EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IR0497

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti

COR 2021/00497

OJ C 440, 29.10.2021, p. 11–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/11


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti

(2021/C 440/03)

Relatur:

Robert VAN ASTEN (NL/Renew Europe)

Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ The Hague

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti — inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur

COM(2020) 789 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-Istrateġija tal-UE għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti. B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea qed tistabbilixxi rabta bejn l-aġenda dwar is-sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, l-Aġenda Diġitali u r-rwol tal-mobbiltà fl-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19;

2.

iqis li l-mobbiltà tgħaqqad in-nies, il-bliet u r-reġjuni u hija prerekwiżit għal ekonomija li tiffunzjona tajjeb. Madankollu, il-mobbiltà hija responsabbli wkoll għal kwart tal-emissjonijiet kollha tas-CO2 fl-Ewropa. Il-Kumitat jappoġġja, għaldaqstant, l-approċċ komprensiv tal-Kummissjoni Ewropea biex il-mobbiltà ssir aktar sostenibbli, jittejjeb l-aċċess għal alternattivi sostenibbli u jiġu implimentati l-inċentivi (tariffarji) adatti;

3.

ifakkar, madankollu, li l-miżuri li jittieħdu bil-għan li l-mobbiltà ssir sostenibbli għandhom jiġu kkombinati ma’ sfidi relatati bħall-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà, is-sikurezza fit-toroq, is-saħħa, il-ġestjoni tat-territorju, l-eżistenza attwali ta’ alternattivi għat-trasport privat u t-tibdil demografiku. F’dan ir-rigward, l-istrateġija ma tipprovdi l-ebda miżura konkreta biex jiġi żgurat li dawn l-isfidi jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku;

4.

jinnota li, fil-bliet u r-reġjuni, il-mobbiltà hija r-rabta bejn l-akkomodazzjoni, is-saħħa, ix-xogħol, l-għarfien, il-provvisti kummerċjali u l-ħin liberu. It-tranżizzjoni tal-mobbiltà sseħħ prinċipalment fil-livell reġjonali u lokali. Fl-istrateġija għandha tingħata aktar attenzjoni lill-għarfien u l-esperjenza tal-bliet u r-reġjuni biex jagħmlu l-mobbiltà aktar sostenibbli. It-tranżizzjoni għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti teħtieġ approċċ konġunt li jinvolvi l-livelli kollha tal-gvern (governanza f’diversi livelli), f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà attiva;

5.

Din mhijiex biss kwistjoni li t-trasport isir aktar sostenibbli (lejn vetturi b’emissjonijiet żero), iżda pjuttost li, fejn possibbli, jitnaqqsu d-distanzi u l-ammont ta’ vjaġġar u li jinbidlu l-modi ta’ mobbiltà (lejn forom attivi aktar sostenibbli bħaċ-ċikliżmu, il-mixi, il-karozzi tal-linja u l-ferroviji) u li dawn il-modi jiġu kondiviżi (eż. permezz ta’ akkomunament intelliġenti tal-ħtiġijiet tat-trasport bl-użu ta’ għodod diġitali (ride-pooling), inkluż f’żoni rurali);

6.

jinnota li t-tranżizzjoni tal-mobbiltà teħtieġ bidla fl-imġiba li tiffoka fuq l-utent. Għandha tingħata aktar attenzjoni lill-innovazzjoni soċjali ffokata fuq inċentivi effettivi li jistgħu jintużaw mill-bliet u r-reġjuni biex jippromovu mobbiltà attiva, bħall-promozzjoni taċ-ċikliżmu mill-istituzzjonijiet, il-bini ta’ żoni ta’ parkeġġ għar-roti, il-monitoraġġ tal-użu adatt tal-korsiji għaċ-ċiklisti u għall-persuni bil-mixi, u li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex tittejjeb l-aċċessibbiltà għal kulħadd, fost miżuri oħra;

7.

jiddispjaċih li l-istrateġija ma tirrappreżentax viżjoni komprensiva tal-politika Ewropea tal-mobbiltà li tkopri l-modi kollha tat-trasport b’mod konġunt u bbilanċjat. Jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tagħti aktar importanza lil modi oħra ta’ trasport sostenibbli, bħall-karozzi tal-linja, li huma mitluba jaqdu rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn mobbiltà sostenibbli, sikura u aċċessibbli;

8.

jemmen li l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet tagħha jeħtieġ li jibdew jikkunsidraw l-ispazji pubbliċi bħala ben komuni, b’mod partikolari fil-bliet fil-kuntest tad-disinn u l-ippjanar urban, kif ukoll l-ippjanar tal-klima u l-enerġija. Dan jista’ jgħin biex l-użu tal-ispazju pubbliku jinbidel minn wieħed prinċipalment għall-karozzi privati għal ben komuni għaċ-ċittadini;

9.

jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u ’l-bliet tagħhom biex iżidu b’mod sinifikanti l-isforzi tagħhom ħalli jiżdied is-sehem tal-mixi, taċ-ċikliżmu, tat-trasport pubbliku u għażliet oħrajn ta’ trasport kollettiv sostenibbli f’żoni urbani, intermedji u rurali;

10.

jesprimi dispjaċir li fil-Proposta tagħha l-Kummissjoni Ewropea tiffoka prinċipalment fuq vetturi individwali, u b’hekk tittraskura l-impatt tagħhom fuq il-konġestjonijiet u l-esternalitajiet negattivi l-oħra tagħhom (l-istorbju, it-tniġġis tal-arja, l-inċidenti, il-gassijiet serra, l-effetti ta’ ostaklu, eċċ.). Dan jikkonċerna b’mod partikolari r-reġjuni ta’ tranżitu u l-bliet. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri l-għadd ta’ spostamenti jiżdied hekk kif il-popolazzjoni titbiegħed miċ-ċentru tal-belt lejn il-periferiji u s-subborgi;

