EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0787

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI ERASMUS GĦAL KULĦADD: Il-Programm tal-UE għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport

/* KUMM/2011/0787 finali */

52011DC0787




ERASMUS GĦAL KULĦADD

IL-PROGRAMM TAL-UE GħALL-EDUKAZZJONI, IT-TAħRIġ, Iż-ŻGħAżAGħ U L-ISPORT

PROGRAMM ġDID BIEX JINDIRIZZA SFIDI ġODDA

Din il-Komunikazzjoni tikkomplimenta l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-‘ Erasmus għal Kulħadd ’: Programm wieħed għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport għall-perjodu 2014-2020. Il-Programm jirrifletti l-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha. Dan jirrappreżenta investiment kruċjali fin-nies, investiment li jibbenefikaw minnu kemm l-individwi kif ukoll is-soċjetà kollha kemm hi billi jikkontribwixxi għat-tkabbir u jiżgura l-prosperità.

L-edukazzjoni u t-taħriġ issa huma iktar importanti minn qatt qabel għall-innovazzjoni, il-produttività u t-tkabbir, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja kurrenti, u madankollu, il-potenzjal tal-kapital uman tal-Ewropa għadu mhux utilizzat biżżejjed. Jeħtieġ li jsir iktar biex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jipprovdu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa f’suq tax-xogħol dejjem iktar globalizzat, u biex jgħinu liż-żgħażagħ filwaqt li jagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja realtà għal kulħadd. Ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjiegi, ukoll permezz ta’ stadji ta’ taħriġ, huwa partikolarment importanti għaż-żgħażagħ li huma l-grupp l-iktar milqut ħażin mill-kriżi. Barra minn hekk, għad fadal xi inugwaljanzi bejn is-sessi fl-edukazzjoni: filwaqt li n-nisa għaddew lill-irġiel kemm fil-parteċipazzjoni kif ukoll fil-kisbiet fl-edukazzjoni għolja, l-oqsma tal-istudju għadhom segregati, u n-nisa għadhom partikolarment sottorappreżentati fix-xjenza u l-inġinerija; is-subien imorru inqas tajjeb fil-qari u għandhom iktar it-tendenza li jitilqu mill-iskola qabel mill-bniet.

Sforz konċertat biex jintlaħaq il-punt ta’ riferiment tal-UE ta’ inqas minn 15 % ta’ persuni b’riżultati ħżiena fil-ħiliet bażiċi sal-2020, iwassal għal rebħiet ekonomiċi aggregati fit-tul għall-UE[1]. Jekk il-proporzjon ta’ nies b’edukazzjoni għolja jiżdied għal 40 % dan jikkontribwixxi għaż-żieda tal-PDG per capita fl-UE ta’ 4 %[2]. Sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tajbin jistgħu jipprovdu l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u jgħinu biex tintlaħaq il-mira għall-impjiegi tal-Ewropa 2020 (75 %).

Il-valur miżjud Ewropew tal-Programm se jkun: li jgħin liċ-ċittadini jakkwistaw iktar ħiliet aħjar, li jtejjeb il-kwalità tat-tagħlim fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fl-UE u lil hinn minnha, li jappoġġa lill-Istati Membri u lill-pajjiżi sħab li mhux fl-UE biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u jsiru iktar innovattivi, u li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà kif ukoll il-bini ta' dimensjoni Ewropea għall-isports tal-massa. Fl-istess ħin, il-limiti tal-baġit tal-UE u l-Istati Membri tagħha jirrikjedu li jkun hemm fokus fuq ir-riżultati u l-effettività tal-infiq, konċentrazzjoni tal-isforzi biex jittejjeb l-impatt sistemiku, u tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali.

Biex dan il-valur miżjud jiġi realizzat jeħtieġ li jissaħħu r-rabtiet u s-sinerġija bejn il-Programm u l-prijoritajiet u l-proċessi politiċi ewlenin tal-UE, partikolarment l-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 u l-Istrateġiji taż-Żgħażagħ u l-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-UE. Il-prijoritajiet tal-infiq għandhom ikunu mmexxija mill-prijoritajiet komuni u l-iżvilupp tal-politika; f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni riċenti dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja[3] tenfasizza l-kwistjonijiet politiċi ewlenin li jeħtieġu jiġu appoġġati biex jittejbu l-livelli tal-ksib, il-kwalità, l-attraenza u l-internazzjonalizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll ir-rilevanza tagħhom għall-innovazzjoni.

NIBNU FUQ IL-KISBIET U T-TAGħLIMIET TAL-PASSAT

L-evalwazzjonijiet juru li l-programmi tal-UE 2007-2013 diġà kellhom impatt sistemiku sinifikanti, lil hinn sewwa mill-benefiċċji lill-parteċipanti individwali. Il-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni għolja wriet li l-UE saret referenza dinjija u sors tal-ispirazzjoni f’termini tar-riformi tal-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, il-programmi kienu strumentali biex jippromwovu l-użu tal-approċċi innovattivi, fost l-oħrajn, għall-iżvilupp tal-kurrikulu u t-trasparenza. Fil-qasam tat-tagħlim mhux formali, l-appoġġ tal-UE kellu impatt kbir fuq l-iżvilupp edukattiv u professjonali tal-individwi u ispira u influwenza l-inizjattivi politiċi bħas-Servizz Volontarju Ewropew.

Madankollu, hemm kumplessità ta’ programmi u azzjonijiet multipli li għandhom jinbidlu f ’ arkitettura iktar sempliċi u effiċjenti , waħda li toħloq bilanċ aħjar bejn l-armonizzazzjoni u l-flessibilità. Pereżempju, il- Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja għandu sitt sottoprogrammi[4], iktar minn 50 għan u ‘l fuq minn 60 azzjoni. Il- Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni jiffoka fuq il-mobbiltà u t-tagħlim (mhux formali) taż-żgħażagħ, filwaqt li madwar 80 % tal-finanzjament tal-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja jibbenefika wkoll iż-żgħażagħ. Xi azzjonijiet ma għandhomx il-massa kritika meħtieġa għal impatt fit-tul, jew għandhom spejjeż amministrattivi kbar.

Il-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni għolja hija kkaratterizzata wkoll mill-frammentazzjoni bejn strumenti differenti tal-UE li jimplimentaw għanijiet u azzjonijiet simili. Il-Kummissjoni bħalissa qed tiffinanzja ħames programmi ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja ma’ partijiet differenti tad-dinja:

- Erasmus Mundus jiffoka l-iktar fuq il-mobbiltà, joffri boroż ta' studju għall-attendenza f’korsijiet tal-masters u programmi dottorali konġunti ta’ kwalità għolja, u jappoġġa l-konsorzji tal-universitajiet li jaħdmu ma’ partijiet differenti tad-dinja.

- Tempus huwa programm għall-bini tal-kapaċità għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja, permezz ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni bejn l-universitajiet tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom mill-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tal-viċinat;

- Alfa u Edulink għandhom għanijiet simili u jkopru l-Amerika Latina u l-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku.

- Il-Kummissjoni waqqfet ukoll programm għall- kooperazzjoni mal-pajjiżi industrijalizzati , li jiffinanzja proġetti ta’ lawrji konġunti u doppji, proġetti konġunti tal-mobbiltà u attivitajiet ta’ politika.

Dawn il-programmi tal-edukazzjoni għolja għandhom għanijiet simili; jiffinanzjaw tipi komparabbli għalkemm ftit differenti ta’ azzjoni, bi skedi differenti, u b’modalitajiet u proċeduri ta’ implimentazzjoni differenti. Il-frammentazzjoni eċċessiva timplika r-riskju ta’ dupplikazzjoni, tikkomplika l-aċċess tal-benefiċjarji potenzjali u tillimita l-kamp ta' applikazzjoni għaż-żieda fl-effiċjenza, il-mass kritika u l-effettività tal-infiq.

