EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2451

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2451 tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja

ST/14239/2022/INIT

ĠU L 320, 14.12.2022, p. 41–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2451/oj

14.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2451

tat-8 ta’ Diċembru 2022

dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011 tal-Kroazja jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen mhux imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dak l-Att għandhom japplikaw biss fil-Kroazja wara deċiżjoni tal-Kunsill għal dak l-għan, wara verifika, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, li l-Kroazja ssodisfat il-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis rilevanti, inkluż l-applikazzjoni effettiva tar-regoli kollha ta’ Schengen f’konformità mal-istandards komuni maqbula u mal-prinċipji fundamentali.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu (UE) 2017/733 (2), il-Kunsill, wara li vverifika li l-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-parti tal-protezzjoni tad-data tal-acquis ta’ Schengen ikkonċernata kienu ġew issodisfati mill-Kroazja, għamel id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) applikabbli għall-Kroazja mis-27 ta’ Ġunju 2017.

(3)

Twettqu evalwazzjonijiet biex jiġi vverifikat li l-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen kienu ġew issodisfati fl-oqsma l-oħra kollha li fadal tal-acquis ta’ Schengen,jiġifieri l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, il-kooperazzjoni tal-pulizija, is-SIS, ir-ritorn, il-viżi, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-armi tan-nar, fil-Kroazja, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli dak iż-żmien kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (3).

(4)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2019 dwar il-verifika tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen mill-Kroazja, il-Kummissjoni kkonkludiet li tikkunsidra li l-Kroazja ħadet il-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen kienu ssodisfati. Barra minn hekk, innutat li l-Kroazja tkun meħtieġa tkompli taħdem b’mod konsistenti fuq l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha li għaddejjin, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, biex tiżgura li dawk il-kundizzjonijiet ikomplu jiġu ssodisfati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li l-Kroazja kompliet tissodisfa l-impenji marbuta mal-acquis ta’ Schengen kif impenjat ruħha għalihom fin-negozjati ta’ adeżjoni tagħha.

(5)

Fid-9 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill ikkonkluda li l-Kroazja ssodisfat il-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen.

(6)

Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġu stabbiliti d-dati għall-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen mill-Kroazja, li minnhom jenħtieġ li jitneħħew il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni mal-Kroazja.

(7)

Ir-restrizzjonijiet dwar l-użu tas-SIS, previsti fid-Deċiżjoni (UE) 2017/733, jenħtieġ li jitneħħew sa mill-aktar data bikrija stabbilita għall-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen mill-Kroazja.

(8)

Ir-reġim simplifikat għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viża nazzjonali għal soġġorn qasir maħruġa mill-Kroazja għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorju tagħha li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, introdott bid-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li jinżamm sabiex jiġi evitat li l-ivvjaġġar isir aktar diffiċli għal ċerti kategoriji ta’ persuni. Konsegwentement, ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkomplu japplikaw għal perjodu tranżitorju limitat.

(9)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(10)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(11)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2023, għandhom jitneħħew il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-art u tal-baħar mal-Kroazja u d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen imsemmija fl-Anness għandhom japplikaw għall-Kroazja fir-relazzjonijiet tagħha mar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana,, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja malu r-Renju tal-Iżvezja, kif ukoll l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera.

2.   Fir-rigward ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-ajru, dawn għandhom jitneħħew mis-26 ta’ Marzu 2023 u d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, sa fejn jirregolaw it-tneħħija ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-ajru, għandhom japplikaw minn dik id-data.

3.   Ir-restrizzjonijiet kollha dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mill-Kroazja għandhom jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 2

Il-viżi nazzjonali għal soġġorn qasir maħruġin mill-Kroazja qabel l-1 ta’ Jannar 2023 għandhom jibqgħu validi matul il-perjodu ta’ validità tagħhom, għall-fini ta’ tranżitu mit-territorju ta’ Stati Membri oħra jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, sa fejn huma jkunu rrikonoxxew tali viżi għal soġġorn qasir għal dawk il-finijiet, f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE. Għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

V. RAKUŠAN


(1)  Opinjoni tal-10 ta’ Novembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 tal-25 ta’ April 2017 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 108, 26.4.2017, p. 31).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 23).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS

Lista tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011 li għandhom isiru applikabbli għall-Kroazja fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, kif ukoll l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera

A.

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19):

L-Artikolu 1 sa fejn jirrelata ma’ dispożizzjonijiet oħra msemmija f’dan il-punt, l-Artikolu 18, l-Artikolu 19(1), (3) u (4), l-Artikoli 20, 21 u 22, l-Artikoli 40 sa 43, u l-Artikoli 126 sa 130 sa fejn ikunu jirrelataw ma’ dispożizzjonijiet oħra msemmija f’dan il-punt;

B.

L-atti legali tal-Unjoni l-oħrajn li ġejjin, flimkien mal-atti li jimplimentawhom:

1.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 34);

2.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE tat-23 ta’ Frar 2004 li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 60, 27.2.2004, p. 55);

3.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5);

4.

L-Artikolu 4, il-punt (b), tal-Artikolu 9, il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1);

5.

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60);

6.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra, (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129), bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 6;

7.

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1), bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 3;

8.

Ir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2010 li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal soġġorn fit-tul (ĠU L 85, 31.3.2010, p. 1);

9.

Id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b’viża u dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-istabbiliment ta’ din il-lista (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 9);

10.

Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u (KE) Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1), sa fejn jikkonċerna dispożizzjonijiet oħra msemmija f’dan l-Anness;

11.

L-Artikolu 1, l-Artikolu 6(5), il-punt (a), it-Titolu III, u d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II u l-annessi tiegħu li jirreferu għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1);

12.

Ir-Regolament (UE) 2017/2225 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 1), safejn din għadha mhix applikabbli f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

13.

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20), sa fejn din tkun relatata mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u li għadha mhijiex applikabbli f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

14.

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99), sa fejn jirrigwarda s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/2226 u msemmi f’dan l-Anness;

15.

Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d- Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27), sa fejn dan jirrigwarda s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/2226 u kif imsemmi f’dan l-Anness;

16.

Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85), sa fejn dan ikun relatat mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u s- s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/2226 u kif imsemmi f’dan l-Anness;

17.

Ir-Regolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 25);

18.

Ir-Regolament (UE) 2021/1133 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 603/2013, (UE) 2016/794, (UE) 2018/1862, (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kondizzjonijiet għall-aċċess għal sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 1);

19.

Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11);

20.

Ir-Regolament (UE) 2021/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 1);

21.

Ir-Regolament (UE) 2021/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2019/817 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 15).


Top