EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AP0414

Statistika Komunitarja dwar il-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Settembru 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (COM(2007)0653 — C6-0395/2007 — 2007/0233(COD))
P6_TC1-COD(2007)0233 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit- 23 ta' Settembru 2008 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95

ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 110–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 8/110


It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
Statistika Komunitarja dwar il-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri ***I

P6_TA(2008)0414

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (COM(2007)0653 — C6-0395/2007 — 2007/0233(COD))

2010/C 8 E/21

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2007)0653,

wara li kkunsidra l-Artikoli 251(2) u 285(1) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0395/2007),

wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0267/2008),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
P6_TC1-COD(2007)0233

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' Settembru 2008 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

It-tagħrif dwar l-istatistika tal-flussi kummerċjali tal-Istati Membri ma' pajjiżi mhux membri huwa ta' importanza essenzjali għal-linji politiċi ekonomiċi u kummerċjali tal-Komunità u għall-analiżi tal-iżvilupp tas-suq għall-komoditajiet individwali. It-trasparenza tas-sistema statistika għandha titjieb biex din tkun tista' tirreaġixxi għall-ambjent amministrattiv li qed jinbidel, u biex tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda tal-utenti. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 tat-22 ta' Mejju 1995 dwar l-istatistika relatata mal-kummerċ ta' merkanzija mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha ma' pajjiżi mhux membri (3) għandu għalhekk jinbidel b'Regolament ġdid skond ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 285(2) tat-Trattat.

(2)

L-istatistika tal-kummerċ estern hija msejsa fuq data miksuba mid-dikjarazzjonijiet doganali kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (4), minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-'Kodiċi Doganali'. Il-progress fl-integrazzjoni Ewropea u l-bidliet li jirriżultaw minn dan fl-iżdoganar, inklużi l-awtorizzazzjonijiet uniċi għall-użu tad-dikjarazzjoni ssimplifikata jew tal-proċedura lokali ta' żdoganar, kif ukoll l-iżdoganar ċentralizzat, li għandu joħroġ mill-proċess kurrenti tal-aġġornament tal-Kodiċi Doganali, jirrendu meħtieġa l-aġġustament tal-mod kif l-istatistika tal-kummerċ estern tinġabar, il-kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-kunċett tal-Istat Membru li qed jimporta jew li qed jesporta, u d-definizzjoni b'aktar preċiżjoni tal-għajn ta' data għall-ġbir tal-istatistika Komunitarja.

(3)

Biex jiġi rreġistrat il-fluss fiżiku kummerċjali tal-merkanzija bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux membri u biex ikun żgurat li d-data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet huwa disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat, l-arranġamenti bejn l-awtoritajiet Doganali u tal-istatistika huma meħtieġa u jridu jkunu speċifikati. Dan jinkludi regoli dwar l-iskambju tad-data bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

(4)

Għall-allokazzjoni tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-UE lil Stat Membru partikolari hija meħtieġa l-kompilazzjoni ta' data dwar “l-Istat Membru tad-destinazzjoni finali”, għall-importazzjonijiet, u “l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali” għall-esportazzjonijiet. Fit-terminu l-medju, dawk l-Istati Membri għandhom isiru l-Istat Membru ta' importazzjoni u esportazzjoni għall-għanijiet ta' statistika għall-kummerċ estern.

(5)

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament il-komoditajiet għall-għanijiet tal-kummerċ estern għandhom jiġu kklassifikati skond “in-Nomenklatura Magħquda” stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tariffarja u tal-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni Doganali (5), minn issa 'l quddiem imsejħa “n-Nomeklatura Magħquda”.

(6)

Biex tintlaħaq il-ħtieġa tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni għat-tagħrif dwar is-sehem tal-euro fil-kummerċ merkantili internazzjonali, il-valuta tal-fatturazzjoni tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet għandha tiġi rrappurtata f'livell aggregat.

(7)

Għall-għanijiet tan-negozjati kummerċjali u tal-ġestjoni tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tingħata tagħrif dettaljat dwar it-trattament tat-tariffi tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea, inkluż tagħrif dwar il-kwoti.

