Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0746

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Idoneità Regolatorja tal-UE

    /* COM/2012/0746 final */

    52012DC0746

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Idoneità Regolatorja tal-UE /* COM/2012/0746 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Idoneità Regolatorja tal-UE

    1.           Regolamentazzjoni intelliġenti: Ir-reazzjoni għall-Imperattiv Ekonomiku

    Il-leġiżlazzjoni tal-UE hi essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat tal-UE u biex tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini, in-negozji u l-ħaddiema. Il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet l-oħra Ewropej u l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà komuni li jilħqu dawn l-għanijiet. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja żvelat is-siwi f’xi oqsma ta’ nuqqas ta’ azzjoni u leġiżlazzjoni u eżekuzzjoni fjakki. Din qanqlet sejħa għal governanza ekonomika u regolamentazzjoni finanzjarja msaħħa fil-livell tal-UE. Fl-istess waqt, il-kriżi ġibdet l-attenzjoni fuq l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-isfidi tal-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-liġijiet li diġà qegħdin fil-kotba statutorji. L-amministrazzjonijiet nazzjonali, li diġà qegħdin taħt pressjoni, isibuha diffiċli biex ilaħħqu mat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. In-negozji u ċ-ċittadini qed iqajmu tħassib dwar il-kumplessità u l-piż amministrattiv tal-liġijiet. Il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal aktar sforzi biex jitnaqqas il-piż regolatorju ġenerali fl-UE u fuq il-livell nazzjonali.

    Il-Kummissjoni qiegħda tirrispondi għal dawn il-preokkupazzjonijiet. Minn meta fasslet inizjattivi ġodda sentejn ilu[1], hija kkonsolidat is-sistema tagħha tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-mira ta’ 25% stabbilita fil-Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi ntlaħqet u inqabżet. Il-leġiżlazzjoni ġiet issimplifikata u kkodifikata. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed jeżaminaw proposti sinjifikanti ta' simplifikazzjoni f'bosta oqsma ta' politika. Pereżempju, il-Kummissjoni pproponiet aġenda ta’ simplifikazzjoni ambizzjuża li tkopri l-Qafas Mutiannwali Finanzjarju li jmiss[2]. Il-Kummissjoni ilha tapplika l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" u qed tuża s-sett sħiħ tal-istrumenti regolatorji (minn konsultazzjonijiet u valutazzjoni tal-impatt imsaħħa għal monitoraġġ ta' implimentazzjoni speċifika) biex ir-regolament tal-UE jiġi adottat għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi[3]. Tnedew evalwazzjonijiet pilota ta’ politika (‘kontrolli tal-idoneità’)[4]. Qed jiġu riżolti ħafna problemi dwar l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE mingħajr il-bżonn li wieħed jirrikorri għal proċeduri formali ta' ksur. Il-pubbliku qed jiġi kkonsultat sistematikament dwar l-inizjattivi tal-politika.

    Il-Kummissjoni se tibqa’ għaddejja b’dawn l-attivitajiet u tinsab determinata li tissodisfa l-għanijiet ta’ politika bi spiża minima, tikseb il-benefiċċji li tista' ġġib biss il-leġiżlazzjoni tal-UE u telimina kull piż regolatorju mhux meħtieġ. Se tkompli ssaħħaħ l-għodod regolatorji tagħha u tapplikahom sistematikament fil-firxa kollha tal-attivitajiet regolatorji tagħha. Il-Kummissjoni se żżid ukoll l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha b'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħra Ewropej u l-Istati Membri. Se tikkombina bosta inizjattivi li għaddejjin bħalissa fi Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (Regulatory Fitness and Performance Programme (REFIT)) immirat lejn l-eliminazzjoni ta’ kostijiet regolatorji mhux meħtieġa (jiġifieri piż) u tiżgura li l-korp tal-leġiżlazzjoni tal-UE jibqa' idoneu.

    Il-Kummissjoni ma temminx li l-iffissar ta' miri globali u/jew formuli kwantitattivi għal ġestjoni tal-ġabra tal-leġiżlazzjoni se jipproduċu r-riżultati mixtieqa. Dan jirrikjedi approċċ aktar mirqum b'valutazzjoni tal-vantaġġi u żvantaġġi reali — u jiġi identifikat jekk huma jkunux relatati direttament mal-leġiżlazzjoni tal-UE jew mal-implimentazzjoni tal-għażliet magħmula mill-Istati Membri. Approċċ bħal dan jista' jagħmilha possibbli biex ikun hemm iffukar aktar preċiż fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż u fuq it-titjib regolatorju u jkun aktar addattat għall-ispeċifiċitajiet tat-tfassil tal-politika tal-UE.

    Fit-tisħiħ tal-approċċ tagħha għal Regolamentazzjoni Intelliġenti, il-Kummissjoni bniet fuq kontributi mill-Parlament Ewropew[5], il-Kumitat tar-Reġjuni[6], konsultazzjoni pubblika[7], il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt[8], ix-xogħol ta' Gruppi ta' Livell Għoli ta' Esperti Regolatorji Nazzjonali u fuq Piżijiet Amministrattivi, u r-“Rakkomandazzjoni dwar Politika Regolatorja u Governanza ” tal-2012 tal-OECD[9].

