġ allinjament tal-prijoritajiet tal-politikau tal-investimenti fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u istituzzjonali. L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija se teħtieġ kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ u bejn l-Istati Membri, l-universitajiet u partijiet ikkonċernati oħra. Flimkien, nistgħu ningranaw il-bażi b’saħħitha u unika tas-settur tal-edukazzjoni għolja tal-Ewropa u nġibu l-missjonijiet tagħha – l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni fis-servizz tas-soċjetà – eqreb ta’ xulxin.

    3Qafas ġdid għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea

    3.1Erba’ inizjattivi ewlenin biex tingħata spinta lid-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja u r-riċerka

    Iż-żewġ Komunikazzjonijiet dwar il-Kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 16  u dwar Żona Ewropea tar-Riċerka ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 17 jenfasizzaw li rridu niffaċilitaw u nsaħħu l-kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn l-universitajiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex iż-żgħażagħ, l-istudenti tul il-ħajja u r-riċerkaturi jiġu mgħammra bil-kompetenzi u bil-ħiliet ix-xierqa. Tintegra wkoll kultura ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni u fix-xjenza u l-ħolqien tal-valur fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, it-titjib tal-attraenza u tal-kompetittività globali. L-Ewropa tista’ tappoġġa dawn l-isforzi permezz ta’ approċċ gradwali, b’sett ta’ erba’ inizjattivi ewlenin li – meta jittieħdu flimkien – se jingranaw is-saħħa tal-universitajiet madwar l-Ewropa u se jkomplu jsaħħu kemm l-inklużjoni kif ukoll l-eċċellenza tagħhom fl-attivitajiet kollha tagħhom.

    L-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej tal-Erasmus+, flimkien ma’ Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali u strumenti oħra tal-UE u nazzjonali, se tappoġġa alleanzi tranżnazzjonali ambizzjużi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jiżviluppaw u jaqsmu kooperazzjoni strutturali, sostenibbli u sistemika komuni fit-tul dwar l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, bil-ħolqien ta’ kampusijiet bejn universitajiet Ewropej fejn l-istudenti, il-persunal u r-riċerkaturi mill-partijiet kollha tal-Ewropa jistgħu jgawdu minn mobbiltà mingħajr xkiel u joħolqu għarfien ġdid flimkien, bejn il-pajjiżi u d-dixxiplini.

    Statut legali għall-alleanzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja – għall-Universitajiet Ewropej u għal tipi oħra ta’ alleanzi – jippermettilhom li jimmutwalizzaw il-punti pożittivi tagħhom flimkien, jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi komuni, jaġixxu flimkien b’personalità ġuridika, u jiffaċilitaw il-ġbir flimkien tar-riżorsi, l-attivitajiet u d-data. Tali statut jiffaċilita kooperazzjoni tranżnazzjonali aktar profonda, fit-tul u flessibbli, li tippermetti u li tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet, l-iskambjar tal-persunal u l-implimentazzjoni ta’ programmi konġunti, bil-għan li jingħata fil-livell tal-lawrji konġunti tal-alleanza, inkluż lawrja Ewropea konġunta.

    Lawrja Ewropea konġunta, li tingħata fil-livell nazzjonali, tiċċertifika r-riżultati tat-tagħlim miksuba bħala parti mill-kooperazzjoni tranżnazzjonali fost diversi istituzzjonijiet, offruta pereżempju fi ħdan l-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, u li tkun ibbażata fuq sett komuni ta’ kriterji. Lawrja Ewropea għandha tkun faċli biex tinħareġ, tinħażen, tiġi kondiviża, tiġi vverifikata u awtentikata, u tkun rikonoxxuta madwar l-UE. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se taħdem lejn l-iżvilupp ta’ kriterji Ewropej għall-għoti ta’ tikketta tal-Lawrja Ewropea. Tali tikketta tinħareġ bħala ċertifikat komplementari għall-kwalifika ta’ studenti li jiggradwaw minn programmi konġunti mogħtija fil-kuntest ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn diversi istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

    L-użu ġeneralizzat tal-inizjattiva Kard Ewropea tal-Istudenti għall-istudenti mobbli kollha madwar l-universitajiet fl-Ewropa se jiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-mobbiltà tranżnazzjonali fil-livelli kollha. Dan se jagħmel il-ġestjoni tal-mobbiltà aktar faċli, aktar effiċjenti u aktar ekoloġika. L-iżgurar li kull student Ewropew ikun jista’ jiġi identifikat b’mod uniku bejn il-fruntieri u bejn l-għodod diġitali, se jiffaċilita l-introduzzjoni tal-Kards Ewropej tal-Istudenti madwar l-Ewropa u se jippermetti d-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-ġestjoni tal-mobilità tal-istudenti tal-Erasmus+ mill-applikazzjoni sal-ħruġ ta’ kredenzjali tal-istudju 18 .

    Dawn l-erba’ inizjattivi ewlenin se jaħdmu f’sinerġija u se jikkontribwixxu għal qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fis-settur tal-edukazzjoni għolja. Dawn se jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ identità Ewropea vera, li ġġib kooperazzjoni tranżnazzjonali f’livell ogħla u li trawwem sens qawwi ta’ appartenenza Ewropea.  

    Barra minn hekk, bl-universitajiet li jgawdu awtonomija u bil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’idejn l-Istati Membri, hija sfida permanenti li jiġi żgurat li l-kurrikuli u l-kwalifiki jkunu trasparenti bis-sħiħ, u li d-differenzi ma jxekklux il-moviment liberu tal-istudenti, tal-akkademiċi u tar-riċerkaturi. L-iżgurar tal-assigurazzjoni tal-kwalità huwa l-pedament għal fiduċja reċiproka li tippermetti kooperazzjoni fil-fond u mobbiltà mingħajr xkiel. Din hija r-raġuni għaliex qiegħed jiġi propost li Sistema Ewropea ta’ Assigurazzjoni u Rikonoxximent tal-Kwalità tiġi żviluppata ulterjorment, fejn il-kwalità tal-kwalifiki hija żgurata, il-kwalifiki jiġu diġitalizzati u rikonoxxuti awtomatikament madwar l-Ewropa, titneħħa l-burokrazija li xxekkel il-mobbiltà, ikun hemm aċċess għal aktar apprendiment u taħriġ jew dħul fis-suq tax-xogħol. F’sinerġija mal-Aġenda ta’ Politika għaż-ŻER, Inizjattiva Ewropea għall-Eċċellenza se żżid l-eċċellenza fix-xjenza u fil-valorizzazzjoni tal-għarfien tal-Universitajiet tal-Ewropa u se ttejjeb il-kompetittività globali tal-Universitajiet Ewropej f’oqsma ewlenin bħat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se:

    - Tespandi għal 60 Università Ewropea b’aktar minn 500 università sa nofs l-2024, b’baġit indikattiv tal-Erasmus+ li jammonta għal EUR 1,1 biljun għall-2021-2027.

    - Taħdem lejn statut ġuridiku għall-alleanzi tal-universitajiet sa nofs l-2024: pilotar sa mill-2022 skont Erasmus+ tal-implimentazzjoni ta’ strumenti Ewropej eżistenti 19 .