B’fokus ġdid fuq il-prijoritajiet li se jżidu l-valur miżjud tal-UE u l-impatt sistemiku, l-azzjonijiet appoġġati se jikkontribwixxu għall-isforzi tal-ksib ta' iktar impjiegi u tkabbir f'konformità mal-għanijiet tal-Ewropa 2020. L-ekonomiji tal-iskala jistgħu jkunu sinifikanti jekk azzjonijiet ta’ natura simili jkollhom regoli u proċeduri tal-implimentazzjoni simili, jissimplifikaw il-ħidma tal-benefiċjarji u wkoll tal-korpi tal-ġestjoni. Erasmus għal Kulħadd ikompli jibni fuq is-suċċessi konsiderevoli tal-programmi 2007-2013[5] u se jindirizza d-dgħufijiet tagħhom, kif identifikati fl-evalwazzjonijiet, u jżid is-sinerġiji ma' sorsi oħra ta' finanzjament tal-UE. Partikolarment, filwaqt li l-Programm il-ġdid se jiffoka fuq azzjonijiet varji b’karattru transnazzjonali, il-fondi strutturali se jappoġġaw l-isforzi nazzjonali u reġjonali, fost l-oħrajn, il-modernizzar tal-infrastruttura tal-istabbiliment tal-edukazzjoni, l-aġġornar tal-ħiliet u t-taħriġ u wkoll il-mobbiltà tan-nies fis-suq tax-xogħol u ż-żieda tal-aċċess lill-gruppi sottorappreżentati fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-azzjonijiet Marie-Curie[6] taħt Horizon 2020 se jappoġġaw il-mobbilità tar-riċerkaturi. Sabiex jiġu esplojtati bis-sħiħ is-sinerġiji ma’ Horizon 2020, il-lawrji konġunti fil-livell tal-PhD se jitmexxew esklussivament mill-azzjonijiet Marie-Curie.

Erasmus għal Kulħadd sejjer:

- iżid il-koerenza u jsaħħaħ l-approċċ tat-tagħlim tul il-ħajja, billi jorbot l-appoġġ għat-tagħlim formali u mhux formali fl-ispettru sħiħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

- iwessa’ l-kamp ta' applikazzjoni għall-sħubiji strutturati, bejn setturi differenti tal-edukazzjoni u mad-dinja tax-xogħol u atturi rilevanti oħra;

- jipprovdi wkoll flessibilità u inċentivi, sabiex l-allokazzjoni tal-baġit bejn l-attivitajiet, il-benefiċjarji u l-pajjiżi tirrifletti aħjar l-impatt u l-eżekuzzjoni.

L-isem ‘ Erasmus ’ huwa magħruf sewwa fost il-pubbliku ġenerali fl-UE u fil-pajjiżi parteċipanti li mhux fl-UE bħala sinonimu tal-mobbilità tal-istudenti tal-UE, iżda wkoll valuri Ewropej bħall-multikulturaliżmu u l-multilingwiżmu. Minflok ma jinżamm ammont dejjem iktar kumpless ta’ marki kummerċjali, il-programm se jissejjaħ ‘ Erasmus għal Kulħadd' . Il-korpi pubbliċi u privati fis-setturi ewlenin tal-edukazzjoni koperti mill-Programm jistgħu jużaw dan l-isem.

Barra minn hekk, għall-iskop tal-komunikazzjoni u t-tixrid, l-isem se jkun assoċjat mas-setturi ewlenin tal-edukazzjoni kif ġej: ' Erasmus Edukazzjoni Għolja ', assoċjata ma’ kull tip ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa u internazzjonalment; 'Erasmus Taħriġ' , assoċjat mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tal-adulti; ' Erasmus Skejjel' , assoċjat mal-edukazzjoni fl-iskejjel; u ' Erasmus Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ' , assoċjat mat-tagħlim mhux formali taż-żgħażagħ.

L-ARKITETTURA U L-AZZJONIJIET EWLENIN TAL-PROGRAMM

Arkitettura ssimplifikata

Il-Programm Tagħlim Tul il-Ħajja, l-edukazzjoni għolja internazzjonali u l-Programmi Żgħażagħ fl-Azzjoni jaqsmu l-istess għanijiet ġenerali u attivitajiet ta’ appoġġ li jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji wiesgħa: mobbiltà tat-tagħlim; kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ; u l-kooperazzjoni politika tal-UE jew internazzjonali. Dawn għandhom strutturi ta’ ġestjoni simili (eż. sejħiet għall-proposti għall-kooperazzjoni transnazzjonali) u metodi ta’ twassil simili (ġestjoni diretta mill-Kummissjoni jew indiretta permezz ta’ Aġenziji Eżekuttivi jew Nazzjonali). Għalhekk, sabiex ikun hemm koerenza, sinerġija u simplifikazzjoni ikbar, u jkun hemm mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi, l-arkitettura tal-Programm propost se tappoġġa tliet tipi ta ’ azzjoni ewlenija , li huma komplementari u jsaħħu lil xulxin:

- Mobbiltà tat-tagħlim tal-individwi: Il-mobbiltà se tirrappreżenta sehem sinifikanti mill-baġit globali miżjud. Din iż-żieda, flimkien ma’ enfasi fuq il-kwalità tal-mobbiltà kif ukoll konċentrazzjoni tal-prijoritajiet u l-isforzi, għandha żżid il-massa kritika u l-impatt lil hinn mill-individwi u l-istituzzjonijiet involuti.

- Kooperazzjoni għall-innovazzjoni u prattiki tajbin: Se jkun hemm enfasi ikbar fuq it-tisħiħ tas-sħubiji innovattivi bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u n-negozji. Għall-edukazzjoni għolja, l-enfasi se tkun fuq il-bini tal-kapaċità, b’konċentrazzjoni fuq il-pajjiżi ġirien kif ukoll l-isħubiji strateġiċi mal-ekonomiji żviluppati u emerġenti.

- Appoġġ għar-riforma politika: Ir-riforma politika se jkollha fil-mira: it-tisħiħ tal-għodod u l-impatt tal-metodi miftuħa tal-koordinazzjoni fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ; l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-promozzjoni tad-djalogu politiku mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

[pic]

Id-dimensjoni internazzjonali

Bħalissa hemm ħames programmi għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fl-edukazzjoni għolja . Dawn se jiġu ssimplifikati fi tliet azzjonijiet ewlenin tal-Programm, għal darb’oħra b’enfasi qawwija fuq il-mobbiltà;

- L-appoġġ għal lawriji u boroż ta’ studji konġunti ta’ kwalità għolja għall-studenti u l-persunal madwar id-dinja se jiġi estiż lil hinn mill-għadd komparattivament żgħir ta’ universitajiet li jistgħu jipparteċipaw bħalissa.

- Il-ġestjoni tal-mobbiltà internazzjonali se tkun ibbażata fuq is-sistema attwali tal-Erasmus, fejn il-boroż ta’ studju jingħataw fuq il-bażi ta’ ftehimiet interistituzzjonali.

- Il-fondi se jiġu allokati skont il-prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi tal-azzjoni esterna tal-UE.

- Il-miżuri ta’ bini ta’ kapaċità għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja se jiġu ssimplifikati wkoll; il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien se tiġi msaħħa bl-integrazzjoni tal-bini tal-kapaċità mal-azzjonijiet tal-mobbiltà biex jiġi żgurat impatt sistemiku. L-azzjonijiet li bħalissa huma ffinanzjati minn Alfa, Edulink u l-programmi li kienu taħt Asialink se jingħataw bħala appoġġ għall-bini tal-kapaċità, l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni permezz ta’ proġetti konġunti mal-universitajiet mill-UE u l-Amerika Latina, l-Asja u l-Afrika.

