EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(21)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Tekonoloġija għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Istitut

OJ C 442, 10.12.2014, p. 184–192 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/184


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Tekonoloġija għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Istitut

(2014/C 442/21)

INTRODUZZJONI

1.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (minn hawn ’il quddiem “l-Istitut”, magħruf ukoll bħala l-“EIT”), li jinsab f’Budapest, inħoloq permezz tar-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). L-objettiv tal-Istitut huwa li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività ekonomika fl-Ewropa b’mod sostenibbli bit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea. L-Istitut jagħti għotjiet lil tliet “Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni” (KKI), li jorbtu flimkien is-setturi tal-edukazzjoni superjuri, tar-riċerka u tan-negozju u li b’hekk jimmiraw li jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-intraprenditorija (2). Il-KKI jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ mijiet ta’ msieħba. L-għotjiet ipprovduti mill-EIT jirrimborżaw l-ispejjeż tal-imsieħba u l-ispejjeż li ġejjin mill-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-KKI.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Istitut. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Istitut, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

II-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Istitut u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Istitut jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Istitut wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Istitut fl-aspetti materjali kollha.

(b)

ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Istitut jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Istitut jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

L-ebda aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet.

9.

Fl-2013, l-Istitut wettaq pagamenti finali u approvazzjonijiet ta’ prefinanzjamenti (tranżazzjonijiet) għal għotjiet li jammontaw għal EUR 84,1 miljun (attivitajiet 2012). In-nefqa għal għotjiet tirrappreżenta madwar 97 % tan-nefqa totali għall-2013. It-tranżazzjonijiet kollha tal-għotjiet huma suġġetti għal analiżi mill-Kummissjoni qabel ma jiġu awtorizzati mill-EIT. L-Istitut innifsu kompla jagħmel sforzi konsiderevoli biex jimplimenta verifikazzjonijiet ex ante effettivi bil-għan li jipprovdi aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet. Madwar 87 % tan-nefqa għal għotjiet ikklejmjata mill-KKI hija koperta minn ċertifikati maħruġa minn ditti tal-awditjar indipendenti kkuntrattati mill-KKI u mis-sħab tagħhom. L-EIT innifsu wettaq verifikazzjonijiet ex ante li jikkonsistu f’kontrolli komprensivi fl-uffiċċju. Id-dokumenti ta’ sostenn miksuba mill-KKI u mis-sħab tagħhom ġew analizzati mill-EIT fil-każ ta’ riskji partikolari identifikati. Madankollu, il-Qorti sabet li, għalkemm il-kwalità taċ-ċertifikati tal-awditjar qed titjieb, dovut sa ċertu punt għal gwida aħjar, b'mod ġenerali, hemm lok għal aktar titjib fix-xogħol tad-ditti tal-awditjar indipendenti.

10.

Sabiex ikollu t-tieni saff ta’ aċċertament dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet, l-EIT ikkuntratta verifikazzjonijiet ex post kumplementari għat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet li twettqu minn ditta tal-awditjar indipendenti. Il-klejms għall-ispejjeż ta' 29 mit-300 sieħeb tal-KKI ġew ivverifikati ex post, li jikkorrispondu għal 29 % tat-tranżazzjonijiet totali tal-għotjiet li saru fl-2013. Ir-riżultati tal-verifikazzjonijiet ex post ikkonfermaw li l-verifikazzjonijiet ex ante qed jitjiebu, iżda għadhom mhumiex effettivi bis-sħiħ. Abbażi tal-iżbalji li nqabdu mill-verifikazzjonijiet ex post, fl-2014 l-EIT iddeċieda li jirkupra ammont totali ta' EUR 5 75  593, li jikkorrispondi għal 3 % tal-għotjiet tal-2012 awditjati.

Żbalji materjali tal-akkwist

11.

Pagamenti li jammontaw għal madwar EUR 6 65  000 u EUR 1 05  000, fir-rigward ta' żewġ kuntratti qafas li kienu ġew konklużi fl-2010 u fl-2012 bl-użu ta' proċedura nnegozjata, saru fl-2013. Mill-awditu ħareġ li l-użu ta' proċedura nnegozjata ma kienx iġġustifikat u għaldaqstant il-pagamenti riżultanti huma irregolari.