    - Teżamina l-għażliet u l-passi meħtieġa lejn lawrja Ewropea konġunta sa nofs l-2024: proġett pilota sa mill-2022 taħt Erasmus+ l-ewwel passi lejn lawrja Ewropea konġunta, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ kriterji Ewropej għall-għoti ta’ tikketta Ewropea tal-Lawrja.

    - Issaħħaħ l-inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti billi fl-2022 jintuża Identifikatur Ewropew tal-Istudenti uniku li jkun disponibbli għall-istudenti mobbli kollha u għall-istudenti kollha fl-universitajiet fl-Ewropa sa nofs l-2024.

    - Tirrieżamina r-Rakkomandazzjoni dwar aktar kooperazzjoni Ewropea fl-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-edukazzjoni għolja 20 fl-2023 biex tkompli tiżviluppa Sistema Ewropea ta’ Assigurazzjoni u ta’ Rikonoxximent tal-Kwalità.

    - Fl-2022 tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-kwalifiki tat-taħriġ u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, u tappoġġa lill-Istati Membri.

    - Tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Insawru pontijiet għal kooperazzjoni Ewropea effettiva fl-edukazzjoni għolja” biex tiġi ffaċilitata kooperazzjoni tranżnazzjonali aktar profonda.

    3.2Appoġġ finanzjarju adegwat għall-edukazzjoni għolja u għar-riċerka

    Il-kisba tal-inklużjoni u tal-eċċellenza teħtieġ finanzjament xieraq għall-universitajiet fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Bħalissa, l-Istati Membri jonfqu, bħala medja, 0,8 % tal-PDG tagħhom fuq l-edukazzjoni terzjarja, li jvarja minn 0,3 % sa 1,7 % 21 . In-nefqa medja tal-gvern għar-riċerka u l-iżvilupp f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja hija ta’ 0,48 % tal-PDG fl-Ewropa 22 . Is-settur tal-edukazzjoni għolja tal-UE juri sinjali ta’ sottofinanzjament sinifikanti, speċjalment fid-dawl taż-żieda fin-numri ta’ studenti u r-responsabbiltajiet dejjem akbar tal-universitajiet.

    Il-finanzjament Ewropew huwa importanti għall-universitajiet biex jikkomplementaw il-finanzjament nazzjonali bħala sors ta’ introjtu, iżda wkoll bħala pjattaforma għall-kooperazzjoni akkademika Ewropea u internazzjonali. Bil-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, il-livell tal-UE se jinvesti ammont sinifikanti fl-appoġġ għall-universitajiet, stmat għal EUR 80 biljun 23 matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. Is-settur tal-edukazzjoni għolja għalhekk se jibbenefika minn livell mingħajr preċedent ta’ finanzjament tal-UE minn diversi sorsi, inkluż minn Erasmus+, Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-fondi taħt ġestjoni kondiviża 24 jew InvestEU. Kull wieħed minn dawn is-sorsi ta’ finanzjament huwa għodda finanzjarja fiha nfisha bl-iskop u bil-missjoni speċifiċi tagħha.

    Filwaqt li l-fondi u l-programmi tal-UE huma sinifikanti, dawn ma għandomx jissostitwixxu, iżda jridu joperaw flimkien ma’ biżżejjed finanzjament pubbliku nazzjonali u investimenti pubbliċi u privati oħrajn. Huwa kruċjali li l-Istati Membri u l-atturi tas-settur tal-edukazzjoni għolja jagħmlu użu effettiv mill-għodod tal-UE u jesploraw sinerġiji ma’ finanzjament nazzjonali, reġjonali u lokali biex jimmobilizzaw l-isforzi tal-UE u nazzjonali lejn il-viżjoni komuni kif stabbilita f’din l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se:

    - Tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali għal proġetti ta’ kwalità li ma setgħux jiġu ffinanzjati taħt Erasmus+: l-ewwelnett, se jinħareġ ċertifikat mill-Kummissjoni li se jiġi ttestjat għas-Sejħa għal Proposti tal-2022 tal-Universitajiet Ewropej; it-tieni, l-għodda tas-Siġill ta’ Eċċellenza 25 tista’ tiġi implimentata taħt Erasmus+, kif inhu l-każ bħalissa taħt Orizzont Ewropa.

    Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-QFP, tiżviluppa perkors ta’ investiment li jqis il-finanzjament reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

    Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri:

    - Biex jimmassimizzaw l-impatt tal-interventi tal-UE, billi jinstabu sinerġiji ulterjuri mal-finanzjament nazzjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Universitajiet Ewropej.

    - Biex jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ finanzjament adegwati għall-universitajiet.

    - Biex jappoġġaw ir-riformi fl-edukazzjoni għolja permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.

    - Biex jiżguraw il-flessibbiltà fil-programmi ta’ finanzjament li jippermettu l-interdixxiplinarjetà.

    4Fanali tal-mod ta’ ħajja Ewropea tagħna

    4.1It-tisħiħ tal-kwalità u r-rilevanza għal ħiliet li jibqgħu validi fil-futur

    Hemm bżonn li l-karrieri akkademiċi jiġu indirizzati b’mod sistemiku u komprensiv, b’reazzjoni għas-sejħa tal-Kunsill biex jiġu promossi strutturi ta’ karriera flessibbli u attraenti u biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-valutazzjoni tal-karriera għandha tqis il-varjetà ta’ attivitajiet ta’ akkademiċi bħat-tagħlim, ir-riċerka, l-intraprenditorija, il-ġestjoni jew it-tmexxija. Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa għandha l-għan li ttejjeb l-attraenza tal-karrieri fir-riċerka u li tiżgura aċċess aħjar għax-xjenza eċċellenti.

    L-universitajiet għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-prevenzjoni ta’ diskrepanzi fil-ħiliet u ta’ konġestjonijiet li jirriskjaw li jfixklu l-irkupru tal-Ewropa, u f’li jippermettu l-iżvilupp tal-istudenti bħala ħassieba kreattivi u kritiċi li kapaċi jsolvu l-problemi u ċittadini attivi u responsabbli mgħammra għat-tagħlim tul il-ħajja. Fl-2021, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għat-taħriġ tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà. Is-segwitu rapidu mill-Kunsill se jgħin biex tiġi mmobilizzata l-edukazzjoni għolja b’appoġġ għat-tagħlim tul il-ħajja u jikkontribwixxi għat-taħriġ mill-ġdid u għat-titjib tal-ħiliet professjonali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ġodda u emerġenti fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol.

    L-ambjenti eċċellenti tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-innovazzjoni huma faċilitatur għall-iżvilupp ta’ ħiliet ta’ livell għoli, għall-ħolqien ta’ għarfien rivoluzzjonarju u għat-traduzzjoni tiegħu f’applikazzjonijiet prattiċi. Il-kooperazzjoni fost l-universitajiet u mal-ekosistemi industrijali hija ta’ benefiċċju reċiproku f’dan ir-rigward, bis-settur tal-edukazzjoni għolja li jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet għall-industrija u għas-settur tan-negozju, minbarra l-finijiet ta’ żvilupp personali. L-istudenti għandu jkollhom aktar opportunitajiet biex jibbenefikaw minn traineeships, biex ikunu esposti għal negozji ġodda, u biex ikunu involuti bħala atturi ta’ bidla fil-komunità tagħhom biex ikollhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà ta’ madwarhom. L-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali li jtejbu l-għarfien u l-ħiliet tan-negozju huma essenzjali, b’mod partikolari għall-SMEs. Għandhom jiġu promossi aktar sinerġiji bejn l-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali f’dak ir-rigward.