    2.           Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni Regolatorja

    Is-sitwazzjoni ekonomika attwali titlob li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun saħansitra aktar effikaċi u effiċjenti fl-ilħuq tal-objettivi tal-politika pubblika: turi valur miżjud ċar, twassal il-benefiċċji sħaħ bl-anqas spejjeż filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Ir-riżultat finali għandu jkun qafas regolatorju sempliċi, ċar, stabbli u prevedibbli għan-negozji, għall-ħaddiema u ċ-ċittadini.

    Sabiex toqrob lejn dan l-għan, il-Kummissjoni se tniedi Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) li jibni fuq l-esperjenza fl-evalwazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv. REFIT se jidentifika l-piżijiet, l-inkonsistenzi, il-lakuni u l-miżuri ineffikaċi. Se tingħata attenzjoni lill-piż regolatorju possibbli relatat ma' kif il-leġiżlazzjoni tal-UE hija implimentata fuq livell nazzjonali u subnazzjonali[10]. Permezz ta’ REFIT, il-Kummissjoni se tidentifika, tevalwa, tadotta, u tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi, li se jirriżultaw fi tnaqqis jew simplifikazzjoni sinifikanti tal-kost regolatorju.

    Il-programm REFIT jibni fuq approċċ usa' lejn politika ta’ evalwazzjoni misjuqa permezz ta’ ‘kontrolli tal-idoneità’ imnedija sa mill-2010[11]. L-esperjenza s’issa turi l-ħtieġa ta’ qafas komuni biex jitwettqu dawn il-valutazzjonijiet — biex jintwera kif dawn jaqgħu taħt l-għan globali biex tiġi żgurata regolamentazzjoni intelliġenti u l-eliminar tal-piżijiet, biex jiġu involuti l-livelli kollha tal-gvern u biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati.

    Il-proċess REFIT se jibda b'eżerċizzju ta’ mmappjar biex jidentifika l-oqsma regolatorji u l-atti leġiżlattivi bl-akbar potenzjal għas-simplifikazzjoni tar-regoli u t-tnaqqis tal-kost regolatorju għan-negozji u għaċ-ċittadini mingħajr ma jiġu preġudikati l-objettivi tal-politika pubblika. Normalment, l-immappjar se jipponta lejn oqsma fejn hija meħtieġa aktar evalwazzjoni, inkluż tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Dawn l-evalwazzjonijiet se jivvalutaw ukoll jekk miri kwantitattivi għat-tnaqqis tal-piżijiet għandhomx jiġu eżaminati fil-qasam ikkonċernat b’rabta mar-responsabbiltajiet tal-UE u tal-Istati Membri rispettivament. Fejn l-immappjar jipprovdi biżżejjed evidenza li turi li tkun meħtieġa aktar azzjoni immedjata, jiġi mniedi proċess ta' valutazzjoni tal-impatt għall-proposti. Il-partijiet interessati se jkunu infurmati matul il-proċess kollu u l-opinjonijiet tagħhom se jkunu essenzjali għal prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet.

    Il-programm REFIT se jiġi implimentat b'mod trasparenti. B’konformità mal-politika "l-ewwel evalwa", fil-prinċipju, il-Kummissjoni mhix se teżamina proposti f'oqsma tal-leġiżlazzjoni eżistenti sakemm ma jkunx sar immappjar regolatorju u xogħol ta’ evalwazzjoni xieraq sussegwenti. L-ippjanar se jkun pubbliku. L-evalwazzjonijiet REFIT se jkunu pubblikament issenjalati fil-pjanijiet ta’ evalwazzjoni multiannwali imsaħħa mill-2014 ’il quddiem. Anness iddedikat fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni se jelenka l-inizjattivi ppjanati kollha tar-REFIT li jibdew mill-programm ta' ħidma tal-2014 Se titwaqqaf sistema ta’ rintraċċar (Scoreboard) biex tevalwa l-progress ta’ proposti permezz tal-istituzzjonijiet tal-UE u fl-istadju ta' implimentazzjoni.

    Oqsma possibbli għall-ippjanar tal-evalwazzjoni REFIT se jiġu wkoll minn attivitajiet li jkunu diġà għaddejjin jew li huma ppjanati. Dawn jinkludu r-riżultati ta' konsultazzjoni madwar l-UE kollha tal-SMEs dwar dak li huma jikkunsidraw bħala l-Aktar Għaxar regolamenti tal-UE li huma ta’ piż u r-riżultati kontinwi tal-‘kontrolli tal-idoneità’ u xogħol ieħor ta’ evalwazzjoni regolatorja[12]. Il-programm kontinwu ta’ simplifikazzjoni u x-xogħol fuq it-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji għan-negozji żgħar se jkunu wkoll immedjatament amalgamati fil-programm il-ġdid. Indikazzjonijiet ulterjuri se jiġu pprovduti permezz tat-tmiem tal-valutazzjonijiet dwar il-politika tal-ilma ħelu, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-qasam soċjali, l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur u l-politika interna tas-suq tal-avjazzjoni u l-leġiżlazzjoni tal-katina alimentari. L-eżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, is-settur tal-bejgħ għall-konsum, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-irfinar taż-żejt, l-aluminju u prodotti industrijali oħra huma wkoll diġà ippjanati.

