Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 7ebdea37-3871-11ef-b441-01aa75ed71a1

Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 584/2010 tat-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-ittra ta’ notifika u attestazzjoni UCITS standardizzati, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ notifika, u proċeduri għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

02010R0584 — MT — 14.07.2024 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 584/2010

tat-1 ta’ Lulju 2010

li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-ittra ta’ notifika u attestazzjoni UCITS standardizzati, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ notifika, u proċeduri għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 176 10.7.2010, p. 16)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/910 tal-15 ta’ Diċembru 2023

  L 910

1

25.3.2024




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 584/2010

tat-1 ta’ Lulju 2010

li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-ittra ta’ notifika u attestazzjoni UCITS standardizzati, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ notifika, u proċeduri għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



▼M1 —————

▼B

KAPITOLU II

KOOPERAZZJONI SUPERVIŻORJA

TAQSIMA 1

Proċedura għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet

Artikolu 6

Talba għal għajnuna għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet

1.  

Awtorità kompetenti li għandha l-ħsieb li twettaq verifika fuq il-post jew investigazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (“l-awtorità rikjedenti”) għandha tissottometti talba bil-miktub lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor (“l-awtorità li tkun irċiviet it-talba”). It-talba għandha tinkludi li ġej:

(a) 

ir-raġunijiet għat-talba, inklużi d-dispożizzjonijiet legali applikabbli fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità rikjedenti fuq liema t-talba hija bbażata;

(b) 

l-ambitu tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni;

(c) 

l-azzjonijiet diġà meħuda mill-awtorità rikjedenti;

(d) 

kwalunkwe azzjoni li trid tittieħed mill-awtorità rikjesta;

(e) 

il-metodoloġija proposta tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni u r-raġunijiet għaliex l-awtorità rikjedenti tkun għażlitha.

2.  
It-talba għandha tiġi sottomessa suffiċjentement qabel il-verifika fuq il-post jew investigazzjoni.
3.  
Fejn talba għal għajnuna għal verifika fuq il-post jew investigazzjoni tkun urġenti, tista’ tiġi trażmessa permezz ta’ posta elettronika u kkonfermata sussegwentement bil-miktub.
4.  
L-awtorità rikjesta għandha tirrikonoxxi rċevuta tat-talba mingħajr dewmien mhux xieraq.
5.  
L-awtorità rikjedenti għandha tagħmel disponibbli kwalunkwe informazzjoni li tkun intalbet mill-awtorità rikjesta sabiex l-awtorità rikjedenti tkun tista’ tipprovdi l-għajnuna meħtieġa.
6.  
L-awtorità rikjesta għandha tittrażmetti mingħajr dewmien mhux xieraq kwalunkwe informazzjoni u dokumenti li huma disponibbli lilha li huma rilevanti jew utli għall-awtorità rikjedenti, fid-dawl tar-raġunijiet u l-ambitu tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.
7.  
L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandha tirrivaluta n-neċessità tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni fid-dawl tad-dokumenti u l-informazzjoni trażmessa skont il-paragrafu 5 jew 6.
8.  
L-awtorità rikjesta għandha tiddeċiedi jekk twettaqx il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess jew jekk tippermettix lill-awtorità rikjedenti sabiex twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni, jew jekk tippermettix lill-awdituri jew esperti oħra sabiex iwettqu verifika fuq il-post jew investigazzjoni.
9.  
L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jaqblu dwar kwistjonijiet relatati mal-allokazzjonijiet ta’ spejjeż ta’ verifika fuq il-post jew investigazzjoni.

Artikolu 7

Twettiq tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni mill-awtorità rikjesta

1.  
Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess, għandha tagħmel dan skont il-proċedura pprovduta fil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.
2.  
Fejn l-awtorità rikjedenti tkun talbet li l-uffiċjali tagħha stess jakkompanjaw lill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta li qed twettaq il-verifika jew l-investigazzjoni skont l-Artikolu 101(5) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jaqblu dwar arranġamenti prattiċi għal din il-parteċipazzjoni.