    Sabiex tinkiseb edukazzjoni għolja eċċellenti u rilevanti, huwa meħtieġ ukoll appoġġ biex tiġi stimulata l-innovazzjoni pedagoġika, iffukata fuq l-istudenti, b’varjetà ta’ spazji ta’ tagħlim u b’mogħdijiet flessibbli u interdixxiplinarji. Il-ħolqien ta’ “laboratorji ħajjin” 26 għandu jiġi promoss bħala eżempju tajjeb ta’ kif l-istudenti jistgħu jiġu mħarrġa biex jaħdmu fuq l-isfidi b’mod olistiku, fost id-dixxiplini, u kif jiġu appoġġati l-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħiliet kreattivi u intraprenditorjali tal-istudenti.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se:

    - Tipproponi sal-2023 qafas Ewropew għal karrieri attraenti u sostenibbli fl-edukazzjoni għolja, f’sinerġija mal-qafas tal-karriera tar-riċerka żviluppat taħt iż-ŻER.

    - Tappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali li jibqgħu validi fil-futur ta’ gradwati u l-kodisinn tal-kurrikuli bejn l-industrija - inklużi l-SMEs - u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f’setturi industrijali importanti mil-lat strateġiku identifikati fl-istrateġija industrijali aġġornata 27 , implimentati mill-Alleanzi tal-Erasmus+ għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet u li jikkontribwixxu għall-mogħdijiet ta’ tranżizzjoni tal-ekosistemi 28 .

    - Testendi t-tikketta tal-EIT 29 għal attivitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja bħall-programmi ta’ mentoraġġ, ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet, u l-ftuħ tat-tikketta tal-EIT lil hinn mill-edukazzjoni akkademika.

    - Tappoġġa l-użu tal-qafas konġunt ta’ kompetenza finanzjarja tal-UE/OECD-INFE 30 biex tappoġġa l-benesseri finanzjarju tal-adulti matul ħajjithom.

    - Tagħti spinta lill-apprendistati tal-Erasmus+ barra mill-pajjiż, billi tilħaq aktar minn 100 000 trainees kull sena, permezz ta’ rieżamijiet bejn il-pari tal-istudenti u traineeships fin-negozji ġodda u fl-organizzazzjonijiet intraprenditorjali.

    - Tintegra approċċi innovattivi ġodda għat-tagħlim u t-taħriġ, inklużi “laboratorji ħajjin”, fil-livelli ta’ Baċellerat, Master u Dottorat, permezz tal-programmi Erasmus+ u Orizzont Ewropa.

    - Tiżviluppa sett ta’ għodod ta’ tranżizzjoni għall-universitajiet u għall-Istati Membri: Stħarriġ ta’ traċċar Eurograduate, HEInnovate 2.0 31 u Servizzi ta’ Aċċellerazzjoni għall-universitajiet taħt Orizzont Ewropa.

    - Bħala parti mill-Hubs taż-ŻER, issaħħaħ ir-rwol tal-universitajiet fl-ekosistemi lokali tal-innovazzjoni, bħat-tisħiħ u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet tat-trasferiment tat-teknoloġija, permezz ta’ spin-offs u permezz tal-promozzjoni ta’ investiment konġunt f’sinerġija mal-InvestEU.

    - Issaħħaħ ir-rwol tal-universitajiet fl-implimentazzjoni tal-ERA4You permezz tal-promozzjoni tal-mobbiltà intersettorjali, b’mod partikolari bejn l-akkademja u n-negozji.

    - Tipprovdi appoġġ Ewropew mill-2023 għall-Innovaturi fl-iskola, għas-sħubijiet fl-iskejjel biex jinvolvu lil personalitajiet ewlenin minn negozji ġodda biex jaġixxu bħala ambaxxaturi u mentors biex jispiraw liż-żgħażagħ, u jistednuhom jiżviluppaw ideat u soluzzjonijiet ġodda.

    - Tipprovdi appoġġ Ewropew mill-2023 - inkluż sett ta’ għodod għall-universitajiet - għall-iżvilupp ta’ inkubaturi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-settur intraprenditorjali, biex tgħin lill-intraprendituri tal-istudenti jiżviluppaw l-ideat tagħhom fin-negozji.

    - Torganizza Fiera tat-Talent Ewropew annwali li tlaqqa’ flimkien studenti, riċerkaturi fi stadju bikri tal-karriera, akkademiċi, negozji ġodda, industrija u investituri li jippromwovu talent, opportunitajiet ta’ negozju u ta’ impjieg madwar l-UE, li tibda bl-ewwel edizzjoni ta’ Science in the City Ewropea f’Leiden 2022.

    Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri:

    - Biex jiffaċilitaw u jippromwovu approċċi interdixxiplinarji, inkluż permezz ta’ akkreditazzjoni istituzzjonali, valutazzjoni akkademika, premju u żvilupp professjonali.

    - Biex jippromwovu l-parità tal-istima bejn mogħdijiet differenti ta’ karriera akkademika u jipprovdu aktar flessibbiltà għall-karrieri akkademiċi, anke lil hinn mill-akkademja.

    4.2It-trawwim tad-diversità, l-inklużività u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

    Kif stabbilit fl-ewwel prinċipju taħt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, “Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi”. L-Ewropa għandha edukazzjoni għolja aċċessibbli ħafna meta mqabbla mal-bqija tad-dinja. Madankollu, gruppi żvantaġġati jew iddiskriminati (minoranzi etniċi, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, jew b’diżabilità, persuni minn familji foqra, tfal ta’ ġenituri bi kwalifiki baxxi) għadhom ma humiex irrappreżentati biżżejjed fost l-istudenti, il-persunal akkademiku u r-riċerkaturi. Minkejja ż-żieda fl-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja, is-sistemi tal-edukazzjoni għolja għadhom stratifikati ħafna. Studenti tal-ewwel ġenerazzjoni u studenti bi sfond ta’ immigrazzjoni jew ta’ minoranza għandhom inqas opportunitajiet biex jiksbu edukazzjoni terzjarja fl-UE.

    Hemm differenzi persistenti bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni għolja. Filwaqt li fil-livelli ta’ Baċellerat u ta’ Masters, in-nisa jisbqu lill-irġiel bħala studenti u bħala gradwati, u filwaqt li hemm kważi bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell ta’ Dottorat, hemm differenzi kbar bejn il-ġeneri fl-oqsma ta’ studju – fl-oqsma STEM, in-nisa għadhom jirrappreżentaw ftit inqas minn terz tal-istudenti fil-livell ta’ baċellerat u ta’ master, u 37 % tal-kandidati għad-dottorat. Minkejja xi progress f’dawn l-aħħar snin, il-proporzjon ta’ nisa li għandhom professorizzazzjoni sħiħa jew pożizzjonijiet ekwivalenti għadu baxx, b’26 % fl-UE.