12.

Ir-rata ta' żball ikkombinata tal-kwistjonijiet spjegati fil-paragrafi 9 sa 11 hija bejn 2 % u 3 % tan-nefqa totali għall-2013.

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, bl-eċċezzjoni tal-effetti possibbli tal-kwistjonijiet deskritti fil-bażi għal opinjoni kwalifikata (ara l-paragrafi 9 sa 12), it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

14.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjoni tal-Qorti dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet jew fuq l-opinjoni kwalifikata tagħha dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.

KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

15.

Il-Ftehimiet Qafas ta' Sħubija (FPA) mat-tliet KKI jistipulaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-EIT tista' tkopri sa 25 % tal-infiq globali tal-KKI matul l-ewwel erba' snin, mill-1 ta' Jannar 2010 sa Diċembru 2013. Skont iċ-ċifri rrappurtati mill-KKI, dan il-limitu massimu ġie rrispettat mit-tliet KKI kollha. Madankollu, billi dawn iċ-ċifri mhux se jiġu awditjati qabel l-2015, ma hemm l-ebda evidenza għall-awditjar xierqa li turi li l-finanzjament mill-EIT ma qabiżx dan il-limitu massimu ta' 25 %.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

16.

Fl-2013, il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 97 %, li jindika li l-impenji kumplessivi saru b’mod f’waqtu. Madankollu, ir-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit kienet baxxa, f'livell ta' 74 % tal-kontribuzzjonijiet mill-UE għat-Titolu I (nefqa għall-persunal), li hija prinċipalment relatata mad-dawran għoli tal-persunal u l-adozzjoni pendenti tar-regolamenti dwar l-aġġustamenti tas-salarji.

17.

L-Istitut irriporta approprjazzjonijiet impenjati taħt it-Titolu II (nefqa amministrattiva) li jammontaw għal EUR 1 93  420 (24 %). Ir-riporti kienu prinċipalment jikkonċernaw fatturi li kien għadhom ma ġewx riċevuti u proġetti tal-IT li kien għadhom għaddejjin. Huwa ma implimentax EUR 91  918 (29 %) tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati mill-2012 sal-2013 taħt dan it-titolu, li kienu fil-parti l-kbira dovuti għal spejjeż stmati b'mod eċċessiv għal laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija.

18.

L-Istitut kien ibbaġitja EUR 3 4 0 78  025 taħt it-Titolu III (nefqa operazzjonali) għal għotjiet mill-KKI. Ir-rata relattivament baxxa ta' eżekuzzjoni ta' 82 % hija dovuta għall-fatt li l-KKI ma assorbewx għal kollox il-finanzjament disponibbli għall-attivitajiet tal-2012 (għotjiet għall-2012).

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

19.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Pietro RUSSO, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Settembru 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Istitut. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2012

Fl-2012, l-Istitut wettaq pagamenti finali u approvazzjonijiet ta’ prefinanzjamenti (tranżazzjonijiet) għal għotjiet li jammontaw għal EUR 11,3 miljun (attivitajiet tal-2010) u EUR 48,6 miljun (attivitajiet tal-2011).

It-tranżazzjonijiet kollha tal-għotjiet huma suġġetti għal analiżi mill-Kummissjoni qabel ma jiġu awtorizzati mill-EIT. L-Istitut innifsu għamel sforzi konsiderevoli biex jimplimenta verifikazzjonijiet ex ante effettivi bil-għan li jipprovdi aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet. Madwar 80 % tan-nefqa għal għotjiet ikklejmjata mill-KKI hija koperta minn ċertifikati maħruġa minn ditti tal-awditjar indipendenti kkuntrattati mill-KKI u mis-sħab tagħhom. L-EIT innifsu wettaq verifikazzjonijiet ex ante li jikkonsistu f’kontrolli komprensivi fl-uffiċċju. Id-dokumenti ta’ sostenn miksuba mill-KKI u mis-sħab tagħhom inizjalment ġew analizzati mill-EIT biss fil-każ ta’ riskji partikolari identifikati.