Azzjonijiet speċifiċi

Fid-dawl tal-isforzi speċifiċi biex tiġi promossa l-eċċellenza fl-edukazzjoni u r-riċerka dwar l-integrazzjoni tal-UE, l- Inizjattiva Jean Monnet se tkompli bħala attività separata fil-Programm u se taqsam il-mekkaniżmi ta’ twassil tagħha. Bl-istess mod, sabiex jiġi esplojtat il-potenzjal għas-simplifikazzjoni u l-effiċjenza tal-arkitettura tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam tal- Isport se tiġi ttrattata bħala attività separata fil-Programm.

Azzjoni Ewlenija 1: Mobbiltà ta’ tagħlim tal-individwi

Il-mobbiltà għat-tagħlim transnazzjonali – l-istudju f’istituzzjoni sħab, it-tagħlim, il-ksib tal-esperjenza tax-xogħol, il-parteċipazzjoni f’taħriġ jew volontarjat jew proġett ta’ skambju barra mill-pajjiż – għandha valur miżjud ċar u tista’ tiġi promossa b’mod effettiv biss fil-livell Ewropew. Il-mobbiltà tat-tagħlim għandha l-potenzjal li: tgħolli l-livell tal-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet ta’ importanza kbira għas-suq tax-xogħol u s-soċjetà; issaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika; u żżid il-modernizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, kemm għall-benefiċċju tal-UE u wkoll ta’ pajjiżi terzi. Il-mobbiltà għalhekk se tiġi msaħħa u se tibqa’ l-element fil-qalba tal-Programm, b’enfasi qawwija fuq il-mobbiltà tal-istudenti fl-edukazzjoni għolja.

Bil-baġit propost tal-Kummissjoni, il-Programm jista' jipprovdi opportunitajiet ta' mobbiltà għal madwar 5 miljun student matul il-perjodu ta' seba' snin. Bħalissa, madwar 400 000 mobbiltà tal-UE qed jiġu appoġġati kull sena. Din iċ-ċifra tista’ tiżdied għal medja ta’ 700 000, biex tilħaq id-900 000 fl-aħħar sena, inkluż l-istudenti u l-persunal. Huwa stmat li l-mobbiltà internazzjonali lejn u minn pajjiżi terzi se tibbenefika madwar 135,000 ruħ matul il-perjodu ta’ seba’ snin. Madankollu, il-mobbiltà mhijiex għan fiha nnifisha. Se jkun hemm valur miżjud tal-UE iktar b’saħħtu fil-Programm, li se jsaħħaħ ir-riżultati u l-kundizzjonalità marbuta mal-mobbiltà, u li se jirrikjedi li l-mobbiltà titpoġġa fi strateġija koerenti ta’ żvilupp istituzzjonali.

Il-kriterju ewlieni għall-finanzjament se jkun il-kwalità, murija permezz tal-kontenut edukattiv u l-metodi tat-tagħlim, ir-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim, it-tħejjija lingwistika u interkulturali, u arranġamenti mtejba mal-organizzazzjonijiet ospitanti.

L-appoġġ ta' Erasmus għal Kulħadd se jiffoka fuq erba’ attivitajiet ewlenin:

- Il-mobbiltà tal-persunal, partikolarment għall-għalliema, il-ħarrieġa, il-kapijiet tal-iskola u l-ħaddiema maż-żgħażagħ .

- Il-mobbiltà għall-istudenti tal-edukazzjoni għolja (inkluż il-lawrji konġunti/doppji) u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tal-istudenti.

- Il-Master Erasmus għall-mobbiltà tal-lawrija tal-master tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja, permezz ta’ mekkaniżmu ġdid ta ’ garanziji għas-self .

- Il-mobbiltà taż-żgħażagħ, inkluż il-volontarjat u l-iskambji taż-żgħażagħ .

[pic]

Mobbiltà tal-persunal : Ir-riċerka hija unanima fir-rigward tar-rwol ewlieni tal-għalliema u l-kapijiet tal-iskola fit-titjib tar-rendiment tal-istudenti u s-sistemi edukattivi. Biex tiġi promossa l-eċċellenza fit-tagħlim, biex jiġu żviluppati metodi tat-tagħlim innovattivi u ta’ suċċess, u biex titkattar il-kwalità fl-istituzzjonijiet, il-mobbiltà tal-persunal se tissaħħaħ ferm fis-setturi kollha tal-edukazzjoni, inkluż il-mobbiltà fit-tul tal-persunal tal-iskola. Huma previsti wkoll iktar opportunitajiet għall-mobbiltà tat-tagħlim tal-ħaddiema maż-żgħażagħ, minħabba r-rwol tagħhom bħala multiplikaturi u għaż-żieda tal-iskambju tal-prassi tajba fost l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Mobbiltà tal-persunal prevista għall-perjodu | 1 000 000 benefiċjarju |

Studenti tal-edukazzjoni għolja : Biex jirriflettu l-internazzjonalizzazzjoni dejjem ikbar tas-settur tal-edukazzjoni għolja, l-attivitajiet tal-mobbiltà tat-tagħlim ta’ Erasmus se jiġu msaħħa sostanzjalment u estiżi fuq livell internazzjonali, inkluż għall-pajjiżi ġirien, biex jikkontribwixxu għall-punt ta' riferiment ta' 20 % mobbiltà tal-gradwati tal-edukazzjoni għolja. Dan se jippermetti lill-istudenti Ewropej biex ikunu mobbli internazzjonalment u lill-istudenti mhux Ewropej biex iqattgħu xi żmien jitgħallmu fl-UE, u b’hekk tiġi mħeġġa ċ-ċirkolazzjoni tat-talent u tiżdied l-attraenza tal-edukazzjoni għolja Ewropea, għall-benefiċċju reċiproku tal-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-edukazzjoni għolja tal-UE u dawk mhux tal-UE.

Lawrji konġunti: Il-Programm se jkompli jaħdem fuq is-suċċess ta’ Erasmus Mundus, li ġie implimentat ma’ pajjiżi industrijalizzati, u se jsaħħaħ l-appoġġ għall-mobbiltà tal-lawrji fi programmi ta’ studju konġunti ta’ kwalità għolja, implimentati minn universitajiet tal-UE u mhux tal-UE. Din l-azzjoni se tkun miftuħa għal finanzjament addizzjonali minn pajjiżi sħab interessati.

Mobbiltà tal-lawrji konġunti | 34,000 benefiċjarju |

Master tal-Erasmus: Il-lawrji tal-masters huma essenzjali biex jgħollu l-livelli tal-kwalifiki fl-edukazzjoni għolja u jgħinu lill-istudenti jakkwistaw il-ħiliet avvanzati ta’ impjiegi li jirrikjedu għarfien intensiv. Filwaqt li r-riformi ta’ Bologna ħalqu iktar opportunitajiet, hemm ftit wisq mobbiltà tal-lawrji fl-UE bħalissa. Dan huwa parzjalment minħabba li l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali lill-istudenti, fejn jeżistu, għandhom tendenza li jkunu limitati fil-kamp tal-applikazzjoni u l-appoġġ li jipprovdu ma jistax jittieħed fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, l-istudenti normalment ma jkollhomx biżżejjed kollateral biex jissellfu l-flus, u għalhekk il-primjum tar-riskju jkun wieħed projbittiv - partikolarment meta dak li qed jissellef jipproponi li jistudja barra. Il-problema hija partikolarment akuta għall-istudenti li jixtiequ jagħmlu programm sħiħ ta' lawrja tal-Masters fi Stat Membru ieħor fejn il-miżati għat-tagħlim aktarx ikunu għolja. Sabiex jindirizza dan, Erasmus għal Kulħadd se jistabbilixxi skema ta ’ garanziji għas-self lill-istudenti li se toffri l-possibbiltà għall-istudenti fil-livell tal-Master li jkunu qed jagħmlu programm sħiħ ta’ lawrja f'pajjiż ieħor tal-UE jew taż-ŻEE li jkollhom aċċess għas-self b’kundizzjonijiet favorevoli.