11.

jilqa’ r-rwol importanti tal-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs). Dawn il-Pjani qed jintużaw minn għadd dejjem jikber ta’ bliet fl-Ewropa iżda għandhom jiġu estiżi biex jinkludu wkoll ir-reġjuni tal-madwar bħala sistema urbana ta’ kuljum (daily urban system) (1). Din is-sistema tista’ tvarja minn belt għal oħra jew minn reġjun għal ieħor u tinkludi kemm iż-żoni periurbani kif ukoll ir-reġjuni rurali tal-madwar;

12.

jenfasizza li l-missjonijiet fil-qafas tal-Programm Orizzont tal-UE, b’mod partikolari l-missjoni ta’ 100 belt newtrali għall-klima sal-2030, jipprovdu kontribut essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali ewlenin stabbiliti fl-istrateġija tal-UE, u huma integrati u jiġbru flimkien ħafna oqsma differenti;

13.

iqis li konnessjonijiet tajbin huma importanti għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdan l-UE; jinnota, b’mod partikolari, li l-istrateġija tal-mobbiltà hija nieqsa minn kwalunkwe inizjattiva konkreta tal-Kummissjoni Ewropea favur iż-żoni rurali, dawk iżolati u dawk ultraperiferiċi, li tibni fuq ir-rwol importanti tal-mobbiltà biex tiżgura l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fiż-żoni rurali li jinsabu f’żoni b’infrastruttura skarsa. Madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni Ewropea tgħix barra l-bliet il-kbar. Is-servizzi tat-trasport pubbliku huma partikolarment ta’ sfida fiż-żoni skarsament popolati, fir-reġjuni ultraperiferiċi, fil-gżejjer u fir-reġjuni muntanjużi. Il-fondi u l-miżuri regolatorji Ewropej għandhom jgħinu biex il-mobbiltà taċ-ċittadini tittejjeb kullimkien;

14.

ifakkar li r-reġjuni u l-bliet stess joffru jew jikkuntrattaw servizzi tat-trasport pubbliku, u jiddefinixxu l-obbligi ta’ servizz pubbliku, pereżempju fil-qasam tat-trasport relatat mas-saħħa u t-trasport pubbliku regolari tal-passiġġieri bit-triq. F’dan is-sens, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, fir-rieżami tagħha tal-linji gwida interpretattivi dwar ir-Regolament dwar l-obbligi ta’ servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport fuq l-art, tqis aħjar id-dimensjoni sostenibbli tat-trasport, b’mod partikolari biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jkunu aktar preskrittivi fit-talbiet tagħhom;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (LRAs)

15.

jinnota li l-bliet u r-reġjuni jiffaċċjaw diversi sfidi. Xi reġjuni bi bliet kbar u reġjuni ta’ tranżitu għandhom livelli għoljin ta’ konġestjoni, tniġġis tal-arja u ħsejjes ambjentali. F’reġjuni oħra — speċjalment dawk skarsament popolati u l-periferiji tal-bliet il-kbar — in-nuqqas ta’ konnessjonijiet tajbin huwa problema ewlenija li tqiegħed pressjoni fuq l-aċċessibbiltà. Fl-aħħar nett, xi reġjuni jkollhom influssi staġjonali li jimmultiplikaw għal tliet darbiet il-popolazzjoni tagħhom. Ir-reġjuni l-kbar jistgħu jesperjenzaw dawn it-tipi kollha ta’ problemi;

16.

jirrikonoxxi l-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu, u jenfasizza l-potenzjal offrut mill-idroġenu prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-e-fjuwils derivati minnu għad-dekarbonizzazzjoni ta’ dawk l-oqsma tat-trasport fejn l-elettrifikazzjoni mhijiex adatta jew probabbli, bħat-trasport ta’ merkanzija tqila, it-trasport fuq l-ilma u t-trasport bl-ajru. L-idroġenu ekoloġiku jista’ jkun ukoll alternattiva utli għat-trasport pubbliku lokali u għall-vetturi muniċipali speċjali (2);

17.

jenfasizza li l-mobbiltà hija intrinsikament marbuta mal-ġestjoni tat-territorju, bħad-disinn u l-lokalizzazzjoni ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni għall-abitazzjoni, il-postijiet tax-xogħol, is-servizzi u l-attivitajiet kulturali, kif ukoll għar-rotot għall-mixi u għaċ-ċikliżmu, il-waqfiet tat-trasport pubbliku, il-parkeġġi, eċċ. L-ippjanar strutturali u l-allokazzjoni tal-użu tal-art jiggwidaw il-faċilitajiet għall-mobbiltà u jistabbilixxu l-kriterji għall-kostruzzjoni tagħhom. Billi tiffoka biss fuq li l-forom kollha eżistenti ta’ mobbiltà jsiru aktar sostenibbli, l-UE ma tirrikonoxxix biżżejjed id-dimensjoni spazjali;

18.

jinnota b’mod partikolari li l-mobbiltà fiż-żoni rurali hija waħda mill-aspetti essenzjali tal-ġestjoni tat-territorju, li tippermetti konnettività bejn iċ-ċentri tal-popolazzjoni u l-belt prinċipali jew iċ-ċentru amministrattiv fejn jinsabu s-servizzi pubbliċi essenzjali kollha. Huwa għalhekk li l-mobbiltà rurali — permezz tal-mezzi tat-trasport l-aktar effiċjenti, bl-aktar networks u lħuq estensivi — tippermetti li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għas-servizzi bażiċi (edukazzjoni, saħħa, servizzi soċjali, eċċ.) bl-istess kundizzjonijiet taż-żona urbana jew periurbana;