Madankollu, il-Qorti sabet li l-kwalità taċ-ċertifikati tal-awditjar hija inadegwata f’ħafna każijiet (1). Sabiex ikollu t-tieni saff ta’ aċċertament dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet, fi tmiem l-2012 l-Istitut introduċa verifikazzjonijiet ex post kumplementari għal għotjiet relatati mal-attivitajiet tal-2011. Dawn twettqu minn ditti tal-awditjar indipendenti kkuntrattati mill-EIT u huma vvalutati bħala affidabbli. Ir-riżultati tal-verifikazzjonijiet ex post ikkonfermaw li l-verifikazzjonijiet ex ante mhumiex effettivi bis-sħiħ. Madankollu l-Istituzzjoni rkuprat il-pagamenti irregolari misjuba, u r-rata tal-iżball residwu għat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet 2011 mhijiex materjali.

L-ebda verifikazzjoni ex post ma twettqet sa issa għat-tranżazzjonijiet relatati ma’ għotjiet għall-attivitajiet tal-2010 (EUR 11,3 miljun). Barra minn hekk, fid-dawl tal-aċċertament limitat li jista’ jinħareġ mill-verifikazzjonijiet ex ante, ma hemm l-ebda aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Il-Qorti ma setgħetx tikseb evidenza suffiċjenti u xierqa għall-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet awditjati relatati mal-attivitajiet tal-2010.

Ikkompletata

2012

Barra mill-kwistjoni deskritta fil-paragrafi 9 sa 13, il-baġits għal ftehimiet ta’ għotjiet iffirmati fl-2010 u l-2011, li rriżultaw f’pagamenti fl-2012, ma kinux speċifiċi b’mod suffiċjenti. Ma kien hemm l-ebda rabta bejn il-fondi approvati u l-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati. Il-ftehimiet ta’ għotjiet ma stabbilixxewx livelli limiti individwali għal kategoriji speċifiċi ta’ spejjeż (jiġifieri, spejjeż għall-persunal, sottokuntrattar, servizzi legali, eċc.) u ma inkludewx regoli għall-akkwist ta’ prodotti u servizzi mill-KKI u mis-sħab tagħhom.

L-EIT wettaq ukoll verifikazzjonijiet tekniċi għall-proġetti ffinanzjati kollha bħala parti mill-verifikazzjonijiet ex ante tiegħu. Madankollu, kien hemm nuqqas ta’ miri kwantifikabbli li xekklu l-valutazzjoni effettiva tal-attivitajiet u r-riżultati tal-proġetti . Il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju ma ddefinixxewx fid-dettall l-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati; u lanqas ma stabbilixxew għanijiet ċari u riżultati tanġibbli għal kull attività jew kriterji ta’ kwalità.

Mill-approprjazzjonijiet impenjati riportati mill-2011 li jammontaw għal madwar EUR 22 miljun, madwar EUR 10 miljun (45 %) ġew ikkanċellati fl-2012. il-livell għoli ta' kanċellazzjonijiet huwa prinċipalment dovut għal spejjeż aktar baxxi milli stmat, ikklejmjati minn benefiċjarji taħt ftehimiet ta’ għotjiet tal-2011 (EUR 9,2 miljun jew 92 % tar-riporti kkanċellati).

Għadha għaddejja

2011

Ftehimiet ta' għotjiet li rriżultaw f’pagamenti fl-2011 kienu ffirmati sistematikament mill-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura) u l-Istitut wara li l-parti l-kbira tal-attivitajiet kienu diġà ġew implimentati. Bejn Settembru u Diċembru 2011, l-Istitut wettaq pagamenti finali, li ammontaw għal EUR 4,2 miljun, relatati ma’ tliet ftehimiet ta’ għotjiet li ġew iffirmati ferm wara li nbdew l-attivitajiet (2).Din hija problema f’termini ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (3).