Studenti tal-Master tal-Erasmus, li jibbenefikaw mill-iskema tal-garanzija tas-self | 330,000 benefiċjarju |

Studenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali : Il-ftuħ tal-aċċess għall-istudenti żgħażagħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-metodi, il-prassi u t-teknoloġiji użati f’pajjiżi oħra se jgħinuhom itejbu l-impjegabilità tagħhom f'ekonomija globali: it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol huwa essenzjali għall-impjegabilità fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, partikolarment fil-kuntest attwali tal-qgħad għoli ferm fost iż-żgħażagħ, u l-ħtieġa li tiżdied il-kwalità u l-attraenza ta’ dan is-settur f’ħafna pajjiżi Ewropej. Għal dawn ir-raġunijiet, il-finanzjament għall-mobbiltà ta’ dawn l-istudenti se jiżdied sostanzjalment.

L-istadji tat-taħriġ transnazzjonali fl-intrapriżi għandhom potenzjal għoli biex iżidu l-impjegabilità u se jiżdiedu ferm għall-istudenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u wkoll għal dawk fl-edukazzjoni għolja. L-għan huwa li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni u n-negozju, titkattar l-intraprenditorija u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol. Kull fejn ikun possibbli, dawn se jimmiraw żoni ta’ pajjiż jew nuqqasijiet fil-ħiliet abbażi tas-setturi.

Mobbiltà tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja, fl-UE u ‘l barra minnha | 2,165,000 benefiċjarju |

Mobbiltà tal-istudenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali | 735,000 benefiċjarju |

TOTAL | 2,900,000 benefiċjarju |

- li minnhom stadji ta’ taħriġ | 700,000 benefiċjarju |

Tagħlim mhux formali: It-tagħlim mhux formali jikkomplementa l-esperjenzi tat-tagħlim formali. F’dan il-kuntest, il-mobbiltà għandha influwenza qawwija fuq l-iżvilupp personali, l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-impjegabilità taż-żgħażagħ. L-impatt huwa partikolarment importanti għaż-żgħażagħ żvantaġġati. Għalhekk, il-mobbiltà taż-żgħażagħ permezz tal-iskambji u l-volontarjat se tiżdied.

Mobbiltà taż-żgħażagħ | 540,000 benefiċjarju |

Azzjoni Ewlenija 2: Kooperazzjoni għall-innovazzjoni u prattiki tajbin

Il-proġetti tal-kooperazzjoni transnazzjonali huma essenzjali biex iħeġġu t-trasparenza, il-ftuħ u l-eċċellenza u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-prassi tajba bejn l-istituzzjonijiet. Sabiex jikkontribwixxi għall-governanza u l-implimentazzjoni ta’ Ewropa 2020 u l-attivitajiet tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, il-Programm se jipprovdi appoġġ imsaħħaħ għall-proġetti ta ’ kooperazzjoni li għandhom l-għan li jiżviluppaw, jitrasferixxu u jimplimentaw prassi innovattivi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. Fl-aħħar nett, il-programm il-ġdid se jżid il-kooperazzjoni internazzjonali u l-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi terzi.

L-appoġġ ta' Erasmus għal Kulħadd għall-kooperazzjoni se jiffoka fuq erba’ attivitajiet ewlenin:

- Sħubiji strateġiċi bejn l-istabbilimenti edukattivi/l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u/jew atturi oħra.

- Sħubiji fuq skala kbira bejn l-istabbilimenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ u n-negozji, fl-għamla ta’ Alleanzi tal-Għarfien għall-edukazzjoni għolja u Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali.

- Pjattaformi ta’ appoġġ tal-IT, inkluż ġemellaġġi elettroniċi.

- Il-bini tal-kapaċità f’pajjiżi terzi, f’fokus kbir fuq il-pajjiżi ġirien.

[pic]

Sħubiji strateġiċi: Bi tweġiba għall-bżonn dejjem ikbar għal iktar approċċi innovattivi fl-edukazzjoni, l-isħubiji strateġiċi se jiġbru varjetà ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni, li jvarjaw fil-kamp ta' aplikazzjoni finanzjarja, jimmiraw li jsaħħu l-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-istituzzjonijeit edukattivi/l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u/jew atturi oħra. Il-Programm se jorbot l-attivitajiet tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni u jsaħħaħ l-impatt sistemiku (eż. il-proġetti ta' kooperazzjoni bejn l-iskejjel jistgħu jkopru kemm l-iżvilupp tal-kurrikulu kif ukoll l-iskambji tal-persunal). Bl-istess mod, biex tinbena dimensjoni Ewropea fl-iskemi ta’ volontarjat nazzjonali, jista’ jintuża l-appoġġ biex dawn l-iskemi jinfetħu għall-mobbiltà transnazzjonali. Aħna u nibnu fuq dak li tgħallimna mill-programmi 2007-2013 (Comenius Regio, Żgħażagħ fl-Azzjoni), is-sħubijiet li jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali u li jorbtu l-atturi minn setturi differenti se jiġu mħeġġa jkattru approċċi innovattivi, iktar integrati, użu iktar effiċjenti tar-riżorsi u skemi ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja.

Sħubiji strateġiċi/istituzzjonijiet involuti | 23 000 sħubija u 115 000 istituzzjoni |

Għall-promozjoni tal-innovazzjoni u l-impjegabilità tal-istudenti, il-Programm se jżid il-kooperazzjoni man-negozji, permezz ta’ proġetti transnazzjonali fuq skala kbira.

Alleanzi ta’ għarfien: L-inizjattiva ewlenija ta’ Ewropa 2020 “Unjoni tal-Innovazzjoni’ enfasizzat l-importanza kritika li l-universitajiet jiġu megħjuna jimmodernizzaw u jtejbu l-kwalità u l-innovazzjoni, permezz tal-Alleanzi tal-Għarfien. Dawn huma sħubiji strutturati bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u n-negozji, li jiżviluppaw modi innovattivi għall-produzzjoni u l-qsim tal-għarfien, ikattru l-kreattività u l-intraprenditorija u d-disinn u jagħtu kurrikuli u kwalifiki ġodda. Il-Programm se jwieġeb għal-livell għoli ħafna ta’ interess fis-setturi tan-negozju u tal-edukazzjoni għal dan it-tip ta' kooperazzjoni biex jiġġeneraw l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-Ewropa[7].

Alleanzi tas-Setturi tal-Ħiliet: Proġetti settorjali bejn in-negozji u l-provvedituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex joħolqu kurrikula speċifiċi għas-settur, biex jiżviluppaw modi innovattivi ta’ tagħlim u taħriġ vokazzjonali u biex l-għodod tar-rikonoxximent mal-Ewropa kollha jiġu implimentati.

Alleanzi tal-Għarfien u Alleanzi tas-Setturi tal-Ħiliet/l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi involuti | 400 alleanza u 4,000 istituzzjoni |

Pjattaformi ta ’ appoġġ tal-IT u mobbiltà virtwali : Bi tweġiba għall-bżonn għal forom alternattivi ta’ mobbiltà, il-Programm se jassenja rwol ikbar lill-pjattaformi ta’ appoġġ tal-IT. Dawn il-pjattaformi jistgħu, bi spiża baxxa ħafna, jagħtu tagħlim espert u skambju ta’ prassi tajba lil grupp ikbar sew ta’ benefiċjarji potenzjali. Ir-riżorsi edukattivi miftuħa bħall-korsijiet elettroniċi u l-mobbiltà virtwali qed isiru dejjem iktar importanti wkoll għall-attraenza internazzjonali tal-istituzzjonijiet edukattivi. L-inizjattiva ta’ ġemellaġġ elettroniku fil-kooperazzjoni bejn l-iskejjel se tissaħħaħ ħafna u tispira inizjattivi simili għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tal-adulti u ż-żgħażagħ. Din se tinfetaħ ukoll għall-pajjiżi ġirien.

