EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0706

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-15 ta’ Mejju 2019.
AB « Achema » et vs Valstybinė kainų ir energetikos kontrolės komisija (VKEKK).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat’ – Miżuri intiżi biex jikkumpensaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ interess pubbliku fis-settur tal-elettriku – Kunċett ta’ ‘għajnuna li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri’ u ‘twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni’ – Kunċett ta’ ‘vantaġġ selettiv’ – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Kumpens ta’ spejjeż inerenti għall-implimentazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku.
Kawża C-706/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:407

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat’ – Miżuri intiżi biex jikkumpensaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ interess pubbliku fis-settur tal-elettriku – Kunċett ta’ ‘għajnuna li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri’ u ‘twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni’ – Kunċett ta’ ‘vantaġġ selettiv’ – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Kumpens ta’ spejjeż inerenti għall-implimentazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku”

Fil-Kawża C‑706/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

AB “Achema”,

AB “Orlen Lietuva”,

AB “Lifosa”

vs

Valstybinė kainų ir energetikos kontrolės komisija (VKEKK),

fil-preżenza ta’:

Lietuvos Respublikos energetikos ministerija,

UAB “Baltpool”

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AB “Achema”, AB “Orlen Lietuva” u AB “Lifosa”, minn G. Balčiūnas u V. Radvila, avukati, E. Righini u G. Catti De Gasperi, avukati, kif ukoll minn C. Cluzel, avukata,

għal UAB “Baltpool”, minn A. Smaliukas u E. Junčienė,

għall-Gvern Litwan, minn R. Krasuckaitė u D. Stepanienė kif ukoll minn R. Dzikovič u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Němečková, D. Recchia u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, prinċipalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn AB “Achema”, AB “Orlen Lietuva” u AB “Lifosa” u l-Valstybinė kainų ir energetikos kontrolės komisija (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kontroll tal-Enerġija u l-Prezzijiet, iktar ’il quddiem il-“KNKEP”) fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru O3-442 tal-KNKEP, tal-11 ta’ Ottubru 2013 dwar l-iffissar, għall-2014, tal-ammont tal-fondi intiżi għas-servizzi ta’ interess pubbliku u għat-tariffi tagħhom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 46 u 50 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55) jipprovdu li:

“(46)

Ir-rispett tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku huwa ħtieġa fundamentali ta’ din id-Direttiva, u huwa importanti li standards minimi komuni, li jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha, jiġu speċifikati f’din id-Direttiva, liema standards għandhom jikkunsidraw l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, is-sigurtà tal-provvista, il-protezzjoni tal-ambjent u livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u suġġett għar-rispett lejn il-liġi tal-Komunità.

[…]

(50)

Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, inkluż fir-rigward tas-servizz universali, u l-istandards komuni minimi li jitnisslu minnhom, jeħtieġ li jissaħħu aktar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fuq bażi nazzjonali, filwaqt li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi nazzjonali; Il-liġi tal-Komunità għandha, madanakollu, tkun rispettata mill-Istati Membri. […]”

4

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi:

“B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat [FUE], b’mod partikolari l-Artikolu [106] tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda kif ukoll il-kisba tal-għanijiet ambjentali u tal-għanijiet fir-rigward tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perijodu fit-tul, meta titqies il-possibbiltà li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.”

Id-dritt Litwan

Il-Leġiżlazzjoni dwar is-Servizzi ta’ Interess Pubbliku fis-Settur tal-Elettriku

5

L-Artikolu 2(51) tal-Lietuvos Respublikos Elektros energetikos įstatymas Nr. VIII‑1881 (il-Liġi Nru VIII‑1881 dwar l-Elettriku), tal-20 ta’ Lulju 2000 (Žin., 2000, Nru 66–1984, fil-verżjoni tagħha skont il-Liġi Nru XI‑1919, tas-17 ta’ Jannar 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Elettriku”), jiddefinixxi l-“interess ġenerali fis-settur tal-elettriku” bħala azzjoni jew ommissjoni f’dan is-settur, direttament jew indirettament marbuta mas-sigurtà tal-Istat fil-qasam tal-enerġija u/jew tas-sigurtà pubblika, mas-sigurtà tal-operat tan-netwerk tal-elettriku, mat-tnaqqis tal-impatt negattiv ta’ dan is-settur fuq l-ambjent, mad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u mal-għanijiet l-oħra ta’ żvilupp sostenibbli fl-istess settur previsti minn din il-liġi.

6

L-Artikolu 2(52) tal-Liġi dwar l-Elettriku jipprovdi, minn naħa, li s-servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku (iktar ’il quddiem is-“SIĠE”) huma servizzi pprovduti mill-impriżi u, min-naħa l-oħra, li l-Gvern Litwan jew l-awtorità awtorizzata minnu għandha tistabbilixxi l-lista ta’ dawn is-servizzi u għandha tidentifika lill-fornituri u l-mod kif jiġu pprovduti s-servizzi msemmija, skont ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 74 ta’ din il-liġi u skont l-interessi ġenerali f’dan is-settur.

7

L-Artikolu 74 ta’ din il-liġi jiddefinixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-attivitajiet jew l-ommissjonijiet li jistgħu jkunu marbuta mas-SIĠE, u fil-paragrafu 2 tiegħu, jafda l-istabbiliment tal-lista tas-SIĠE u d-definizzjoni tal-metodi ta’ provvista ta’ tali servizzi lill-Gvern Litwan.

8

L-Artikolu 74(4) tal-istess liġi jipprovdi li l-Gvern Litwan jew l-awtorità awtorizzata minnu jista’ jobbliga lill-operaturi tas-suq jipprovdu s-SIĠE, bil-kundizzjoni li ma jiddiskriminawx bejniethom mill-perspettiva tad-drittijiet jew tal-obbligi tagħhom.

9

Abbażi tal-Artikolu 74 tal-Liġi dwar l-Elettriku, ġie adottat il-Lietuvos Respublikos Vyriausybės nutarimas Nr. 916 “Dėl viešuosius interesus atitinkančių paslaugų elektros energetikos sektoriuje teikimo tvarkos aprašo patvirtinimo” (id-Digriet Nru 916 tal-Gvern li Japprova d-Deskrizzjoni tal-Proċedura għall-Provvista ta’ Servizzi ta’ Interess Ġenerali fis-Settur tal-Elettriku, tat-18 ta’ Lulju 2012 (Žin., 2012, Nru 88–4609, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Digriet Nru 1216 tat-18 ta’ Diċembru 2013, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 916”).

10

Il-punti 7 sa 7.6 tad-deskrizzjoni annessa ma’ dan id-digriet jipprovdi:

“7. Fost is-servizzi ta’ interess ġenerali hemm:

7.1 il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ibbilanċjar tagħha;

7.2 il-produzzjoni ta’ elettriku mill-koġenerazzjoni f’impjanti b’ċiklu kkombinat ta’ elettriku u ta’ sħana, meta tali impjanti jipprovdu s-sħana fis-sistemi ta’ tisħin u meta l-kwantità ta’ enerġija primarja li tiffranka l-koġenerazzjoni tas-sħana u ta’ elettriku titqies li tkun effettiva;

7.3 il-produzzjoni ta’ impjanti tal-elettriku magħżula, intiża biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku;

7.4 iż-żamma tar-riżervi ta’ kapaċità ta’ impjanti tal-enerġija magħżula, li l-attività tagħhom hija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija nazzjonali;

7.5. l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ta’ importanza strateġika biex tiżgura s-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerk tal-enerġija jew l-indipendenza tal-enerġija tal-Istat;

7.6 l-implimentazzjoni ta’ proġetti strateġiċi fis-settur tal-elettriku intiża biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija billi jinħolqu interkonnessjonijiet man-netwerks elettriċi ta’ Stati oħrajn u (jew) bil-konnessjoni tan-netwerk tal-elettriku Litwana ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra”.