Ikkompletata


(1)  Jiġifieri, iċ-ċertifikati tal-awditjar mhux dejjem indikaw il-klejm għall-ispejjeż awditjat. Mhux il-kategorjii ta’ spejjeż kollha kellhom jiġu awditjati f’dettall suffiċjenti (bħala eżempju, spejjeż indiretti reali, li jistgħu jiġu ddikjarati mingħajr livell limitu ma ġewx iċċekkjati abbażi ta’ evidenza oriġinali ta’ sostenn). Ir-riskju ta’ finanzjament doppju ta’ tagħmir iddikkjarat bħala spiża ma kienx iċċekkjat b’mod komprensiv. Il-parti l-kbira taċ-ċertifikati tal-awditjar ma semmewx il-kopertura tal-ispejjeż awditjati u ma kien hemm l-ebda metodoloġija komuni għall identifikazzjoni tal-iżball kumplessiv fil-klejms għall-ispejjeż.

(2)  Pagamenti bil-quddiem kienu saru mill-Kummissjoni Ewropea.

(3)  F’każ wieħed, il-kuntratt ġie ffirmat 14-il jum qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ 13-il xahar.


ANNESS II

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (Budapest)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni.

Għal dan il-għan, skont is-sistema ta' swieq miftuħa u kompetittivi, l-azzjoni tagħhom għandha tfittex li:

tħaffef l-adattament tal-industrija għal bidliet strutturali,

tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp tal-impriżi fi ħdan l-Unjoni kollha, partikolarment ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju,

tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-kooperazzjoni bejn l-impriżi,

tikkoltiva l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politika ta' innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku.

Kompetenzi tal-Istitut

(Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Għanijiet

L-għan tal-Istitut huwa li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività ekonomika fl-Ewropa, b’mod sostenibbli, bit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Istati Membri u tal-Komunità. Dan għandu jagħmlu billi jippromwovi u jintegra edukazzjoni superjuri, riċerka u innovazzjoni u tal-ogħla standards.

Kompiti

Sabiex jikseb l-għan tiegħu, l-Istitut għandu:

(a)

jidentifika l-oqsma prijoritarji tiegħu;

(b)

iqajjem kuxjenza fost organizzazzjonijiet imsieħba potenzjali u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tiegħu;

(c)

jagħżel u jinnomina il-KKI fl-oqsma prijoritarji u jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom bi ftehim; jipprovdihom bl-appoġġ xieraq; japplika l-miżuri xierqa ta’ kontroll tal-kwalità; kontinwament jimmonitorja u perjodikament jevalwa l-attivitajiet tagħhom; u jiżgura livell xieraq ta’ koordinazzjoni bejniethom;

(d)

jimmobilizza fondi minn sorsi pubbliċi u privati u juża r-riżorsi tiegħu skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari huwa għandu jfittex li jżid proporzjon sinifikanti u li dejjem jiżdied tal-baġit tiegħu minn sorsi privati u minn dħul ġenerat mill-attivitajiet tiegħu stess;

(e)

iħeġġeġ ir-rikonoxximent fl-Istati Membri ta’ lawrji u diplomi li jkunu ġew mogħtija minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri li huma organizzazzjonijiet imsieħba, u li jistgħu jiġu indikati bħala lawrji u diplomi tal-EIT;

(f)

jippromwovi d-disseminazzjoni tal-aħjar prattika għall-integrazzjoni tat-trijanglu tal-konoxxenza sabiex jiżviluppa kultura komuni ta’ innovazzjoni u ta’ trasferiment tal-konoxxenza;

(g)

ifittex li jsir korp ta’ klassi dinjija għall-eċċellenza fl-edukazzjoni superjuri, fir-riċerka u fl-innovazzjoni;

(h)

jiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija bejn l-attivitajiet tal-Istitut u programmi Komunitarji oħrajn.

