Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0569

    Kawża C-569/17: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

    ĠU C 392, 20.11.2017, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 392/17


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

    (Kawża C-569/17)

    (2017/C 392/22)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Scharf, G. von Rintelen u I. Galindo Martín, aġenti)

    Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

    Talbiet

    tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja, billi ma adottax, qabel il-21 ta’ Marzu 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014, dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), jew, fi kwalunkwe maż, billi ma nnotifikax l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ma wettaqx l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 42(1) tal-imsemmija direttiva;

    timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, multa koerċittiva ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 105 991,60, li għandu jkollha effett mid-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jadotta jew, fi kwalunkwe każ, li jinnotifika lill-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/17/UE;

    tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    1.

    Skont l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/17/UE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri nazzjonali neċessarji sabiex jikkonformaw id-dritt intern tagħhom mal-obbligi tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard mil-21 ta’ Marzu 2016. Peress li r-Renju ta’ Spanja ma nnotifikax it-traspożizzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi kontrih quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    2.

    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, multa koerċittiva ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 105 991,60. L-ammont ta’ din il-multa koerċittiva ġie kkalkulat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-perijodu ta’ ksur kif ukoll l-effett dissważiv fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-imsemmi Stat Membru.


    (1)  ĠU 2014, L 60, p. 34


    Top