Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0218

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 18 ta' Lulju 2013.
    Lokman Emrek vs Vlado Sabranovic.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Saarbrücken - il-Ġermanja.
    Regolament (KE) Nru 44/2001 - Artikolu 15(1)(ċ) - Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi - Possibbiltà li din il-ġurisdizzjoni tiġi limitata għall-kuntratti li jsiru mill-bogħod - Rabta kawżali bejn l-attività kummerċjali jew professjonali diretta lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur permezz tal-internet u l-konklużjoni tal-kuntratt.
    Kawża C-218/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:494

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PEDRO CRUZ VILLALÓN

    ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2013 ( 1 )

    Kawża C‑218/12

    Lokman Emrek

    vs

    Vlado Sabranovic

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Ġermanja)]

    “Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kompetenza ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Kuntratti ta’ konsum — Artikolu 15(1)(ċ) — Attività mmirata lejn Stat Membru ieħor — Eżistenza neċessarja ta’ rabta kawżali bejn l-attivitajiet tal-bejjiegħ immirati lejn l-Istat Membru tal-konsumatur — Indizju kkwalifikat — Konurbazzjoni”

    1. 

    Wara s-sentenzi fil-kawża Pammer u Hotel Alpenhof , u sussegwentement fil-kawża Mühlleitner , għadhom iqumu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali . B’mod partikolari, qiegħda titqajjem mill-ġdid il-kwistjoni dwar il-portata tal-kundizzjoni li tistipula li l-bejjiegħ għandu “imexxi [jimmira]” l-attivitajiet tiegħu lejn l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur sabiex tiġi attivata l-ġurisdizzjoni speċjali f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti ta’ konsum. F’din il-kawża, il-Landgericht Saarbrücken tixtieq tkun taf jekk dan il-kriterju ta’ rabta jimponix kundizzjoni supplimentari u mhux miktuba li tgħid li għandu jkun hemm rabta kawżali bejn l-attività “immexxija [immirata]” lejn l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur u d-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt.

    2. 

    Il-Landgericht Saarbrücken tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jimponix ukoll li l-kuntratt ta’ konsum ikun konkluż mill-bogħod. Madankollu, dik il-kwistjoni ġiet riżolta ftit xhur wara li saret din id-domanda preliminari, jiġifieri fis-sentenza Mühlleitner. Konsegwentement, ser nindirizza esklużivament il-kwistjoni dwar ir-rabta ta’ kawżali.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    3.

    L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi ġurisdizzjoni speċjali f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti ta’ konsum li permezz tiegħu hemm deroga mill-ġurisdizzjoni ġenerali tad-domiċilju tal-konvenut meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    “1.   F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

    […]

    ċ)

    fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi [jimmira] tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

    […]”

    II – Il-fatti u l-proċedura quddiem il-korpi ġudizzjarji nazzjonali

    4.

    V. Sabranovic, il-konvenut fil-kawża prinċipali, jopera negozju ta’ bejgħ ta’ vetturi ġà użati fi Spicheren (Franza), bl-isem kummerċjali“Vlado Automobiles Import-Export”. Skont id-dokumenti fil-proċess, fil-mument meta seħħu l-fatti fil-kawża, V. Sabranovic kien juża sit tal-internet li fuqu kien jidher l-indirizz tal-istabbiliment tiegħu u n-numri tat-telefon ta’ kuntatt fiss u ċellulari, u tal-faks. Qabel in-numri kollha kien hemm il-prefiss internazzjonali li jikkorrispondi għal Franza, bl-eċċezzjoni ta’ numru ta’ ċellulari Ġermaniż, li qablu kien hemm ukoll il-prefiss internazzjonali tal-Ġermanja.

    5.

    L. Emrek, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kien iddomiċiljat f’Sarrebruck (il-Ġermanja) fil-mument meta seħħu l-fatti. Fit-13 ta’ Settembru 2010, huwa kkonkluda kuntratt dwar ix-xiri ta’ vettura ġà użata ma’ V. Sabranovic fl-istabbiliment ta’ dan tal-aħħar, stabbiliment li kien sar jaf bih mingħand persuni li kien jaf u mhux mill-imsemmi sit tal-internet.

    6.