Pjattaformi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni | 3 pjattaformi |

Il-kooperazzjoni internazzjonali u l-bini tal-kapaċità : Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi se tiġi integrata bis-sħiħ fl-azzjonijiet ewlenin tal-Programm, f'konformità mal-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE, bi tkomplija mal-esperjenza tal-programmi 2007-2013, partikolarment Tempus u Erasmus Mundus. Din se timmira għat-titjib tal-kwalità, ir-rilevanza u l-governanza tal-edukazzjoni għolja, permezz ta’ proġetti 'minn isfel għalf fuq' implimentati minn konsorjza internazzjonali. Bi tweġiba għas-sejħa politika qawwija għat-tisħiħ tal-appoġġ lill-pajjiżi tal-viċinat tal-UE, il-Programm se jappoġġa l-bini tal-kapaċità ta' istituzzjonijiet u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja permezz ta' miżuri ta' kooperazzjoni u strutturali. Se jorbot dawn l-attivitajiet mill-qrib lill-mobbiltà tal-istudenti u l-istaff. Il-Programm se jikkontribwixxi wkoll għall-modernizzazzjoni tas-sistemi u l-bini ta’ kapaċitajiet lokali fl-Asja, l-Amerika Latina u l-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, kif ukoll se jappoġġa l-proġetti ta’ kooperazzjoni fil-qasam tat-tagħlim mhux formali.

Il-proġetti ta’ kooperazzjoni tal-bini ta’ kapaċità fl-edukazzjoni għolja | 1,000 proġett |

Azzjoni Ewlenija 3: Appoġġ għar-riforma politika

It-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza, analiżi b’saħħitha tal-pajjiż u sorveljanza multilaterali huma wkoll essenzjali għall-ksib tal-prijoritajiet strateġiċi tal-Ewropa. It-tagħlim reċiproku fil-livell tal-UE u internazzjonali wera l-valur tiegħu f’termini tal-effettività tal-investimenti edukattivi u għen lill-Istati Membri jimplimentaw politiki u riformi ġodda. L-għodod varji tal-UE għat-trasparenza tal-Programm Tagħlim Tul il-Ħajja kellhom impatt kbir. Iktar minn 10 miljun ruħ qed jużaw diġà s-CV onlajn 'Europass' fit-tiftix tagħhom għal impjieg.

L-appoġġ ta' Erasmus għal Kulħadd għar-riforma politika se jiffoka fuq tliet attivitajiet ewlenin:

- Appoġġ lill-metodi miftuħa ta’ koordinazzjoni (ET 2020, strateġija taż-żgħażagħ tal-UE) u s-Semestru Ewropew (Ewropa 2020).

- Għodod tal-UE: valorizzazzjoni u implimentazzjoni.

- Djalogu politiku (partijiet interessati, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali).

[pic]

Il-Programm se jsaħħaħ l-appoġġ għall-attivitajiet li jgħinu jiggwidaw l-aġenda tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ , partikolarment permezz tal-metodi miftuħa ta' kooperazzjoni: l-iżvilupp ta' indikaturi, l-istatistika u punti ta’ riferiment u l-monitoraġġ tax-xejriet u l-iżviluppi politiċi; it-tagħlim u r-reviżjonijiet esperti; l-analiżi politika; u l-istudji komparattivi. Il-Programm se jżid l-appoġġ għall-implimentazzjoni nazzjonali tal-għodod tal-UE tat-trasparenza (eż. EQF, ECTS, ECVET)[8] u n-netwerks madwar l-UE kollha. Se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ klassifikazzjoni u informazzjoni bbażata fuq ir-rendiment, ‘ U-Multirank ’, biex tikklassifika istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bil-għan li jtejjeb it-trasparenza tas-settur tal-edukazzjoni għolja radikalment, bl-ewwel riżultati fl-2013.

Il-Programm se jappoġġa wkoll l-aġendi politiċi speċifiċi għall-prijoritajiet tematiċi, inkluż l-Aġenda ta' Modernizzazzjoni għall-Edukazzjoni Għolja, il-proċess ta' Bologna (edukazzjoni għolja) u l-proċess ta' Kopenħagen (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali), l-Aġenda għall-Iskejjel tas-Seklu 21, l-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti u d-djalogu strutturat maż-żgħażagħ, inkluż l-appoġġ operattiv lill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u lil sħubiji ma’ NGOs rappreżentattivi taż-żgħażagħ. Se jappoġġa wkoll u jintensifika l-implimentazzjoni tat-tmien kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja stipulati fil-qafas Ewropew tal-2008[9].

L-appoġġ għar-riforma politika se jimmira li jilħaq l-għanijiet speċifiċi tal-istrateġija ET2020, u li jilħaq il-miri ta’ Ewropa 2020 fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kapital uman. Permezz tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, il-Programm se jikkonċentra fuq it-temi politiċi ewlenin li jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet ewlenin tal-UE: il-promozzjoni tal-użu tal-ICT fl-iskejjel[10], kif ukoll fil-livelli kollha tal-edukazzjoni formali; iż-żieda tal-livelli ta’ litteriżmu tal-Ewropej żgħażagħ u adulti; it-tnaqqis tat-tluq kmieni mill-iskola; il-promozzjoni tal-eċċellenza u rabtiet iktar b’saħħithom bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni; l-intensifikazzjoni tat-tagħlim tal-lingwi flimkien ma’ kompetenzi trasversali bħat-tagħlim ta’ kif titgħallem u l-intraprenditorija.

Id-djalogu politiku se jiġi intensifikat mal-pajjiżi terzi kif ukoll mal-pajjiżi tal-viċinat, iżda wkoll ma’ sħab strateġiċi fil-pajjiżi emerġenti u żviluppati, f’konformità mal-prijoritajiet politiċi esterni tal-UE.

L-Inizjattiva Jean Monnet

Il-programm tnieda fl-1989 u issa huwa preżenti f’62 pajjiż madwar id-dinja u madwar 740 università toffri korsijiet Jean Monnet bħala parti mill-kurrikulu tagħhom. Bejn l-1990 u l-2009, l-Inizjattiva Jean Monnet għenet biex jitwaqqaf madwar 3 500 proġett fil-qasam tal-istudji dwar l-integrazzjoni Ewropea, inkluż 141 Ċentru ta’ Eċċellenza Ewropew Jean Monnet, 775 Katedra u 2 007 kors permanenti u modulu Ewropew. Abbażi tal-esperjenza u l-prassi tajba mill-Inizjattiva, il-Programm se jistimula t-tagħlim u r-riċerka dwar l-integrazzjoni Ewropea fl-Istati Membri tal-UE u madwar id-dinja (partikolarment fil-pajjiżi kandidati u tal-viċinat). Se titħeġġeġ diversifikazzjoni tal-istudji flimkien ma’ firxa ġeografika iktar ibbilanċjata u l-parteċipazzjoni ta' ġenerazzjoni ġdida ta’ għalliema.

Fid-dawl tal-eċċellenza tagħhom rikonoxxuta mad-dinja, f’għadd kbir ta' dixxiplini rilevanti għall-integrazzjoni Ewropea, il-Programm se jkompli jagħti appoġġ speċifiku lill-Kulleġġ tal-Ewropa (fi Bruges u Natolin), bil-ħsieb li jestendi l-attivitajiet lill-pajjiżi tal-viċinat u lill-Istitut tal-Università Ewropea, sabiex jiżviluppa l-kapaċità tiegħu li jippromwovi l-governanza tajba tal-politiki tal-UE. Iż-żewġ istituzzjonijiet se jiġu mistiedna jsaħħu l-kooperazzjoni reċiproka. Istituzzjonijiet akkademiċi oħra attivi fil-qasam tal-integrazzjoni Ewropea se jkollhom aċċess għall-Programm f’konformità mal-valur miżjud tal-attivitajiet tagħhom.

Għal istituzzjonijiet interessati li jakkwistaw rikonoxximent tal-kwalità tal-programmi ta’ studji tagħhom dwar l-integrazzjoni Ewropea, il-Kummissjoni se toħloq tikketta ta ’ eċċellenza Jean Monnet . In-netwerk ta’ Professuri Jean Monnet iservi wkoll bħala think tank biex jappoġġa l-governanza u t-tfassil tal-politika tal-UE. Id-djalogu bejn id-dinja akkademika u dawk li jfasslu l-politika se jissaħħaħ b’riżultat ta’ dan.

