EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0307

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 307/2014 tal- 24 ta’ Marzu 2014 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 875/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħirrum bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina fit-Tajlandja wara rieżami interim taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

OJ L 91, 27.3.2014, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/307/oj

27.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 307/2014

tal-24 ta’ Marzu 2014

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 875/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħirrum bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina fit-Tajlandja wara rieżami interim taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni (‘l-investigazzjoni oriġinali’), il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 682/2007 (2), impona dazju definittiv ta’ antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreżervat li fil-preżent jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 2001 90 30 u ex 2005 80 00 li joriġinaw fit-Tajlandja. Il-miżuri ħadu s-sura ta’ dazju ad valorem li jvarja bejn 3,1 % u 12,9 %.

(2)

Bir-Regolament (KE) Nru 954/2008 (3), il-Kunsill emenda l-miżuri fis-seħħ fir-rigward ta’ produttur esportatur wieħed u konsegwentement ir-rata applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”, minn hemm ‘il quddiem li tvarja bejn 3,1 % u 14,3 %.

(3)

Wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (“ir-rieżami ta’ skadenza”), il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 875/2013 (4), żamm id-dazju li jvarja bejn 3,1 % u 14,3 %.

2.   Talba għal rieżami

(4)

Il-Kummissjoni Ewropea (‘il-Kummissjoni’) rċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Din it-talba ġiet ippreżentata minn River Kwai International Food Industry Co. Ltd. (‘l-applikant’), produttur esportatur mit-Tajlandja.

(5)

It-talba hija limitata fil-portata għall-investigazzjoni ta’ dumping safejn għandu x’jaqsam l-applikant.

(6)

Fit-talba tiegħu, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li, safejn hu kkonċernat id-dumping mill-applikant, iċ-ċirkostanzi li minħabba fihom ġew imposti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dewwiema.

(7)

B’mod partikolari, l-applikant saħaq li t-tibdil fiċ-ċirkustanzi jirrigwardaw tibdil fil-firxa tal-prodott li hu jikkummerċjalizza li għandhom impatt dirett fuq il-kost tal-produzzjoni tiegħu. Tqabbil tal-prezzijiet domestiċi tiegħu ma’ dawk tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni indika li l-marġni ta’ dumping deher li huwa iktar baxx mil-livell attwali tal-miżuri.

3.   Il-bidu ta’ rieżami interim parzjali

(8)

Il-Kummissjoni ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ rieżami parzjali interim limitata għall-eżaminazzjoni ta’ dumping safejn għandu x’jaqsam l-applikant. Fuq din il-bażi, hija ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5) fl-14 ta’ Frar 2013 (‘l-avviż ta’ bidu’), il-bidu ta’ rieżami interim parzjali skont l- Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

4.   Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami

(9)

L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2012 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami” jew “il-PIR”).

5.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(10)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur kif ukoll l-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni (Association Européenne des Transformateurs de Maïs Doux “AETMD”) bit-tnedija tar-rieżami interim.

(11)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika tal-bidu.

(12)

Tqiesu l-kummenti bil-miktub ippreżentati mill-AETMD, u fejn kien il-każ dawn ġew ikkunsidrati.

(13)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba fiż-żmien ta’ skadenza stipulat għal dan l-għan.

(14)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li hi qieset meħtieġ għad-determinazzjoni tad-dumping. Il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-applikant fit-Tajlandja f’Bangkok u Kanchanaburi.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(15)

Il-prodott investigat f’dan ir-rieżami huwa l-istess bħal dak iddefinit fl-investigazzjoni oriġinali u fir-rieżami tal-iskadenza, partikolarment qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba, ippreparat jew ippreżervat permezz tal-ħall jew tal-aċtu aċetiku, mhux iffriżat, li fil-preżent jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM ex 2001 90 30, u qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba, ippreparat jew ippreżervat mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċtu aċetiku, mhux iffriżat, għajr prodotti oħrajn tal-intestatura 2006, li fil-preżent jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 2005 80 00 joriġinaw fit-Tajlandja.