    Fl-aħħar nett, REFIT se jinkludi segwitu għall-Programm għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi (ABR) — ABR Plus. Il-Programme 2007 kellu l-għan li jnaqqas il-piż fuq in-negozji li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-UE b’25 % sal-2012. Dan kopra madwar 80 % tas-sorsi ewlenin tal-piż amministrattiv. Il-Kummissjoni marret lil hinn mill-mira billi ppreżentat proposti sabiex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi b'iktar minn 30%, filwaqt li l-miżuri li kienu daqs 25% ġew adottati mill-koleġiżlaturi. Ir-riżultati dettaljati tal-Programm ta' Azzjoni huma ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan id-dokument[13].

    Mhux se jimmaterjalizzaw benefiċċji sakemm l-ABR ma jkunx implimentat b'suċċess. L-ABR Plus għalhekk se jiffoka fuq is-segwitu fl-Istati Membri. L-Istati Membri se jintlabu jirrapportaw sal-31 ta’ Diċembru 2013 dwar kif għandhom jimplimentaw miżuri ABR. Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Piż Amministrattiv se jkun inkarigat li jassisti u jagħti pariri dwar dan is-segwitu, jqabbel ir-riżultati stmati mal-estimi tal-bidu u l-iffaċilitar tal-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri. Se jkun inkarigat ukoll li jsegwi man-negozji u l-Istati Membri, l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri tal-UE li jnaqqsu l-piż amministrattiv bla bżonn partikolarment għan-negozji żgħar. Għalhekk il-mandat tal-Grupp ta’ Livell Għoli qed jiġi estiż sa tmiem it-terminu tal-kariga tal-Kummissjoni preżenti.

    3.           Għodod ta’ Regolamentazzjoni Intelliġenti: Norqmu l-Prestazzjoni

    Il-Kummissjoni tuża numru ta' għodod differenti fil-politika tagħha tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti. Dawn qegħdin kontinwament jiġu mtejba.

    3.1.        Valutazzjoni tal-impatt

    Is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt (IA) tal-Kummissjoni ġiet iġġudikata bħala tal-ogħla klassi[14] — tivvaluta b’mod trasparenti l-alternattivi politiki leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi billi tqabbel kemm il-benefiċċji u kif ukoll il-kostijiet potenzjali f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Is-sistema hi komprensiva, trasparenti u soġġetta għal skrutinju indipendenti[15]. L-IAs isiru għall-proposti kollha b’impatti diretti sinifikanti. Fl-aħħar sentejn, inħarġet gwida operazzjonali biex jiġu analizzati l-impatti fuq id-drittijiet fundamentali[16], il-kompetittività[17] u fuq il-mikrointrapriżi[18]. Skrutinju indipendenti mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB)[19] itejjeb il-kwalità tar-rapport u jkun hemm bżonn fil-prinċipju l-opinjoni pożittiva mill-IAB qabel ma proposta tkun tista' titressaq quddiem il-Kummissjoni għal deċiżjoni. L-iskrutinju tal-IAB issaħħaħ permezz ta’ bidliet immirati fil-mandat u r-regoli ta' proċedura tiegħu[20]. Jekk jistax isir IA jew le, huwa ddikjarat fil-pjanijiet direzzjonali li huma disponibbli pubblikament[21]. L-IAs kif ukoll l-opinjonijiet tal-BVI huma disponibbli pubblikament. Mit-twaqqif tal-IAB fl-2006, inħarġu aktar minn 700 opinjoni. Il-ħolqien ta' Direttorat ġdid għall-Valutazzjoni tal-Impatt fil-Parlament Ewropew qed iżid fil-livell estern ulterjuri ta’ skrutinju u kontroll tal-kwalità.

    Il-biċċa l-kira ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati tappoġġja l-approċċ integrat tal-Kummissjoni. L-aktar suġġerimenti frekwenti biex tinkiseb kwalità ogħla b'mod aktar konsistenti jinkludu: sforz akbar biex wieħed jikkwantifika l-impatti, preżentazzjoni aktar ċara tar-riżultati ewlenin, il-konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-valutazzjonijiet tal-impatt, membri esterni tal-IAB u rekwiżit vinkolanti għal opinjonijiet pożittivi tal-IAB.