11

Skont il-punti 8 sa 8.3 tad-deskrizzjoni annessa mad-digriet imsemmi:

“8. Is-servizzi ta’ interess ġenerali huma pprovduti mill-persuni li ġejjin:

8.1 il-produtturi tal-elettriku […] li jipproduċu elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

8.2. il-produtturi inkarigati mill-Istat sabiex jipprovdu s-servizzi ta’ interess ġenerali msemmija fil-punti 7.2 sa 7.4 tad-[deskrizzjoni annessa];

8.3 il-persuni maħtura fl-istrateġija nazzjonali ta’ indipendenza enerġetika, fil-pjan jew fil-programmi ta’ implimentazzjoni tagħha u (jew) tad-deċiżjonijiet governattivi, sabiex dawn jipprovdu s-servizzi ta’ interess ġenerali msemmija fil-punti 7.5 u 7.6 tad-[deskrizzjoni annessa]”.

12

Il-punti 11 u 111 tad-deskrizzjoni annessa mad-Digriet Nru 916 jipprovdu:

“11. Qabel l-1 ta’ Settembru tas-sena attwali, il-Gvern għandu japprova, fuq il-proposta tal-Ministeru tal-Enerġija u għas-snin kalendarji sussegwenti, lill-persuni li għandhom jipprovdu s-servizzi ta’ interess ġenerali msemmija fil-punti 7.2 sa 7.6 tad-[deskrizzjoni annessa], il-proġetti msemmija fil-punti 7.5 u 7.6 tad-[deskrizzjoni annessa] kif ukoll il-volum ta’ produzzjoni tal-elettriku ssussidjat għall-fornituri ta’ servizzi ta’ interess ġenerali.

111. Is-servizzi ta’ interess ġenerali msemmija fil-punt 7.2 tad-[deskrizzjoni annessa] għandhom jiġu pprovduti skont il-metodi deskritti iktar ’il quddiem.

111.1. Il-fornitur pubbliku, b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-elettriku tal-konsumaturi li għalihom japplikaw il-prezzijiet tal-elettriku rregolati mill-Istat, previsti għas-sena kalendarja li jmiss, u tal-volum ta’ produzzjoni tal-elettriku ssussidjat stabbilit mill-Istat għas-sena kalendarja li jmiss u għall-produttur ikkonċernat, għandu, sal-15 ta’ Novembru tas-sena kurrenti, jipproponi lill-produtturi tal-elettriku li jipprovdu s-servizz ta’ interess ġenerali msemmi fil-punt 7.2 tad-[deskrizzjoni annessa] il-kwantitajiet ta’ kull xahar tas-sena ċivili segwenti ta’ elettriku ssussidjat mixtri għal kull xahar tal-istaġun tat-tisħin, li dawn il-produtturi tal-elettriku jinnegozjaw mal-fornitur pubbliku sa mhux iktar tard minn 30 jum mill-wasla tagħhom, filwaqt li jitqiesu ħtiġijiet kalorifiċi previsti għas-sena segwenti u r-rekwiżit li tinżamm l-effiċjenza fil-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-koġenerazzjoni. Il-kuntratti ta’ bejgħ tal-elettriku ssussidjat bejn il-produtturi tal-elettriku u l-fornitur pubbliku, fejn huma stabbiliti l-kwantitajiet ta’ elettriku ssussidjat previsti li jinxtraw għal kull xahar tal-istaġun tat-tisħin, għandhom jiġu konklużi qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena kurrenti;

[…]”

Il-Leġiżlazzjoni dwar il-Finanzjament tas-SIĠE

13

Skont l-Artikolu 74(3) tal-Liġi dwar l-Elettriku, il-Gvern Litwan għandu jaħtar lill-persuna responsabbli mill-amministrazzjoni u mit-tqassim tal-fondi għas-SIĠE (iktar ’il quddiem l-“amministratur tal-fondi”).

14

Il-Vyriausybės nutarimas Nr. 1157 “Dėl viešuosius interesus atitinkančių paslaugų elektros energetikos sektoriuje lėšų administravimo tvarkos aprašo patvirtinimo” (id-Digriet tal-Gvern Nru 1157 li Japprova d-Deskrizzjoni tal-Proċedura għall-Amministrazzjoni ta’ Flus għal Servizzi ta’ Interess Ġenerali fis-Settur tal-Elettriku, tad-19 ta’ Settembru 2012 (Žin., 2012, Nru 113–5704, fil-verżjoni tagħha skont id-Digriet Nru 1537 tad-19 ta’ Diċembru 2012, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 1157”), jistabbilixxi r-regoli dwar it-teħid tal-fondi allokati għas-SIĠE, dwar l-amministrazzjoni tagħhom u dwar it-tqassim tagħhom fost il-fornituri tas-SIĠE.

15

Il-punt 4.6 tad-Digriet Nru 1157 jipprovdi li l-amministratur tal-fondi għandu jkun entità kkontrollata direttament jew indirettament mill-Istat.

16

Permezz tal-Vyriausybės nutarimasu Nr. 1338 “Dėl viešuosius interesus atitinkančiu paslaugų elektros energetikos sektoriuje lėšų administratoriaus paskyrimo” (id-Digriet tal-Gvern Nru 1338 dwar in-nomina tal-amministratur tal-fondi intiżi għas-servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku, tas-7 ta’ Novembru 2012 (Žin., 2012, Nru 130-6560), UAB “Baltpool” inħatret bħala amministratriċi tal-fondi għal żmien indeterminat.

17

Bħala regola ġenerali, il-fondi intiżi għas-SIĠE jinġabru mingħand il-konsumaturi finali tal-elettriku mill-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni li jittrasferuhom lill-amministratur tal-fondi, li jittrasferihom lill-fornituri tas-SIĠE, bi tnaqqis ta’ ammont intiż biex ikopri l-ispejjeż ta’ funzjonament tiegħu.

18

Abbażi tal-punt 7 tal-Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku, il-KNKEP, li huwa korp pubbliku, għandu jiddetermina kemm il-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ SIĠE kif ukoll it-tariffi stess, li huma stabbiliti għal kull sena b’kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet ta’ fondi intiżi għas-SIĠE u tal-konsum mistenni ta’ elettriku għal dik is-sena.

19

Permezz tad-Deċiżjoni Nru O3–279, tat-28 ta’ Settembru 2012, il-KNKEP approvat l-arranġamenti tariffarji tas-SIĠE, li abbażi tagħhom ġew approvati t-tariffi tas-SIĠE għas-sena 2014.

20

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-KNKEP stabbilixxiet, għall-2014, l-ammonti preċiżi tal-fondi allokati għal kull grupp ta’ fornituri tas-SIĠE kif ukoll it-tariffi tal-kontribuzzjonijiet tas-SIĠE li kellhom iħallsu l-konsumaturi finali.

Il-leġiżlazzjoni dwar il-Ġenerazzjoni ta’ Elettriku minn Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli

21

L-Artikolu 20, intitolat “Promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni ta’ elettriku”, tal-Lietuvos Respublikos atsinaujinančių išteklių energetikos įstatymo Nr. XII–1375 (il-Liġi Litwana Nru XII-1375 dwar Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli), tat-12 ta’ Mejju 2011 (Žin., 2011, Nru 62-2936, fil-verżjoni tagħha skont il-Liġi Nru XII‑169 tas-17 ta’ Jannar 2013), jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 u 6 tiegħu:

“1.   Il-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ibbilanċjar tagħha jikkostitwixxu servizz ta’ interess ġenerali. L-Istat għandu jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali, il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tat-tariffi fissi stabbiliti skont din il-liġi u skont il-proċedura stabbilita mill-gvern kif ukoll għall-bejgħ ta’ elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli billi japprova d-deskrizzjoni tal-metodi ta’ provvista tas-servizzi ta’ interess pubbliku u d-deskrizzjoni tal-metodi ta’ promozzjoni tal-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli.