Governanza

Bord tat-Tmexxija

Kompożizzjoni

Il-Bord tat-Tmexxija (BT) tal-Istitut huwa magħmul minn 18-il membru maħtur li jipprovdu bilanċ bejn l-esperjenza u l-eċċellenza fin-negozju, l-edukazzjoni superjuri u r-riċerka, u erba’ membri rappreżentattivi proposti mill-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI). Il-Kummissjoni Ewropea għandha status ta’ osservatur.

Kompiti

Il-Bord tat-Tmexxija huwa wkoll responsabbli għat-tmexxija tal-attivitajiet tal-Istitut, għas-selezzjoni, in-nomina, l-allokazzjoni tal-għotjiet u l-evalwazzjoni tal-KKI, u għad-deċiżjonijiet strateġiċi l-oħrajn kollha.

Kumitat Eżekuttiv

Kompożizzjoni

Il-Kumitat Eżekuttiv huwa magħmul minn ħames membri tal-Bord tat-Tmexxija, inklużi l-President u l-Viċi President. Huwa ppresedut mill-President tal-Bord tat-Tmexxija.

Kompiti

Il-Kumitat Eżekuttiv jissorvelja t-tmexxija tal-Istitut u jieħu d-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa bejn il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.

Direttur

Huwa maħtur minn u responsabbli għall-Bord tat-Tmexxija għall-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tal-Istitut; huwa r-rappreżentant legali tal-Istitut.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Istitut fl-2013 (2012)

Baġit Finali

EUR 142,20 miljun għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 98,76 miljun għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2013

Postijiet awtorizzati: 58 (52)

Postijiet okkupati: 41 (47)

Postijiet oħra: 0 (0)

Total tal-persunal: 41 (47) assenjati għad-dmirijiet li ġejjin:

kompiti operazzjonali: 25 (26)

kompiti amministrattivi u ta’ sostenn: 16 (21)

Prodotti u servizzi fl-2013

Organizzazzjoni ta’ erba' laqgħat ta’ Forum tal-EIT mal-KKI (pjattaforma maħluqa biex tistabbilixxi djalogu regolari bejn id-Direttur tal-Istitut u s-CEOs (Uffiċjali Kapijiet Eżekuttivi) tal-KKI) u Sessjoni ta' Ħidma fir-Rebbiegħa mal-KKI u l-Bord tat-Tmexxija tal-EIT.

Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija fil-5 ta’ Diċembru 2013 għall-allokazzjoni tfis-sena 2014, a’ baġit li jammonta għal total ta’ EUR 180 miljun għall-finanzjament ta' Attivitajiet b’Valur Miżjud tal-KKI għat-tliet KKI, wara l-implimentazzjoni ta’ proċess ta’ Finanzjament Kompetittiv li jikkorrispondi għal 36 % tal-baġit kumplessiv. Il-Bord tat-Tmexxija ddeċieda wkoll li jiddefferixxi allokazzjoni supplimentari tal-baġit ta' EUR 40 miljun lill-KKI għall-2014 li għandhom jiġu allokati separatament u jinqasmu ugwalment abbażi, fost oħrajn, tas-segwitu għal rakkomandazzjonijiet strateġiċi.

Fl-2013 it-tliet KKI immaniġġjaw baġit totali ta' EUR 12 5 6 15  015 għall-finanzjament mill-EIT ta' Attivitajiet b’Valur Miżjud tal-KKI u baġit ta’ EUR 75 0 5 35  096 għall-Finanzjament mhux mill-EIT ta' attivitajiet tal-KAVA u attivitajiet kumplimentari.

Fl-2013, l-għadd totali ta’ sħab tal-KKI involuti fit-tliet KKI laħaq massimu ta' 487 organizzazzjoni mill-Klima KKI (187), mil-Laboratorji tal-ICT tal-EIT (105), u mill-InnoEnerġija KKI (195).

Fl-2013, il-KKI pprovdew sitt Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni konsolidati u d-dokumenti ta' appoġġ rispettivi tagħhom għas-sena 2012, lill-EIT; dawn ġew ivvalutati u vvalidati mill-EIT, bħala parti mill-valutazzjoni ta' prestazzjoni tal-KKI fil-passat fid-dawl tal-proċess ta' finanzjament kompetittiv għall-allokazzjoni tal-2014. Il-KKI pprovdew ukoll stimi għall-Indikaturi Ewlenin ta' Prestazzjoni tagħhom, lill-EIT.