    Hemm bżonn ta’ aktar bidliet istituzzjonali biex l-universitajiet isiru postijiet ta’ opportunitajiet verament indaqs.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se:

    - Tiżviluppa qafas Ewropew għad-diversità u l-inklużjoni, inkluż dwar id-differenzi bejn il-ġeneri, tidentifika sfidi u soluzzjonijiet għall-universitajiet, u l-appoġġ meħtieġ tal-awtoritajiet pubbliċi.

    - Tindirizza n-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fl-oqsma STEM permezz ta’ pjan direzzjonali li jinkludi manifest mill-universitajiet orjentati lejn STE(A)M dwar l-edukazzjoni STE(A)M ta’ ġens newtrali 32 .

    - Tappoġġa lir-riċerkaturi f’riskju bi prinċipji ta’ gwida għall-universitajiet biex tiġi ffaċilitata l-inklużjoni tagħhom.

    Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri:

    - Biex iħeġġu lill-universitajiet jimplimentaw il-bidla istituzzjonali permezz ta’ miżuri konkreti għad-diversità u l-inklużjoni, inklużi miri volontarji u kwantifikati għall-inklużjoni u pjanijiet inklużivi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li jibnu fuq il-Communiqué ta’ Ruma 33 .

    - Biex jiżviluppaw skemi ta’ appoġġ nazzjonali u jappoġġaw l-aċċess għall-edukazzjoni għolja tar-refuġjati u tal-individwi li jkunu qed ifittxu l-ażil, inkluż l-istabbiliment u l-iskalar ta’ mogħdijiet komplementari għall-istudenti refuġjati u l-appoġġ relatat, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar mogħdijiet legali għall-protezzjoni fl-UE 34 .

    4.3Il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-valuri demokratiċi Ewropej

    L-universitajiet jeħtieġ li jkunu postijiet ta’ libertà: għad-diskors, għall-ħsieb, għat-tagħlim, għar-riċerka u għal-libertà akkademika b’mod ġenerali. Il-libertà akkademika ma tistax tiġi iżolata mill-awtonomija istituzzjonali, u lanqas mill-parteċipazzjoni tal-istudenti u tal-persunal fil-governanza tal-edukazzjoni għolja.

    L-iżgurar tal-libertà akkademika fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huwa fil-qalba tal-politiki kollha tal-edukazzjoni għolja żviluppati fil-livell tal-UE, kif ukoll fil-Proċess ta’ Bolonja. Dan huwa prerekwiżit bażiku għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Il-valuri akkademiċi fundamentali ma jistgħux jittieħdu bħala fatt. F’dawn l-aħħar snin, rajnihom mhedda f’formati differenti u f’postijiet differenti, anke fl-UE. L-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja ma hijiex uniformi fl-Ewropa 35 . L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma mitluba jipproteġu b’mod attiv, irawmu u jiddefendu dawn il-valuri permezz tal-politiki u l-opportunitajiet ta’ finanzjament tagħhom, kif ukoll jipproteġu lill-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka kontra interferenza barranija.

    L-universitajiet huma kruċjali fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva, tolleranza, ugwaljanza u diversità, ftuħ u ħsieb kritiku għal aktar koeżjoni soċjali u fiduċja soċjali, u b’hekk jipproteġu d-demokraziji Ewropej. L-universitajiet għandhom rwol attiv fit-tħejjija tal-gradwati biex ikunu ċittadini Ewropej infurmati tajjeb. Permezz ta’ azzjonijiet ta’ tagħlim u ta’ żieda fl-għarfien, huma jappoġġaw l-ankrar tal-valuri Ewropej fis-soċjetà, u billi jżommu r-rigorożità xjentifika, jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja fix-xjenza.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se:

    - Tniedi u timmonitorja l-Karta l-Ġdida tal-Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja u l-Karta l-Ġdida tal-Istudenti tal-Erasmus 36 , li jintegraw il-libertà u l-integrità akkademika.

    - Toħloq opportunitajiet ġodda biex trawwem dibattiti akkademiċi u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-valuri u d-demokrazija bħala parti mill-attivitajiet Erasmus+ ta’ Edukazzjoni Għolja Jean Monnet, inkluż f’pajjiżi terzi.

    - Tipproponi fl-2024 prinċipji ta’ gwida dwar il-protezzjoni tal-valuri akkademiċi fundamentali, ibbażati fuq il-Communique ta’ Ruma 37 , f’sinerġija mal-azzjoni żviluppata taħt iż-ŻER li għandha l-għan li tiżviluppa pjan ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-libertà akkademika u tal-libertà tar-riċerka xjentifika fl-Ewropa, abbażi tad-Dikjarazzjoni ta’ Bonn.

    - Tipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-interferenza barranija fir-riċerka u l-innovazzjoni.

    Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri:

    - Biex jappoġġaw id-diversità fi ħdan is-settur Ewropew tal-edukazzjoni għolja 

    - Biex isaħħu u jirrispettaw l-awtonomija tal-università fid-dimensjonijiet varji tagħha.

    - Biex jippromwovu u jipproteġu l-libertà u l-integrità akkademika.

    5Atturi ta’ bidla fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali

    5.1L-iżvilupp ta’ ħiliet, kompetenzi u innovazzjoni teknoloġika għat-tranżizzjoni ekoloġika

    L-universitajiet huma atturi ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika u għal dinja aktar sostenibbli. Għandhom rwol importanti fit-twettiq tar-riċerka biex jinstabu soluzzjonijiet, f’kooperazzjoni mal-industrija u mas-soċjetà għal sfidi ambjentali u klimatiċi bil-għan li tinkiseb in-newtralità klimatika, jitnaqqas it-telfien tal-bijodiversità u jitwaqqaf it-tniġġis, u fl-iżvilupp tal-litteriżmu fil-klima għall-istudenti kollha fil-livelli u fid-dixxiplini kollha, kif ukoll għall-pubbliku inġenerali permezz tal-involviment tal-komunità. L-universitajiet jistgħu jkunu wkoll mudell għas-sostenibbiltà ambjentali permezz tal-infrastruttura u l-operazzjonijiet tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni jistgħu jikkostitwixxu bażi soda għall-politiki, għall-innovazzjoni u għall-miżuri relatati mal-ambjent.