Azzjoni tal-Isport

Bil-ħsieb li tiġi żviluppata dimensjoni Ewropea fl-isport, il-Programm se jipprovdi appoġġ għall-attivitajiet li ġejjin:

- proġetti kollaborattivi transnazzjonali;

- avvenimenti sportivi Ewropej ta’ natura mhux kummerċjali ta’ importanza kbira;

- it-tisħiħ tal-bażi ta’ evidenza għat-tfassil ta’ linji tal-politika fil-qasam tal-isport;

- il-bini tal-kapaċità fl-isport;

- id-djalogu mal-partijiet interessati Ewropej rilevanti.

Il-Programm se jiffoka fuq: it-tisħiħ tal-governanza tajba u l-bażi ta' għarfien għall-isport fl-UE; il-promozzjoni tal-attività fiżika li tibbenefika s-saħħa; l-użu tal-potenzjal tal-isport għat-tkattir tal-inklużjoni soċjali, il-promozzjoni ta’ karrieri doppji permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-atleti; u l-indirizzar tat-theddid transnazzjonali bħad-doping, ix-xiri tal-logħob, il-vjolenza, ir-razziżmu u l-intolleranza.

Il-benefiċjarji tal-Programm se jkunu l-korpi pubbliċi jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam tal-isport tal-massa. Il-proġetti u n-netwerks appoġġati se jservu primarjament biex jimplimentaw u jimmonitorjaw il-linjigwida u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Istati Membri u/jew l-organizzazzjonijiet sportivi f’oqsma bħall-governanza tajba, il-karrieri doppji u l-livelli ta’ parteċipazzjoni fl-isports u l-attività fiżika.

BAġIT U IMPLIMENTAZZJONI

L-evalwazzjonijiet tal-programmi attwali jisħqu li l-aktar mod effettiv u effiċjenti biex jiġu prodotti r-riżultati huwa permezz tas-sistema tal-Aġenziji Nazzjonali u tal-UE. Il-verifiki finanzjarji tal-aġenziji u l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri juru li kien hemm rati ta’ żbalji baxxi ferm il-prassi tal-ġestjoni (taħt it-2 %). Il-Programm għalhekk se jibni fuq is-sistema tal-qalba eżistenti filwaqt li jsaħħaħ il- mekkaniżmi tat-twassil biex ibaxxi l-ispejjeż amministrattivi u tal-ġestjoni .

Baġit

It- Tabella 1 u l- graff 1 juru s-sehem propost ta’ finanzjament fost l-azzjonijiet ewlenin. Abbażi tal-esperjenza u fid-dawl tal-enfasi mtejba tal-mobbiltà, madwar żewġ terzi tal-baġit se jkunu allokati għall-mobbiltà tat-tagħlim. Filwaqt li l-kooperazzjoni u r-riforma politika huma kritikalment importanti f’termini tal-impatt politiku, dawn se jkollhom naturalment implikazzjonijiet baġitarji iktar limitati minħabba n-natura tal-attivitajiet. Għall-komponent internazzjonali tiegħu, il-Programm huwa konformi mal-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE. Il-flessibbiltà se tinbena fl-allokazzjoni annwali tal-baġit sabiex twieġeb għal avvenimenti fil-kuntest internazzjonali.

TABELLA 1: ALLOKAZZJONI INDIKATTIVA TAL-BAĠIT SKONT IT-TIP TA’ AZZJONI GĦALL-EDUKAZZJONI, IT-TAĦRIĠ U Ż-ŻGĦAŻAGĦ (minbarra Jean Monnet, l-isport u l-infiq amministrattiv)

Azzjonijiet Ewlenin u attivitajiet | Madwar % tat-total | Fokus tal-attivitajiet |

Azzjoni Ewlenija 1: Mobbiltà ta’ tagħlim tal-individwi | 66% | Persunal, edukazzjoni għolja u studenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, lawrji konġunti tal-Masters, il-Master tal-Erasmus (faċilità ta’ garanzija għas-self lill-istudenti), żgħażagħ |

Azzjoni Ewlenija 2: Kooperazzjoni għall-innovazzjoni u prattiki tajbin | 26% | Sħubiji strateġiċi, alleanzi tal-għarfien, alleanzi tal-ħiliet settorjali u pjattaformi tal-IT |

Azzjoni Ewlenija 3: Appoġġ għar-riforma politika | 5% | Appoġġ għal Ewropa 2020 governanza u l-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni |

Għotjiet operattivi lill-Aġenziji Nazzjonali | 3% |

GRAFF 1: ALLOKAZZJONI TAL-BAĠIT SKONT IT-TIP TA’ AZZJONI GĦALL-PROGRAMM

[pic]

Filwaqt li l-arkitettura tiegħu se tiġi organizzata skont it-tliet azzjonijiet ewlenin, l-aċċess għall-Programm se jkun miftuħ għas-setturi ewlenin li bħalissa jibbenefikaw mill-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni. It- Tabella 2 u l- graff 2 juru simulazzjoni tad-distribuzzjoni possibbli tal-finanzjament skont is-settur , abbażi tal-prijoritajiet u l-attivitajiet speċifiċi stipulati hawn fuq, kif imqabbel mas-sitwazzjoni fl-2007-2013. Huwa importanti li wieħed jinnota, madankollu, li ċ-ċifri għandhom jittieħdu bħala stimi tentattivi. Fl-andament tal-implimentazzjoni tal-Programm, se jkun possibbli li jiġi identifikat u jsiru rapporti dwar l-użu tal-baġit mis-setturi ewlenin tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ[11]. Is-simulazzjoni turi li l-baġit propost għall-Programm jippermetti lis-setturi edukattivi differenti kollha u lis-setturi tat-tagħlim mhux formali taż-żgħażagħ biex iżidu l-livelli ta’ finanzjament.

TABELLA 2: LIVELLI POSSIBBLI TA' FINANZJAMENT SKONT IS-SETTUR 2014-2020, IMQABBLA MAL-PROGRAMMI 2007-2013 (EUR Miljun, UE-27)

Erasmus għal Kulħadd | Programmi 2007-2013 | Sena medja 2014-2020 | % Żieda | Konċentrazzjoni |

Edukazzjoni Għolja ta’ Erasmus | 585 | 1100 – 1150 | 85 %-95 % | Studenti, persunal, programmi konġunti, masters, sħubiji strateġiċi, alleanzi tal-għarfien |

Edukazzjoni Għolja tal-Erasmus – Dimensjoni Internazzjonali (intestatura 4 finanzjament) | 220** | 259 | 17% | Studenti, persunal, bini tal-kapaċità partikolarment f'pajjiżi ġirien |

Taħriġ Erasmus (VET u tagħlim tal-adulti) | 330 li minnhom 60 għat-tagħlim tal-adulti | 500 - 540 li minnhom madwar 110 għat-tagħlim tal-adulti | 50 % — 60 % b’kollox, madwar 80 % għat-tagħlim tal-adulti | Studenti, persunal, sħubiji strateġiċi, alleanzi tal-ħiliet settorjali, pjattaformi tal-IT |

Skejjel Erasmus | 180 | 250 – 275 | 40 % -55 % | Persunal, sħubiji strateġiċi, pjattaformi tal-IT |

Erasmus Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ | 150 | 190 – 210 | 25 % — 40 % | Żgħażagħ, persunal, sħubiji strateġiċi, pjattaformi tal-IT |

Għotja operattiva (NAs) | 55 | 63 | 15 % |

Appoġġ politiku | 75 | 92 | 20 % |

Jean Monnet | 30 | 45 | 50 % |

Sport | NA | 34 | NA |

* Jirraggruppa l-attivitajiet iffinanzjati fl-2010 li jkopru l-UE27 indiċjat 2017. ** Din hija stima indikattiva tal-livell ta’ finanzjament allokat għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-Edukazzjoni Għolja. |

GRAFF 2: EVOLUZZJONI POSSIBBLI TAL-FINANZJAMENT ANNWALI 2014-2020 MQABBLA MAL-2007-2013

[pic]

Għadd ta’ prijoritajiet u attivitajiet politiċi separati se jiġu ssimplifikati fit-tliet tipi ta’ azzjonijiet ewlenin. Il-multilingwiżmu se jiġi appoġġat permezz tal-mobbiltà tal-istudenti u l-għalliema tal-lingwi, il-kooperazzjoni biex jiġu żviluppati għodod innovattivi u l-metodi għall-edukazzjoni tal-lingwi u appoġġ politiku għar-riforma tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika fis-sistemi tal-edukazzjoni.