    Sussegwentement, L. Emrek ippreżenta rikors kontra V. Sabranovic quddiem l-Amtsgericht Saarbrücken, fejn talab l-eżekuzzjoni tal-garanzija prevista fil-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura. Dik il-qorti ċaħdet ir-rikors għal nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, fuq ir-raġuni li V. Sabranovic ma kienx immira l-attività professjonali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, lejn l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur, jiġifieri l-Ġermanja.

    7.

    Peress li d-deċiżjoni tal-Amtsgericht Saarbrücken ġiet ikkontestata quddiem il-Landgericht Saarbrücken, din tal-aħħar issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    III – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    8.

    Fl-10 ta’ Mejju 2012 ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari li saret mil-Landgericht Saarbrücken, fejn għamlet dawn id-domandi:

    “1)

    Fil-każijiet fejn is-sit internet ta’ imprenditur huwa “dirett [immirat]” lejn l-Istat Membru tal-konsumatur, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 jimplika, bħala kundizzjoni supplementari mhux miktuba, li l-konsumatur ikun ġie mħajjar jikkonkludi l-kuntratt permezz tas-sit internet tal-imprenditur u, għaldaqstant, li s-sit internet ikollu rabta kawżali mal-konklużjoni tal-kuntratt?

    2)

    Jekk għandha teżisti rabta kawżali bejn l-attività li hija diretta [immirata] lejn l-Istat Membru tal-konsumatur u l-konklużjoni tal-kuntratt, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jeżiġi, barra minn hekk, li l-kuntratt ikun ġie konkluż mill-bogħod?”

    9.

    Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju tal-Belġju u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

    10.

    Matul is-seduta, fil-25 ta’ April 2013, saru sottomissjonijiet orali mir-rappreżentanti ta’ L. Emrek, l-aġenti tal-Gvern tar-Renju tal-Belġju u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, kif ukoll l-aġent tal-Kummissjoni Ewropea.

    IV – Osservazzjoni preliminari dwar is-suġġett ta’ din il-proċedura preliminari

    11.

    Il-Landgericht Saarbrücken tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdix żewġ kundizzjonijiet mhux miktuba sabiex tiġi attivata l-ġurisdizzjoni speċjali prevista minn din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ kuntratti tal-konsumaturi. L-ewwel kundizzjoni hija relatata mar-rekwiżit ta’ rabta kawżali bejn l-attività tal-bejjiegħ “immexxija [immirata]” lejn l-Istat tal-konsumatur u d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jikkonkludi l-kuntratt. It-tieni kundizzjoni, li tingħaqad mal-ewwel waħda, hija li l-kuntratt ikun konkluż mill-bogħod.

    12.

    Għalkemm id-domanda relatata mal-ewwel kundizzjoni (ir-rabta kawżali) s’issa għadha ma ġietx indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni waħda (il-kuntratt mill-bogħod) ġiet indirizzata. Fis-6 ta’ Settembru 2012, jiġifieri kważi erba’ xhur wara li ġiet irrinvjata din it-talba preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-pożizzjoni tagħha espressament, fis-sentenza fil-kawża Mühlleitner, dwar il-kundizzjoni relatata mar-rekwiżit ta’ kuntratt konkluż mill-bogħod. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat linja ta’ ġurisprudenza li tista’ titqies bħala impliċita fis-sentenza Pammer u Alpenhof, u ddikjarat li l-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħol huwa biss “indizju ta’ rabta tal-kuntratt” mal-attività kummerċjali jew professjonali tal-bejjiegħ jew tal-fornitur ta’ servizz immirat lejn l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur , u kkonkludiet li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 kellu jiġi interpretat “fis-sens li ma [kienx] jeħtieġ li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjant ikun ġie konkluż mill-bogħod”.

    13.

    Iċ-ċarezza tat-termini użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Mühlleitner, flimkien maċ-ċirkustanza li din il-kawża preliminari tirrigwarda talba għal kjarifika dwar is-sentenza Pammer u Alpenhof f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod, tiġġustifika b’mod suffiċjenti li nillimitaw ruħna, f’din il-kawża, sabiex nanalizzaw biss id-domanda l-ġdida li saret mil-Landgericht Saarbrücken: ir-rekwiżit li l-attività mmirata lejn l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur ikollha rabta kawżali mad-deċiżjoni tal-konsumatur li jikkonkludi l-kuntratt.

    V – Analiżi

    14.