(8)

L-istatistika tal-kummerċ estern tipprovdi data għall-kompilazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti u l-kontijiet nazzjonali. Il-karatterisitiċi li jagħmlu possibbli l-adattazzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-Bilanċ tal-Pagamenti għandhom isiru parti mis-sett tad-data mandatorju u standard.

(9)

L-istatistika ta' Stati Membri rigward imħażen tad-dwana u zoni ħielsa mhijiex suġġetta għal dispożizzjonijiet ta' armonizzazzjoni. Madankollu, tibqa' l-fakultà li ssir kompilazzjoni ta' din l-istatistika għal skopijiet nazzjonali.

(10)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Eurostat b'data annwali aggregata dwar il-kummerċ imqassma mill-karatteristiċi tal-kummerċ, li tintuża, fost użu ieħor, biex tiffaċilita l-analiżi ta' kif il-kumpaniji Ewropej joperaw fil-kuntest tal-globalizzazzjoni. Ir-rabta bejn l-istatistika kummerċjali u l-istatistika dwar in-negozju qed tiġi stabbilita bl-inkorporazzjoni ta' data dwar l-importatur u l-esportatur disponibbli fuq id-dikjarazzjoni doganali ma' data mitluba mir- Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għal reġistri tan-negozju għal ragunijiet ta' statistika (6) , minn issa 'l quddiem imsejħa 'leġiżlazzjoni tar-Reġistru tan-Negozju'.

(11)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-istatistika Komunitarja (7) jipprovdi qafas ta' riferiment għad-dispożizzjonijiet stabbiliti b'dan ir-Regolament. Madankollu, livell ta' tagħrif f'ħafna dettall dwar il-kummerċ fil-merkanzija jitlob regoli ta' kunfidenzjalità jekk din l-istatistika għandha tkun rilevanti.

(12)

It-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità tal-istatistika hija mmexxija mir-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità tal-istatistika lill-Uffiċċju għall-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (8). Miżuri meħuda skond dawk ir-Regolamenti jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta' data kunfidenzjali u li ma jsir l-ebda żvelar illegali jew użu mhux għal raġunijiet ta' statistika meta tinħadem u tinxtered l-istatistika Komunitarja.

(13)

Fil-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Komunitarja skond dan ir-Regolament, l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u Komunitarji għandhom iqisu l-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta' Prassi Ewropew għall-Istatistika, li ġie adottat mill-Kumitat tal-Programm Statistiku fl-24 ta' Frar 2005 u mehmuż mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2005, dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u Komunitarji.

(14)

Għandhom jiġu fformulati dispożizzjonijiet speċifiċi sakemm il-bidliet fil-leġiżlazzjoni doganali ma jagħtux data addizzjonali dwar id-dikjarazzjoni doganali u sakemm l-iskambju elettroniku tad-data doganali huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(15)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membri u jista' jintlaħaq aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' taddotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan.

(16)

Il-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 (9) li jistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

(17)

B'mod partikolari l-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa biex tadatta l-lista ta' proċeduri doganali jew ta' trattamenti jew ta' użu doganali approvati li jiddeterminaw esportazzjoni jew importazzjoni għall-istatistika tal-kummerċ estern, biex tadotta regoli differenti jew speċifiċi għall-merkanzija jew movimenti li, għal raġunijiet metodoloġiċi, jitolbu dispożizzjonijiet speċifiċi, biex tadatta l-lista ta' merkanzija u movimenti esklużi minn statistika ta' negozju estern, biex tispeċifika sorsi oħra ta' data minbarra d-dikjarazzjonijiet tad-dwana għal rekords ta' importazzjoni u esportazzjoni ta' merkanzija u movimenti speċifiċi, biex tispeċifika d-data tal-istatistika, inklużi l-kodiċi li għandhom jintużaw, biex tistabbilixxi l-kriterji għal data li tirrigwarda merkanzija jew movimenti speċifiċi, biex tispeċifika l-kriterji għall-kompilazzjoni ta' statistika, biex tispeċifika l-karatteristiċi ta' kampjuni, biex tistabbilixxi l-perjodu għar-rappurtar u l-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, komoditajiet u valuta, kif ukoll biex tistabbilixxi l-iskadenza biex jiġu trażmessi l-kundizzjonijiet tal-istatistika, tal-kontenut, tal-ambitu u tar-reviżjoni għal statistika diġà trażmessa u biex tistabbilixxi l-iskadenza biex tiġi trażmessa statistika li tagħti ċertu dettall fir-rigward tal-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju tal-istatistika dwar u l-kummerċ imqassma bil-valuta tal-fatturazzjoni ▐. Minħabba li dawn il-miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament inter alia billi jissupplimentawh b' elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju skond l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

║ Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi struttura komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statisitika Komunitarja rigward il-kummerċ tal-merkanzija ma' pajjiżi mhux membri (statistika tal-kummerċ estern).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

“merkanzija” tfisser kull proprjetà mobbli, li tinkludi l-elettriku;

b)

“territorju statistiku tal-Komunità” jfisser it-territorju doganali tal-Komunità kif definit fil-Kodiċi Doganali biż-żieda tal-gżira ta' Helgoland fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

c)

“awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika”jfissru l-istituti nazzjonali tal-istatistika u korpi oħra responsabbli f'kull Stat Membru biex jipproduċu statistika Komunitarja dwar il-kummerċ estern;

d)

l-awtoritajiet doganali” jfissru “l-awtoritajiet doganali” kif definit fil-Kodiċi Doganali;

e)

“dikjarazzjoni doganali” tifsser “dikjarazzjoni doganali” kif definita fil-Kodiċi Doganali;

f)

“deċiżjoni mid-Dwana” tfisser kull att uffiċjali mill-awtorità Doganali relatat ma' dikjarazzjonijiet doganali aċċettati u li għandhom effett legali fuq persuna waħda jew aktar.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   L-istatistika tal-kummerċ estern għandha tirreġistra l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija.

Esportazzjoni għandha tiġi rreġistrata minn Stat Membru meta l-merkanzija titlaq mit-territorju statistiku tal-Komunità skond waħda mill-proċeduri doganali li ġejjin jew skond trattament jew użu approvat mid-dwana, stipulati fil-Kodiċi Doganali:

a)

esportazzjoni;

b)

proċessar tal-ħruġ;

c)

esportazzjoni mill-ġdid li ssegwi jew proċessar tad-dħul jew proċessar taħt il-kontroll doganali.

Importazzjoni għandha tiġi rreġistrata minn Stat Membru meta l-merkanzija tidħol fit-territorju statistiku tal-Komunità skond waħda mill-proċeduri doganali li ġejjin stipulati fil-Kodiċi Doganali:

d)

ħelsien għal ċirkolazzjoni libera;

e)

proċessar tad-dħul;

f)

proċessar taħt kontroll doganali.

2.    Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament rigward l-adozzjoni ta' lista tal-proċeduri doganali jew tat-trattament approvat mid-dwana jew l-użu msemmija fil-paragrafu 1▐ biex jitqiesu l-bidliet fil-Kodiċi Doganali jew id-dispożizzjonijiet ġejjin minn konvenzjonijiet internazzjonali ▐, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.    Għal raġunijiet ta' metodoloġija, ċerta merkanzija jew ċerti movimenti jitolbu dispożizzjonijiet speċifiċi (“merkanzija jew movimenti speċifiċi”). Dan jirrigwarda impjanti industrijali, bastimenti u ajruplani, prodotti tal-baħar, merkanzija mwassla lill-bastimenti u lill-ajruplani, kunsinni maqsuma, merkanzija tal-militar, merkanzija għal stallazzjonijiet offshore jew merkanzija li tiġi minnhom, vetturi spazjali, prodotti tal-elettriku u tal-gass u tal-iskart.