    Dan l-aħħar, il-Kummissjoni ppreżentat proposti għal Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar it-tagħlim għas-sostenibbiltà ambjentali u l-mikrokredenzjali għat-tagħlim tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà. Is-segwitu rapidu tal-Kunsill se jgħin biex jiġu mmobilizzati l-Istati Membri fl-appoġġ tal-universitajiet u tal-istudenti tagħhom biex isiru aġenti tal-bidla għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja. Is-sħubijiet u l-missjonijiet ta’ Orizzont Ewropa 38 joffru potenzjal kbir għal sinerġiji, pereżempju, f’setturi bħat-trasport b’emissjonijiet żero u l-batteriji miksuba b’mod sostenibbli, li se jkunu jeħtieġu ħiliet ġodda.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se:

    - Tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri permezz tat-tagħlim bejn il-pari u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-promozzjoni ta’ approċċi istituzzjonali sħaħ għas-sostenibbiltà, il-klima u l-litteriżmu ambjentali. Trawwem approċċi innovattivi ta’ tagħlim u taħriġ. Tappoġġa lill-universitajiet permezz tal-Programm Erasmus+ biex jintegraw is-sostenibbiltà ambjentali fl-infrastruttura u fl-operazzjonijiet tagħhom.

    - Tappoġġa l-iżvilupp mill-universitajiet f’kooperazzjoni ma’ atturi soċjoekonomiċi ta’ korsijiet qosra ta’ tagħlim dwar il-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika li jwasslu għal mikrokredenzjali 39

    - Tappoġġa Higher Education Climate Frontrunners, pjattaforma għal sħubijiet tranżnazzjonali bejn l-istudenti, l-akkademiċi, l-universitajiet, l-impjegaturi u l-komunitajiet dwar l-isfidi klimatiċi, filwaqt li tibni fuq il-Koalizzjoni għall-Edukazzjoni għall-Klima u l-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku Ewropew.

    - Tinkoraġġixxi “villaġġi ekoloġiċi” bħala mod kif jinfetħu l-kampusijiet universitarji għall-komunitajiet, biex ix-xjenza tinġieb eqreb lejn iċ-ċittadini, bl-appoġġ ta’ Orizzont Ewropa, inklużi l-missjonijiet tiegħu.

    - Tippromwovi u timmonitorja l-Erasmus+ Ekoloġiku u Blu l-ġdid 40  biex tingħata spinta lill-azzjoni relatata mal-ambjent u mat-tibdil fil-klima. Tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja l-ġdida u l-Karta Ekoloġika għall-Programm ta’ Azzjoni Marie Skłodowska-Curie.

    - Tipprovdi appoġġ lill-Akkademja tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji (EBA) immexxija mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, għat-taħriġ, għat-titjib u għat-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol fil-katina tal-valur tal-industrija tal-batteriji.

    - Tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni strateġiċi għar-riċerka u l-innovazzjoni li jwettqu t-trasformazzjoni tal-enerġija ekoloġika u l-ekoloġizzazzjoni ta’ ekosistemi industrijali ewlenin.

    Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri:

    - Biex jappoġġaw lill-universitajiet fl-approċċi istituzzjonali kollha tagħhom għas-sostenibbiltà, inkluż dwar il-ħiliet ekoloġiċi, kif ukoll ir-rwol ewlieni tal-universitajiet għall-innovazzjoni u t-teknoloġiji ekoloġiċi ġodda; u l-universitajiet biex imexxu fi tranżizzjoni ekoloġika.

    5.2L-iżvilupp ta’ ħiliet u kompetenzi u l-promozzjoni tal-innovazzjoni għat-tranżizzjoni diġitali

    It-tranżizzjoni diġitali tagħti lill-universitajiet rwol fundamentali biex l-istudenti u r-riċerkaturi jiġu mgħammra bil-ħiliet u bil-kompetenzi diġitali meħtieġa fir-realtà l-ġdida u fil-promozzjoni tal-innovazzjoni u tat-teknoloġiji l-ġodda.

    Matul il-pandemija tal-COVID-19, is-settur tal-edukazzjoni għolja wera l-kapaċità tiegħu li jadatta għas-sitwazzjoni l-ġdida. Sar evidenti li s-soluzzjonijiet diġitali ma jistgħux u ma għandhomx jissostitwixxu bis-sħiħ l-attivitajiet fiżiċi. Il-futur għandu jkun ibbażat fuq soluzzjonijiet ibridi li jirrappreżentaw bilanċ tajjeb bejn il-preżenza fiżika u l-għodod diġitali. L-universitajiet jistgħu wkoll irawmu l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-edukazzjoni innovattiva permezz ta’ spin-off jew espansjonijiet u jinfluwenzaw il-potenzjal tal-industrija Ewropea tat-Teknoloġija tal-Edukazzjoni (EDTech) li qiegħda tikber.

    Il-Kummissjoni stabbiliet djalogu strutturat mal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali biex taqbel b’mod konġunt dwar il-fatturi abilitanti ewlenin biex l-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali jsiru effettivi u inklużivi. L-universitajiet għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fit-trawwim ta’ forza tax-xogħol mgħammra biex tieħu f’idejha l-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali fil-futur. Offerta ta’ edukazzjoni speċjalizzata f’oqsma diġitali, bħall-IA, iċ-ċibersigurtà jew il-cloud computing, kif ukoll il-mikroelettroniċi, hija kruċjali f’dan ir-rigward 41 . In-nuqqas ta’ ħiliet fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) huwa wieħed mill-ostakli ewlenin. Peress li t-teknoloġiji diġitali jippenetraw is-setturi kollha tal-ekonomija, huwa meħtieġ ukoll li l-istudenti kollha, pereżempju dawk li jistudjaw il-mediċina, l-amministrazzjoni tan-negozju u l-agrikoltura jitgħallmu jużawhom f’livell avvanzat fil-professjonijiet tagħhom.

    Fl-għaxar snin li ġejjin irridu nagħmlu l-“universitajiet konnessi” realtà. Għal dan il-għan, huma kruċjali kapaċità u infrastruttura diġitali suffiċjenti tal-universitajiet. L-użu aktar mifrux tal-mezzi diġitali se jkollu jibbaża fuq teknoloġiji u pjattaformi ġodda u fdati, li se jeħtieġu l-interoperabbiltà, ikollhom bażi Ewropea soda, u għandhom jaqdu l-ħtiġijiet tal-edukazzjoni u tar-riċerka b’mod integrat. Fl-istess ħin, huma meħtieġa standards komuni u miftuħa, li jippermettu lill-universitajiet jieħdu kontroll aħjar tad-data tagħhom biex jagħmlu l-kooperazzjoni effettiva.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se

    - Tipprovdi appoġġ għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali biex jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tal-istudenti ta’ kull età, tal-persunal u tar-riċerkaturi, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali.

    - Permezz tal-Programm Ewropa Diġitali, tagħti appoġġ lil programmi speċjalizzati ta’ edukazzjoni u taħriġ f’teknoloġiji diġitali avvanzati u għal korsijiet multidixxiplinarji fl-intelliġenza artifiċjali, fiċ-ċibersigurtà, fil-mikroelettroniċi u fil-computing ta’ prestazzjoni għolja.

    - Bħala segwitu għal studju ta’ fattibbiltà mwettaq fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, tappoġġa t-tnedija u l-iskjerament ta’ pjattaforma Ewropea mmirata biex tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, kompatibbli mal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC) u interoperabbli ma’ standards Ewropej oħra.