    Fir-rigward tal-ewwel domanda, jiġifieri jekk il-konsumatur kellux jiġi “imħajjar”, hekk li jkun hemm rabta kawżali bejn l-attività kummerċjali u d-deċiżjoni li jiġi konkluż il-kuntratt, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-gvernijiet tal-Istati intervenjenti ddefendew pożizzjonijiet opposti.

    15.

    V. Sabranovic u l-gvernijiet tal-Belġju u tal-Lussemburgu jsostnu li l-qrati Ġermaniżi ma għandhomx ġurisdizzjoni f’din il-kawża peress li l-kundizzjoni relatata mar-rabta kawżali, li għandha titqies bħala impliċita fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, ma ġietx issodisfatta. B’mod ġenerali, dawn it-tliet intervenjenti huma tal-fehma li fin-nuqqas ta’ din il-kundizzjoni, ir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut tinqaleb u li dan jimponi piż fuq il-bejjiegħa u l-fornituri ta’ servizzi li huwa sproporzjonat peress li huma jkunu esposti għal kawżi kontrihom fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għas-sempliċi fatt li jkollhom sit internet u li jikkonkludu kuntratt ma’ resident ta’ Stat Membru ieħor. B’mod partikolari, il-gvernijiet tal-Belġju u tal-Lussemburgu jenfasizzaw l-impatt ta’ interpretazzjoni eċċessivament favorevoli għall-konsumatur għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju tal-Istati Membri li huma esposti ħafna għall-kummerċ transkonfinali.

    16.

    L. Emrek, min-naħa l-oħra, bis-sostenn tal-gvern Franċiż u tal-Kummissjoni, jirrifjuta l-eżistenza ta’ dik il-kundizzjoni u jsostni li l-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, huma jinvokaw il-kriterji stabbiliti fis-sentenza Pammer u Alpenhof sabiex jorjentaw lill-qorti li għandha tikkonstata jekk attività kinitx immirata lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Kemm f’dik is-sentenza kif ukoll fis-sentenza Mühlleitner, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet dwar l-importanza ta’ dawk il-fatturi bħala “indizji” tal-fatt li attività tkun immirata lejn l-Istat Membru tal-konsumatur, iżda f’ebda każ bħala kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti b’mod obbligatorju. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta bil-għan tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 u mix-xogħol preparatorju ta’dan tal-aħħar.

    17.

    Fir-rigward tal-ġurisprudenza dwar din il-kwistjoni, għandu jiġi enfasizzat fl-ewwel lok li, kemm fis-sentenza Pammer u Alpenhof kif ukoll fis-sentenza Mühlleitner, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-espressjoni “attività mmexxija [immirata]” lejn l-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur kienet ta’ natura awtonoma u għandha tiġi miżjuda, bħala kundizzjoni, mal-kundizzjonijiet l-oħrajn previsti fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/200 . Fid-dawl ta’ evalwazzjoni tad-dispożizzjoni kollha, iżda wkoll tal-formulazzjonijiet preċedenti tagħha kif ukoll tax-xogħol preparatorju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-uniku aġir pertinenti, għall-finijiet li tiġi attivata l-ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-konsum, huwa dak tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tal-prodott jew tas-servizz . L-aġir tal-konsumatur, li kien ittieħed f’kunsiderazzjoni fil-formulazzjoni antika tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li sussegwentement ġie abrogat, ġie ssostitwit bl-aġir tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tas-servizz .

    18.

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet kriterju ta’ interpretazzjoni bbażat esklużivament fuq it-tfittxija tal-volontà suġġettiva tal-bejjiegħ . Bl-istess mod kif l-aġir tal-konsumatur ma huwiex kriterju determinanti għall-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni, l-intenzjoni aħħarija tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tas-servizz lanqas ma hija determinanti f’dan ir-rigward. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet pjuttost li tifformula serje mhux eżawrjenti ta’ kriterji oġġettivi li jistgħu jipprovdu lill-qorti indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex tkun tista’ tikkunsidra li attività hija mmirata lejn l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-konsumatur .

    19.