Il- miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir- Regolament , inter alia billi jissupplimentawh u li jirrigwardaw merkanzija u movimenti speċifiċi u dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi li japplikaw għalihom, għandhom jiġu adottatati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

4.    Għal raġunijiet ta' metodoloġija, ċertu merkanzija jew movimenti għandhom jiġu esklużi mill-istatistika tal-kummerċ Dan jirrigwarda deheb monetarju u mezzi ta' ħlas li huma valuta legali, merkanzija għal użu diplomatiku jew użu simili, movimenti ta' merkanzija bejn l-Istat Membru li qed jimporta u ieħor li qed jesporta u l-forzi armati nazzjonali tagħhom stazzjonati barra l-pajjiż, kif ukoll ċerta merkanzija akkwistata u utilizzata minn forzi armati barranin, merkanzija partikulari li mhijiex suġġett ta' tranżazzjoni kummerċjali, il-moviment ta' pjattaformi ta' missili qabel ma tintbagħat missila, merkanzija mibgħuta għat-tiswija u għal wara t–tiswija, merkanzija għal użu temporanju jew wara użu temporanju, merkanzija użata għat-trasport ta' informazzjoni personalizzata u informazzjoni ddawnlowdjata, merkanzija b'dikjarazzjoni orali lill-awtoritajiet doganali li hija ta' natura kummerċjali sakemm il-valur tagħha ma jaqbiżx il-limitu statistiku ta' EUR 1 000 jew ta' 1 000 kilogramma jew ta' natura mhux kummerċjali. Il- miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir- Regolament , inter alia, billi jissupplimentawh, u li jirrigwardaw l-esklużjoni ta' merkanzija jew movimenti minn statistika ta' negozju estern, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 4

Sors tad-data

1.   Is-sors ta' data għar-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tkun id-dikjarazzjoni doganali, inklużi emendi possibbli jew bidliet fid-data statistika li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Doganali marbutin magħha.

Fejn tintuża proċedura ssimplifikata kif definita fil-Kodiċi Doganali u tingħata dikjarazzjoni supplementari, is-sors tad-data għandha tkun din id-dikjarazzjoni supplementari.

2.   Għal merkanzija jew movimenti speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(3) , jistgħu jintużaw ukoll sorsi tad-data oħrajn minbarra d-dikjarazzjoni doganali

Il- miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir- Regolament , inter alia billi jissupplimentawh, li jirrigwardaw l-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn lis-sori ta' data oħrajn, għandhom jiġu adottatati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.     L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw sorsi ta' data oħrajn għall-kompilazzjoni ta' statistika nazzjonali minbarra dawk definiti fil-paragrafi 1 u 2 sakemm jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku tad-data relevanti b'mezz elettroniku kif imsemmi fl-Artikolu 7(3). Madankollu, il-kompilazzjoni ta' statistika għal negozju estern tal-Komunità skond l-Artikolu 6 m'għandux ikun ibbażat fuq dawk is-sorsi oħrajn ta' data.

Artikolu 5

Data tal-istatistika

1.   L-Istati Membri għandhom jiksbu s-sett ta' data li ġej mir-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1).

a)

il-fluss tal-kummerċ (importazzjoni, esportazzjoni);

b)

il-perjodu referenzjali ta' kull xahar;

c)

il-valur statistiku tal-merkanzija fuq il-fruntiera nazzjonali tal-Istati Membri importaturi u esportaturi;

d)

il-kwantità espressa f'massa netta u f'unità supplementari meta indikata fuq id-dikjarazzjoni doganali;

e)

il-kummerċjant, li huwa l-importatur/id-destinatarju ta' importazzjoni u l-esportatur/il-kunsinnatur ta' esportazzjoni;

f)

l-Istati Membri importaturi jew esportaturi, jew l-Istat Membru fejn issir id-dikjarazzjoni doganali u fejn indikata fuq id-dikjarazzjoni doganali:

i)

fuq l-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni aħħarija;

ii)

fuq l-importazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali;

g)

il-pajjiżi msieħba, jiġifieri fuq l-importazzjonijiet, il-pajjiż tal-oriġini u l-pajjiż tal-kunsinna/tluq, u fuq l-esportazzjoni, il-pajjiż ta' destinazzjoni;