    L-evidenza u l-istudji eżistenti juru li l-istruttura attwali qed twassal għal riżultati b’mod effiċjenti. Skont studju mill-Parlament Ewropew[22], ‘is-sistema tal-UE hija kumparattivament żviluppata sew b’kontrolli u bilanċi interni u esterni’ u ‘hemm kunsens ġenerali li l-IAB jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-IAs’. Skont analiżi tas-CEPS/l-Università ta' Exeter[23] il-kwantifikazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji hija frekwenti, jew aktar ta' spiss, milli f’sistemi oħra. Fl-ebda sistema l-opinjoni ta' korpi ta’ skrutinju indipendenti ma hi vinkolanti fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li la l-membri esterni tal-IAB u lanqas l-opinjonijiet vinkolanti tal-IAB ma huma meħtieġa u li huma ma jkunux kompatibbli mad-dritt proprju ta' inizjattiva, mar-rwoli istituzzjonali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-responsabbiltà lejn il-pubbliku ġenerali.

    Rigward l-appelli għall-konsultazzjonijiet dwar l-abbozzi tar-rapport tal-IA, wieħed għandu jinnota li l-Kummissjoni diġà titlob li l-partijiet interessati jkunu kkonsultati fuq l-aspetti ewlenin kollha tal-valutazzjoni tal-impatt u qed jiġi ppjanat titjib ulteruri f'dawn il-konsultazzjonijiet. Normalment il-konsultazzjoni ssir fi stadju bikri tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt biex l-imsieħba interessati jkunu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw l-inkwadrar tal-problemi u l-għażla tal-opzjonijiet fil-proċess. Jekk il-konsultazzjoni sseħħ darba biss fuq l-abbozzi tal-IA, l-alternattivi jkunu diġà ġew identifikati, u jitnaqqas l-ambitu tas-suġġerimenti bis-sens mill-partijiet interessati. Jekk isiru żewġ konsultazzjonijiet, iċ-ċiklu ta' politika jkun terġa' itwal. Barra minn hekk, ir-rapporti tal-IA li jakkumpanjaw il-proposti tal-Kummissjoni huma pubbliċi. Dan ifisser li l-partijiet interessati jistgħu wkoll jagħtu l-opinjonijiet tagħhom matul il-proċess leġiżlattiv.

    Madankollu, għad hemm lok biex tkompli tittejjeb il-kwalità u ċ-ċarezza tar-rapporti tal-IA u jiġu sfruttati aħjar il-proċessi tal-IA għar-REFIT. Il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-valutazzjoni ex ante tal-kostijiet u l-benefiċċji. Dan se jinkludi wkoll sinteżi standardizzata ta’ żewġ paġni fir-rapporti tal-IA biex tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni rapida tar-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni tal-impatt, inkluż l-istima tal-kostijiet u l-benefiċċji. Ser tirrevedi u taġġorna l-linji gwida tal-IA fl-2014 wara konsultazzjoni pubblika.

    3.2.        Evalwazzjoni

    L-evalwazzjoni hija parti integrali mill-isforz tal-Kummissjoni biex timmassimizza l-benefiċċji u timminimizza l-kost tal-politiki tal-UE, kif diġà kien enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-2010 Regolamentazzjoni Intelliġenti. It-tisħiħ tal-evalwazzjoni ta’ miżuri regolatorji tal-UE imur id f’id ma’ żieda fl-attenzjoni lejn l-evalwazzjoni tal-programmi finanzjarji. L-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) introduċa rekwiżit ġdid biex il-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni bbażat fuq ir-riżultati miksuba.

    Il-Kummissjoni qiegħda ssaħħaħ is-sistema tagħha ta’ evalwazzjoni u tapplika l-prinċipju tagħha ‘l-ewwel evalwa’. Is-sehem ta' proposti sinifikanti fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni appoġġjat minn evalwazzjonijiet disponibbli jew kontinwi żdied minn 32% għal 44% bejn l-2011 u l-2012.

    Diversi kwistjonijiet ġew ippreżentati fi sforz biex wieħed isaħħaħ l-evalwazzjonijiet u fit-tweġibiet tal-konsultazzjoni pubblika. L-evalwazzjonijiet tradizzjonalment eżaminaw il-programmi ta' finanzjament individwali jew atti leġiżlattivi, b’inqas attenzjoni għal-evalwazzjoni ta’ oqsma wiesa' ta’ leġiżlazzjoni u kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-oqmsa kollha. Hemm ukoll il-kwistjoni tal-ipprogrammar b’impatti kemm tal-programmi u tal-politiki li jkunu jistgħu jitkejlu biss wara ħafna snin mill-bidu tagħhom.