19.

iqis li sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-mobbiltà li tagħmel użu mill-fjuwils fossili, huwa rrakkomandat li s-servizzi essenzjali, bħal akkomodazzjoni, xogħol, skejjel, ċentri tas-saħħa, intrapriżi, divertiment (3), u l-provvisti kummerċjali, ikunu fil-viċinanza immedjata ta’ kull żona residenzjali. Fl-istess ħin, il-pandemija tal-COVID-19 u t-telexogħol qed jagħmlu l-post ta’ residenza inqas dipendenti mill-post tax-xogħol, li fit-tul jista’ jnaqqas ukoll il-volum tat-traffiku. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għalhekk jiddefendi, meta jkun possibbli u fid-dawl tar-realtajiet differenti tal-muniċipalitajiet Ewropej, il-kunċett tal-“belt ta’ kwarta” fejn l-affarijiet kollha meħtieġa u mixtieqa min-nies jinsabu kwarta ’l bogħod. Filwaqt li l-vetturi jistgħu jiġu akkomodati fil-belt ta’ kwarta, dawn ma jistgħux jiddeterminaw l-iskala jew il-forma urbana tagħha;

20.

ifakkar li għandhom jitqiesu r-restrizzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi fejn il-kostruzzjoni, l-ippjanar u l-manutenzjoni ta’ network tat-trasport kollettiv għas-servizz tal-popolazzjoni huma aktar diffiċli u għaljin u fejn, fin-nuqqas ta’ alternattivi, il-vetturi individwali jibqgħu l-mezz ewlieni ta’ trasport;

21.

jinnota li l-bliet u r-reġjuni jippromovu mobbiltà attiva permezz ta’ infrastruttura adatta għall-persuni bil-mixi, iċ-ċiklisti u t-trasport pubbliku. Għandha tingħata attenzjoni biex l-abitanti tal-periferiji tal-bliet u taċ-ċentri tal-villaġġi fiż-żoni rurali jkunu jistgħu jbiddlu l-mod ta’ trasport faċilment u b’mod sikur, ikunu jistgħu jieħdu r-rota tagħhom magħhom u li jkun hemm konnessjonijiet tajbin u affordabbli. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jiddispjaċih li l-istrateġija ma tippreżentax viżjoni ċara għat-trasport kollettiv pubbliku. Jeħtieġ ukoll li l-istrateġija proposta tippermetti li, għall-bżonnijiet differenti ta’ mobbiltà, jiġu allokati l-modi tat-trasport li f’kull każ ikunu l-aktar effiċjenti, sostenibbli u jirrispondu bl-aħjar mod għall-bżonnijiet taċ-ċittadini;

22.

iqis li konnessjonijiet tajbin huma importanti għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdan l-UE. Dawn jgħaqqdu r-reġjuni u l-bliet kollha fi ħdan is-suq uniku u jiżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Dan japplika mhux biss għar-reġjuni metropolitani fiċ-ċentri ekonomiċi, iżda wkoll għall-bliet ta’ daqs medju, iż-żoni rurali, iż-żoni muntanjużi, iż-żoni periferiċi, ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer;

Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs)

23.

jinnota li l-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs) huma fil-qalba tal-istrateġija. Dan l-istrument ta’ politika volontarju, li jmur lura għall-2013, huwa maħsub biex jiffaċilita l-ġestjoni tal-mobbiltà urbana u l-konnessjonijiet bejn il-bliet u ż-żoni (periurbani) tal-madwar. Fl-Ewropa attwalment hemm 1 000 belt b’SUMP. F’dawn l-aħħar snin, l-UE (4) ppubblikat linji gwida dwar firxa wiesgħa ta’ aspetti, fosthom iż-żoni b’emissjonijiet baxxi, iċ-ċikliżmu u l-mobbiltà kondiviża, il-promozzjoni tal-mobbiltà elettronika, u l-ippjanar tal-klima għall-ispazji pubbliċi rurali;

24.

jenfasizza li xi Stati Membri implimentaw pjani ta’ mobbiltà reġjonali, li jirriflettu aħjar l-iskala tal-isfidi u huma konformi mas-sistemi urbani ta’ kuljum reġjonali. Dawn l-inizjattivi huma bbażati fuq il-kunċett ta’ reġjuni urbani funzjonali, iżda d-definizzjoni attwali tal-Eurostat ma tirriflettix b’mod adatt ir-realtajiet strutturali u funzjonali tar-reġjuni poliċentriċi konnessi bi flussi tat-trasport bejniethom. Il-pjani ta’ mobbiltà sostenibbli reġjonali għandhom ikunu wkoll strument li jiżgura t-trasport fir-reġjuni rurali l-aktar depopolati b’mod effiċjenti u sostenibbli;

25.

iqis li s-SUMPs għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jirriflettu d-diversità bejn il-bliet u r-reġjuni u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Huwa importanti li l-iżvilupp tas-SUMPs u l-implimentazzjoni tal-miżuri li jipprovdu jiġu appoġġjati finanzjarjament biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jiksbu esperjenza bil-metodoloġija u jitgħallmu minn xulxin filwaqt li jimplimentaw kunċetti ta’ politika ġodda u jwettqu esperimenti intiżi biex jiksbu bidla fl-imġiba;

26.