2.   Prodott simili

(16)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u konfermat fir-rieżami tal-iskadenza il-qamħ ħelu prodott u mibjugħ fl-Unjoni u l-qamħ ħelu prodott u mibjugħ mit-Tajlandja nstab li kellu essenzjalment l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u l-istess użi bażiċi bħala qamħ ħelu prodott fit-Tajlandja u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għalhekk huma meqjusa simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   ID-DUMPING

1.   Id-determinazzjoni tal-Valur Normali

(17)

Skont l-ewwel sentenza tal- Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet jekk il-bejgħ domestiku totali tal-applikant tal-prodott simili matul il-PIR kienx rappreżentattiv. Il-bejgħ domestiku huwa rappreżentattiv jekk il-volum tal-bejgħ domestiku totali tal-prodott simili rrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PIR.

(18)

It-total tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili nstab li kien rappreżentattiv.

(19)

Sussegwentament, il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta’ prodotti li kienu identiċi jew komparabbli direttament mat-tipi mibjugħin għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(20)

Għal kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ prodotti, il-Kummissjoni stabbiliet jekk il-bejgħ domestiku kienx biżżejjed rappreżentattiv skont l- Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott huwa rappreżentattiv, jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dan it-tip ta’ prodott lil konsumaturi indipendenti matul il-PIR jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni tat-tip ta’ prodott identiku jew komparabbli.

(21)

Il-Kummissjoni stabbiliet li, għat-tipi kollha tal-prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, il-bejgħ domestiku tal-applikant sar fi kwantitajiet rappreżentattivi.

(22)

Imbagħad, il-Kummissjoni ddefiniet il-proporzjon ta’ bejgħ bi qligħ lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta’ prodott matul il-PIR sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku attwali għall-kalkolu tal-valur normali skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(23)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta’ prodott sew jekk il-bejgħ huwa profitabbli u sew jekk mhux, jekk

il-volum ta’ bejgħ tat-tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-prezz ikkalkolat tal-produzzjoni rrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip ta’ prodott, u

il-prezz tal-bejgħ medju peżat ta’ dak it-tip ta’ prodott huwa daqs jew ogħla mill-ispiża ta’ produzzjoni għal kull unità.

(24)

L-analiżi tal-Kummissjoni tal-bejgħ domestiku wriet li aktar minn 90 % tal-bejgħ domestiku kien bi qliegħ u li l-prezz tal-bejgħ medju peżat kien ogħla mill-ispiża ta’ produzzjoni għal kull unità. Għalhekk, il-valur normali ġie kkalkulat bħala l-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-PIR.

2.   Id-determinazzjoni tal-Prezz tal-esportazzjoni

(25)

Il-bejgħ kollu mill-applikant għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni sar direttament lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni jew it-Tajlandja. Il-prezz tal-esportazzjoni għalhekk huwa stabbilit, fuq il-bażi tal-prezzijiet imħallsa jew pagabbli skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.   Paragun

(26)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(27)

Fejn ġustifikat, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l- Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(28)

L-aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-ispejjeż tal-assigurazzjoni, l-ispejjeż tal-immaniġġjar u t-tagħbija, l-ippakkjar, senseriji, spejjeż ta’ kreditu u spejjeż bankarji ġew mogħtija meta applikabbli u ġustifikati.

(29)

L-applikant talab konċessjoni skont l-Artikolu 2(10)(d) tar-Regolament bażiku għal differenza fil-valur tal-marka meta mibjugħa taħt il-marka tagħha stess fis-suq domestiku u meta mibjugħa taħt il-marka tagħha stess fis-suq tal-Unjoni. Allegatament, il-valur tal-marka tad-ditta tal-applikant stess hija ogħla fis-suq Tajlandiz milli fis-suq tal-Unjoni. Sabiex tiġi ġġustifikata t-talba tiegħu l-applikant għamel referenza għall-aġġustament li sar fl-investigazzjoni oriġinali u fir-rieżami tal-iskadenza.