2.   Il-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli għandha tiġi promossa, f’konformità mal-proċedura għas-servizzi ta’ interess ġenerali stabbilita mill-Gvern, billi titħallas id-differenza bejn it-tariffa fissa stabbilita għal produttur u t-tariffa tal-elettriku mibjugħ minn dak il-produttur skont il-modalitajiet stabbiliti mill-Gvern, li ma jistax ikun inqas mill-prezz medju tas-suq tal-elettriku għax-xahar preċedenti, ikkalkolat skont il-proċedura stabbilita mill-[KNKEP].

3.   Għandhom jiġu stabbiliti tariffi fissi u għandhom jiġu attribwiti kwoti ta’ promozzjoni għall-impjanti b’kapaċità installata ogħla minn 10 kW permezz ta’ rkant bil-għan li jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ din il-liġi. Il-kwoti ta’ promozzjoni u r-reġjuni tal-irkanti, kif ukoll il-modalitajiet ta’ tqassim tal-kwoti ta’ promozzjoni għall-impjanti ta’ kapaċità installata ta’ inqas minn jew daqs 10 kW, għandhom jiġu stabbiliti u approvati mill-Gvern. Għandu jiġi organizzat irkant separat għall-konnessjoni man-netwerks tal-elettriku fil-livell reġjonali għal kull grupp ta’ produtturi, fit-termini ta’ żmien stabbiliti mill-[KNKEP], iżda mhux iktar tard minn 180 jum wara d-data tal-applikazzjoni minn produttur biex jiġi organizzat irkant għal grupp ta’ produtturi u reġjun partikolari. Il-produtturi kollha li ffirmaw l-ittra ta’ intenzjoni msemmija fl-Artikolu 14(11) u pprovdew il-garanzija ta’ eżekuzzjoni tal-impenji tal-produttur imsemmija fl-Artikolu 14(13) ta’ din il-liġi huma intitolati li jipparteċipaw fl-irkant. It-tariffa fissa massima għandha tiġi stabbilita mill-[KNKEP] fuq bażi trimestrali. L-irkant jintrebaħ mill-parteċipant li jkun indika t-tariffa fissa mixtieqa l-iktar baxxa, bil-kundizzjoni li l-qawwa massima installata ta’ park ta’ produzzjoni f’reġjun ta’ rkant ma tistax tirrappreżenta iktar minn 40 % tal-potenza massima ta’ ġenerazzjoni tas-sħana f’dan ir-reġjun li tista’ tiġi konnessa. […]

[…]

6.   Il-[KNKEP] għandha tevalwa, mhux iktar minn kull tliet xhur, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli differenti, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-volum ta’ elettriku effettivament prodott matul is-sena kalendarja preċedenti, il-kapaċità installata kumulattiva tal-impjanti attivi u l-kapaċità installata kumulattiva tal-impjanti previsti. L-ammonti massimi tat-tariffi fissi għandhom jiġu riveduti abbażi tal-eżami tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn diversi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-konformità tiegħu mal-għanijiet u mal-kompiti stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni nazzjonali favur l-enerġija rinnovabbli. L-ammonti massimi tat-tariffi fissi riveduti għandhom japplikaw biss għall-produtturi li l-impjanti tagħhom ikunu rċevew il-permess li jipproduċu elettriku wara d-dħul fis-seħħ tat-tariffi msemmija.”

22

Konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, minn naħa, il-produtturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li rebħu l-irkant previst fl-Artikolu 20(3) tal-Liġi dwar Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli, għandhom jikkonkludu kuntratti ma’ impriżi li jixtru l-elettriku, jiġifieri l-operaturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni. Min-naħa l-oħra, dawn l-impriżi għandhom jingħataw kumpens għat-telf imġarrab abbażi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku mixtri f’dan il-kuntest mill-amministratur tal-fondi, permezz tal-fondi intiżi għas-SIĠE.

23

Skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, l-ispejjeż sostnuti mill-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni għall-ibbilanċjar fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom jiġu kkumpensati permezz ta’ dawn il-fondi.

Il-Leġiżlazzjoni dwar il-Produzzjoni ta’ Elettriku fl-Impjanti ta’ Koġenerazzjoni

24

Skont id-Digriet Nru 916, l-elettriku ġġenerat minn impjanti ta’ koġenerazzjoni, jiġifieri impjanti b’ċiklu kkombinat ta’ elettriku u ta’ sħana, jikkostitwixxi SIĠE, bil-kundizzjoni li tali impjanti jipprovdu s-sħana fis-sistemi ta’ tisħin u li l-koġenerazzjoni titqies bħala effettiva.

25

Skont l-Elektros energijos supirkimo iš bendrų šilumos ir elektros energijos gamintojų taisyklės, patvirtintos Lietuvos Respublikos energetikos ministro įsakymu Nr. 1-219 (id-Digriet Nru 1-219 tal-Ministru għall-Enerġija tal-Litwanja, li Japprova r-Regoli ta’ Xiri ta’ Elettriku Mingħand il-Produtturi li Jikkoġeneraw is-Sħana u l-Elettriku), tal-24 ta’ Novembru 2009 (Žin., 2009, Nru 140–6160), il-produtturi li jixtiequ jipprovdu tali SIĠE għandhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom lill-Ministeru tal-Enerġija.

26

Il-Gvern Litwan, fuq proposta tal-Ministru tal-Enerġija, għandu japprova l-lista tal-impriżi inkarigati bil-provvista ta’ tali SIĠE għas-sena kalendarja sussegwenti u għandu jiffissa l-volum massimu ta’ elettriku prodott f’dan il-kuntest.

27

Sussegwentement, il-fornitur pubbliku tal-elettriku għandu jipproponi, għas-sena kalendarja sussegwenti, lill-produtturi tal-elettriku li jipprovdu dawn is-SIĠE u għandu jinnegozja magħhom il-kwantitajiet ta’ elettriku mixtrija kull xahar, il-kuntratti ta’ xiri ta’ elettriku prodott f’impjanti ta’ koġenerazzjoni bħala SIĠE li għandhom jiġu ffirmati qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena kurrenti. Abbażi ta’ dawn il-kuntratti, il-fornituri tas-SIĠE għandhom jirċievu kumpens abbażi tal-elettriku li jkunu pproduċew u ttrażmettew fuq in-netwerks tal-elettriku mingħajr ma jinqabeż il-volum previst, liema kumpens jitħallas direttament lilhom mill-amministratur tal-fondi.

Il-Leġiżlazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Elettriku

28

Fergħa ta’ AB “Lietuvos energijos gamyba”, “Lietuvos Elektrinė”, ġiet innominata bħala fornitur tas-SIĠE relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għall-2014.

29

Permezz tad-Deċiżjoni Nru O3–703 tat-22 ta’ Novembru 2013 dwar il-produzzjoni ta’ elettriku tar-Repubblika tal-Litwanja u l-iffissar tal-prezz ta’ xiri tal-elettriku prodott minn Lietuvos Elektrinė, il-KNKEP stabbilixxiet dan il-prezz tax-xiri għas-sena 2014 skont proporzjon bejn parti li tirrappreżenta l-ispejjeż varjabbli u parti li tirrappreżenta l-ispejjeż fissi.