L-importanza taż-żoni rurali, dawk remoti, ultraperiferiċi u muntanjużi u tal-gżejjer għandha titqies fil-pjani ta’ mobbiltà sostenibbli sabiex jiġu żgurati konnessjonijiet tajbin u l-aċċessibbiltà. Dan jeħtieġ li jiġu żviluppati mudelli ta’ mobbiltà bbażati fuq sistemi effiċjenti u sostenibbli bħat-trasport fuq talba. Dawn il-pjani għandhom jinkludu wkoll il-lokalitajiet rurali li jiddependu miċ-ċentru urban prinċipali sabiex tiġi żgurata konnessjoni adatta ma’ żoni abitati mifruxin, remoti u li diffiċli jintlaħqu;

Strumenti finanzjarji

27.

jenfasizza li t-trasport pubbliku kollettiv għandu jibqa’ l-pedament tas-SUMPs, li għandhom jintegraw ukoll it-trasport tal-iskola sabiex jitneħħew il-vetturi miċ-ċirkolazzjoni u jitnaqqsu l-esternalitajiet negattivi; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-mezz ta’ trasport bħala s-sinsla tal-mobbiltà sostenibbli fil-qafas il-ġdid tal-mobbiltà urbana u tiżgura biżżejjed appoġġ għall-espansjoni tiegħu;

28.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fis-snin li ġejjin, ħafna mill-investimenti meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-mobbiltà għandhom jiġu ffinanzjati mir-riżorsi proprji tal-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Dan ifisser li l-UE trid tagħmel spazju fi ħdan il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal investimenti li jnaqqsu l-impatt ambjentali tat-trasport u jilħqu l-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

29.

jinnota, madankollu, li hemm bżonn ta’ finanzjament addizzjonali mill-UE biex isiru investimenti, speċjalment biex jiġu implimentati miżuri previsti mis-SUMPs, għall-bliet u r-reġjuni abitabbli. Dawn il-miżuri jinkludu infrastrutturi aħjar tat-trasport pubbliku kollettiv, networks pedonali u għaċ-ċiklisti, il-bini ta’ infrastruttura tajba bħal punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi elettriċi u b’ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu, sistemi ta’ mobbiltà kondiviża u applikazzjonijiet intelliġenti. F’reġjuni inqas żviluppati b’kapaċità finanzjarja mnaqqsa, huwa importanti li jiġu mobilizzati riżorsi finanzjarji għall-investimenti inizjali u l-ispejjeż operattivi tas-servizzi tat-trasport fuq perjodu twil ta’ żmien. Minħabba r-rekwiżiti stretti fl-użu tal-fondi tal-UE u l-istruttura baġitarja kumplessa fl-Istati Membri, l-aċċess għal dawn il-fondi spiss ikun aktar diffiċli minn opportunitajiet oħrajn ta’ finanzjament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Ir-reġjuni b’fokus ekonomiku qawwi fuq l-industriji tal-manifattura u tal-provvista tal-karozzi qed jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba r-ristrutturar tas-settur. Il-produzzjoni ta’ vetturi elettroniċi u ibridi tirrikjedi ħafna inqas xogħol tul il-katina tal-valur, mill-produzzjoni sas-servizz ta’ manutenzjoni. It-teknoloġiji l-ġodda jeħtieġu ħiliet kompletament differenti. Ir-reġjuni fejn l-industrija tal-karozzi tirrappreżenta sehem sinifikanti tal-ekonomija u l-impjiegi jeħtieġ li jirċievu l-appoġġ addizzjonali meħtieġ permezz tal-fondi Ewropej, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji u jiġu kkumpensati l-effetti negattivi fuq l-ekonomija u l-livelli tal-impjiegi tagħhom li jistgħu jirriżultaw mit-tranżizzjoni li l-UE qed titlob lil din l-industrija biex tagħmel;

30.

jenfasizza li għalkemm il-Kummissjoni tindika li trid tappoġġja b’mod attiv lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istrateġija tagħha ma tipprevedi l-ebda approċċ integrat. Ikun utli jekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jirċievu appoġġ permezz ta’ informazzjoni aħjar, punti uniċi ta’ servizz u assistenza teknika meta japplikaw għal sussidji jew għoti ta’ pariri li jippermettu li jiġi kondiviż l-għarfien espert u jiġi adattat għall-kuntest reġjonali;

31.

jirrimarka li għalkemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni, mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-qafas tat-tranżizzjoni tal-mobbiltà tagħhom, dawn il-fondi mhumiex biżżejjed biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jwettqu r-rwol tagħhom biex il-mobbiltà ssir aktar sostenibbli; għalhekk jitlob li perċentwal minimu ta’ dawn ir-riżorsi jiġi riżervat lilhom skont ir-responsabbiltajiet tagħhom;

32.

jiddeplora wkoll il-fatt li anke jekk ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK u r-Regolamenti tal-FEŻR, ivvotati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jippermettu l-investimenti mill-politika ta’ koeżjoni fit-tranżizzjoni tal-mobbiltà, dawn l-investimenti ċerti drabi jiġu mblukkati mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea matul in-negozjati tal-Programmi Operazzjonali tal-FEŻR;

33.

jinnota li l-programm tal-Interreg jipprovdi wkoll finanzjament għal investimenti lokali. Dan il-programm huwa importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għaliex mhux biss jippermettilhom li jinvestu iżda wkoll li jitgħallmu minn xulxin. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-iskambju ta’ eżempji tajbin fil-livell lokali u reġjonali, pereżempju fir-rigward tal-politiki dwar iċ-ċikliżmu. F’dan ir-rigward, l-istrateġiji makroreġjonali jista’ jkollhom rwol importanti;

34.