(30)

Madankollu, is-sitwazzjoni tal-applikant f’dan ir-rieżami interim hija differenti mis-sitwazzjoni tal-produtturi esportaturi l-oħra li għalihom l-aġġustament kien mogħti fl-investigazzjoni oriġinali u r-rieżami tal-iskadenza. L-aġġustament li sar fl-investigazzjoni oriġinali u fir-rieżami tal-iskadenza speċifikament jirreferi għal produtturi esportaturi li l-bejgħ tagħhom fis-suq domestiku kellhom il-marka kummerċjali tagħhom filwaqt li l-bejgħ lejn l-Unjoni kellhom il-marka kummerċjali tal-bejjiegħ bl-imnut. F’dan ir-rieżami interim, il-bejgħ tal-applikant kemm fis-suq domestiku u kemm fis-suq tal-Unjoni jġorr il-marka kummerċjali tiegħu stess. Barra minn hekk, l-aġġustamenti magħmula fl-investigazzjonijiet oriġinali u r-rieżami ta’ skadenza saru għall-marġni ta’ profitt meta jiġi kostruwit il-valur normali skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Madankollu, f’dan ir-rieżami interim, il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezzijiet domestiċi attwali tal-applikant.

(31)

Dwar l-allegat nuqqas ta’ valur tal-marka kummerċjali meta jbiegħu fis-suq tal-Unjoni, l-importatur tal-prodott ikkonċernat tal-applikant li jġorr marka kummerċjali huwa speċjalizzat f’importazzjonijiet ta’ prodotti tal-ikel, speċjalment mill-Asja. L-applikant naqas milli jiċċara jew milli jipprovdi evidenza għaliex il-bejgħ lil dak l-importatur kellu jkollu valur aktar baxx mill-valur tal-marka kummerċjali fis-suq domestiku tal-applikant. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant ma weriex li l-allegata differenza tal-valur tal-marka kellha impatt fuq il-prezzijiet jew il-komparabilità tal-prezzijiet.

(32)

L-applikant afferma wkoll l-istess aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku. Madankollu, billi l-applikant ma weriex li l-allegata differenza għandha impatt fuq il-prezzijiet jew il-kumparabbiltà tal-prezzijiet, il-konċessjoni lanqas ma setgħet tiġi aċċettata taħt din id-dispożizzjoni.

(33)

Din it-talba għal konċessjoni taħt l-Artikolu 2(10)(b) u l-Artikolu 2(10)(k) hija għalhekk miċħuda.

(34)

B’referenza għall-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, l-applikant iddikjara wkoll konċessjoni għal tnaqqis ta’ taxxa tal-esportazzjoni mħallsa mill-gvern. L-ammont għandu jitħallas lill-applikant mill-Gvern meta l-prodott ikkonċernat huwa mibjugħ għall-esportazzjoni, inkluż lejn is-suq tal-Unjoni.

(35)

L-applikant jista’ juri li ammont ekwivalenti għal inqas minn 0,5 % tal-valur tal-fattura huwa mħallas lill-applikant għal esportazzjonijiet lejn is-suq tal-Unjoni. Iżda, skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, għandu jsir aġġustament għall-valur normali jekk il-kondizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu huma ssodisfati u mhux mal-prezz tal-esportazzjoni kif stqarr l-applikant. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li ma tista’ tiġi stabbilita l-ebda rabta diretta bejn ħlas li wasal mingħand l-applikant fir-rigward tal-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat lejn l-Unjoni u l-piżijiet fuq l-importazzjoni ta’ materja prima fiżikament inkorporata fih.

(36)

L-applikant afferma wkoll l-istess aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k). Madankollu, minħabba li ma rnexxilu juri l-ebda rabta bejn ir-rifużjoni ta’ taxxa tal-esportazzjoni u l-ipprezzar tal-prodott esportat ikkonċernat, it-talba ma setgħetx tiġi aċċettata.