    Bil-ħsieb li tittejjeb ir-relevanza politika u s-sjieda tar-riżultati tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda teżamina s-sistema ta' evalwazzjoni tagħha u se tistabbilixxi qafas rivedut għall-politika u l-evalwazzjoni tal-programm fl-2013. L-approċċ il-ġdid se jeżamina kif ir-riżultati ta’ evalwazzjoni jistgħu jkunu ankrati aħjar fiċ-ċiklu tal-iżvilupp ta’ politika. Il-proċess tal-evalwazzjoni jista’ jiġi mfassal flimkien mal-politika nnifisha b'monitoraġġ u rrappurtar aħjar. Hemm lok għal iktar trasparenza fl-ippjanar u involviment akbar tal-partijiet interessati. Tista’ tiġi kkunsidrata eżami ta’ tmiem il-kariga tal-Kummissjoni bbażata fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

    Il-linji gwida tal-evalwazzjoni, inkluża gwida dwar l-evalwazzjonijiet skont ir-REFIT, se jiġu riveduti wara konsultazzjoni pubblika. Fl-aħħar, minħabba l-importanza tal-implimentazzjoni għal effikaċja u effiċjenza regolatorja, l-approċċ il-ġdid se jniedi wkoll fuq bażi pilota evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri interessati. Il-Grupp ta’ Livell Għoli ta' Esperti Regolatorji Nazzjonali se jkun imħeġġeġ biex jagħti parir dwar dan l-approċċ pilota u dwar il-mezzi ta' involviment tal-Istati Membri. Il-mandat tal-Grupp ta’ Livell Għoli qed jiġi estiż sa tmiem it-terminu tal-kariga tal-Kummissjoni preżenti sabiex jipprovdi pariri u skambju tal-aħjar prassi dwar l-attivitajiet tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed teżamina kif tista’ tfassal mill-ġdid u ttejjeb ir-rapport tal-Artikolu 318 tat-TFUE. Hemm bżonn metodu affidabbli ta’ rrappurtar annwali fuq ir-riżultati miksuba li jislet mill-oqfsa ta’ valutazzjoni skont l-Oqfsa Finanzjarji Pluriennali attwali u dawk futuri u minn dejta ta’ monitoraġġ mill-istrumenti ta' rrappurtar annwali tal-Kummissjoni[24].

    3.3.        Konsultazzjoni maċ-ċittadini u l-partijiet interessati

    Li ċ-ċittadini u l-partijiet interessati jingħataw widen hu fundamentali għal regolamentazzjoni intelliġenti fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta’ politika. Il-Kummissjoni għandha varjetà ta’ mezzi stipulati fit-Trattati u dokumenti ta' politika biex tinteraġixxi ma' partijiet interessati[25]. Ġabra wiesgħa ta' għodod — minn pjanijiet direzzjonali sa konsultazzjonijiet pubbliċi immirati – huma disponibbli għall-Kummissjoni biex tiddjaloga mal-partijiet interessati f'diversi stadji.

    Mill-bidu tal-2012, il-Kummissjoni saħħet il-vuċi ta’ partijiet interessati billi estendiet il-perjodu minimu għall-konsultazzjoni pubblika minn tmien ġimgħat għal tnax-il ġimgħa[26]. Ukoll, l-SMEs u l-mikrokumpaniji diġà semmgħu leħinhom direttament dwar il-problemi u t-tħassib tagħhom f’konferenzi ddedikati organizzati fl-Istati Membri. Ġie iffinalizzat eżami ta’ politika ta’ konsultazzjoni u r-riżultati tagħha qed jiġu ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li qed jakkumpanja dan id-dokument[27].

    Il-Kummissjoni tikkonsulta b’mod wiesa’, tirrispetta l-prinċipji tal-ftuħ u t-trasparenza u ssegwi l-istandards minimi li b’mod ġenerali huma rrikonoxxuti bħala xierqa, tirrispondi għall-aħjar prattika internazzjonali u normalment huma rrispettati. Matul l-aħħar tliet snin, intalbu l-fehmiet tal-partijiet interessati permezz ta' iktar minn 300 konsultazzjoni miftuħa ppubblikati fuq is-sit tal-internet ‘Il-vuċi tiegħek fl-Ewropa’. Ir-rapporti kollha tal-valutazzjoni tal-impatt li tlestew matul l-istess perjodu kienu jistrieħu fuq konsultazzjonijiet estensivi, miftuħa u mmirati. F'disgħa minn għaxar konsultazzjonijiet miftuħa, il-perjodu minimu ġie rispettat.

    L-eżami kkonferma l-validità tal-politika u l-għodod ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll il-progress fl-implimentazzjoni miksuba matul is-snin. Madankollu, l-eżami u l-opinjonijiet tal-partijiet interessati ġibdu l-attenzjoni lejn oqsma fejn jista’ jsir aktar titjib fl-implimentazzjoni. Il-konsultazzjonijiet mhux dejjem isaqsu l-mistoqsijiet adatti fil-ħin opportun u xi drabi jonqsu milli jilħqu dawk li huma direttament affettwati li ma jistgħux dejjem jiġu indirizzati fil-lingwi nattivi tagħhom. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li qed jakkumpanja dan id-dokument jagħti d-dettalji tal-miżuri ppjanati biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.