jirrimarka li l-fondi tal-UE msemmija hawn fuq għandhom jagħtu prijorità lill-bidla modali mill-vetturi privati għal modi aktar sostenibbli li ser ikollhom rwol ewlieni x’jaqdu fit-tranżizzjoni enerġetika, bħat-trasport kollettiv tal-passiġġieri;

35.

jappoġġja l-proposta li l-finanzjament mill-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għan-networks TEN-T jiġi estiż biex jinkludi soluzzjonijiet tal-ewwel/l-aħħar kilometru, inklużi ċentri ta’ mobbiltà multimodali, faċilitajiet ta’ “ipparkja u irkeb” (park and ride) u infrastruttura attiva sikura għall-mixi u ċ-ċikliżmu; jenfasizza li l-finanzjament għat-TEN-T għandu jappoġġja wkoll proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport pubbliku u kollettiv, bħar-rinnovazzjoni tal-istazzjonijiet tal-ferrovija u tal-karozzi tal-linja, l-attivazzjoni mill-ġdid u l-elettrifikazzjoni tal-linji ferrovjarji, jew soluzzjonijiet sabiex jiġi promoss it-trasport intermodali; il-Kumitat jaqbel li għandu jiġi stabbilit SUMP obbligatorju għal dan il-għan;

36.

iqis li, biex inkunu nistgħu nersqu lejn fjuwils sostenibbli u rinnovabbli (fin-networks TEN-T) fuq skala kbira, jeħtieġ li jkun hemm konnessjoni man-network tal-enerġija (fin-networks TEN-E) biex ikunu jistgħu jiġu ċċarġjati (b’mod rapidu) l-vetturi elettriċi, u jingħata appoġġ għall-użu tagħhom, kif ukoll ta’ vetturi li jaħdmu bl-idroġenu jew vetturi oħra bi fjuwils alternattivi fil-mezzi kollha tat-trasport. L-integrazzjoni tas-sistemi hija essenzjali f’dan ir-rigward;

37.

jenfasizza li l-estensjoni mixtieqa tan-network TEN-T tirrikjedi rwol aktar importanti għan-nodi urbani. Dawn in-nodi bħalissa jirċievu 1 % biss tal-finanzjament tal-FNE. Tinħtieġ definizzjoni aħjar ta’ dawn in-nodi urbani sabiex ikunu eliġibbli għall-kofinanzjament. In-nodi urbani huma parti minn network usa’ ta’ konnessjonijiet. Ir-rwol ta’ appoġġ li jaqdu n-nodi fir-rigward tal-mobbiltà attiva u tat-trasport pubbliku kif ukoll ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza tat-TEN-T għandhom jiġu deskritti u appoġġjati. Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali li jirrappreżentaw in-nodi urbani għandhom jiġu involuti b’mod sistematiku fil-laqgħat tal-forums tal-kurituri tan-network ewlieni tat-TEN-T li jinsabu fihom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiddefinixxi aħjar l-investimenti li ser ikunu eliġibbli fin-nodi urbani taħt il-prijoritajiet “linji ferrovjarji” u “ċentri tal-passiġġieri multimodali” tas-sejħiet għal proġetti tal-FNE. Fl-aħħar nett, il-lista ta’ nodi urbani tan-network TEN-T għandha tiġi estiża matul ir-reviżjoni tan-network skedata għall-ħarifa tal-2021, peress li tillimita drastikament il-possibbiltajiet li jiġu mobilizzati l-fondi;

38.

jilqa’ l-programm Orizzont Ewropa bir-raggruppamenti “Klima, Enerġija u Mobbiltà” u “Diġitali, Industrija u Spazju” u jappoġġja l-missjoni ta’ 100 belt newtrali għall-klima u intelliġenti. It-tranżizzjoni tal-mobbiltà teħtieġ innovazzjonijiet, lok għall-esperimentazzjoni u opportunità għall-iskambju tal-għarfien. Il-bliet u r-reġjuni jistgħu jaġixxu bħala laboratorji kemm għall-aspetti tekniċi kif ukoll għall-komponent inklużiv, bħall-approċċ tal-mobbiltà attiva. Permezz tal-istrumenti finanzjarji innovattivi ġodda tagħhom, il-missjonijiet jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kompiti tagħhom u jistabbilixxu objettivi definiti minn qabel;

39.

jiġbed l-attenzjoni għall-Programm InvestEU, li fih l-“infrastruttura sostenibbli” hija wieħed mill-erba’ “twieqi” ta’ politika. Madankollu, dawn huma strumenti finanzjarji fejn irid ikun possibbli li l-investimenti jiġu rkuprati. Il-Kumitat jinnota li dan mhuwiex possibbli għall-investimenti kollha. Għalhekk huwa importanti li ċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU jirrikonoxxi l-ħtiġijiet wiesgħa tal-bliet u r-reġjuni u li tiġi żviluppata inġinerija finanzjarja ġenwina mill-UE;

Strumenti ta’ politika

40.

iqis li l-istrateġija tal-UE tipprevedi diversi strumenti ta’ politika li jistgħu jgħinu lill-bliet u r-reġjuni fit-tranżizzjoni tal-mobbiltà, iżda fuq għadd ta’ punti, il-Kumitat jixtieq jara proposti ta’ politika konkreti;

41.

jenfasizza li tinħtieġ leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-armonizzazzjoni, l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Huwa biss fil-livell tal-UE li jistgħu jiġu implimentati miżuri ta’ standardizzazzjoni, protezzjoni u skambju adatti tad-data u jiġu adottati standards għoljin fir-rigward tal-emissjonijiet u s-sikurezza fit-toroq;

42.