Organizzazzjoni tal-Konferenza “Fostering Innovation and Strengthening Synergies within the EU” (Inrawmu l-Innovazzjoni u Nsaħħu s-Sinerġiji fi ħdan l-UE) f'Dublin, l-Irlanda fid-29 u t-30 ta' April 2013 taħt il-patronċinju tal-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Pubblikazzjoni tal-istudju “Analysis of Synergies fostered by the EIT in the EU Innovation Landscape” (Analiżi ta' Sinerġiji mrawma mill-EIT fix-Xenarju tal-Innovazzjoni tal-UE).

Ġiet organizzata Diskussjoni madwar mejda ta' Intraprendituri dwar is-suġġett “Matching Entrepreneurship with Venture Capital” (Tqabbil tal-Intraprenditorija ma' Kapital ta' Riskju) mill-11 sat-13 ta' Lulju fi Grundlsee, l-Awstrija.

Tnedija tal-Komunità ta' Alumni tal-EIT fil-11 ta' Novembru f'Budapest, l-Ungerija.

Premjijiet 2013 tal-EIT bi tliet rebbieħa tal-Venture Award tal-EIT u tliet rebbieħa tas-CH.A.N.G.E Awards il-ġodda tal-EIT. Premjijiet fit-12 ta' Novembru f'Budapest, l-Ungerija.

Tixrid ta' għadd kbir ta’ stejjer ta’ suċċess idderivati mill-implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-KKI.

Sors: Anness ipprovdut mill-Istitut.


IR-RISPOSTI TAL-ISTITUT

9:

L-EIT jilqa’ n-notifika tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-isforzi konsiderevoli li saru mill-EIT biex ikunu implimentati b’mod effettiv il-verifiki ex-ante bl-għan li tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ għotja. L-EIT huwa impenjat li jkompli jtejjeb l-istruzzjonijiet mogħtija lill-awdituri li jiċċertifikaw biex jirimedja d-dgħjufija identifikata mill-Qorti tal-Awdituri u jżid il-livell ta’ assigurazzjoni miksuba miċ-ċertifikati tal-verifika.

10:

B’konformità mal-istrateġija ta’ awditjar ex-post tal-EIT, il-KIC Partners li jriġu jiġu awditjati ntagħżlu primarjament abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju għal effiċjenza massima ta’ riżorsi limitati. Madankollu, biex ikun f’pożizzjoni li jagħti rata rappreżentattiva ta’ żball, l-EIT jagħżel parti mill-kampjun għall-għarrieda. Dan jassigura kopertura iktar bilanċjata tal-KIC Partners għal kemm idum il-Ftehim Qafas ta’ Sħubija. Għal dak li jirrigwarda l-Ftehim ta’ Għotja 2012, filwaqt li r-rata ġenerali ta’ żball kien tabilħaqq 3 % tal-għotjiet ta’ awditjar, kif rapportat mill-Qorti tal-Awdituri, ir-rata ta’ żball li ġiet identifikata fil-kampjun għall-għarrieda kienet ta’ 1.37 % biss. Ir-rata ta’ żball identifikata ta’ 3.29 % fil-kampjun ibbażat fuq ir-riskju hija, kif turi t-tifsira tagħha, mhux rappreżentattiva tal-popolazzjoni ġenerali. Kif ir-ratarappreżentattiva ta’ żball ta’ 1.37 % baqgħet taħt il-limitu ta’ materjalità ta’ 2 %, l-EIT ma għamilx riserva fir-Rapport Annwali ta’ Attività u jikkonsidra li l-għotjiet imħallsa skont il-Ftehim ta’ Għotja 2012 huma ħielsa minn żbalji materjali.