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li dawk il-kriterji huma direzzjonijiet, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-objettivi u l-effetti tal-istrateġija kummerċjali tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tas-servizz . S’issa, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem irrifjutat li tittrasforma xi wieħed minn dawn il-kriterji f’kundizzjoni jew kriterju determinanti. Hija kkonfermat din il-pożizzjoni fir-rigward tal-kuntratti konklużi mill-bogħod, li, fir-rigward tas-sentenza Mühlleitner, ma humiex kundizzjoni essenzjali għall-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni. Hija ċaħdet ukoll li s-sempliċi fatt li l-aċċessibbiltà bl-internet tista’ tkun kriterju determinanti tal-fatt li attività tkun immirata lejn Stat Membru ieħor. Is-sempliċi fatt li jkunu aċċessibbli ma huwiex determinanti fih innifsu, u għandu dejjem jittieħed f’kunsiderazzjoni l-kontenut tal-sit internet bħala tali u dejjem fir-rigward tal-kriterji l-oħrajn li jistgħu jikkaratterizzaw id-destinazzjoni jew id-destinazzjonijiet speċifiċi tal-offerta kummerċjali jew professjonali .

    20.

    Finalment, għandu jiġi enfasizzat li kemm ir-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jinsistu fuq ir-rilevanza tal-fatt li l-kriterji ta’ rabta ma’ ġurisdizzjoni jkunu prevedibbli. Fil-premessa 11 tar-regolament, huwa affermat li “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut”, b’mod li, sa fejn jidderogaw minn din id‑dispożizzjoni, il-kriterji għandhom jippreżentaw grad għoli ta’ ċertezza ġuridika, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet .

    21.

    Fir-rigward issa tal-kwistjoni jekk teżistix kundizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-attività kummerċjali jew professjonali mmirata lejn l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur u d-deċiżjoni li jiġi konkluż il-kuntratt, nista’ diġà ngħid li, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza, wieħed ma jistax jikkunsidra faċilment li tali kundizzjoni tirriżulta mill-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/200, mill-objettivi jew mix-xogħol preparatorju tiegħu.

    22.

    Fir-rigward tal-kontenut ta’ dik id-dispożizzjoni, u kif għadni kif spjegajt, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet dwar in-neċessità li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(1)(ċ) humiex issodisfatti u jekk humiex suffiċjenti sabiex tiġi attivata l-ġurisdizzjoni speċjali. Barra minn hekk, jekk tiżdied kundizzjoni impliċita u supplimentari bbażata fuq l-aġir tal-konsumatur, dan ikun jeħtieġ ħidma ta’ interpretazzjoni mingħajr motivazzjoni soda. Kif ser nispjega issa, dawn il-motivi lanqas ma jirriżultaw mill-objettivi segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    23.

    L-għan tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex li jeqleb ir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut iżda li jibbilanċja mill-ġdid, fil-livell tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, relazzjoni kuntrattwali li fil-prinċipju hija żbilanċjata . Għal dan il-għan, il-leġiżlatur introduċa regola bbażata fuq tliet kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti, li lkoll huma prevedibbli għall-bejjiegħ jew għall-fornitur ta’ servizzi (eżistenza ta’ attività kummerċjali jew professjonali; attività mmirata lejn l-Istat jew l-Istati tad-domiċilju tal-konsumatur; kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ dawn l-attivitajiet). Huwa preċiżament għaliex il-kundizzjonijiet kienu eżawrjenti li l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk attività hijiex immirata lejn Stat ieħor għandhom ikunu bbażati fuq diversi fatturi u li ebda wieħed minnhom ma huwa determinanti fih innifsu. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur elenka strettament il-kundizzjonijiet li neċessarjament kellhom jiġu ssodisfatti sabiex tiġi attivata l-ġurisdizzjoni, iżda sussegwentement ħalla lill-qrati ċerta marġni fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħhom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet imxandra fuq l-internet.

    24.

    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandhom ikunu biżżejjed sabiex wieħed jikkonkludi, kif għamlu r-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni, li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jimponix kundizzjoni “mhux miktuba” bbażata fuq ir-rabta kawżali bejn l-attività u d-deċiżjoni tal-konsumatur li jiġi konkluż il-kuntratt. Tali kundizzjoni tiżbilanċja b’mod kunsiderevoli l-bilanċ delikat li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, minbarra li tmur kontra l-interpretazzjoni attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni .

    25.