Il-Leġiżlazzjoni dwar il-Proġett NordBalt

30

L-Artikolu 3 tal-Lietuvos Respublikos elektros energetikos sistemos integracijos į Europos elektros energetikos sistemas įstatymas Nr. XI–2052 (il-Liġi Litwana Nru XI-2052 dwar l-Integrazzjoni tan-Netwerk tal-Elettriku tar-Repubblika tal-Litwanja fin-Netwerks tal-Elettriku Ewropej), tat-12 ta’ Ġunju 2012 (Žin., 2012, Nru 68–3465), jipprovdi li, biex tiġi żgurata l-integrazzjoni sħiħa tan-netwerk tal-elettriku Litwana fin-netwerks tal-elettriku Ewropej, l-operazzjoni tal-konnessjoni tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-Repubblika tal-Litwanja man-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-Renju tal-Isvezja (iktar ’il quddiem il-“proġett NordBalt”) għandha tibda fl-2015.

31

Skont l-Artikolu 6(3) ta’ din il-liġi:

“L-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tan-netwerk tal-elettriku tar-Repubblika tal-Litwanja fis-sistemi tal-elettriku Ewropej hija ffinanzjata permezz tal-fondi maħsuba għas-[SIĠE] skont il-proċedura stabbilita mil-Liġi dwar l-Elettriku; għotjiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jintużaw ukoll, skont il-modalitajiet previsti mil-liġi, biex parzjalment jiffinanzjaw it-twettiq ta’ din l-integrazzjoni, inkluża l-għajnuna allokata għall-proġetti tal-enerġija taħt il-qafas finanzjarju pluriannwali tal-Unjoni għall-perijodu 2014–2020, u (jew) riżorsi oħra miksuba legalment.”

32

Il-provvista tas-SIĠE marbuta mal-proġett NordBalt ġiet fdata lil AB “Litgrid”, operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

Il-Leġiżlazzjoni dwar il-Kumpens lill-Operaturi ta’ Impjanti tal-Elettriku b’Enerġija Solari

33

Abbażi tal-Artikolu 3(3) tal-Lietuvos Respublikos atsinaujinančių išteklių energetikos įstatymo 2, 11, 13, 14, 16, 20, 21 straipsnių pakeitimo ir papildymo įstatymo įgyvendinimo įstatymas Nr. XII–170 (il-Liġi ta’ Implimentazzjoni tar-Repubblika Litwana Nru XII-170 li Temenda u Tissupplimenta l-Artikoli 2, 11, 13, 14, 16, 20 u 21 tal-Liġi dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli), tas-17 ta’ Jannar 2013 (Žin., 2013, Nru 12–561), in-nefqa għall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ impjanti tal-elettriku b’enerġija solari, li għalihom l-awtorizzazzjonijiet għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli billi jinbnew tali impjanti ma ġewx implimentati qabel id-data prevista mil-leġiżlazzjoni inizjali jew ma ġewx estiżi, huma rrikonoxxuti bħala spejjeż marbuta mas-SIĠE.

34

Konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, il-persuni li żviluppaw proġetti ta’ impjanti tal-elettriku b’enerġija solari, imqiegħda indiskussjoni bil-bidla leġiżlattiva magħmula matul l-2013, għandhom il-possibbiltà li jitolbu lil Kummissjoni ta’ kumpens stabbilita mill-Gvern Litwan biex tiffissa l-ammont tal-kumpens dovut lilhom skont l-infiq imġarrab qabel l-1 ta’ Frar 2013. Dan il-kumpens għandu jiġi ttrasferit direttament lil dawn il-persuni mill-amministratur tal-fondi.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

35

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kumpanniji rreġistrati fil-Litwanja, li l-attività tagħhom tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-operat tal-impjanti ta’ koġenerazzjoni, li fihom l-elettriku prodott jiġi kkunsmat sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet ekonomiċi tagħhom stess jew ipprovdut lil persuni ġuridiċi li joperaw fuq iż-żona tal-operat tagħhom. Dawn jixtru l-elettriku li jonqoshom minn fornituri indipendenti.

36

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma marbuta li jħallsu l-ispejjeż tas-SIĠE. Is-somom dovuti għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-kwantità ta’ elettriku li jipproduċu huma stess jew li jixtru mingħand fornituri indipendenti u li dawn jikkonsmaw sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ekonomiċi tagħhom.

37

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-KNKEP stabbilixxa, għall-2014, il-fondi allokati għad-diversi SIĠE kif ukoll l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għal dawn li għandhom jitħallsu mill-konsumaturi finali tal-elettriku u ċerti produtturi tal-elettriku, fosthom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

38

Fil-11 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja) intiż għall-annullament tal-punti 1.2 sa 1.4, 1.7, 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

39

Dawn ikkontestaw din id-deċiżjoni abbażi tal-illegalità parzjali tagħha minħabba li din taqa’ taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat, maħluqa mil-leġiżlazzjoni dwar is-SIĠE, li ġiet implimentata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea, bi ksur tal-obbligu impost mill-Artikolu 108(3) TFUE. Barra minn hekk, dawn iqisu li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa eċċessivament għoli u illegali.

40

Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Frar 2016, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius) ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

41

Fit-23 ta’ Frar 2016, dawn appellaw quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) fejn talbu l-annullament tas-sentenza tad-9 ta’ Frar 2016 u talbuha tiddeċiedi dwar ir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, dawn ressqu talbiet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

42

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-KNKEP, kif ukoll il-partijiet terzi interessati, il-Lietuvos Respublikos energetikos ministerija (il-Ministeru tal-Enerġija Litwan) u Baltpool, talbu ċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

43

F’dan il-kuntest, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk ċerti elementi tas-SIĠE u tal-finanzjament tagħhom għandhomx jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, dawn id-domandi jirrigwardaw il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni u fuq il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

44

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Il-qafas leġiżlattiv għall-provvista ta’ [SIGE] u l-finanzjament tagħhom (kumpens) (iktar ’il quddiem l-“iskema SIĠ[E]”) [fis-seħħ fl-2014] — stabbilit fil-Liġi Litwana dwar l-Elettriku, fil-Liġi Litwana dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli, fil-Liġi Litwana dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Elettriku fis-Sistemi tal-Elettriku Ewropej, fil-Liġi Litwana li timplementa l-Liġi li temenda u tissupplimenta l-Artikoli 2, 11, 13, 14, 16, 20 u 21 tal-Liġi dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli u fil-miżuri legali li jimplementaw dawn il-liġijiet, inkluża l-Proċedura għall-Provvista ta’ [SIGE], approvata permezz tad-Digriet Nru 916 […], il-Proċedura għall-Amministrazzjoni ta’ Flus għal [SIGE], approvata permezz tad-Digriet Nru 1157 […], jew parti minnu, għandu jitqies li huwa għajnuna mill-Istat (skema ta’ għajnuna mill-Istat) għall-iskopijiet tal-Artikolu 107(1) [TFUE], inklużi d-domandi segwenti:

1)

f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-flus [intiżi għal SIĠE] għandhom, jew ma għandhomx, jitqiesu li huma riżorsi tal-Istat?

2)

l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-każ fejn operaturi ta’ netwerk (impriżi) huma obbligati jixtru l-elettriku minn produtturi tal-elettriku bi prezz (rata) fiss(a) u/jew jibbilanċjaw l-elettriku, u t-telf sostnut minn operaturi ta’ netwerk minħabba dan l-obbligu huwa kkumpensat minn flus possibbilment attribwibbli lil riżorsi tal-Istat, ma għandux jitqies li jikkostitwixxi għajnuna mogħtija lil produtturi tal-elettriku permezz ta’ riżorsi tal-Istat?