iqis li huwa importanti li l-fjuwils fossili ma jibqgħux jiġu ssussidjati u minflok jiġu promossi metodi alternattivi ta’ propulsjoni nadifa u, fejn possibbli, li jingħata vantaġġ lit-teknoloġiji l-ġodda sabiex it-tranżizzjoni tiġi aċċellerata pjuttost milli titrażżan. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu applikati l-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u “l-utent iħallas” u jintemmu l-benefiċċji tat-taxxa għall-fjuwils fossili. Fl-istess ħin, il-Kumitat jinnota li s-sistemi tat-taxxa f’ħafna postijiet jiffavorixxu bil-qawwa l-provvista ta’ karozzi tal-kumpaniji b’magni b’kombustjoni interna, li jmur kontra l-objettivi klimatiċi tal-UE fil-perjodu ta’ żmien twil u medju;

43.

jappoġġja l-proġett tal-Kummissjoni Ewropea li tinkludi t-trasport bit-triq fis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet. Madankollu, jinsab imħasseb li din l-inklużjoni tolqot lill-konsumaturi vulnerabbli. Jinsisti għalhekk li l-prodott ta’ din it-taxxa ġdida għandu jiffinanzja programm ta’ investiment pubbliku massiv fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni futura sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jiżviluppaw offerti ta’ trasport dekarbonizzati għaċ-ċittadini kollha tal-UE, irrispettivament minn fejn jgħixu, b’mod partikolari biex iż-żoni rurali u remoti jiġu konnessi maċ-ċentri urbani;

44.

huwa tal-fehma li jinħtieġu tipi differenti ta’ inċentivi biex tinkiseb bidla modali. Dawn jinkludu inċentivi pożittivi bħall-espansjoni tat-trasport pubbliku lokali, inċentivi tat-taxxa għax-xiri ta’ vetturi b’emissjonijiet żero (roti, scooters u karozzi privati) u trasport ferrovjarju effiċjenti, affidabbli u affordabbli. Hemm ukoll il-pedaġġi, tariffa għall-konġestjoni abbażi tal-post u l-ħin, li tħeġġeġ l-użu tat-trasport kollettiv sostenibbli, it-tassazzjoni fuq il-pitrolju għas-settur tal-avjazzjoni, l-estensjoni tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-avjazzjoni u t-tbaħħir u ekotaxxa usa’ biex jiġu indirizzati t-trasport bit-triq u t-tniġġis, pereżempju fil-pajjiżi tal-Alpi jew f’żoni transkonfinali oħrajn partikolarment suxxettibbli għall-konġestjoni marbuta mat-traffiku fi tranżitu;

45.

jinnota li matul il-kriżi tal-COVID-19, ħafna bliet u reġjuni skoprew (mill-ġdid) il-mobbiltà attiva. Iċ-ċikliżmu u l-mixi mhumiex biss modi ta’ vjaġġar b’saħħithom u reżiljenti, iżda huma wkoll ta’ benefiċċju għall-klima. Għalhekk jeħtieġ li l-mobbiltà attiva tingħata prijorità ogħla fuq l-aġenda politika tal-UE;

46.

jirrimarka li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija toffri opportunità unika biex it-trasport jiġi dekarbonizzat, jitħeġġeġ l-użu tal-aktar mezzi ta’ trasport effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħat-trasport kollettiv tal-passiġġieri, u tissaħħaħ l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport;

47.

iżid li l-promozzjoni tat-trasport kollettiv għandha tkun akkumpanjata minn miżuri li jiffaċilitaw l-użu tiegħu mill-utenti kollha, kemm fil-livell tal-prezz, li jinkludi l-iffissar ta’ prezzijiet irħas għall-utenti, jew anke mingħajr ħlas għal xi gruppi, u l-possibbiltà li l-użu tiegħu jiġi kkombinat maċ-ċikliżmu, sabiex jiġu ffaċilitati mudelli ta’ mobbiltà mħallta;

48.

jirrimarka li, skont iċ-ċirkostanzi reġjonali u lokali, il-bijofjuwils rinnovabbli, l-e-fjuwils, l-idroġenu u fjuwils innovattivi oħrajn u sistemi ta’ propulsjoni jistgħu jikkostitwixxu soluzzjonijiet sostenibbli u m’għandhomx ikunu żvantaġġati;

49.

iqis li s-soluzzjonijiet pubbliċi-privati jistgħu jaqdu rwol fit-tnaqqis tal-mobbiltà mhux sostenibbli billi jsiru ftehimiet mal-kumpaniji dwar ix-xogħol mid-dar, il-politika fir-rigward tal-post jew id-distribuzzjoni urbana. L-UE tista’ tiżgura li dawn is-soluzzjonijiet pubbliċi-privati jiġu applikati b’mod aktar mifrux;

50.

jinnota li l-bliet u r-reġjuni qed jippruvaw jillimitaw l-aċċess għat-traffiku tal-karozzi u tal-merkanzija permezz ta’ żoni b’emissjonijiet baxxi u żoni b’emissjonijiet żero. Sabiex jiġi żgurat infurzar adatt, il-Kumitat jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom aċċess għas-sistema EUCARIS (5) li tinkludi d-data dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi minn Stati Membri oħra;

51.