    Barra minn hekk, u kif il-Kummissjoni kellha l-okkażjoni li tenfasizza matul is-seduta, tali kundizzjoni fir-rigward tal-kawżalità toħloq problemi ta’ prova. Jekk huwa biżżejjed li l-konsumatur jafferma li d-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt kienet ibbażata fuq il-konsultazzjoni ta’ sit internet, segwita b’kuntatt bit-telefon mal-istabbiliment, is-sempliċi dikjarazzjoni tiegħu hija biżżejjed jew irid iġib prova li għamel dawk il-konsultazzjonijiet? Fl-ewwel każ, l-għażla tal-ġurisdizzjoni tkun f’idejn il-konsumatur, għaliex huwa biżżejjed li huwa jafferma li d-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt kienet motivata mill-attività tal-kummerċjant. Fit-tieni każ, dan jista’ jiġi ttrasformat fi probatio diabolica li jwassal sabiex tkun mingħajr skop il-ġurisdizzjoni speċjali prevista mill-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001.

    26.

    Il-fatt li dik ir-rabta kawżali ma hijiex pertinenti, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża, hija kwistjoni differenti, għalkemm relatata ma’ dik preċedenti. Effettivament, iċ-ċirkustanza li r-rabta kawżali ma hijiex kundizzjoni ma teskludix li din tista’ tkun indizju li jista’ jiġi evalwat mill-qorti fil-mument meta jiġi ddeterminat jekk l-attività effettivament hijiex immirata lejn dak l-Istat. Barra minn hekk, u kif ser nispjega iktar ’il quddiem, dan huwa indizju kkwalifikat, għaliex, jekk huwa preżenti f’din il-kawża, huwa element ta’ evalwazzjoni determinanti sabiex tiġi applikata l-ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-konsum.

    27.

    Effettivament, jekk kien hemm attività mmirata lejn Stat Membru ieħor, normalment dik ir-rabta kawżali hija preżenti, tkun xi tkun id-diffikultà sabiex tiġi stabbilita l-prova. Fil-każ tagħna, il-problema hija li n-nuqqas ta’ din ir-rabta kawżali ġie ppreżentat lilna bħala li ġie stabbilit, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-fatti.

    28.

    Fil-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Mühlleitner, li ma kinitx tirrigwarda rabta kawżali iżda l-possibbiltà ta’ kundizzjoni preliminari li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod, kelli l-okkażjoni li nistqarr li “[i]r-riferiment għal kuntratt li sar mill-bogħod” – li sar fis-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof – “huwa magħmul bil-għan li tiġi enfasizzata l-importanza li jkun hemm attività prekuntrattwali preparatorja u ftehim minn qabel bl-internet, ibbażat, min-naħa tiegħu, fuq informazzjoni pprovduta bis-sit internet u indirizzata [immirata] lejn il-post ta’ fejn il-konsumatur huwa residenti [ddomiċiljat]”.

    29.

    Permezz ta’ dawn it-termini, qabel kollox ridt nenfasizza l-importanza li seta’ jkollha ċ-ċirkustanza li jkun hemm “attività prekuntrattwali preparatorja u ftehim minn qabel” li, mingħajr ma hija kundizzjoni neċessarja, hija normalment il-konsegwenza ta’ “informazzjoni pprovduta bis-sit internet u indirizzata lejn il-post ta’ fejn il-konsumatur huwa residenti”. Fl-istess ħin, ippruvajt nesprimi l-fatt li l-informazzjoni mibgħuta permezz tal-internet setgħet tat bidu, jekk mhux għall-kuntratt, għall-inqas għal attività preparatorja għalih.

    30.

    Fi kliem ieħor, meta fformulajt dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-għan tiegħi ma kienx li ngħid li attività prekuntrattwali preparatorja u minn qabel, jew il-konklużjoni ta’ kuntratt minn qabel, kienet kundizzjoni supplimentari li għaliha hija suġġetta l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni speċjali, u lanqas li l-eżistenza ta’ rabta kawżali kienet kundizzjoni ta’ dan it-tip. Għall-kuntrarju, ridt nenfasizza r-rilevanza partikolari u, b’mod definittiv is-saħħa ta’ indizji ta’ din in-natura.

    31.