    Il-Kummissjoni se testendi l-medda ta' konsultazzjonijiet billi tippubblika kalendarju kontinwu ta' konsultazzjonijiet ppjanati fuq is-sit tal-internet "Il-Vuċi Tiegħek fl-Ewropa", biex timmobilizza aħjar il-kanali ta' komunikazzjoni tal-Istati Membri, billi tesplora l-użu ta' għodod innovattivi ta' konsultazzjoni, billi ttejjeb il-kwalità tar-rispons u billi teżamina jekk id-dokumenti ta' konsultazzjoni u tat-taqsiriet jistgħux ikunu tradotti b’mod aktar wiesa' fil-limiti baġitarji eżistenti. Se taġġorna u tiċċara wkoll l-istandards minimi billi tinkludi kriterji operazzjonali aktar ċari. Fl-aħħar, biex trawwem kwalità mtejba, se jissaħħaħ il-kontroll intern u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ (bħal linji gwida u libreriji tal-aħjar prattika). Flimkien, dawn il-miżuri se jippermettu konsultazzjonijiet pubbliċi biex jiġu appoġġjati aħjar il-fażijiet kollha tal-proċessi tal-evalwazzjoni, tal-valutazzjoni tal-impatt u tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

    4.           Governanza tar-Regolamentazzjoni intelliġenti: It-titjib tal-Implimentazzjoni

    Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tistax taqdi l-iskop tagħha jekk ma tkux implimentata u eżegwita b'mod effikaċi. Perspettiva ta’ implimentazzjoni hija essenzjali fil-punti kollha fiċ-ċiklu tal-politika. Barra minn hekk, il-progress fl-implimentazzjoni se jkun fattur ewlieni fl-evalwazzjoni tal-idoneità regolatorja.

    4.1.        Titjib tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE

    L-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni tappoġġjahom permezz ta' varjetà ta' miżuri: pjanijiet ta’ implimentazzjoni li jidentifikaw l-isfidi prinċipali tal-implimentazzjoni u jissuġġerixxu miżuri ta' appoġġ, mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi bħall-EU Pilot[28] u skambji tal-aħjar prassi (pereżempju r-Rapport tal-aħjar prassi tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Piżijiet Amministrattivi)[29]. Ittejbu wkoll id-djalogu interistituzzjonali u t-trasparenza[30].

    Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-progress fl-implimentazzjoni ta' oqsma ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u tiffoka fuq oqsma prijoritarji identifikati tas-suq uniku[31]. Se tieħu approċċ aktar sistematiku u approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-valutazzjoni tal-konformità li se ssaħħaħ il-verifika tal-konformità u tipprovdi kontribut prezzjuż għall-evalwazzjoni ex post. Il-Kummissjoni se tħejji wkoll pjanijiet ta’ implimentazzjoni għal Direttivi fuq bażi iktar sistematika u tapplika l-użu ta’ dati ta’ bidu komuni għar-regolamenti tal-UE u deċiżjonijiet li jaffettwaw in-negozju aktar fil-wisa'. Fl-aħħar, il-Kummissjoni se tagħmel l-almu kollu tagħha biex tiżgura li jiġi pprovdut ħin xieraq bejn id-data tal-adozzjoni u dak tat-traspożizzjoni.

    4.2.        Leġiżlazzjoni li tkun iktar ċara u iktar aċċessibbli

    Il-ġestjoni tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni tfisser ukoll li jkun żgurat li tkun ċara, aċċessibbli u faċli biex wieħed jikkonforma magħha kemm jista' jkun. Se jkomplu l-isforzi kontinwi għal dan l-għan. Dawn jinkludu s-simplifikazzjoni, il-kodifikazzjoni, ir-riformulzzjoni u l-konsolidazzjoni ta' testi legali kif ukoll tnaqqis tal-volum tal-leġiżlazzjoni billi jitħassru d-dispożizzjonijiet li m'għadhomx jintużaw. Sa mill-2005, il-Kummissjoni approvat 640 inizjattiva mmirati lejn is-simplifikazzjoni, il-kodifikar jew tfassil mill-ġdid. Aktar minn 4 450 att legali ġew revokati, li minnhom 1750 bħala riżultat ta’ kodifikazzjoni u riformulazzjoni. Ir-regolamenti u d-direttivi emendati kollha kif ukoll għażla ta’ deċiżjonijiet ġew ikkonsolidati fil-lingwi kollha tradotti oriġinarjament u huma disponibbli permezz tas-sit tal-internet tal-EUR-LEX L-aċċess elettroniku għall-korp sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE qed tiġi mtejba wkoll: il-portal il-ġdid e-Justice tnieda fl-2011 u l-Portal Komuni l-ġdid tal-EUR-LEX se jsir operattiv onlajn fl-2013. Fl-2011, il-Kummissjoni pproponiet li tagħti effett ġuridiku lill-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali[32]. Fl-aħħar, il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-abbozzar biex jigu żgurati testi aktar konċiżi u aktar faċli biex jinqaraw. Dawn il-miżuri se jappoġġjaw l-evalwazzjoni integrata ta’ oqsma ta’politika, jiffaċilitaw konsultazzjoni pubblika u jgħinu lill-amministrazzjonijiet nazzjonali fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni.