Artikoli 8

Twettiq tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni mill-awtorità rikjedenti

1.  
Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li tħalli lill-awtorità rikjedenti twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni, din il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni għandha titwettaq skont il-proċedura pprovduta fil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet kondotta l-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.
2.  
Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li tħalli lill-awtorità rikjedenti twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni, għandha tipprovdi l-għajnuna meħtieġa sabiex tiffaċilita dik il-verifika fuq il-post jew investigazzjoni.
3.  
Jekk l-awtorità rikjedenti tiskopri informazzjoni materjali rilevanti għat-twettiq tad-dmirijiet tal-awtorità li tkun irċiviet it-talba matul il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni, għandha tittrażmetti mingħajr dewmien din l-informazzjoni lill-awtorità rikjesta.

Artikolu 9

Twettiq tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni minn awdituri jew esperti

1.  
Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li tħalli lill-awditur jew esperti jwettqu verifika fuq il-post jew investigazzjoni, din il-verifika fuq il-post jew investigazzjoni għandha titwettaq skont il-proċedura pprovduta fil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se tiġi kondotta l-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.
2.  
Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li tħalli lill-awdituri jew esperti jwettqu verifika fuq il-post jew investigazzjoni, għandha tipprovdi l-għajnuna meħtieġa sabiex tiffaċilita lil dawk l-awdituri jew esperti t-twettiq tal-kompiti tagħhom.
3.  

Fejn l-awtorità rikjedenti tipproponi li taħtar awdituri jew esperti, għandha tittrażmetti kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-identità u l-kwalifiki professjonali ta’ dawn l-awdituri jew esperti lill-awtorità rikjesta.

L-awtorità rikjesta għandha tinnotifika fil-pront lill-awtorità rikjedenti jekk taċċettax il-ħatra proposta.

Fejn l-awtorità rikjesta ma taċċettax il-ħatra proposta jew l-awtorità rikjedenti ma tipproponix il-ħatra ta’ awdituri jew esperti, l-awtorità rikjesta għandu jkollha d-dritt li tipproponi awdituri jew esperti.

4.  
Fejn l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti ma jaqblux dwar il-ħatra ta’ awdituri jew esperti, l-awtorità rikjesta għandha tiddeċiedi jekk twettaqx il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess jew jekk tħallix lill-awtorità rikjedenti twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.
5.  
Sakemm l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti ma jiftehmux mod ieħor, l-awtorità li tkun ipproponiet l-awdituri jew esperti maħtura, għandha ġġorr l-ispejjeż rilevanti.
6.  
Jekk, waqt it-twettiq tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni l-awdituri jew l-esperti jiskopru informazzjoni materjali rilevanti għat-twettiq tad-dmirijiet tal-awtorità rikjesta, għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni fil-pront lill-awtorità rikjesta.

Artikolu 10

Talbiet għal għajnuna f’intervisti ma’ persuni li jinsabu fi Stat Membru ieħor

1.  
Fejn l-awtorità rikjedenti tikkunsidra li jeħtieġ li tmexxi intervisti ma’ persuni li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandha tissottometti talba bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.
2.  

It-talba għandha tinkludi dan li ġej:

(a) 

ir-raġunijiet għat-talba, inklużi d-dispożizzjonijiet legali applikabbli fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità rikjedenti li fuqha tkun ibbażata t-talba;

(b) 

l-ambitu tal-intervisti;

(c) 

l-azzjonijiet diġà meħuda mill-awtorità rikjedenti;

(d) 

kwalunkwe azzjoni li trid tittieħed mill-awtorità rikjesta;

(e) 

il-metodoloġija proposta li trid tintuża fl-intervisti u r-raġunijiet għaliex l-awtorità rikjedenti tkun għażlitha.