3)

l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, is-segwenti sostenn għandu, jew ma għandux, jitqies li huwa selettiv u/jew li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri: sostenn mogħti lil impriża li timplementa proġett ta’ importanza strateġika, bħal “NordBalt”; sostenn mogħti lil impriżi fdati bl-inkarigu li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għal perijodu partikolari; sostenn sabiex jikkumpensa t-telf li jirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq u li huwa fil-fatt sostnut minn persuni, bħall-iżviluppaturi ta’ impjanti fotovoltajċi solari li huma involuti fil-kwistjoni, minħabba r-rifjut tal-Istat li jwettaq impenji meħuda (minħabba tibdil regolatorju nazzjonali); sostenn mogħti lil impriżi (operaturi ta’ netwerk) bl-għan li jiġi kkumpensat telf fil-fatt sostnut fit-twettiq tal-obbligu li jixtru l-elettriku bi prezz fiss mingħand produtturi tal-elettriku li jipprovdu [SIĠE] u li jibbilanċjaw l-elettriku?

4)

l-Artikolu 107(1) TFUE, applikat flimkien mal-Artikolu 106(2) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-iskema SIĠ inkwistjoni (jew parti minnha) għandha, jew ma għandhiex, titqies li tissodisfa l-kriterji stipulati fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza […] tal-24 ta’ Lulju 2003 f’Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg [C-280/00, EU:C:2003:415]?

5)

l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-iskema SIĠ[E] (jew parti minnha) għandha, jew ma għandhiex, titqies li toħloq jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

45

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fondi maħsuba biex jiffinanzjaw skema ta’ servizzi ta’ interess pubbliku, bħas-SIĠE, jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

46

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippresupponi li jkunu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri li jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li dan l-intervent jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li dan l-intervent iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 18; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 15, u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 17).

47

Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 16, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fl-ewwel lok, sabiex tiġi evalwata l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 17, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 21).

49

Fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mill-punti 5 sa 34 ta’ din is-sentenza, kemm id-diversi SIĠE kif ukoll il-metodu ta’ finanzjament tagħhom ġew adottati mill-Istat permezz ta’ diversi liġijiet u digrieti governattivi differenti. Għalhekk, dawn għandhom jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat, liema ħaġa, barra minn hekk, ma ġiet ikkontestata minn ebda parti interessata.

50

Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġ ingħatax direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE tinkludi kemm l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat bħal dawk mogħtija minn korpi pubbliċi jew privati stabbiliti jew maħtura minnu sabiex jamministrawhom (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76,EU:C:1977:52, punt 21; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 20, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 23).

51

Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli daw l-għajnuna mill-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 23, u tad-9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vsTV2/Danmark, C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punt 45).

52

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li miżura li tikkonsisti, b’mod partikolari, f’obbligu ta’ xiri ta’ enerġija tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” minkejja li din ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 19, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 24).

53

L-Artikolu 107(1) TFUE jkopri, fil-fatt, il-mezzi finanzjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw biex jappoġġjaw impriżi, irrespettivament minn jekk dawk il-mezzi jkunux jappartjenu b’mod permanenti lill-patrimonju tal-Istat jew le. Anki jekk somom li jikkorrispondu mal-miżura ta’ għajnuna kkonċernata ma jkunux fil-pussess tat-Teżor pubbliku b’mod permanenti, il-fatt li dawn jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex dawn jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 21, u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat, ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika (sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 35, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25).

55

F’dan ir-rigward, l-element deċiżiv jikkonsisti mill-fatt li tali entitajiet huma maħtura mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat, u mhux sempliċement marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 74; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 3035, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C-329/15, EU:C:2017:671, punti 2630).

56

F’dan il-każ, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskema tas-SIĠE hija kkaratterizzata mill-elementi li ġejjin.

57

Qabel kollox, permezz ta’ din l-iskema, jiġi impost fuq il-konsumaturi finali l-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni lill-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni, li hija integrata fit-tariffa tal-elettriku u li żżid il-prezz tagħha, u li l-KNKEP tiffissa l-ammont speċifiku tagħha, abbażi tal-punt 7 tal-Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku, skont il-kilowatt fis-siegħa kkonsmat. Il-produtturi tal-elettriku li jikkunsmaw, għall-bżonnijiet tagħhom stess, l-elettriku li jipproduċu huma wkoll suġġetti għall-imsemmija skema, u tiġi imposta fuqhom tariffa, stabbilita mill-KNKEP skont il-kilowatt fis-siegħa kkonsmat, differenti minn dik applikabbli għall-konsumaturi finali.

58

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, għall-iffissar ta’ dawk it-tariffi, il-KNKEP għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għal kull sena kkonċernata, il-ħtieġa ta’ fondi intiżi għas-SIĠE għal dan il-perijodu u l-kwantità ta’ elettriku prevista li tiġi kkonsmata għall-istess perijodu.

59

Sussegwentement, is-somom miġbura fid-dawl ta’ dan mill-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni għandhom jiġu ttrasferiti lill-amministratur tal-fondi, li, kif ġie ppreċiżat fis-seduta mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Litwan, għandu jiġi kkontrollat direttament jew indirettament mill-Istat, skont il-punt 4.6 tad-Digriet Nru 1157. Minn dawn is-somom, l-amministratur tal-fondi huwa marbut li jikkalkola l-fondi intiżi għas-SIĠE u għandu jqassamhom bejn id-diversi fornituri ta’ SIĠE, bi tnaqqis ta’ ammont massimu ta’ LTS 500000 litas Litwani (madwar EUR 145000) fis-sena, li jkopri l-ispejjeż operattivi tiegħu.

60

Konsegwentement, l-amministratur tal-fondi għandu jħallas dawn il-fondi lid-diversi fornituri ta’ SIĠE, li skont il-punt 11 tad-deskrizzjoni annessa mad-Digriet Nru 916, l-ismijiet tagħhom ġew approvati mill-Gvern Litwan, ħlief f’dak li jikkonċerna lill-produtturi tal-elettriku li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li jintgħażlu mill-KNKEP wara proċeduri ta’ rkant ta’ kwoti ta’ promozzjoni.

61

F’dan ir-rigward, l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni jibbenefikaw mill-fondi intiżi għas-SIĠE sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw għalihom mill-obbligu tagħhom li jixtru elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li jibbilanċjaw dan.

62

Finalment, il-qorti tar-rinviju tindika li l-fondi mħallsa lill-fornituri tas-SIĠE għandhom l-għan li jikkumpensaw l-obbligi imposti fuqhom mill-Istat fil-kuntest tas-SIĠE.

63

Għalhekk, l-iskema tas-SIĠE hija bbażata, minn naħa, fuq diversi obbligi li din tpoġġi kemm fuq l-operaturi ekonomiċi kif ukoll fuq il-konsumaturi finali u, min-naħa l-oħra, fuq l-intervent, bħala l-uniku korp ta’ amministrazzjoni tal-fondi allokati għas-SIĠE, ta’ korp ikkontrollat direttament jew indirettament mill-Istat.

64

B’hekk, il-fondi intiżi għas-SIĠE jinġabru mill-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni mingħand il-konsumaturi finali tal-elettriku kollha, mingħajr ma jkun legalment possibbli li ssir deroga minnhom. B’hekk, tali obbligu ta’ ħlas, impost mill-iskema tas-SIĠE, għandu n-natura ta’ kontribuzzjoni obbligatorja. Barra minn hekk, l-imsemmija operaturi tan-netwerk għandhom, skont din l-iskema, jiksbu SIĠE mingħand diversi fornituri, mingħajr lanqas ma għandhom il-possibbiltà li ma jiġux suġġetti għal dan l-obbligu.

65

Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, tali fondi jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma amministrati minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika.