Għadd ta’ attivitajiet se jiġu ssimplifikati, prijoritajiet immirati aħjar, b’attivitajiet ġodda biex jirriflettu l-isfidi l-ġodda (eż. żieda sinifikanti fil-mobbiltà tal-persunal biex jappoġġa l-kwalità fl-edukazzjoni vokazzjoni u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ). L-iskejjel se jiġu mħeġġa jieħdu sehem fi sħubijiet transnazzjonali u ftehimiet ta’ kooeprazzjoni ma’ skejjel oħrajn f’pajjiżi oħra tal-UE, sabiex itejbu l-impatt tal-appoġġ tal-UE u jippromwovu s-sinerġiji bejn il-forom differeni tal-kooperazzjoni, bħall-mobbiltà virtwali, il-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal u l-proġetti pedagoġiċi.

Bil-maqlub ta' dan, xi attivitajiet se jitnaqqsu jew jitwaqqfu minħabba l-impatt sistemiku iktar limitat tagħhom, l-ammont eċċessiv ta' flus involut, jew l-eżistenza ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġa attivitajiet simili. Dawn jinkludu żjajjar ta’ studju, żjajjar preparatorji u workshops għall-adulti; il-programmi intensivi Erasmus (li għandhom jiġu inkorporati f’attivitajiet iktar wiesa' mmirati lejn il-kooperazzjoni intensa fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja); it-tkomplija tat-taħriġ tal-adulti fis-suq tax-xogħol (minn finanzjament ieħor tal-UE partikolarment il-Fond Soċjali Ewropew).

Allokazzjoni minima ta’ fondi għal kull settur : L-implimentazzjoni tal-programm se taħseb għal allokazzjonijiet adegwati għal kull wieħed mill-ħames setturi wiesgħa ewlenin sabiex tevita li l-finanzjament allokat lill-kategoriji ewlenin tal-partijiet interessati u l-benefiċjarju jitnaqqsu għal taħt il-livelli garantit mill-programmi għall-perjodu 2007-2013. L-allokazzjonijiet indikattivi korrispondenti espressi bħala persentaġġ tal-baġit totali (l-Intestatura°1) ikunu: 25 % għall-edukazzjoni għolja; 17 % għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tal-adulti (li minnhom 2 % għat-tagħlim tal-adulti); 7 % għall-iskejjel; u 7 % għaż-żgħażagħ . Dawn l-allokazzjonijiet ittieħdu mis-sitwazzjoni attwali biex tiġi żgurata l-kontinwità fil-garanzija minima mogħtija lis-setturi ewlenin tal-edukazjzoni. Dawn il-minima jħallu marġni konsiderevoli, li minnu aktarx jibbenefikaw is-setturi kollha. Bħala eżempju, fil-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, is-setturi kollha tal-edukazzjoni jassorbu iktar fondi mill-ammont garantit minimu tagħhom.

Implimentazzjoni

Il-Programm u d-dispożizzjonijiet ta’ ġestjoni tiegħu partikolarment se jenfasizzaw is-simplifikar u allokazzjoni abbażi tar-rendiment tal-fondi. Fl-istess waqt, l-implimentazzjoni se tqis il-ħtieġa għall-flessibbiltà u d-differenzjazzjoni biex tagħmel tajjeb għall-isforzi tas-simplifikazzjoni.

Biex jissimplifika u jagħmel iktar effiċjenti, il-Programm se jnaqqas l-għadd ta’ attivitajiet appoġġati fil-programmi 2007-2013 minn 75 sa 11 [12] (erba’ attivitajiet ta’ mobbiltà, erba’ attivitajiet ta' kooperazzjoni, tliet attivitajiet ta' appoġġ politiku). Se juża għotjiet b’rata iktar fissa biex iżid l-effiċjenza. Xi eżempji ta’ suċċess, bħall-għotjiet b’rata fissa għall-mobbiltà tal-istudenti ta’ Erasmus, se jintużaw b’mod wiesa’ għall-azzjonijiet ta’ mobbiltà. Billi l-Aġenziji Nazzjonali mhux se jkunu qed imexxu l-applikazzjonijiet individwali għall-mobbilità, ix-xogħol amministrattiv se jitnaqqas.

It-tnaqqis b'85 % fl-għadd ta' attivitajiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni preżenti se jippermetti rebħ stmat ta' 30 % tas-sistema permezz tas-simplifikar tal-arkitettura tal-programm u jiffoka fuq l-impatt sistemiku. Ir-rebħ jiġi mit-tnaqqis tal-kumplessità inerenti ta' programm ibbażat fuq ħafna inqas għanijiet, il-konċentrazzjoni fuq l-azzjonijiet ewlenin, is-simplifikar tal-attivitajiet orizzontali u d-diskontinwazzjoni ta’ azzjonijiet duplikati, mhux daqshekk effiċjenti jew żgħar wisq.

Rebħ ieħor ta’ 10 % tal-produttività jista’ jkun mistenni mill-adozzjoni ta’ għodod komuni wara l-integrazzjoni tal-programmi u t-twaqqif ta’ Aġenzija Nazzjonali waħda ta’ koordinazzjoni għal kull pajjiż. Ir-rebħ jiġi mill-komunalità tal-ispejjeż ġenerali u l-ekonomiji tal-iskala marbuta miegħu: sistema waħda tal-IT biex tmexxi l-fondi fdati lill-Aġenziji Nazzjonali, ġabra waħda ta' regoli, għadd imnaqqas ta' tranżazzjonijiet finanzjarji, eċċ. Diġà, l-ispejjeż amministrattivi tal-Aġenziji huma ħafna inqas għall-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja milli għall-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni li huwa iżgħar minnu (4,5 % flok 8 %).

Għalhekk, il-mira se tkun li tintlaħaq żieda fil-produttività ta ’ 40 % bl-effett kumulattiv tas-simplifikazzjoni . Kollox ma’ kollox, l-effett ikkombinat iżid l-ammont għal kull persuna (ekwivalenti għall-full time) minn EUR 6 għal EUR 10 miljuni.

Il-kontrolli se jkunu bbażati fuq il-prinċipju tal-verifika waħda. Kull Stat Membru, permezz tal-awtorità nazzjonali maħtura, se jimmonitorja u jissorvelja fil-livell nazzjonali l-attivitajiet marbuta mal-programm; l-Aġenzija Nazzjonali se tkun responsabbli biex tikkontrolla l-benefiċjarji tal-programm u l-Kummissjoni, biex tevita d-duplikazzjoni, se tissorvelja u tikkoordina s-sistema ta’ kontroll u tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi. Il-kontrolli se jkunu fil-biċċa l-kbira bbażati fuq ir-riskju. Dawn il-miżuri diġà bdew jiġu implimentati fil-programmi attwali.

L-arkitettura ssimplifikata u effiċjenti li tirriżulta se tkun tista’ tintuża faċilment bi spejjeż marġinali baxxi u żieda fil-baġit ta’ 70 % kif propost mill-Komunikazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-Kummissjoni, jistgħu jkunu akkomodati bil-livell attwali tar-riżorsi .