jilqa’ l-proposti għal vetturi b’emissjonijiet żero (standards tas-CO2 u standards post Euro 6/VI), iżda jirrimarka li r-regolamenti għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jkunu jistgħu jżommu l-pass mal-espansjoni meħtieġa tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, in-networks ta’ trażmissjoni, in-networks ta’ distribuzzjoni reġjonali u lokali, u l-infrastruttura ta’ forniment tal-fjuwil u ta’ ċċarġjar. L-istandards il-ġodda jridu jħallu biżżejjed lok għall-innovazzjoni, u jkunu teknoloġikament newtrali. Dawn għandhom japplikaw mhux biss għal karozzi tal-passiġġieri u tal-linja, iżda wkoll għal vannijiet u trakkijiet nodfa fil-kuntest ta’ loġistika urbana b’emissjonijiet żero. Il-Kumitat jitlob ukoll li tiġi adottata leġiżlazzjoni tal-UE dwar ċiklomuturi/scooters u bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jniġġsu. Jinħtieġu regoli aktar stretti għat-tajers u l-brejkijiet, kif ukoll dwar l-emissjonijiet, bil-għan li jkun hemm tnaqqis tal-materja partikolata li tikkontribwixxi għat-tniġġis tal-arja. Għandha dejjem tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-vetturi jkunu soġġetti għal rekwiżiti oħrajn (b’mod partikolari fir-rigward tal-awtonomija u l-ħin tal-iċċarġjar/tal-forniment tal-fjuwil) li huma essenzjali għat-tħaddim tas-servizzi tal-passiġġieri, id-distribuzzjoni urbana u b’mod partikolari għall-funzjonament tat-trasport pubbliku lokali;

52.

jirrakkomanda qafas ċar tal-UE għall-vetturi elettriċi ħfief (LEVs) bħal scooters elettriċi, pedelecs tal-veloċità u forom oħra ta’ mikromobbiltà fir-Regolament (UE) Nru 168/2013; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li toħroġ linji gwida biex tappoġġja l-użu sikur ta’ apparat ta’ mikromobbiltà fl-2021;

53.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel aktar biex tħeġġeġ ix-xiri ta’ karozzi jew roti elettriċi u li jew għandhom emissjonijiet baxxi jew li jaħdmu bl-idroġenu, billi tipprovdi inċentivi li jżidu l-volumi ta’ produzzjoni u joħolqu infrastruttura adatta, u b’hekk iwasslu għal tnaqqis fl-ispiża tagħhom, li bħalissa hija għolja ħafna u tagħmilhom mhux affordabbli għal għadd kbir ta’ konsumaturi. Barra minn hekk, dan jista’ jinvolvi r-reviżjoni tad-Direttiva tal-VAT sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jinkoraġġixxu x-xiri ta’ roti elettriċi permezz ta’ rata tat-taxxa aktar baxxa;

54.

jirrikonoxxi l-importanza tal-kunċett tal-Mobbiltà bħala Servizz għal ħafna bliet u reġjuni biex jippromovu t-trasport minn bieb għal bieb. F’dan il-kuntest, huwa importanti li l-UE timpenja ruħha favur sistemi ta’ biljetti multimodali u informazzjoni integrata dwar kull tip ta’ (jew kombinament ta’) trasport possibbli (6);

55.

japprova l-proposti l-ġodda li l-Kummissjoni Ewropea se tressaq biex tippromovi l-infrastruttura tal-iċċarġjar u l-punti tal-idroġenu (7). Dan huwa importanti fid-dawl tar-rapidità tal-iżviluppi tekniċi (għall-iċċarġjar rapidu, żoni tal-iċċarġjar u l-idroġenu) u s-sikurezza kontra n-nirien. L-istandards u r-rekwiżiti teknoloġiċi għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar u l-possibbiltajiet uniformi ta’ pagament għandhom jiġu miftiehma fil-livell tal-UE. In-nuqqas attwali ta’ infrastruttura soda qed ixekkel l-investiment privat fis-suq;

56.

iqis li ċ-ċentri multimodali fil-muniċipalitajiet joffru rabta tajba mal-konnessjonijiet tat-trasport interurbani u internazzjonali, iżda wkoll opportunitajiet ta’ trasbord jew oħrajn għal-loġistika reġjonali tat-trasport tal-merkanzija u għal distribuzzjoni urbana fuq skala iżgħar. L-iżvilupp f’waqtu tal-kurituri Ewropej tat-TEN-T għandu jkun akkumpanjat mill-iżvilupp ta’ loġistika multimodali u faċilitajiet ta’ trasbord;

57.

jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha tagħmel it-trasport kollettiv regolari fuq distanza ta’ inqas minn 500 km fl-UE newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2030 u li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tipprevedi rwol importanti għall-irduppjar ippjanat tat-trasport b’veloċità għolja bħala alternattiva għall-ajruplani. It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija huwa mistenni li jiżdied ferm aktar mid-doppju sal-2050 u l-avjazzjoni, it-trasport marittimu u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni għandhom isiru konsiderevolment aktar sostenibbli. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiffavorixxi alternattivi ta’ trasport nadif kull fejn ikun possibbli;

58.

jenfasizza li tinħtieġ armonizzazzjoni aħjar tar-regoli fit-trasport ferrovjarju u bl-ilma sabiex dawn il-modi tat-trasport isiru aktar sostenibbli u aktar kompetittivi. Barra minn hekk, għandhom jinħolqu jew jissaħħu l-punti tat-tagħbija tal-merkanzija multimodali tul l-assi tat-trasport u fir-reġjuni. Barra minn hekk, barra mill-prijorità mogħtija lill-konnessjonijiet għal-linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja, it-traffiku ferrovjarju internazzjonali jinvolvi wkoll konnessjonijiet (transfruntiera) normali. L-UE għandha tkompli tuża l-FNE biex tagħlaq il-lakuni fil-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera li huma indispensabbli biex ir-reġjuni Ewropej ikunu kollegati ma’ xulxin. Għal dawn il-konnessjonijiet għad hemm ħafna gwadanji x’jinkisbu jekk il-veloċità tiżdied għal 160–200 km fis-siegħa. Barra minn hekk, għal distanzi qosra u medji, in-nies jeħtieġ jiġu mħajra dejjem aktar jużaw il-ferrovija jew tal-linja mhux biss minflok l-ajruplan iżda anke minflok il-karozza; għaldaqstant, jappoġġja s-Sena Ewropea tal-Ferroviji;