66

Barra minn hekk, il-fondi intiżi għas-SIĠE jitqassmu bejn il-fornituri tagħhom, skont l-iskema tas-SIĠE, minn korp taħt kontroll pubbliku, li, skont l-informazzjoni li tirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jgawdi minn ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni u tad-destinazzjoni ta’ dawn il-fondi. Fil-fatt, kemm id-Digriet Nru 1157 kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KNKEP, li huwa korp pubbliku, jistabbilixxu b’mod ċar il-metodi ta’ kalkolu tal-fondi intiżi għas-SIĠE, li għandhom jitħallsu lill-fornituri tas-SIĠE. Tali ċirkustanza turi li dawn il-fondi għandhom, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, isegwu strettament il-proċess previst minn din l-iskema.

67

Għaldaqstant, f’tali kundizzjonijiet, il-fondi intiżi għas-SIĠE għandhom jitqiesu li jibqgħu taħt kontroll pubbliku.

68

Issa, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mekkaniżmu ta’ kumpens tal-ispiża eċċessivi, li l-finanzjament tiegħu jaqa’ fuq il-konsumaturi finali kollha tal-elettriku li jinsabu fit-territorju nazzjonali u li s-somom miġbura għalih jitqassmu u jiġu ddistribwiti lill-impriżi benefiċjarji, konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, minn entità pubblika, għandu jiġi kklassifikat bħala intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 37, kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás, C‑275/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2314, punt 30).

69

Barra minn hekk, sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali hija differenti minn dawk li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu impost fuq impriżi privati għall-provvista tal-elettriku li jixtru bi prezzijiet minimi ffissati l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma jistax jitqies bħala intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat sa fejn ma jkun sar ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi produtturi ta’ dan it-tip ta’ elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 59, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 34).

70

Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-impriżi privati ma kinux maħtura mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat, iżda kienu marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 74, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 35).

71

F’dan il-każ, jidher, minn naħa, li l-amministratur tal-fondi huwa maħtur biex jamministra kontribuzzjoni obbligatorja imposta fuq il-konsumaturi finali kollha tal-elettriku, li tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat, u, min-naħa l-oħra, li l-obbligu ta’ xiri tas-SIĠE impost fuq l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni huwa kkumpensat permezz tal-ħlas lil dawn l-operaturi ta’ fondi intiżi għas-SIĠE.

72

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fondi maħsuba biex jiffinanzjaw skema ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, bħas-SIĠE, jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

73

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni jibbenefikaw minn fondi intiżi biex jiffinanzjaw is-SIĠE sabiex jikkumpensaw għat-telf imġarrab minħabba l-obbligu li jixtru l-elettriku mingħand ċerti produtturi tal-elettriku bi prezz fiss u li jibbilanċjawh, dan il-kumpens jikkostitwixxi vantaġġ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħti lill-produtturi tal-elettriku.

74

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma li jkunu fiha, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil ċerti impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 79, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 65).

75

Għandu jitfakkar ukoll li l-ġurisprudenza aċċettat li vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn li huma impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 3860 sa 66).

76

F’dan il-każ, mill-Artikolu 20 tal-Liġi dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli jirriżulta li l-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni, bħala impriżi li jixtru l-elettriku, huma marbuta li jixtru l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz fiss, li jista’ jkun ogħla mill-prezz tal-elettriku mibjugħ mill-produtturi ta’ tali elettriku. Madankollu, it-telf imġarrab minn dawn l-operaturi huwa kkumpensat permezz ta’ fondi għas-SIĠE, imħallsa mill-amministratur tal-fondi.

77

Għalkemm is-somom intiżi sabiex jikkumpensaw dan it-telf jitħallsu lill-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni, jidher li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma l-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li effettivament jibbenefikaw indirettament mill-għajnuna li jimplika dan il-mekkaniżmu ta’ kumpens.

78

Fil-fatt, minn naħa, il-kumpens tat-telf subit minn dawn l-operaturi permezz ta’ fondi intiżi għas-SIĠE huwa intrinsikament marbut mal-vantaġġ previst favur produtturi ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif jipprevedi l-Artikolu 20(2) tal-Liġi dwar Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli, meta dan jenfasizza li l-produzzjoni ta’ tali elettriku hija mħeġġa, skont il-proċedura fil-qasam tas-SIĠE, “billi titħallas id-differenza bejn it-tariffa fissa stabbilita għal produttur u t-tariffa tal-elettriku mibjugħ minn dak il-produttur”. Madankollu, din id-differenza tikkorrispondi għall-ispejjeż addizzjonali jew għat-telf subit mill-operaturi msemmija, ikkumpensati mill-fondi intiżi għas-SIĠE.

79

Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni tal-Liġi dwar is-Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli ma jobbliga lill-produtturi tal-elettriku li għandhom tali oriġini jieħu sehem fl-irkanti li jippermettulhom, jekk ikun il-każ, li jibbenefikaw mit-tariffa msemmija fil-punt preċedenti. F’tali kuntest, il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-mekkaniżmu ta’ bejgħ u l-ħlas ta’ kumpens lill-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni għandhom l-effett li jippermettu lil dawn il-produtturi li jbigħu volumi ta’ elettriku bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq u, f’kull każ, li jbigħu volumi ikbar.

80

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni jibbenefikaw minn fondi intiżi biex jiffinanzjaw is-SIĠE sabiex jikkumpensaw għat-telf imġarrab minħabba l-obbligu li jixtru l-elettriku mingħand ċerti produtturi tal-elettriku bi prezz fiss u li jibbilanċjawh, dan il-kumpens jikkostitwixxi vantaġġ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħti lill-produtturi tal-elettriku.

Fuq it-tielet domanda

81

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li fondi, bħall-fondi intiżi għal ċerti fornituri ta’ SIĠE, għandhomx jitqiesu li jagħtu lil dawn vantaġġ selettiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

82

Il-qorti tar-rinviju tipprevedi erba’ kategoriji ta’ benefiċjarji tal-fondi intiżi għas-SIĠE. Dawn huma l-impriża li qedha twettaq il-proġett ta’ importanza strateġika NordBalt, impriżi fdati bis-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għal perijodu speċifiku, operaturi ta’ impjanti ta’ enerġija solari kkonċernati mir-rifjut mill-Istat milli jissodisfaw l-impenji tiegħu, li huma kkumpensati għat-telf effettivament imġarrab u li jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq, u l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni, minħabba l-kumpens għat-telf effettivament imġarrab matul l-eżekuzzjoni tal-obbligu li jinxtara l-elettriku mingħand il-produtturi tal-elettriku li jipprovdu s-SIĠE b’tariffa fissa u li jibbilanċjawha.

83

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma li jkunu fiha, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil ċerti impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 79, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 65).

84

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għalhekk iġarrbu trattament iddifferenzjat li essenzjalment jista’ jiġi kklassifikat bħala “diskriminatorju” (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 53 sa 55, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54).

85

L-operaturi ekonomiċi kollha msemmija fil-punt 82 ta’ din is-sentenza għandhom jibbenefikaw minn fondi intiżi għas-SIĠE li, jekk huma intiżi biex jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali jew it-telf subit minn dawn l-operaturi, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “vantaġġ selettiv mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat”.

86

Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom, u għalhekk indipendentement mit-tekniki użati (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 87, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 48).