h)

il-komodità skond in-Nomenklatura Magħquda li hija:

i)

fuq l-importazzjoni, il-kodiċi tal-merkanzija tas-sottointestatura Taric;

ii)

fuq l-esportazzjoni, il-kodiċi tal-merkanzija tas-sottointestatura tan-Nomenklatura Magħquda;

i)

il-kodiċi tal-proċedura doganali li għandhom jintużaw għad-derivazzjoni tal-proċedura tal-istatistika;

j)

in-natura tat-tranżazzjoni fejn ikun indikat fuq id-dikjarazzjoni doganali;

k)

jekk mogħti, it-trattament tariffarju fuq l-importazzjoni miżmuma mill-awtorità Doganali, jew il-kodiċi preferenzjali ▐;

l)

il-valuta tal-fatturazzjoni fejn indikata fuq id-dikjarazzjoni doganali;

m)

il-metodu tat-trasport, li jagħti dettalji dwar:

i)

il-metodu ta' trasport fuq il-fruntiera;

ii)

il-metodu intern tat-trasport;

iii)

il-kontenitur.

2.    Il- miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir- Regolament billi jissupplimentawh, li jirrigwardaw aktar speċifikazzjoni ta' data li jirreferi għaliha l-paragrafu 1, inklużi l-kodiċi li għandhom jintużaw, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Fejn ma jingħatawx istruzzjonijiet oħra u bla ħsara għal-leġiżlazzjoni doganali, id-data għandha tinżamm fid-dikjarazzjoni doganali.

4.   ▐ Għal “merkanzija speċifika jew movimenti” li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(3), jistgħu jkunu meħtieġa settijiet limitati ta' data

Il- miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir- Regolament billi jissupplimentawh u li jirrigwardaw dawn is-settijiet limitati ta' data, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 6

Kompilazzjoni ta' statistika tal-kummerċ estern

1.   L-Istati Membri għandhom jiġbru l-istatisika għall-kull perjodu referenzjali ta' kull xahar, dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' merkanzija espressa f'valur u kwantità skond:

a)

il-merkanzija;

b)

l-Istati Membri li qed jimportaw/jesportaw;

c)

il-pajjiżi msieħba;

d)

il-proċedura statistika;

e)

in-natura tat-tranżazzjoni;

f)

it-trattament tat-tariffi, fuq l-importazzjoni;

g)

il-metodu tat-trasport.

Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għall-kompilazzjoni tal-istatistika jistgħu jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 11(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jiġbru l-istatistika annwali dwar il-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju jiġifieri l-attività ekonomika li twettaq l-intrapriża skond is-sezzjoni jew il-livell ta' 2 diġits tal-klassifika komuni tal-istatistika dwar attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE) u d-daqs tal-klassi mkejjel skond in-numru ta' impjegati .

L-istatistika għandha tinġabar permezz tar-rabta tad-data dwar il-karatteristiċi tan-negozju rreġistrata skond il-leġiżlazzjoni tar-Reġistru tan-Negozju mad-data rreġistrata skond l-Artikolu 5(1) dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Għal dan l-iskop, l-awtoritajiet Doganali nazzjonali għandhom jipprovdu n-numru ta' identifikazzjoni tal-kummerċjant rilevanti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.

Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir- Regolament billi jissupplimentawh , u li jirrigwardaw r-rabta ta' din id-data ma' din l-istatistika li trid tinġabar, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Kull sentejn l-Istati Membri għandhom jiġbru l-istatistika dwar il-kummerċ li tinqasam permezz tal-valuta tal-fatturazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiġbru l-istatistika billi jużaw kampjun rappreżentattiv ta' rekords dwar importazzjonijiet u esportazzjonijiet minn dikjarazzjonijiet doganali li fihom data dwar il-valuta tal-fatturazzjoni. Jekk il-valuta tal-fatturazzjoni għall-esportazzjoni mhijiex disponibbli fuq id-dikjarazzjoni doganali, għandu jsir stħarriġ biex tinġabar id-data meħtieġa.

Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan irRegolament inter alia billi jissupplimentawhom rigward il- karatteristiċi tal-kampjun, il-perjodu ta' rappurtar, ▐ u l-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, il-merkanzija u l-valuti ▐ għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

4.   Il-ġbir ta' aktar statistika mill-Istati Membri ▐ jew għal għanijiet nazzjonali tista' ssir meta d-data tkun tista' tinkiseb mid-dikjarazzjoni doganali.

5.   L-Istati Membri m'għandhomx ikunu obbligati li jiġbru u li jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika tal-kummerċ estern dwar data tal-istatistika li, bis-saħħa tal-Kodiċi Doganali jew ta' istruzzjonijiet nazzjonali, għadha mhijiex rreġistrata u lanqas ma tista' tinstab b'mod dirett minn data oħra fuq id-dikjarazzjoni doganali magħmula għand l-awtoritajiet Doganali tagħhom. It-trażmissjoni ta' din l-istatistika hija fakultattiva għall-Istati Membri. Dan jikkonċerna id-data li ġejja:

a)

l-Istat Membru tad-destinazzjoni aħħarija, fuq importazzjoni;

b)

l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali, fuq esportazzjoni;

c)

in-Natura tat-Tranżazzjoni.

Artikolu 7

Skambju ta' data

1.   Mingħajr dewmien u mhux aktar tard mix-xahar ta' wara x-xahar li fih ġew aċċettati d-dikjarazzjonijiet doganali jew li fih dawn kienu suġġetti għal deċiżjonijiet doganali li jappartjenu lilhom, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom jiksbu minn għand l-awtorità Doganali nazzjonali tagħhom ir-rekords fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni msejsa fuq id-dikjarazzjonijiet li huma magħmula jew mogħtija lil dik l-awtorità.

Ir-rekords għandu jkun fihom mill-inqas dik id-data statistika elenkata fl-Artikolu 5 li hija, skond il-Kodiċi Doganali jew skond l-istruzzjonijiet nazzjonali, disponibbli fuq id-dikjarazzjoni doganali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet li huma msejsa fuq dikjarazzjoni doganali magħmula għand l-awtorità Doganali nazzjonali tagħhom huma trażmessi mingħajr dewmien minn dik l-awtorità Doganali lill-awtorità Doganali tal-Istat Membru li huwa indikat fuq ir-rekord bħala:

a)

l-Istat Membru tad-destinazzjoni aħħarija, fuq importazzjoni

b)

l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali, fuq esportazzjoni

Fi Stat Membru, id-data li tasal għand l-awtorità nazzjonali Doganali għandha tintbagħat lill-awtorità nazzjonali tal-istatistika kif stipulat fil-paragrafu 1.

3.   Stat Membru m'għandux ikun mitlub fil-paragrafu 2 biex jittrażmetti rekords lil Stat Membru ieħor dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet sakemm l-awtoritajiet Doganali f'dawk l-Istati Membri ma jkunux bnew mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku tad-data rilevanti bil-mezzi elettroniċi.

4.   Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għad-determinazzjoni ta' trażmissjoni bħal din jistgħu jiġu ddeterminati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 11(2).

5.     Jekk l-awtorità Doganali nazzjonali ma tkunx tista' tipprovdi d-data kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) lill-awtorità nazzjonali tal-istatistika bħala riżultat ta' bosta proċeduri simplifikati skond ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 li jistabilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (10)u d-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (11), l-awtorità nazzjonali tal-istatistika ma tkunx obbligata li tipprovdi din id-data li ma tistax tinkiseb mill-awtorità Doganali nazzjonali lill-Kummissjoni (Eurostat).

Artikolu 8

It-trażmissjoni tal-istatistika tal-kummerċ estern lill-Kummissjoni (Eurostat)

1.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-istatistika msemmija fl-Artikolu 6(1) mhux aktar tard minn 40 jum wara t-tmiem ta' kull perjodu referenzjali ta' xahar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika jkun fiha tagħrif dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet kollha fil-perjodu ta' referenza partikolari, filwaqt li jagħmlu l-aġġustamenti fejn ir-rekords mhumiex disponibbli.