    Fil-prattika, din ma hijiex kundizzjoni impliċita li tiżdied ma’ dawk previsti espressament fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li huwa magħruf sew li l-preżenza ta’ attività prekuntrattwali preparatorja, bħall-preżenza eventwali ta’ rabta kawżali pprovata, tiffaċilità x-xogħol tal-qorti nazzjonali fil-mument meta jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika hijiex immirata lejn Stat Membru partikolari. Bil-maqlub, u loġikament, l-assenza ta’ din iċ-ċirkustanza tagħmel iktar u iktar diffiċli x-xogħol tal-qorti nazzjonali, li normalment ikollha tikkumpensa għall-assenza ta’ din iċ-ċirkustanza bil-preżenza ta’ ċirkustanza waħda jew iktar li juru li l-attività kienet tabilħaqq immirata lejn l-Istat Membru inkwistjoni.

    32.

    Barra minn hekk, dak huwa l-għan li jirriżulta mid-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikoli 15 u 73 tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa magħruf li dik id-dikjarazzjoni ma tirrigwardax ir-rabta kawżali, iżda l-fatt li ċerti indizji, bħall-fatt li l-kuntratt ikun konkluż mill‑bogħod , għandhom rwol importanti. Dan ir-riferiment isir fuq bażi purament indikattiva, u ma jeskludix, anzi għall-kuntrarju, il-preżenza ta’ indizji oħrajn, inklużi indizji partikolarment ikkwalifikati, bil-għan sabiex jiġi ddeterminat jekk attività hijiex “immexxija [immirata]” lejn Stat Membru ieħor.

    33.

    F’dan is-sens, jidhirli li s-sitwazzjoni tal-fatti f’din il-kawża turi l-preżenza ta’ ċirkustanza possibbli li, minħabba l-elokwenza tagħha u l-fatt li l-qorti nazzjonali evalwatha debitament, tista’ tikkumpensa kemm għall-assenza ta’ kuntratt mill-bogħod kif ukoll għall-preżenza ta’ attività preparatorja minn qabel. kif ukoll l-assenza apparenti ta’ rabta kawżali bejn strateġija kummerċjali speċifika u l-konklużjoni tal-kuntratt.

    34.

    Effettivament, V. Sabranovic jidher li huwa stabbilit f’belt Franċiża li tinsab f’żona metropolitana konnessa sew maċ-ċentru urban tal-belt ta’ Sarrebruck. Kif ikkonferma r-rappreżentant ta’ L. Emrek matul is-seduta, l-abitanti tal-belt ta’ Spicheren, bħal dawk ta’ Sarrebruck, jgħixu fi spazju prattikament komuni fejn l-iżvilupp urban taż-żewġt ibliet tant daħlu fuq xulxin li, f’ċerti żoni, hemm kontinwità urbana li ma tagħtix każ tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.

    35.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li kummerċjant joffri prodotti jew servizzi f’waħda miż-żewġt ibliet jista’ jikkorrispondi, meta titqies il-lokalizzazzjoni ġeografika tal-attività, għal offerta mmirata lejn Stat Membru ieħor, b’mod konkret lejn l-Istat Membru ġar fejn il-bliet jinserixxu ruħhom f’żona metropolitana kbira, biex b’hekk jiffurmaw fenomenu ta’ konurbazzjoni . B’dan nixtieq ngħid li, xi kultant, minħabba l-fatt partikolari li żewġ Stati Membri jikkondividu l-istess spazju metropolitan, l-attivitajiet tal-operaturi huma naturalment u spontanjament immirati mhux biss lejn ir-residenti tal-Istat fejn ikun jinsab il-bejjiegħ jew il-fornitur ta’ servizzi, iżda wkoll lejn l-abitanti tal-Istat Membru ġar. F’żona ġeografika fejn, ta’ spiss, wieħed lanqas biss jinduna li jkun qiegħed jaqsam fruntiera, huwa diffiċli li jiġi affermat li l-attività tal-kummerċjanti f’dik iż-żona ma hijiex “immexxija [immirata]” lejn il-parti ta’ dik il-konurbazzjoni li tinsab fl-Istat Membru ġar.

    36.