87

Issa, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju u mill-preċiżazzjonijiet magħmula mill-partijiet interessati fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull kategorija ta’ operaturi msemmija fil-punt 82 ta’ din is-sentenza għandha tingħata vantaġġ fuq bażi selettiva. Fil-fatt, u hekk kif jirriżulta mid-Digriet Nru 916, l-iskema tas-SIĠE tibbenefika biss lil ċerti produtturi tal-elettriku, fosthom, b’mod partikolari, dawk li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew minn koġenerazzjoni kif ukoll dawk li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista, għas-sigurtà jew għall-indipendenza enerġetika nazzjonali, għas-sigurtà u għall-affidabbiltà tan-netwerk tal-enerġija nazzjonali jew għall-implimentazzjoni ta’ proġetti strateġiċi ta’ provvista. Barra minn hekk, kull wieħed minn dawn l-operaturi, bl-eċċezzjoni tal-operaturi ta’ impjanti tal-enerġija solari kkonċernati mir-rifjut tal-Istat li jwettaq impenji meħuda, huwa nnominat b’ismu bħala benefiċjarju potenzjali tal-fondi intiżi għas-SIĠE mill-Gvern Litwan abbażi tal-punti 11 u 111 tad-deskrizzjoni annessa mad-Digriet Nru 916.

88

Mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li fondi, bħall-fondi għal ċerti fornituri ta’ SIĠE, għandhom jitqiesu li jagħtu lil dawn vantaġġ selettiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

89

Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, ma għandhiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ impatt reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il‑Kummissjoni, C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punt 64, u tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 29).

90

Madankollu, l-impatt negattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jistax ikun purament ipotetiku jew preżunt. B’hekk, għandha tiġi ddeterminata r-raġuni għalfejn il-miżura inkwistjoni tista’ taffettwa, permezz tal-effetti prevedibbli tagħha, il-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn Baltpool matul is-seduta jirriżulta li, fl-2014, diġà kienu jeżistu skambji bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u Stati Membri oħra fis-suq tal-elettriku, minħabba konnessjonijiet man-netwerks tal-elettriku tar-Repubblika tal-Estonja u tar-Repubblika tal-Latvja, li kienu jintużaw għall-importazzjoni tal-elettriku. Dawn l-indikazzjonijiet, li ma ġewx ikkontestati mill-Gvern tal-Litwanja, jirrelativizzaw l-argument tiegħu, relatati mal-fatt li s-suq tal-elettriku f’dan il-pajjiż kien relattivament iżolat.

92

Barra minn hekk, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri oħrajn fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati minn din l-għajnuna (sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 141, kif ukoll tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 31).

93

F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, l-attività interna tista’ tinżamm jew tiżdied, bil-konsegwenza li jonqsu l-opportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru (sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 67, u tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 32).

94

Barra minn hekk, il-fatt li settur ekonomiku, bħas-settur tal-enerġija, kien is-suġġett ta’ liberalizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni jista’ jservi biex jiddetermina jekk l-għajnuna inkwistjoni għandhiex impatt reali jew potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 51, kif ukoll tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 34).

95

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2009/72 illiberalizzat totalment is-suq tal-elettriku fi ħdan l-Unjoni u, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kellhom ikunu ġew adottati mill-Istati Membri.

96

Issa, sa fejn l-elettriku huwa s-suġġett ta’ skambju kummerċjali transkonfinali, l-għoti ta’ fondi intiżi għas-SIĠE lill-fornituri tas-SIĠE msemmija fil-punt 82 ta’ din is-sentenza jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 35).

97

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, għal kull waħda mill-kategoriji ta’ fornituri ta’ SIĠE msemmija fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, il-karatteristiċi partikolari tal-eżerċizzju tal-attività li hija s-suġġett ta’ kumpens bil-ħlas tal-fondi intiżi għal tali fornituri, sabiex tiddetermina jekk il-ħlas ta’ dawn il-fondi lill-imsemmija fornituri jistax isaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fis-suq Litwan tal-elettriku meta mqabbel ma’ impriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

98

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fondi, bħall-fondi intiżi għal ċerti fornituri ta’ SIĠE, għandhom jitqiesu li jagħtu lil dawn vantaġġ selettiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

Fuq ir-raba’ domanda

99

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li intervent mill-Istat, bħall-iskema tas-SIĠE, għandu jitqies bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

100

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta intervent mill-Istat għandu jitqies bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-fatt, minn vantaġġ finanzjarju u l-imsemmi intervent ma għandux għaldaqstant bħala effett li jpoġġi lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabblin mal-impriżi kompetituri, tali intervent ma jaqax taħt l-ambitu tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 87, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 25).

101

Skont il-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), sabiex tali intervent ma jkunx suġġett għall-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, għandhom jiġu ssodisfatti ċertu numru ta’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbliġi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li abbażi tagħhom il-kumpens jiġi kkalkulat għandhom ikunu ġew stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Ir-raba’ nett, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi.

102

L-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza msemmija għandu jsir bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri inkwistjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, liema kwistjoni tieħu preċedenza fuq dik tal-verifika, fejn applikabbli, dwar jekk għajnuna inkompatibbli hijiex madankollu neċessarja għat-twettiq tal-missjoni imposta fuq il-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 34).

103

Min-naħa l-oħra, ma hemmx iktar lok li jiġu applikati kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija meta jkun ġie kkonstatat li miżura kellha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna”, b’mod partikolari peress li l-impriża benefiċjarja ma tkunx f’pożizzjoni li tgħaddi mit-test tal-paragun ma’ impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra b’mod adegwat sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, u li din l-għajnuna tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 106(2) TFUE (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, C-660/15 P, EU:C:2017:178, punt 35).

104

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma intitolati, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tagħhom filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari għanijiet speċifiċi għall-politika nazzjonali tagħhom, u li, f’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li ma tistax titqiegħed indskussjoni ħlief f’każ ta’ żball manifest (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punti 6970).

105

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi tas-settur tal-elettriku, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jikkonċernaw is-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvista, kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent, inkluż l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u l-protezzjoni tal-klima.

106

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li, meta ddefinixxiet is-SIĠE, ir-Repubblika tal-Litwanja għamlet użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mis-SIĠE, li għandhom ikunu marbuta ma’ dawk imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

107

Fit-tieni lok, mil-loġika tal-eċċezzjoni stabbilita permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni ffissata minn din is-sentenza timplika li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-impriża li tibbenefika minnha għandha tkun suġġetta għal obbligu reali li tipprovdi s-servizz inkwistjoni f’kundizzjonijiet partikolari, u mhux li din tkun biss awtorizzata tipprovdi tali servizz.

108

Issa, fid-dawl tal-elementi ppreżentati mill-qorti tar-rinviju kemm dwar il-kuntest ġuridiku nazzjonali kif ukoll dwar is-sitwazzjoni fattwali, jista’ jkun hemm dubju li ħafna mis-SIĠE jissodisfaw a priori tali kundizzjoni.

109

Dan huwa għalhekk il-każ, l-ewwel nett, tal-produtturi ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fil-fatt, dawn bl-ebda mod ma huma obbligati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprovdu l-elettriku li jipproduċu taħt kundizzjonijiet partikolari, li, b’mod partikolari, huma relatati mal-universalità jew mat-tul ta’ żmien li għandhom jiġu pprovduti s-servizzi. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 20 tal-Liġi dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli, il-produtturi ta’ dan it-tip ta’ elettriku sempliċement jimpenjaw ruħhom li jbigħu l-elettriku prodott u l-operaturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni li jixtruh, liema transazzjonijiet iseħħu f’kuntratti konklużi fuq bażi volontarja.

110

It-tieni nett, konstatazzjoni simili tista’ ssir fir-rigward tal-produzzjoni ta’ elettriku fl-impjanti ta’ koġenerazzjoni. Għal darba oħra, jista’ jiġi kkonstatat li l-produtturi inkwistjoni jipparteċipaw fl-iskema tas-SIĠE fuq bażi volontarja, peress li mid-digriet Nru 1–219 jirriżulta li dawn il-produtturi għandhom jippreżentaw talba biex jipparteċipaw fis-SIĠE quddiem il-Ministru tal-Enerġija Litwan. Barra minn hekk, ladarba din it-talba tiġi aċċettata, il-provvista tal-elettriku li joriġina mill-koġenerazzjoni ssir fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi mal-fornitur pubbliku tal-elettriku, li fihom huwa biss il-volum massimu tal-elettriku li għandu jiġi pprovdut fis-sena li huwa impost permezz ta’ deċiżjoni tal-Gvern Litwan.

