EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016BP1544

Riżoluzzjoni (UE) 2016/1544 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2014

ĠU L 246, 14.9.2016, p. 304–305 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2016/1544/oj

14.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 246/304


RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1544 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-28 ta’ April 2016

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2014

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0098/2016),

A.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2014 kien ta’ EUR 9 708 297, li jfisser żieda ta’ 0,39 % meta mqabbel mal-2013;

B.

billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2013 kienet ta’ EUR 8 820 666, li tfisser żieda ta’ 0,05 % meta mqabbla mal-2013;

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2014 irriżultaw f’rata għolja ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 100 % u li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 85,61 %;

Impenji u riporti

2.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-ammont totali tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2015 kien ta’ EUR 1 332 421 (15 % tal-approprjazzjonijiet totali); jieħu nota tal-fatt li r-riporti ammontaw għal EUR 612 981 (49 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva), li jfisser tnaqqis ta’ 10 % meta mqabbel mal-2013; jirrikonoxxi l-fatt li dawn ir-riporti huma marbuta ma’ investimenti fl-infrastruttura tal-IT, ordnati kif ippjanat lejn tmiem is-sena għaż-żewġ uffiċċji tal-Aġenzija;

3.

Josserva li mis-sena finanzjarja 2013 ġie riportat l-ammont ta’ EUR 717 927; jinnota li mir-riporti tal-2013 ġew ikkanċellati EUR 49 460 (6,89 %);

Trasferimenti

4.

Jinnota b’sodisfazzjon li skont ir-Rapport Annwali tal-Aġenzija, kif ukoll is-sejbiet tal-awditu tal-Qorti, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2013 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

Proċeduri ta’ akkwist u ta’ reklutaġġ

5.

Jinnota mir-rapport ta’ attività annwali tal-Aġenzija li fi tmiem l-2014 ġew impjegati 62 membru tal-persunal statutorju; jinnota, barra minn hekk, li matul l-2014 telqu tliet membri tal-persunal mill-Aġenzija, ġew ippubblikati għaxar avviżi għal pożizzjonijiet vakanti u ġew irreklutati seba’ membri tal-persunal;

6.

Josserva li l-Aġenzija taffaċċja sfidi biex tattira u żżomm magħha persunal ikkwalifikat kif xieraq biex jappoġġa l-attivitajiet tagħha, l-aktar minħabba l-post fejn jinsab l-uffiċċju tagħha fi Kreta, fejn l-edukazzjoni internazzjonali hija fattur li jippreżenta sfidi; jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija kkonkludiet ftehim ta’ livell ta’ servizz ma’ kull waħda mill-iskejjel privati li jattendu t-tfal tal-persunal fl-uffiċċju ta’ Ateni, hekk kif hemmhekk m’hemmx skejjel Ewropej; jinnota, barra minn hekk, li ġew konklużi mandat ġdid u ftehim ta’ servizz ġdid bejn il-Kummissjoni u l-Aġenzija sabiex jingħataw id-dettalji tal-finanzjament għall-iskejjel Ewropej li jattendu t-tfal tal-persunal tal-Aġenzija;

7.

Jinnota li, skont ir-Rapport ta’ Attività Annwali tal-Aġenzija, l-Aġenzija, għall-ewwel darba fl-2014, wettqet eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-karigi fi ħdanha billi użat metodoloġija komuni adottata għall-Aġenziji; jinnota, barra minn hekk, li skont dan l-eżerċizzju, 68 % tal-membri persunal tal-Aġenzija kienu fil-kategorija ta’ funzjonijiet operattivi, 22 % kienu jaħdmu fil-kategorija ta’ appoġġ amministrattiv u koordinazzjoni u 10 % kienu impjegati fir-rigward ta’ funzjonijiet newtrali;

Awditu intern

8.

Jieħu nota tal-fatt li fil-bidu tal-2014, l-Aġenzija kellha 25 rakkomandazzjoni miftuħa mir-rapporti preċedenti tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (“IAS”); jirrikonoxxi l-fatt li 24 rakkomandazzjoni ngħalqu matul l-2014 kif ikkonfermat mill-IAS fiż-żjara tiegħu “fuq il-post” fl-Aġenzija f’Novembru 2014; jinnota li rakkomandazzjoni waħda li kienet għadha miftuħa ngħalqet fl-2015, wara li kienet ġiet implimentata l-għodda għall-flussi tax-xogħol elettroniċi;

Kummenti oħra

9.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija adottat politiki interni biex ittejjeb il-kosteffikaċja u l-kompatibbiltà ambjentali tal-faċilitajiet tagħha; jinnota li pass importanti biex jiġu ssodisfati ż-żewġ rekwiżiti kien l-adozzjoni tal-pjattaforma “mingħajr karti”, li sservi bħala fluss tax-xogħol u ħażna ta’ dokumenti interni; jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija prattikament eliminat kważi għalkollox il-flussi tax-xogħol bil-karta, inklużi transazzjonijiet finanzjarji u l-fajls u d-dokumenti tar-riżorsi umani, u ssostitwiethom b’dokumenti elettroniċi u flussi tax-xogħol elettroniċi fi sforz biex jinkiseb ambjent tal-uffiċċju mingħajr karti; jirrikonoxxi l-fatt li din l-għodda bdiet taħdem b’suċċess f’Jannar 2015;

10.

Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-Aġenzija jista’ jkollhom rwol importanti fl-ottemperanza fir-rigward tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità; jistieden lill-Aġenzija tinkludi kapitolu standard dwar dawk il-komponenti fir-rapport annwali tagħha;

11.

Jirrikonoxxi l-fatt li, bħala segwitu għall-kwittanza 2013 tal-Aġenzija, skont il-ftehim ta’ kiri bejn l-awtoritajiet Griegi, l-Aġenzija u sid il-kera, il-kera għall-uffiċċji f’Ateni titħallas mill-awtoritajiet Griegi; jinsab imħasseb dwar il-kera kontinwament titħallas tard, fatt li ssokta fl-2014 u l-2015, u li għall-Aġenzija jippreżenta riskji finanzjarji, kif ukoll għar-reputazzjoni u għall-kontinwità tan-negozju; jinnota bi tħassib li, fl-2015, il-pagament għall-ewwel sitt xhur tas-sena sar fis-27 ta’ Awwissu 2015, u biss wara li l-Aġenzija rċeviet twissija li se tinbeda kawża minn sid il-kera tal-uffiċċju ta’ Ateni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-awtoritajiet Griegi jsibu soluzzjoni għal din il-kwistjoni sabiex jitnaqqsu r-riskji li l-Aġenzija hija esposta għalihom b’mod sinifikanti;

12.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2016 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0159(ara l-paġna 447 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top