L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-istatistika aġġornata meta l-istatistika li diġà ġiet trażmessa hija suġġetta għar-reviżjoni.

L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-riżultati trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) kull tagħrif dwar l-istatistika li huwa kunfidenzjali.

Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir- Regolament , inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

2.    Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, ▐ billi jissupplimentawh, u li jirrigwardaw l-iskadenza għat-trażmissjoni ta' data dwar il-kummerċ skond karatteristiċi tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(2) u statistika dwar kummerċ imqassma skond il-valuta tal-fatturazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-istatistika f'forma elettronika, skond l-istandard tal-interchange. L-arranġamenti prattiċi biex jintbagħtu r-riżultati għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 9

Evalwazzjoni ta' kwalità

1.   Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, id-dimensjonijiet li ġejjin ta' evalwazzjoni ta' kwalità għandhom japplikaw għad-data li għandha tiġi trażmessa.

“ir-rilevanza” tindika l-grad ta' kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet kurrenti u potenzjali tal-utenti;

“il-preċizjoni” tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

“il-wasla fil-ħin” u 'l-puntwalità' jirreferu għad-dewmien ta' żmien bejn id-disponibilità tat-tagħrif u l-ġrajja jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

“l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

“il-kumparabilità” tirreferi għall-impatt tad-differenzi fil-kunċetti statistiċi u għodod u proċeduri tal-kejl applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;

“il-koerenza” tirreferi għall-adattabilità tad-data li tkun marbuta b'mod affidabbli b'modi differenti u għal użu varju.

2.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni (Eurostat) rapport ta' kull sena dwar il-kwalità tad-data mibgħuta.

3.   Permezz tal-applikazzjoni tad-dimensjonijiet ta' evalwazzjoni stipulati fil-paragrafu 1 lid-data koperta b'dan ir-Regolament, il-modalitajiet u l-istruttura ▐ tar-rapporti ta' kwalità għandhom jiġu ddefiniti skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 11(2).

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tad-data mibgħuta.

Artikolu 10

Tixrid ta' statistika tal-kummerċ estern

1.    Fil-livell tal-Komunità, statistika tal-kummerċ estern miġbura skond l-Artikolu 6(1) u trażmessa mill-Istati Membri għandha tinxtered mill-Kummissjoni (Eurostat) għall-inqas bis-sottointestatura tan-Nomenklatura Magħquda.

Esklussivament fuq xewqa tal-importatur jew tal-esportatur l-awtoritajiet nazzjonali ta' Stat Membru partikolari għandhom jiddeċiedu jekk tali statistika ta' dak l-Istat li tista' tagħmilha possibbli li jkun identifikat l-importatur jew l-esportatur imsemmi, għandhiex tinxtered jew għandhiex tiġi emendata b'tali mod li t-tixrid tagħha ma tippreġudikax il-kunfidenzjalità tal-istatistika.

2.    Mingħajr ħsara għat-tixrid tad-data fil-livell nazzjonali, l-istatistika dettaljata taħt is-sottointestatura Taric, il-preferenzi u l-kwoti m'għandhomx jinxterdu mill-Kummissjoni (Eurostat) jekk l-iżvelar tagħhom ikun ta' dannu għall-protezzjoni tal-interess pubbliku rigward politiki kummerċjali u agrikoli tal-Komunità.

Artikolu 11

Il-proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat dwar l-istatistika tal-kummerċ estern.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.

3.   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 12

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 1172/95 huwa mħassar b'effett mill- 1 ta' Jannar 2010.

Għandu jkompli japplika għad-data li tappartjeni għall-perjodi ta' referenza qabel l- 1 ta' Jannar 2010.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill- 1 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ║

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 70, 15.3.2008, p. 1.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008.

(3)  ĠU L 118, 25.5.1995, p. 10. ║.

(4)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. ║.

(5)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1. ║.

(6)   ĠU L 61, 5.3.2008, p. 6.

(7)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. ║.

(8)   ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. ║.

(10)   ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(11)   ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.


Top