    - Bħala parti mill-attivitajiet Erasmus+ Jean Monnet, tappoġġa miżuri ddedikati biex jiġu rikonoxxuti fil-livell tal-UE l-isforzi tal-universitajiet li jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali madwar l-UE

    - Tmexxi universitajiet fl-iżvilupp konġunt ta’ linji gwida u ta’ prinċipji biex jippermettu aċċess reċiproku għas-servizzi u biex jippermettu skambju bla xkiel ta’ għarfien u data, filwaqt li jirriflettu l-ħtieġa għall-interoperabbiltà u l-ftuħ.

    Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri:

    - Biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali ta’ studenti ta’ kull età, persunal u riċerkaturi, il-kapaċità diġitali tal-universitajiet, kif ukoll ir-rwol ewlieni tal-universitajiet għall-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali ġodda, u l-universitajiet biex imexxu fit-tranżizzjoni diġitali.

    6Xprunaturi tar-rwol u t-tmexxija globali tal-Ewropa

    L-Ewropa teħtieġ aktar minn qatt qabel li tilħaq lill-bqija tad-dinja. L-universitajiet huma strumentali fil-bini tar-rabtiet tal-Ewropa mad-dinja u fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej globalment 42 . Dawn għandhom rwol vitali fil-ġenerazzjoni tal-evidenza li tirfed il-politiki barranin u ta’ sigurtà tal-Ewropa, il-ftehimiet internazzjonali, u l-azzjoni multilaterali. Bħala atturi ewlenin fid-diplomazija xjentifika, dawn jgħinu fil-bini ta’ rabtiet.

    L-Ewropa sservi ta’ mudell fil-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja. Għal ħafna reġjuni, pajjiżi u universitajiet madwar id-dinja, l-esperjenza Ewropea ispirat strateġiji ġodda lejn l-internazzjonalizzazzjoni jew il-kooperazzjoni reġjonali. Għalhekk, l-approfondiment tal-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet Ewropej jimxi id f’id mal-konsolidazzjoni tad-dimensjoni globali tagħhom. B’mod parallel, l-appoġġ għat-tisħiħ tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi sħab huwa essenzjali.

    F’konformità mal-istrateġija Global Gateway, l-universitajiet fl-Ewropa huma essenzjali biex jgħinu lill-pajjiżi sħab jittrasformaw is-sistemi edukattivi tagħhom u biex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-istudenti, tal-persunal, tal-għalliema u tal-apprendisti, fi spirtu ta’ benefiċċju reċiproku. Huma wkoll il-fatturi ewlenin wara t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni.

    Id-diversità u l-pożizzjoni internazzjonali tas-sistemi tal-edukazzjoni tal-UE u l-istatus tal-Ewropa bħala l-akbar fornitur ta’ kooperazzjoni dwar l-edukazzjoni għolja jirrappreżentaw assi kumulattivi sostanzjali li jistgħu jiġu ingranati. L-esperjenza tal-UE bi kwistjonijiet ta’ rikonoxximent transfruntiera, assigurazzjoni tal-kwalità u akkreditazzjoni qed tinforma l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali f’żoni ġeografiċi usa’.

    Billi jiskambjaw it-talenti minn madwar id-dinja kollha u jibnu rabtiet b’saħħithom ma’ pajjiżi sħab madwar id-dinja, u billi jippromwovu valuri akkademiċi u Ewropej, l-universitajiet huma parti mis-setgħa ta’ persważjoni tal-Ewropa. L-Ewropa jeħtieġ li ssaħħaħ u tibni fuq din ir-reputazzjoni, u li ġġib dawn il-punti b’saħħithom fuq livell ugwali madwar l-Istati Membri kollha. B’hekk, dan se jagħmilha aktar attraenti mhux biss bħala destinazzjoni ta’ studju iżda wkoll bħala sieħeb ta’ kooperazzjoni omoġenu għall-edukazzjoni, għar-riċerka u għall-innovazzjoni.

    Il-Kummissjoni toffri li:

    - taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tippromwovi l-offerta tal-edukazzjoni għolja tal-Ewropa u l-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni għolja f’approċċ ta’ Tim Ewropa. Dan ifisser: l-iżvilupp tal-portal “Studja fl-Ewropa” biex jitrawmu skambji internazzjonali; it-tisħiħ tat-tagħlim bejn il-pari fost l-universitajiet u l-aġenziji dwar l-internazzjonalizzazzjoni; it-tisħiħ tas-sħubijiet ma’ reġjuni ta’ prijorità, bħall-Balkani tal-Punent, il-Viċinat u l-Afrika, abbażi tar-reċiproċità, u involviment u dipendenza aħjar fuq in-networks tal-alumni.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se:

    - Trawwem il-mobbiltà bejn l-Ewropa u reġjuni oħra tad-dinja: tistieden lill-Istati Membri jorganizzaw b’mod partikolari l-proċeduri rilevanti fid-dawl tal-ħruġ f’waqtu ta’ permessi/viżi lil studenti ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibdew is-sena akkademika fl-UE fil-ħin, filwaqt li jirrispettaw id-Direttiva dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi 43 .

    - Tappoġġa lill-konsorzji ta’ universitajiet ewlenin madwar id-dinja biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta’ Master, permezz ta’ sejħiet Konġunti ta’ Master tal-Erasmus Mundus li jindirizzaw l-isfidi globali.

    - Tappoġġa r-rikonoxximent trasparenti u ġust tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi, inklużi dawk tar-rifuġjati, permezz tan-network ta’ ċentri ta’ rikonoxximent akkademiku 44 u l-għodod ta’ trasparenza tal-UE (Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-Tagħlim).

    7Nagħmlu dan realtà: monitoraġġ u governanza

    Il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija se jiġi rrapportat permezz tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-governanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Il-Kummissjoni se tqis is-sitwazzjoni attwali fir-Rapport ta’ Progress tagħha dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ŻEE) u permezz tas-sistema ta’ monitoraġġ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jinvolvu ruħhom fi djalogu strateġiku dwar il-progress miksub u fejn għandhom jiffukaw il-politiki u l-appoġġ.

    Fl-2023, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Osservatorju Ewropew tas-Settur tal-Edukazzjoni Għolja bħala parti minn dan il-proċess sabiex tipprovdi evidenza dwar il-progress li jkun sar. Dan l-Osservatorju se jgħaqqad l-aħjar għodod u kapaċitajiet attwali tad-data tal-UE 45  f’post wieħed, filwaqt li se jkompli jtejjeb l-użu u r-rilevanza tagħhom għal dawk li jfasslu l-politika, l-universitajiet, l-istudenti u r-riċerkaturi. Is-simplifikazzjoni u t-titjib tas-sorsi tad-data Ewropej eżistenti se jippermettu lill-istituzzjonijiet u lill-gvernijiet isaħħu l-bażi tal-evidenza tagħhom fuq suġġetti ewlenin bħall-inklużjoni, l-eżiti tat-tagħlim, il-progress fuq il-ħiliet diġitali, ekoloġiċi u intraprenditorjali, it-trasferiment tat-teknoloġija, l-impjegabbiltà, l-istudenti u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, ir-rwol tal-istituzzjonijiet fl-ekosistemi tal-innovazzjoni, u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali fis-settur tal-edukazzjoni għolja. L-Osservatorju se jagħmilha possibbli li titqabbel, tiġi analizzata u tintwera l-prestazzjoni tas-settur tal-edukazzjoni għolja f’diversi oqsma. Billi jibni fuq is-sinerġiji fost l-għodod eżistenti tad-data, se jiżgura monitoraġġ iffukat u xprunat mill-iskop, filwaqt li tiġi eliminata d-duplikazzjoni potenzjali u jitnaqqas il-piż tal-ġbir tad-data fuq l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

    Wieħed mir-riżultati tal-Osservatorju se jkun Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Settur Ewropew tal-Edukazzjoni Għolja biex kull sena jiġi vvalutat il-progress li jkun sar madwar l-UE lejn il-prijoritajiet ewlenin ta’ din l-istrateġija: l-inklużjoni, il-valuri, il-kwalità u r-rilevanza, il-mobbiltà, il-ħiliet ekoloġiċi u diġitali, l-impjegabbiltà, il-kooperazzjoni tranżnazzjonali, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-valorizzazzjoni tal-għarfien.