    5.           Regolamentazzjoni intelliġenti: missjoni kondiviża

    5.1.        Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-entitajiet konsultattivi

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2010, il-Kummissjoni stiednet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jagħmlu użu aħjar tal-valutazzjonijiet tal-impatt fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom u biex janalizzaw l-impatti meta jiddiskutu kwalunkwe emendi sostantivi skont l-impenji tagħhom skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet.

    Il-Kummissjoni tinnota li sa issa sar biss progress limitat fir-rigward tal-analiżi tal-impatti ta’ emendi sostanzjali.

    Madankollu, il-Kummisjoni hi sodisfatta bl-istabbiliment ta' direttorat ġdid għall-Valutazzjoni tal-Impatt fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tappoġġja l-prattika tajba ta’ uħud mill-Kumitati li jrendu l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni l-punt ta’ tluq għal ħidma ta’ analiżi ulterjuri mill-Parlament Ewropew. Dan għandu jiżgura komparabbiltà mal-approċċ tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni stess biex jiġi evitat duplikazzjoni tal-isforzi.

    Il-Kunsill ma stabbilixxiex uffiċċju ta’ valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni tikkunsidra li tista’ tuża aktar il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, pereżempju billi tikkunsidra bis-sħiħ il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni meta jibda x-xogħol fuq il-proposti li jakkumpanjaw.

    Il-Kummissjoni se tkompli twieġeb b’mod kostruttiv għal talbiet biex tespandi fuq l-aspetti tal-valutazzjonijiet tal-impatt u/jew biex taqsam l-informazzjoni u l-metodoloġija tagħha fuq bażi ta' każ b'każ. Hija tistieden liż-żewġ Istituzzjonijiet biex jiffokaw fuq it-twettiq, sabiex proporzjon aktar sinifikanti tal-emendi li jagħmlu jkunu bbenefikaw direttament mill-analiżi tal-impatt ibbażat fuq l-evidenza.

    Il-Kummissjoni hi sodisfatta wkoll bl-appoġġ u l-approvazzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ ħidmietha biex tnaqqas u timminimizza l-piż amministrattiv u regolatorju u tistedinhom biex jappoġġjaw il-proposti ta’ simplifikazzjoni li qed jiġu diskussi u japprovaw u jappoġġjaw il-programm REFIT.

    Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni hi sodisfatta bl-appoġġ tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-pjattaformi u n-netwerks tagħhom jistgħu jkunu għajn importanti ta’ informazzjoni fit-tħejjija tal-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt.

    5.2.        L-Istati Membri

    Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija kruċjali jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE trid tissodisfa l-benefiċċji kollha tagħha b'kost minimu għaċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-intrapriżi. Is-saħħa tal-kapaċità amministrattiva nazzjonali u l-kwalità regolatorja nazzjonali għandhom impatt dirett fuq jekk l-għanijiet tal-politika pubblika tal-UE jistgħux jintlaħqu fil-prattika. Il-kontributi tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet huma ta’ importanza kritika fit-tfassil u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż ir-regoli li jirregolaw l-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tal-UE, l-Istati Membri huma responsabbli li jiżguraw li l-qafas regolatorju tagħhom huwa ċar u–aċċessibbli. Il-Parlamenti Nazzjonali għandhom rwol ewlieni li jikkontrollaw li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun applikat b’mod korrett.

    Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jipparteċipaw b’mod iktar attiv fil-konsultazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet pubbliċi tagħha, inkluż billi jiġu mobilizzati n-netwerks dedikati nazzjonali tagħhom, sabiex itejbu l-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika. Tenfasizza li, f'dan il-kuntest, rispons kmieni mill-Istati Membri huwa fundamentali għal analiżi robusta tas-sussidjarjetà.

    Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-valutazzjoni tal-impatt nazzjonali tista’ tkun utli biex tgħin id-diskussjonijiet fil-Kunsill fuq it-tibdiliet tal-proposti tiegħu u biex tgħin lill-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' traspożizzjoni u eżekuzzjoni.

    Il-Kummissjoni tistieden l-Istati Membri biex jiżguraw it-twettiq effettiv fil-livell nazzjonali ta’ inizjattivi li għaddejjin bħalissa biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, u biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ Frar 2012 dwar l-aħjar prattiki, biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE bl-eħfef mod u biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-iskambju ta' informazzjoni fuq metodi effiċjenti tal-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-UE[33]. Tistedinhom ukoll biex jieħdu vantaġġ sħiħ tal-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni offruti permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE u biex ikunu żgurati ċ-ċarezza u l-aċċessibbiltà tar-regoli nazzjonali li jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Fl-aħħar, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta' amministrazzjoni pubblika effiċjenti għal transpożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni f’waqthom tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    6.           Konklużjonijiet

    Biex tiggarantixxi l-kwalità regolatorja tal-UE, il-leġiżlazzjoni tal-UE u r-regoli nazzjonali li jimplimentawha, trid tkun mmaniġġjata b'mod li tkompli tilħaq l-objettivi tagħha ta' politika pubblika b'mod effiċjenti. L-oqfsa regolatorji jridu jkunu idonei u jibqgħu hekk anki meta jiżvolġu l-problemi, jitfaċċaw soluzzjonijiet ġodda u jinbidlu l-prijoritajiet politiċi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tidentifika l-ispejjeż bla bżonn u oqsma għat-titjib fl-effikaċja bħala parti integrali u permanenti fit-tfassil tal-politika tagħha u tal-ipprogrammar fil-firxa kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    [1]               COM(2010) 543 ‘Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-UE’.