    Din il-konklużjoni ma timponix piż sproporzjonat fuq il-bejjiegħ jew negozjant, għaliex dan huwa operatur ekonomiku integrat f’żona urbana waħda, minkejja l-fatt li jikkonsisti f’żewġ Stati Membri. Huwa ferm probabbli li l-bejjiegħ jew in-negozjant jaf jesprimi ruħu bil-lingwa mitkellma fl-Istat ġar, jekk dik il-lingwa tkun differenti. F’din il-kawża, il-lingwi mitkellma fiż-żewġ Stati Membri huma effettivament differenti, iżda kif jirriżulta mill-proċess, xorta jibqa’ l-fatt li V. Sabranovic jindika numru tat-telefon ċellulari Ġermaniż fuq il-paġna tal-internet tiegħu, li hija indikazzjoni tal-fatt li huwa kapaċi jikkomunika bil-Ġermaniż mal-klijenti tiegħu li jitkellmu bil-Ġermaniż, li l-maġġoranza tagħhom probabbilment huma residenti f’ Saarbrücken.

    37.

    Bl-istess mod, f’każ ta’ konurbazzjoni simili għal dik f’din il-kawża, ir-riskju li tinfetaħ kawża kontra l-bejjiegħ jew il-fornitur ta’ servizzi quddiem il-qrati tal-Istat ġar ma jidhirlix li jirrappreżenta piż eċċessiv sal-punt li jiskoraġġixxi attività kummerċjali bħal dik ta’ V. Sabranovic. Għandu jitqies ukoll il-fatt li l-ġurisdizzjoni speċjali tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 tħeġġeġ lill-konsumaturi ta’ belt biex jixtru mingħand in-negozjanti tal-ambjent urban, peress li dawk il-konsumaturi jkollhom rashom mistrieħa li jistgħu jirrikorru quddiem il-qorti li jagħżlu huma skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 44/2001.

    38.

    B’mod definittiv, il-ġurisdizzjoni li tirriżulta minn sitwazzjoni bħal dik deskritta probabbilment ma hijiex xenarju imprevedibbli għall-kummerċjant jew għan-negozjant, anzi l-kuntrarju. Kif kont qiegħed ngħid, dak il-kummerċjant jew negozjant, li jopera f’żona partikolarment integrata kkostitwita minn żewġ Stati Membri, għandu jkun totalment konxju mill-fatt li parti importanti jew essenzjali tal-klijentela tiegħu tirrisjedi fl-Istat Membru ġar.

    39.

    Għaldaqstant, u sabiex nagħmel rikapitulazzjoni, nikkunsidra, fl-ewwel lok li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-attività kummerċjali jew professjonali mmirata lejn l-Istat Membru fejn ikun residenti l-konsumatur u d-deċiżjoni li jiġi konkluż il-kuntratt.

    40.

    Madankollu, din ir-rabta kawżali hija indikazzjoni kkwalifikata meta tkun tistabbilixxi jekk l-attività tkunx immirata lejn Stat Membru partikolari. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attività hijiex immirata lejn Stat Membru ieħor, in-nuqqas ipprovat ta’ indikazzjoni kkwalifikata bħar-rabta kawżali għandu normalment jiġi kkumpensat bil-preżenza ta’ indikazzjoni waħda jew iktar ta’ forza simili.

    41.

    Finalment, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, nikkunsidra li ċ-ċirkustanza li attività kummerċjali jew professjonali titwettaq f’sitwazzjoni ta’ konurbazzjoni, debitament evalwata mill-qorti nazzjonali, hija rilevanti. Dan il-kuntest ġeografiku jista’ jkun indizju kkwalifikat tal-fatt li l-attività hija mmirata lejn Stat Membru.

    VI – Konklużjoni

    42.

    Fid-dawl tal-argumenti mressqa hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda preliminari fformulata mil-Landgericht Saarbrücken skont kif ġej:

    “1)

    L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix, bħala kundizzjoni impliċita u supplimentari, li jkun hemm rabta kawżali bejn l-attività kummerċjali jew professjonali mmirata lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur u d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jikkonkludi l-kuntratt. Madankollu, ir-rabta kawżali hija indizju kkwalifikat sabiex jiġi stabbilit jekk l-attività hijiex immirata lejn Stat Membru partikolari.

    2)

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attività hijiex immirata lejn Stat Membru ieħor, in-nuqqas ipprovat ta’ indizzju kkwalifikat, bħar-rabta kawżali, għandu normalment jiġi kkumpensat mill-preżenza ta’ indizju wieħed jew iktar ta’ forza simili. Sitwazzjoni ta’ konurbazzjoni, debitament evalwata mill-qorti nazzjonali, hija indizju kkwalifikat tal-fatt li l-attività hija mmirata lejn Stat Membru partikolari.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    Top