111

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn iż-żewġ kategoriji ta’ produtturi tal-elettriku humiex, madankollu, suġġetti għal obbligi imposti b’mod vinkolanti mill-Gvern Litwan.

112

B’mod iktar fundamentali, għandu jiġi rrilevat, it-tielet nett, li jidher li l-fondi intiżi għas-SIĠE sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż għall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ impjanti tal-elettriku b’enerġija solari ma jirreferu għal ebda provvista ta’ servizzi li titwettaq mill-operaturi ta’ dawn l-impjanti favur il-konsumaturi finali jew l-operaturi fis-settur tal-elettriku fil-Litwanja. L-għan ta’ dan is-SIĠE huwa li jiġi kkumpensat it-telf imġarrab minn dawk l-operaturi minħabba l-emenda introdotta fil-leġiżlazzjoni Litwana matul l-2013, li wasslet biex l-awtorizzazzjonijiet li dawn jibbenefikaw minnhom għall-operat ta’ tali impjanti ma jiġux implimentati. Barra minn hekk, ma jidhirx prima facie evidenti li l-“attività” hekk ikkumpensata jkollha rabta ma’ wieħed mill-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 li jistgħu jkunu soġġetti għalihom l-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-operaturi tas-settur tal-elettriku.

113

Fit-tielet lok, it-tieni u t-tielet kundizzjoni stabbiliti fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), jimponu li l-parametri li abbażi tagħhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, u li l-kumpens ma għandux jaqbeż dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti minnhom ikkawżati mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

114

Issa, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha ma jippermettux, anki fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, li jiġi ddeterminat sa fejn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li jgħinu biex jiġi żgurat li ma jitħallas l-ebda kumpens żejjed lill-impriżi responsabbli mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, huma ssodisfatti f’dan il-każ.

115

Dan huwa l-każ tas-SIĠE relattivi, minn naħa, għaż-żamma tar-riżervi ta’ kapaċità ta’ impjanti tal-elettriku partikolari, li l-attività tagħhom hija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, li għandhom importanza strateġika biex jiżguraw is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerk tal-enerġija jew l-indipendenza tal-enerġija tal-Istat, imsemmija fil-punti 7.4 u 7.5 tad-deskrizzjoni annessa mad-Digriet Nru 916. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ma tagħti ebda informazzjoni dwar il-metodi li bihom jiġu kkalkolati l-fondi intiżi għas-SIĠE.

116

L-istess jgħodd għas-SIĠE relatat mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku li għalih huwa biss il-prezz tax-xiri tal-elettriku, maqsum bejn sehem li jikkorrispondi għall-kopertura tal-ispejjeż varjabbli u sehem li jikkorrispondi għal dik tal-ispejjeż fissi, li jirriżulta mill-leġiżlazzjoni relattiva, kif ippreżentata mill-qorti tar-rinviju.

117

Għaldaqstant, hija din li għandha tivverifika jekk, għall-kategoriji ta’ fornituri ta’ SIĠE msemmija fil-punti 115 u 116 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprovdix li l-parametri li abbażi tagħhom huwa kkalkolat il-kumpens imħallas lil dawn il-fornituri differenti għandu jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, u jekk dan il-kumpens jeċċedix dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti minnhom ikkawżati mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

118

Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ kundizzjoni stabbilita mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), ma tidhirx li hija ssodisfatta għas-SIĠE msemmija fil-punti 115 u 116 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar kif dawn il-fondi huma kkalkolati għal dawn is-SIĠE għandu neċessarjament bħala konsegwenza l-fatt li ma huwiex possibbli li jkun magħruf jekk il-livell tal-kumpens neċessarju f’dan ir-rigward ġiex iddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, kienet iġġarrab sabiex twettaq dawn l-obbligi.

119

Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-punt jekk din ir-raba’ kundizzjoni hijiex issodisfatta, jekk din ma tkunx tista’ tiddetermina jekk l-ispejjeż imġarrba mill-fornitur ta’ SIĠE inkarigat mill-proġett NordBalt u mill-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jistgħux jikkorrispondu għal dawk ta’ impriża medja, kif imsemmija fil-punt preċedenti, u minkejja li mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn il-fornituri ma ġewx magħżula permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

120

Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li, f’dan il-każ, il-fornituri ta’ SIĠE jkunu ntgħażlu skont il-proċeduri li jippermettu l-osservanza tar-raba’ kundizzjoni stabbilita permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

121

Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li intervent mill-Istat, bħall-iskema tas-SIĠE, ma għandux jitqies bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415) sakemm il-qorti tar-rinviju ma tikkonstatax li wieħed jew l-ieħor mis-SIĠE jissodisfa effettivament l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 88 sa 93 ta’ din is-sentenza.

Fuq il-ħames domanda

122

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li intervent tal-Istat, bħall-iskema tas-SIĠE, għandu jitqies li joħloq distorsjoni jew li jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

123

Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ din id-domanda, din il-qorti tistaqsi dwar l-effett tad-diversi SIĠE fuq il-kompetizzjoni, u mhux biss fuq dak ta’ xi wħud minnhom.

124

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, ma għandhiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda għandu biss jiġi eżaminat jekk l-għajnuna tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Madankollu, distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni ma tistax tkun sempliċement ipotetika jew preżunta. B’hekk, għandha tiġi ddeterminata r-raġuni għalfejn il-miżura titqies li taffettwa jew thedded li taffettwa l-kompetizzjoni (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għajnuna intiża biex teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija jkollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha, bħala prinċipju toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127

Għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 95 u 96 ta’ din is-sentenza waqt l-eżami tal-kundizzjoni dwar l-effett ħażin fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, l-iskema tas-SIĠE, fir-rigward tas-servizzi differenti li jifformaw parti minnha, għandha titqies li toħloq distorsjoni jew li tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr preġudizzju għall-qorti tar-rinviju li tagħmel il-verifiki neċessarji, kif deskritti fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-impatt tal-karatteristiċi partikolari tal-eżerċizzju tal-attività tal-fornituri differenti ta’ SIĠE fuq il-kompetizzjoni fis-suq Litwan tal-elettriku.

128

Konsegwentement, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li intervent tal-Istat, bħall‑iskema tas-SIĠE, għandu jitqies li joħloq distorsjoni jew li jista’ joħloq distorsjoni l-kompetizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

129

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fondi maħsuba biex jiffinanzjaw skema ta’ servizzi ta’ interess pubbliku, bħas-servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku, jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni jibbenefikaw minn fondi intiżi biex jiffinanzjaw is-servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku sabiex jikkumpensaw għat-telf imġarrab minħabba l-obbligu li jixtru l-elettriku mingħand ċerti produtturi tal-elettriku bi prezz fiss u li jibbilanċjawh, dan il-kumpens jikkostitwixxi vantaġġ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħti lill-produtturi tal-elettriku.

 

3)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fondi, bħall-fondi intiżi għal ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku, għandhom jitqiesu li jagħtu lil dawn vantaġġ selettiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

 

4)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li intervent mill-Istat, bħall-iskema tas-servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku, ma għandux jitqies bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415) sakemm il-qorti tar-rinviju ma tikkonstatax li wieħed jew l-ieħor mis-servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku jissodisfa effettivament l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 88 sa 93 ta’ din is-sentenza.

 

5)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li intervent tal-Istat, bħall-iskema tas-servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku, għandu jitqies li joħloq distorsjoni jew li jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top