    Dan il-monitoraġġ se jkopri wkoll l-adegwatezza tal-investiment fl-edukazzjoni għolja u fir-riċerka kemm fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak istituzzjonali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tuża r-riżultati tal-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Investiment ta’ Kwalità fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ.

    Il-Komunikazzjoni tiegħu hija stedina għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi u l-atturi tas-settur tal-edukazzjoni għolja fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ŻEE), iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u ż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA, proċess ta’ Bolonja). Hemm bżonn ta’ sinerġiji f’oqsma bħall-kooperazzjoni tranżnazzjonali u t-trasformazzjoni istituzzjonali tal-universitajiet, l-appoġġ għall-valuri akkademiċi fundamentali u l-libertà xjentifika, l-iżvilupp ta’ karrieri akkademiċi, it-tagħlim innovattiv u interdixxiplinarju, it-tagħlim u r-riċerka, kif ukoll l-interkonnettività bejn dawn, iċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien, il-kooperazzjoni internazzjonali mas-sħab lil hinn mill-UE u l-kontribut għall-SDG tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se:

    - Tistabbilixxi Osservatorju Ewropew tas-settur tal-Edukazzjoni għolja ffukat fuq id-data fl-2023, b’Tabella ta’ Valutazzjoni Ewropea tas-Settur tal-Edukazzjoni Għolja bħala wieħed mir-riżultati tagħha.

    - Tippromwovi s-sinerġiji bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u ż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja b’mod adattat għall-iskop u flessibbli.

    8Konklużjoni: it-triq ’il quddiem

    Din l-istrateġija tistabbilixxi viżjoni Ewropea għall-futur tal-universitajiet u kif l-Unjoni tista’ tappoġġahom madwar l-Ewropa. Din il-Komunikazzjoni hija ppreżentata fil-bidu tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022. Sabiex issostni l-irkupru u r-reżiljenza tal-Ewropa u tistabbilixxi l-pedament għat-tkabbir sostenibbli tagħha, l-Ewropa trid tinvesti fil-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħha. Din il-fażi fil-ħajja hija mmarkata mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Għandna obbligu li nagħtu l-opportunità liż-żgħażagħ biex jiksbu ħiliet u kompetenzi eċċellenti u rilevanti. Li noffru l-opportunità reali lil kull żagħżugħ jew żagħżugħa Ewropea biex ittejjeb il-ħiliet u titħarreġ mill-ġdid, jgħin biex jiġi stabbilit pedament għal Ewropa aktar b’saħħitha, aktar għanja u reżiljenti.

    B’din il-Komunikazzjoni dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-universitajiet tagħhom biex jingħaqdu flimkien għall-benefiċċju ta’ edukazzjoni għolja u tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Din hija stedina għal riflessjoni konġunta u għal dibattitu konġunt u għal ħidma kollaborattiva dwar kif nistgħu flimkien niżviluppaw id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja, fir-riċerka u fl-innovazzjoni b’mod li l-potenzjal sħiħ tal-universitajiet jiġi sfruttat bis-sħiħ.

    Din l-istrateġija tista’ tiġi implimentata biss jekk naħdmu flimkien. Il-Kummissjoni tistieden lill-universitajiet biex imexxu ’l quddiem il-ħidma fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tagħhom biex jappoġġaw lill-universitajiet tagħhom permezz ta’ appoġġ ta’ politika u ta’ finanzjament xieraq; u tistieden lill-Istati Membri, lill-universitajiet, lill-istudenti, lill-persunal akkademiku, lir-riċerkaturi u lis-sħab tagħhom f’ekosistemi ta’ innovazzjoni usa’ biex jieħdu s-sjieda tal-istrateġija u biex jikkondovidu l-wegħdiet li jispiraw lil oħrajn.

    Il-Kummissjoni hija impenjata li timmobilizza l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha – kemm jekk governanza, finanzjament, kooperazzjoni, jew leġiżlazzjoni – biex timplimenta din l-istrateġija.

    Il-koordinazzjoni tal-isforzi bejn l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, is-soċjetà ċivili u s-settur tal-edukazzjoni għolja huma kruċjali biex din l-istrateġija tkun magħmula realtà. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill [Ewropew], lill-Istati Membri u lill-universitajiet biex jinvolvu ruħhom f’diskussjoni konġunta dwar din l-aġenda ta’ politika u biex jaħdmu b’mod konġunt lejn universitajiet li jibqgħu validi fil-futur, għall-benefiċċju tal-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-Ewropa u biex irawmu t-tagħlim tul il-ħajja għall-benefiċċju ta’ persuni ta’ kull età.

    (1)

       It-terminu “università” jintuża bħala referenza għas-settur usa’, li jirrappreżenta l-qasam kollu tal-edukazzjoni terzjarja, u b’hekk jinkludi t-tipi kollha ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inkluż universitajiet tar-riċerka, kulleġġi universitarji, universitajiet tax-xjenzi applikati, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tat-taħriġ vokazzjonali, u istituzzjonijiet għoljin tal-arti.

    (2)

         Dawn jitqiesu bħala istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li rċevew il-Karta Erasmus+ għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE), prerekwiżit għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jipparteċipaw fil-programm Erasmus+.