    [2]               Ara COM(2011)500 ‘Baġit għall-Ewropa 2020’, Regolament (EU, Euratom) Nru 966/2012 u COM(2012) 42 ‘Aġenda ta' Simplifikazzjoni għall-QFM 2014-2020’.

    [3]               COM (2011) 803 "L-imminimizzar tat-tagħbija regolatorja għall-SMEs” - Fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni se tippreżenta l-ewwel rapport ta' progress u valutazzjoni li jiffukaw b’mod partikolari fuq il-prijoritajiet identifikati min-negozji żgħar fil-konferenzi li jkunu saru fi Stati Membri u f'konsultazzjonijiet madwar l-UE kollha sa tmiem l-2012.

    [4]               http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/evaluation/docs/fitness_check_en.pdf.

    [5]               Rapport dwar it-18-il rapport dwar leġiżlazzjoni aħjar u rapport dwar it-28 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    [6]               Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Regolamentazzjoni Intelliġenti” 2012/C 9/04.

    [7]               http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/smart_regulation/consultation_2012/docs/consultation_mt.pdf.

    [8]               SEC(2012) 101 ‘Rapport tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt għall-2011’.

    [9]               http://www.oecd.org/gov/regulatorypolicy/49990817.pdf.

    [10]             Hu stmat li l-piż amministrattiv miżjud matul l-implimentazzjoni tal-leġizlazjzoni tal-UE fuq livell nazzjonali jkun ta' madwar terz tat-total.

    [11]             Dwar il-politika tal-UE dwar l-ilma ħelu fil-qasam tal-ambjent, dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-qasam soċjali, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur, fuq il-leġiżlazzjoni tal-katina alimentari u fuq il-politika interna tas-suq tal-avjazzjoni.

    [12]             Notevolment ir-riżultati diġà disponibbli għall-kostruzzjoni, in-negozju u sservizzi turistiċi.

    [13]             SWD(2012) 422 ‘Reviżjoni tal-Politika ta’ Konsultazzjoni tal-Kummissjoni’.

    [14]             OECD 2011 ‘Sostenibbiltà fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt — Reviżjoni ta' Sistemi ta’ Valutazzjonijiet tal-Impatt f'għadd ta' pajjiżi tal-OECD u l-Kummissjoni Ewropea ”, il-Parlament Ewropew 2011, "Studju komparattiv dwar l-għan, l-ambitu u l-proċeduri ta' valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa fl-Istati Membri tal-UE ”, CEPS/l-Università ta' Exeter 2012, “Il-Kwalità Regolatorja fil-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit: Mistoqsijiet qodma u sejbiet ġodda”.

    [15]             Ir-rapport tal-Qorti Ewrpopea tal-Awdituri N° 3/2010 “Valutazzjoni tal-Impatt fl-Istituzzjonijiet tal-EU: dawn jappoġġjaw it-teħid tad-deċiżjonijiet?”.

    [16]             http://ec.europa.eu/governance/impact/key_docs/docs/sec_2011_0567_en.pdf.

    [17]             http://ec.europa.eu/governance/impact/key_docs/docs/sec_2012_0091_en.pdf.

    [18]             http://ec.europa.eu/governance/impact/key_docs/docs/meg_guidelines.pdf.

    [19]             http://ec.europa.eu/governance/impact/iab/iab_en.htm.

    [20]             http://ec.europa.eu/governance/impact/iab/members_en.htm.

    [21]             http://ec.europa.eu/governance/impact/planned_ia/planned_ia_en.htm.

    [22]             Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

    [23]             Ara CEPS/l-Università ta’ Exeter 2012 fin-nota 14.

    [24]             Jiġifieri: l-Ippjanar Strateġiku tal-Kummissjoni u fiċ-Ċiklu tal-Ipprogrammar — Ir-rapporti tal-Attività Annwali, Dikjarazzjoni Annwali tal-Baġit, eċċ.

    [25]             Ara SWD(2012) 422..

    [26]             http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/12/1&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en .

    [27]             SWD(2012) 423 “Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tat-Tagħbija Amministrattiva tal-UE – Rapport Finali”.

    [28]             http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/application_monitoring_en.htm.

    [29]             http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/best_practice_report/docs/bp_report_signature_en.pdf.

    [30]             Ara ĠU L304/47 u ĠU C369/14.

    [31]             Ara COM (2012) 259 “Governanza aħjar tas-suq uniku”.

    [32]             COM(2011) 162 “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”.

    [33]             http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/best_practice_report/best_practice_report_en.htm

    Top