59.

jenfasizza l-kooperazzjoni b’suċċess bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-qafas tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji. Jinnota b’sodisfazzjon l-interess kbir iġġenerat fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali mis-sejħa tal-Kummissjoni għal proposti ta’ avvenimenti li għandhom l-għan li jippromovu l-ferroviji bħala l-aktar forma ta’ trasport sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u sikura;

60.

iqis li t-tranżizzjoni tal-mobbiltà hija wkoll tranżizzjoni soċjali. Xi impjiegi se jisparixxu u oħrajn se jinbidlu, u se jinħolqu wkoll ħafna impjiegi ġodda. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-ħaddiema jirċievu taħriġ ta’ aġġornament u jitħarrġu mill-ġdid fil-ħin, b’mod partikolari fl-industrija tal-karozzi. Sehem kbir mill-valur miżjud tal-vetturi elettriċi jinsab fil-batteriji, li bħalissa huma manifatturati, fil-parti l-kbira, barra mill-Ewropa bi standards ambjentali u soċjali differenti. Għandu jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ma twassalx biex ix-xogħol u l-valur miżjud jiċċaqalqu lejn reġjuni tad-dinja b’ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali aktar baxxi. Is-sostenibbiltà jeħtieġ li titqies minn perspettiva globali u tkopri ċ-ċiklu kollu tal-ħajja. It-tranżizzjoni tal-mobbiltà se jkollha wkoll konsegwenzi għas-suq ta’ wara l-bejgħ, għas-servizzi ta’ manutenzjoni indipendenti u għall-kummerċ ta’ spare parts. Ir-ristrutturar fis-settur tas-suq ta’ wara l-bejgħ jeħtieġ li jiġi appoġġjat u l-impatt soċjali tiegħu għandu jiġi mitigat;

61.

jinnota li l-vetturi awtonomi jistgħu jbiddlu b’mod fundamentali l-użu tal-ambjenti fejn ngħixu. Fid-dawl tal-iżvilupp demografiku tal-Ewropa, il-vetturi awtonomi joffru opportunitajiet għaż-żoni rurali u urbani. Din l-evoluzzjoni fiż-żoni rurali tista’ tippermetti l-iżvilupp ta’ “trasport pubbliku fuq talba” għal muniċipalitajiet żgħar f’żoni skarsament popolati. Dan joffri opportunitajiet ta’ żvilupp lil dawn ir-reġjuni, potenzjal għall-innovazzjoni soċjali u modi kif tiġi miġġielda d-depopolazzjoni rurali. Fiż-żoni urbani, il-vetturi awtonomi jistgħu jżidu l-effiċjenza tal-fluss tat-traffiku u jtejbu l-użu tal-kapaċità. Dan jista’ jgħin biex jiġu indirizzati l-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja u l-istorbju ambjentali fil-bliet;

62.

iqis li sabiex tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku, jinħtieġu kooperazzjoni u skambju ta’ esperjenzi bejn ir-riċerka, l-industrija, is-setgħat leġiżlattivi, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni. It-titjib tas-sikurezza fit-triq għandu jkun wieħed mill-punti ta’ tluq ewlenin għall-iżvilupp tal-awtomatizzazzjoni tat-trasport. Jenħtieġ li l-awtomatizzazzjoni tikkontribwixxi għall-kisba ta’ Viżjoni Żero għas-sikurezza fit-triq. L-awtoritajiet lokali u reġjonali bi strutturi differenti għandhom jistabbilixxu proġetti pilota għall-mobbiltà awtonoma. Il-vetturi awtonomi għandhom ikunu kompletament operattivi fuq ir-rotot kollha tat-trasport, inkluż f’żoni rurali u fuq toroq urbani u muniċipali dojoq. Fl-iżvilupp u l-ġestjoni tat-trasport awtonomu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-promozzjoni, u l-iżgurar tas-sikurezza fit-triq, tal-mixi u taċ-ċikliżmu f’żoni mibnija, huma l-prijoritajiet ewlenin.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Sistema urbana ta’ kuljum tirreferi għaż-żona madwar belt minn fejn in-nies jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura ta’ kuljum. Dan huwa mod kif jiġu definiti r-reġjuni urbani billi jinkludu ż-żoni minn fejn jivvjaġġaw l-individwi.

(2)  CoR/2020/549.

(3)  Eżempju tajjeb ta’ dan huwa l-“belt ta’ kwarta”. Dan ifisser li r-residenti huma kwarta ’l bogħod (densità) bil-mixi jew bir-rota (diżinn) mill-funzjonijiet essenzjali kollha: ħwienet, uffiċċji, skejjel, kura tas-saħħa, sports, kultura u divertiment (diversità).

(4)  https://www.eltis.org/mobility-plans/sump-guidelines

(5)  EUCARIS hija applikazzjoni intergovernattiva għal network ta’ bażijiet nazzjonali tad-data għar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Attwalment din tintuża fil-qafas tad-Direttiva 2015/413 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku fit-toroq.

(6)  Permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE dwar is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti.

(7)  Billi jiġu riveduti d-Direttiva dwar l-Installazzjoni ta’ Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-infrastruttura tal-iċċarġjar fl-ambjent mibni.


Top