EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1103

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1103 tas-7 ta' Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' Malta fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

C/2018/5166

ĠU L 201, 8.8.2018, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1103/oj

8.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/2


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1103

tas-7 ta' Awwissu 2018

li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' Malta fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 328(1) u 331(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1),

Wara li kkunsidrat in-notifika minn Malta bl-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-UPPE permezz tal-ittra ddatata l-14 ta' Ġunju 2018,

Billi:

(1)

Fit-3 ta' April 2017 il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja nnotifikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li xtaqu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa rigward l-istabbiliment tal-UPPE. Barra minn hekk, permezz tal-ittri ddatati d-19 ta' April 2017, l-1 ta' Ġunju 2017, id-9 ta' Ġunju 2017 u t-22 ta' Ġunju 2017 rispettivament, il-Latvja, l-Estonja, l-Awstrija u l-Italja indikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-istabbiliment ta' din il-kooperazzjoni msaħħa.

(2)

Fit-3 ta' April 2017, l-awtorizzazzjoni biex titkompla l-kooperazzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-Artikolu 329(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tqieset li ngħatat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 86(1) TFUE.

(3)

Fit-12 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-UPPE.

(4)

Fl-20 ta' Novembru 2017, ir-Regolament (UE) 2017/1939 daħal fis-seħħ. L-UPPE għandu jassumi l-kompiti tiegħu ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni f'data li trid tiġi determinata permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq proposta tal-Kap Prosekutur Ewropew ladarba jitwaqqaf l-UPPE, li ma tistax tkun aktar kmieni minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(5)

Fl-14 ta' Mejju 2018, in-Netherlands innotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-UPPE.

(6)

Fl-14 ta' Ġunju 2018, Malta nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-UPPE.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2017/1939 ma jippreskrivi l-ebda kundizzjoni partikolari ta' parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-UPPE.

(8)

F'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta' kull reat taħt il-kompetenza tiegħu li jseħħ wara d-data li fiha r-Regolament (UE) 2017/1939 jkun daħal fis-seħħ. Għar-reati msemmijin fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) 2017/1939 li għadhom ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-UPPE minn mindu daħal inizjalment fis-seħħ dan ir-Regolament, l-UPPE jenħtieġ għaldaqstant li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fir-rigward tat-territorju jew taċ-ċittadini Maltin, wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament f'Malta,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni ta' Malta fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew hija kkonfermata.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) 2017/1939 għandu jidħol fis-seħħ f'Malta fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.


Top