11:

L-EIT ħa rwol proattiv biex iniedi azzjonijiet ta’ mitigazzjoni immedjati fil-qasam tal-akkwist kif ġej: 1) Reviżjoni estensiva tal-proċeduri interni, iċ-ċirkwiti u l-forom biex ikunu konformi bis-sħiħ mar-regoli rispettivi ta’ akkwist pubbliku, b’attenzjoni speċjali għal ippjanar serju u stima tal-ħtiġijiet. 2) Biex ikun assigurat il-forniment tas-servizzi neċessarji, l-EIT beda juża il-kuntratti qafas disponibbli tal-Kummissjoni u nieda proċedura ta’ akkwisti biex jagħżel kuntratti ta’ servizzi ġodda. 3) L-EIT ippjana serje ta’ taħriġ għall-persunal tal-EIT dwar l-akkwisti. L-EIT huwa impenjat li jimplimenta miżuri ta’ mitigazzjoni biex jevita żbalji proċedurali fl-akkwisti fil-futur.

12:

Skont il-kalkolazzjoni tal-EIT, ibbażata fuq il-metodoloġija tal-Qorti tal-Awdituri, ir-rata ta’ żball ikkombinata għall-infiq fl-2013 kienet ta’ 2.12 %. Filwaqt li din ir-rata ta’ żball hija tabilħaqq fil-limitu rrappurtat mill-Qorti tal-Awdituri, huwa importanti li jkun sottolinjat li l-livell ta’ żbalji finanzjarji fl-għotjiet (i.e. rata rappreżentattiva ta’ żball ta’ 1.37 %) kien ferm iktar baxx mil-limitu ta’ materjalità ta’ 2 %. Barra minn hekk, l-EIT huwa impenjat li jtejjeb il-proċeduri interni biex jevita żbalji proċedurali fl-akkwist fil-futur.

15:

L-EIT ser jikseb ċertifikati fl-awditjar fuq l-ispejjeż tal-attivitajiet kumplimentari tal-KIC fl-ewwel kwart tal-2015 u konformità mal-limitu ta’ 25 % msemmi fil-Ftehim Qafas ta’ Sħubija ser tkun verifikata abbażi taċ-ċifri finali fl-ewwel nofs tal-2015. Jekk il-limitu ta’ 25 % ma jintlaħaqx, l-ammont korrispondenti jiġi rkuprat mill-KIC(s) skont id-dispożizzjonijet tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija. Tali rkupru ser jiġi rifless fil-kontijiet annwali tal-EIT għas-sena finanzjarja 2014.

16:

L-EIT jilqa’ n-notifika tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit. Ir-rata ta’ implimentazzjoni ġenerali tal-appropprjazzjonijet ta’ impenn għal Titolu 1 (infiq fuq il-persunal) kien ta' 84 %. Filwaqt li huwa minnu li r-rata ta' implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-UE kienet 74 %, kif rapportata mill-Qorti tal-Awdituri, huwa importanti li jkun innotat li 100 % tal-kontribuzzjoni tal-Istat Membru Ospitanti kienet implimentata. Il-parti mhux eżegwita tal-infiq relatat mal-persunal tirrigwarda l-bidliet kbar u l-appropprjazzjonijet imwarrba għall-aġġustament fis-salarji għas-snin 2011 u 2012, li għalihom il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja eventwalment għaddiet sentenza li ppreveniet li tali aġġustamenti jitħallsu qabel l-aħħar tas-sena.

17:

L-EIT jagħraf il-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-eżekuzzjoni ta' riporti fuq Titolu 2 (infiq amministrattiv). In-noneżekuzzjoni ta’ appropprjazzjonijet riportati mill-2012 għall-2013 taħt dan it-titolu kienu l-aktar minħabba stimi ta' spejjeż għoljin għal-laqgħa tal-Bord ta’ Tmexxija ta’ Diċembru 2012, speċifikament, l-ispejjeż attwali rriżultaw inqas minn dawk stmati.

18:

L-EIT jagħraf il-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri fuq l-eżekuzzjoni tal-impenji għall-2012 tal-għotjiet tal-KIC riportati mill-2012 għall-2013.


Top