Il- Masters Erasmus (skema ta ’ garanzija tas-self għall-istudenti tal-masters) , mhux se jingħata b’fiduċjarju, b’mandat biex jimplimentah fuq il-bażi ta’ ftehimiet fiduċjarji li jistipulaw ir-regoli u r-rekwiżiti dettaljati li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju kif ukoll l-obbligi rispettivi tal-partijiet.

Id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni se jagħtu spinta lill-allokazzjonijiet tal-fondi bbażati fuq ir-rendiment u l-valur miżjud tal-UE fuq il-bażi ta' kriterji kwalitattivi u, kulfejn possibbli, kriterji kwantitattivi. Għall-azzjoni ewlenija 1 (mobbiltà), 25 % tal-fondi allokati lill-Aġenziji Nazzjonali se jkunu distribwiti fuq il-bażi ta’ prinċipji kwantifikabbli bħall-implimentazzjoni tal-baġit, l-għadd ta’ individwi li jiċċaqilqu u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma tal-Aġenziji Nazzjonali. Dan huwa l-istess sehem bħall-allokazzjoni bbażata fuq ir-rendiment li diġà huwa applikabbli f’Erasmus. Il-proposta għandha tibni fuq dik l-esperjenza. Il-baġit li jibqa’ se jiġi allokat lill-Aġenziji Nazzjonali essenzjalment fuq il-bażi tad-daqs tal-popolazzjoni. Il-kriterji kwalitattivi biex jiżdied il-valur miżjud tal-UE se japplika partikolarment għall-azzjonijiet ewlenin 2 (kooperazzjoni) u 3 (riforma politika), bħal-livell ta' impenn istituzzjonali u tar-riżorsi tal-partijiet interessati li jidħlu fi sħubijia, jew ir-rabta bejn l-attivitajiet tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-isfidi kif identifikati fil-governanza ta’ Ewropa 2020.

Filwaqt li tiżgura l-istabbiltà tal-livelli tal-finanzjament, u b’hekk tevita approċċ ‘stop-and-go’, l-allokazzjoni tal-baġit għad-dimensjoni internazzjonali tal-Programm se ssegwi l-iżvilupp ġeografiku u l-prijoritajiet politiċi stabbiliti għall-azzjoni esterna tal-UE. Se jitwaqqfu sistemi tal-ippjanar u r-rappurtar biex jiżguraw u jintraċċaw il-flussi tal-mobbiltà lejn u mir-reġjuni differenti barra mill-UE.

Fit-twaqqif ta’ din il-Komunikazzjoni u l-proposta għall-Programm il-ġdid, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod wiesa’: ma’ kapijiet tal-istituzzjonijiet edukattivi, għalliema, riċerkaturi u studenti, ma’ negozji u imsieħba soċjali, ma’ gvernijiet u korpi internazzjonali, kif ukoll mal-partijiet interessati attivi fil-qasam taż-żgħażagħ.

ERASMUS GħAL KULħADD: NINVESTU FIL-FUTUR TAGħNA

L-UE qed taffaċċja wieħed mill-iktar żminijiet diffiċli mindu twaqqfet. Ma jistax ikun hemm soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi mingħajr impenn manifest biex jinkisbu l-eċċellenza u l-ekwità permezz tal-edukazzjoni, il-promozzjoni tal-mobbiltà u t-tiswir ta’ identità Ewropea bbażata fuq il-multikulturaliżmu u d-diversità li jikkaratterizzaw il-mudell Ewropew.

L-unika mod kif nistgħu nimxu 'l quddiem huwa li ninvestu fin-nies tal-Ewropa. Il-Programm il-ġdid Erasmus għal Kulħadd jimmira li jagħti l-opportunità lil miljuni ta’ persuni madwar l-Ewropa u wkoll madwar id-dinja, biex jibbenefikaw minn esperjenza internazzjonali unika. Permezz tal-integrazzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, il-Programm se joħloq struttura ssimplifikata biex iktar nies ikunu jistgħu jibbenefikaw u jżidu l-firxa u l-impatt tiegħu. Huwa u jikkapitalizza minn waħda mill-aħjar suċċessi tal-Ewropa, il-programm Erasmus, il-programm il-ġdid “Erasmus għal Kulħadd” se jippromwovi l-mobbiltà internazzjonali billi jwassal l-Erasmus lill-iskejjel, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-lawrji fil-livell tal-masters u l-oqsma speċifiċi taż-żgħażagħ bħall-volontarjat.

Ir-rwol ċentrali tal-UE bħala katalista biex tiġġenera d-dinamiżmu ekonomiku u l-istabbiltà politika jista’ jiġi żgurat biss jekk l-atturi privati, pubbliċi, nazzjonali u internazzjonali jistqarru biċ-ċar l-impenn tagħhom li jibnu l-futur abbażi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

[1] Netwerk Ewropew ta’ Esperti dwar l-Ekonomija tal-Edukazzjoni (EENEE), nota politika, Settembru 2011.

[2] Rapport tal-Presidenza Pollakka dwar is-sorsi tat-tkabbir fl-Ewropa, intitolat “ Lejn konsensus Ewropew dwar it-tkabbir”, Ottubru 2011.

[3] COM(2011) 567 tal-20.9.2011.

[4] Erasmus, Comenius, Leonardo, Grundtvig, il-programm Transversal, Jean Monnet.

[5] Il-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja (li jinkludi Erasmus, Comenius, Leonardo, Grundtvig), Erasmus Mundus Tempus, programmi ta’ kooperazzjoni bilaterjali ma’ pajjiżi industrijalizzati, Edulink, Alfa u Żgħażagħ fl-Azzjoni kif ukoll l-azzjonijiet preparatorji tal-Isport 2009-2011.

[6] Il-Programm li l-isem ifakkar is-sejbiet importanti tar-rebbieħa tal-Premju Nobel: Marie Sklodowska Curie

[7] Il-programmi u l-iskemi Orizzont 2020, inkluż l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), u l-Alleanzi tal-Għarfien taħt Erasmus għal Kulħadd, għandhom għan komuni: iżidu l-kapaċità tal-Ewropa għall-innovazzjoni. Madankollu, jikkontribwixxu biex jindirizzaw id-distakk tal-Ewropa fl-innovazzjoni b’mod komplementarju: Orizzont 2020 billi jippromwovi rabtiet iktar b’saħħithom bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni (mingħajr ma jkopri l-attivitajiet tal-edukazzjoni); l-EIT permezz tal-integrazzjoni sħiħa tal-hekk imsejjaħ Trianglu tal-Għarfien (ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni); u l-Alleanzi tal-Għarfien permezz ta' kooperazzjoni mtejba bejn l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.

[8] EQF: European Qualifications Framework (Qafas Ewropew tal-Kwalifiki); ECTS: European Credit Transfer and Accumulation System (Sistema Ewropea tat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni tal-Krediti); ECVET: European Credit System for Vocational Education and Training (Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ

[9] Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18.12.2006 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.

[10] Se jingħata appoġġ bis-sħiħ f’konformità mal-Azzjoni 68 tal-Aġenda Diġitali li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex it-tagħlim fuq il-kompjuter jiġi integrat fil-politiki nazzjonali għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

[11] Is-sitwazzjonijiet attwali u futuri tal-baġit ma jistgħux jitqabblu kompletament u direttament. L-istimi huma bbażati fuq it-tipi ewlenin tal-azzjonijiet appoġġati fil-programmi 2007-2013 u 2014-2020. Xi nfiq li bħalissa jgħodd bħala parti minn baġit ta’ settur huwa eskluż, billi dan ikun komuni (eż. għotjiet operattivi lill-Aġenziji Nazzjonali u attivitajiet ta’ appoġġ politiku). Xi allokazzjoni abbażi tar-rendiment ma tistax tiġi stmata bi preċiżjoni bil-quddiem.

[12] Minbarra l-Inizjattiva Jean Monnet u l-Isport.

Top