    (3)

       Għall-UE, il-Eurostat, https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Tertiary_education_statistics

    (4)

       Għall-UE, il-Eurostat, https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/tsc00003/default/table?lang=en

    (5)

       Stħarriġ tal-EUA, International strategic institutional partnerships and the European Universities Initiative , April (2020), p. 26

    (6)

       Ewrobarometru (2018): https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2186

    (7)

          EUA Public Funding Observatory Report 2019/20

    (8)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn

    iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), il-Ġurnal Uffiċjali C 66, 26.2.2021 , p. 1-21

    (9)

    Kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    (10)

    COM(2021) 118 final

    (11)

       Hauschildt, Gwosć, Schirmer, & Wartenbergh-Cras (2021).  Social and economic conditions of student life in Europe: Synopsis of Indicators.EUROSTUDENT VII 2018-2021  

    (12)

         She Figures 2021, Women in Science database, DĠ Riċerka u Innovazzjoni. https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/61564e1f-d55e-11eb-895a-01aa75ed71a1  

    (13)

          Academic freedom and institutional autonomy: https://www.eua.eu/downloads/content/academic freedom statement april 2019.pdf , dikjarazzjoni konġunta mill-ALLEA, l-EUA u Science Europe, April 2019

    (14)

          Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej | Edukazzjoni u Taħriġ (europa.eu)

    (15)

          Skedi informattivi tal-Universitajiet Ewropej | Edukazzjoni u Taħriġ (europa.eu)

    (16)

         COM(2020)625

    (17)

         COM(2020)628

    (18)

         Din l-azzjoni se tieħu tagħlimiet mill-qafas tal-identità diġitali tal-Kummissjoni Ewropea u se tkun interoperabbli ma’ għodod Ewropej oħrajn tal-IT, inkluż ir-Regolament eIDAS (Identifikazzjoni elettronika, Servizzi ta’ Awtentikazzjoni u Fiduċjarji) li huwa regolament tal-UE dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-Suq Uniku Ewropew; u l-ħidma fuq il-Portafolli Elettroniċi li jibbażaw fuq l-Infrastruttura Ewropea tal-Blockchain għas-Servizzi (EBSI) bl-użu ta’ Kredenzjali Verifikabbli W3C għall-iskambju ta’ kredenzjali tal-edukazzjoni.

    (19)

       Strument eżistenti wieħed huwa r- Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT)  

    (20)

         Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar iktar kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla, Il-Ġurnal Uffiċjali L 64, 4.3.2006, p. 60–62 

    (21)

         Nefqa tal-gvern ġenerali f’konformità mal-Klassifikazzjoni tal-Funzjonijiet tal-Gvern - COFOG

    (22)

       https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=R_%26_D_expenditure#Gross_domestic_expenditure_on_R.26D

    (23)

         Iċ-ċifra finali se tiddependi fuq l-eżitu tal-programmazzjoni kontinwata tal-fondi.

    (24)

    Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE)

    (25)

         Din hija tikketta ta’ kwalità mogħtija lill-proposti tal-proġetti evalwati ’l fuq mil-limitu ta’ kwalità biex tgħinhom isibu finanzjament alternattiv permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew+.

    (26)

         Il-laboratorji ħajjin fl-universitajiet jippermettu lill-istudenti, lill-persunal u lir-riċerkaturi jikkooperaw ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħrajn biex isolvu l-isfidi tas-soċjetà u jħeġġu l-applikazzjoni tal-għarfien għall-kuntest reali tad-dinja, itejbu l-ħiliet ta’ dawk involuti, iżidu l-konnessjonijiet bejn in-nies, u jipprovdu aktar opportunitajiet biex ikun hemm konnessjoni mas-soċjetà.   

    (27)

       COM(2021) 350 final, Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020

    (28)

       Il-mogħdijiet ta’ tranżizzjoni se jinħolqu flimkien mal-partijiet ikkonċernati, u jistgħu joffru fehim aħjar minn isfel għal fuq tal-azzjoni meħtieġa biex takkumpanja t-tranżizzjoni doppja għall-aktar ekosistemi rilevanti li jwasslu għal pjan azzjonabbli.

    (29)

         It-tikketta tal-EIT tingħata lil programmi edukattivi dwar l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, il-kreattività u t-tmexxija

    (30)

         In-Network Internazzjonali tal-OECD dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja

    (31)

         Din hija għodda ta’ awtovalutazzjoni tal-kapaċità tal-innovazzjoni u tal-intraprenditorija tal-universitajiet.

    (32)

         Ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, (l-arti) u l-matematika (STEAM) huwa sett multidixxiplinari ta’ approċċi għall-edukazzjoni li jneħħi l-ostakli tradizzjonali bejn is-suġġetti u d-dixxiplini biex l-edukazzjoni STEM u tal-ICT tiġi konnessa mal-arti, l-istudji umanitarji u x-xjenzi soċjali.

    (33)

         Rome Ministerial Communiqué, http://ehea.info/Upload/Rome_Ministerial_Communique.pdf

    (34)

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1364 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar mezzi legali għall-protezzjoni

    fl-UE: il-promozzjoni tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u mezzi komplementari oħra, Il-Ġurnal Uffiċjali L

    317, 1.10.2020, p. 13–22

    (35)

         The European Universities Association’s Autonomy Scorecard (2017)

    (36)

         Li huma, rispettivament, prerekwiżit biex wieħed jirċievi kwalunkwe finanzjament tal-Erasmus+ u jippreżenta d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-istudenti tal-Erasmus+ waqt il-mobbiltà

    (37)

         http://www.ehea.info/page-ministerial-conference-rome-2020

    (38)

         L-UE hija mod ġdid biex iġġib soluzzjonijiet konkreti għal uħud mill-akbar sfidi tagħna. Il-Missjonijiet tal-UE huma sforz ikkoordinat mill-Kummissjoni biex tiġbor flimkien ir-riżorsi meħtieġa f’termini ta’ finanzjament, politiki u regolamenti, eċċ.

    (39)

         Ispirata mill-Qafas ta’ Kompetenza għat-tagħlim għas-sostenibbiltà ambjentali u mit-tassonomija li jmiss tal-ħiliet tal-Kummissjoni għat-tranżizzjoni ekoloġika, biex jissaħħu t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol Ewropea.

    (40)

         L-għanijiet ambjentali u klimatiċi huma prijorità ġenerali tal-programm Erasmus. L-“Erasmus Ekoloġiku” għandu l-għan li jippromwovi l-inkorporazzjoni ta’ prattiki ekoloġiċi fil-proġetti kollha u li jappoġġa s-sensibilizzazzjoni. Id-dimensjoni blu hija parti importanti mill-Erasmus Ekoloġiku. Il-miżuri ta’ sostenibbiltà ppjanati kollha se jkunu rilevanti wkoll għad-dimensjoni blu tal-Erasmus+, bl-objettiv li jiġu ppreservati oċeani, ibħra, ilmijiet kostali u interni f’saħħithom.

    (41)

    Pereżempju, il-qligħ mill-investiment fuq proġetti komuni tal-UE, bħall-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud jew

    l-Att dwar iċ-Ċipep li ġej, jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm persuni bi kwalifiki għoljin li jkunu kapaċi jfasslu u jiżviluppaw dawn it-teknoloġiji.

    (42)

      Kif deskritt fl-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2021)252 final)

    (43)

       Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing, Il-Ġurnal Uffiċjali L 132 tal-21.5.2016, p. 21-57

    (44)

         Network konġunt tan-Network Ewropew ta’ Ċentri ta’ Informazzjoni fir-Reġjun Ewropew u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku fl-Unjoni Ewropea (ENIC-NARIC)

    (45)

       Pereżempju, ETER , U-Multirank , DEQAR , Eurostudent , Eurograduate , data dwar rapporti ta’ implimentazzjoni ta’ Bolonja u Tabella tal-Mobilità , Eurostat, statistiċi tal-Edukazzjoni u t-taħriġ u statistiċi R&Ż  u Pjattaforma Metrika JRC KT

    Top