3.  
It-talba għandha tiġi sottomessa suffiċjentement qabel l-intervisti.
4.  
Fejn talba għal għajnuna sabiex jitwettqu intervisti ma’ persuni li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun urġenti, tista’ tiġi trażmessa permezz tal-posta elettronika u sussegwentement ikkonfermata bil-miktub.
5.  
L-awtorità rikjesta għandha tirrikonoxxi rċevuta tat-talba mingħajr dewmien mhux xieraq.
6.  
L-awtorità rikjedenti għandha tagħmel disponibbli kwalunkwe informazzjoni li tkun intalbet mill-awtorità rikjesta sabiex l-awtorità rikjesta tkun tista’ tipprovdi l-għajnuna meħtieġa.
7.  
L-awtorità rikjesta għandha tittrażmetti mingħajr dewmien mhux xieraq kwalunkwe informazzjoni u dokumenti li jkunu disponibbli għaliha li jkunu rilevanti u utli lill-awtorità rikjedenti, fid-dawl tar-raġunijiet u l-iskop tal-intervisti.
8.  
L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għanda tirrivaluta l-ħtieġa għat-twettiq ta’ intervisti fid-dawl tad-dokumenti u l-informazzjoni trażmessa skont il-paragrafu 6 jew 7.
9.  
L-awtorità rikjesta għandha tiddeċiedi jekk twettaqx l-intervisti hija stess jew jekk tħallix lill-awtorità rikjedenti sabiex twettaq l-intervisti.
10.  
L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jaqblu dwar kwistjonijiet relatati mal-allokazzjonijiet ta’ spejjeż għat-twettiq tal-intervisti.
11.  
L-awtorità rikjedenti tista’ tieħu sehem fl-intervisti mitluba skont il-paragrafu 1. Qabel u matul l-intervisti, l-awtorità rikjedenti tista’ tissottometti mistoqsijiet li jridu jiġu mistoqsija.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet

1.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw lil xulxin bi kwalunkwe verifika fuq il-post u investigazzjoni li trid issir fir-rigward tal-kumpanija maniġerjali jew l-UCITS bla ħsara għas-superviżjoni rispettiva tagħhom. Ma’ din in-notifika, l-awtorità kompetenti notifikata tista’ titlob mingħajr dewmien mhux xieraq lill-awtorità kompetenti li tkun qed tinnotifika sabiex tinkludi fl-ambitu tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni l-kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ superviżjoni tal-awtorità notifikata.
2.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS fir-rigward tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni ta’ depożitarju ta’ UCITS fejn ikun meħtieġ sabiex twettaq id-dmirijiet superviżorji tagħha fir-rigward tal-kumpanija maniġerjali.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jaqblu dwar il-proċeduri għall-kondiviżjoni tar-riżultati tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-kumpanija maniġerjali u l-UCITS li jkunu soġġetti għas-superviżjoni tagħhom.
4.  
Fejn ikun meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jaqblu dwar aktar azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu fir-rigward tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.

TAQSIMA 2

Skambju ta’ informazzjoni

Artikolu 12

Skambju ta’ informazzjoni ta’ rutina

1.  

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS għandhom jinfurmaw immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti tal-UCITS u, fejn l-UCITS tkun immaniġjata minn kumpanija maniġerjali li tinsab fi Stat Membru ieħor għajr fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali bi:

(a) 

kwalunkwe deċiżjoni li jirtiraw l-awtorizzazzjoni għal UCITS;

(b) 

kwalunkwe deċiżjoni imposta fuq UCITS rigward is-sospensjoni tal-ħruġ, riakkwist jew it-tifdija tal-unitajiet tagħha;

(c) 

kwalunkwe miżura serja oħra meħuda kontra UCITS.

2.  
Fejn UCITS tkun immaniġjata minn kumpanija maniġerjali li tinsab fi Stat Membru ieħor għajr fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS li l-abbiltà ta’ kumpanija maniġerjali sabiex twettaq kif suppost id-dmirijiet tagħha fir-rigward tal-UCITS li timmaniġja tista’ tiġi affettwata ħażin materjalment jew li l-kumpanija maniġerjali ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2009/65/KE.
3.  

Fejn UCITS tkun immaniġjata minn kumpanija maniġerjali li tinsab fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS u l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom skont id-Direttiva 2009/65/KE, inkluż l-istabbiliment ta’ ċirkulazzjoni xierqa ta’ informazzjoni. Dan għandu jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni meħtieġa:

(a) 

mill-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ kumpanija maniġerjali sabiex jiġu segwiti attivitajiet fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b) 

mill-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ kumpanija maniġerjali sabiex timmaniġja UCITS awtorizzata fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c) 

mis-superviżjoni kontinwa ta’ kumpaniji maniġerjali u l-UCITS.

Artikolu 13

Skambju ta’ informazzjoni mhux mitlub

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti kollha li tista’ tkun ta’ interess materjali fir-rigward tat-twettiq ta’ dmirijiet skont id-Direttiva 2009/65/KE lil awtoritajiet kompetenti oħra, mingħajr talba minn qabel u dewmien mhux xieraq.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnali Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istat Membri kollha.

▼M1 —————

Top