(37)

Din it-talba għal konċessjoni għal rifużjoni ta’ taxxa tal-esportazzjoni taħt l-Artikolu 2(10)(b) u l-Artikolu 2(10)(k) hija għalhekk miċħuda.

4.   Dumping matul il-PIR

(38)

Il-valur normali medju differenzjat ta’ kull tip tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni tqabbel mal-prezz medju differenzjat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, kif inhu stipulat fl-Artikolu 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku.

(39)

Fuq din il-bażi, il-marġni ta’ dumping medju peżat, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, instab li hu ta’ 3,6 %.

4.   IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKOSTANZI MIBDULA

(40)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom ġie msejjes il-marġni ta’ dumping attwali nbidlux u jekk dan it-tibdil huwiex ta’ natura dejjiema.

(41)

Fit-talba tiegħu għal rieżami, l-applikant irrefera għal bidliet fil-firxa tal-prodott li jikkummerċjalizza li jkollhom impatt dirett fuq il-kost tal-produzzjoni tiegħu. L-investigazzjoni kkonfermat li, minħabba ristrutturar korporattiv, l-applikant m’għadux jipproduċi u jbigħ ċerti prodotti oħra kif imqabbel mal-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, u li din il-bidla kellha impatt fuq il-kost tal-produzzjoni għall-prodott ikkonċernat.

(42)

AETMD ikkumenta li r-ristrutturar li twettaq mill-applikant jista’ ma jkunx ta’ natura dejjiema peress li jista’ faċilment jitreġġa’ lura.

(43)

Tabilħaqq huwa possibbli li l-ġestjoni tal-applikant, jekk ikun jixtieq hekk, tkun f’pożizzjoni li treġġa’ lura r-ristrutturar. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li d-deċiżjoni tal-applikant li jirristruttura u li jirrazzjonalizza l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-grupp bejn il-kumpaniji tal-grupp mhux se tkun ta’ natura dejjiema. Barra minn hekk, ir-ristrutturar diġà seħħ sal-2009 li jindika li l-istruttura korporattiva ġdida hija ta’ natura dejjiema.

(44)

Wara l-iżvelar, l-AETMD tenniet l-istqarrija tagħha li l-bidla li fuq il-bażi tagħha nbeda r-rieżami ma setgħetx titqies bħala ta’ natura dejjiema. B’mod aktar speċifiku, hi ddubitat mill-impatt fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni minħabba r-riorganizzazzjoni interna fi ħdan il-grupp, u stqarret li l-ispejjeż fil-grupp jistgħu sempliċiment jiġu allokati mill-ġdid sabiex jitnaqqas il-valur normali. Għal din ir-raġuni, il-kost il-ġdid tal-produzzjoni ma setax jiġi kkunsidrat bħala ta’ natura dejjiema. L-AETMD nnutat ukoll li sussidjarja responsabbli mill-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti friski għandha l-istess indirizz bħal tal-applikant. L-AETMD stqarret li din hija indikazzjoni oħra li r-riorganizzazzjoni mhix profonda u dejjiema.

(45)

B’reazzjoni għall-istqarrijiet tal-AETMD stipulati fil-premessa (44), l-applikant saħaq li r-riorganizzazzjoni wasslet ukoll għal titjib fis-sistema tal-kontabilità tal-ispejjeż fejn ġew identifikati u solvuti konġestjonijiet sabiex il-produzzjoni tittejjeb kemm jista’ jkun u biex tnaqqas l-ispejjeż tal-manifattura. L-applikant saħaq ukoll li kull treġġigħ lura tar-riorganizzazzjoni tal-2009 f’dan l-istadju jkun proċess kumpless ħafna peress li l-kumpanija possedenti tal-applikant, Agripure Holding PLC, hija kkwotata fil-Borża tat-Tajlandja.

(46)

Ir-riskju għal treġġigħ lura potenzjali tar-riorganizzazzjoni mill-applikant diġà ġie indirizzat fil-premessa (43).

(47)

Barra minn hekk, bil-għan li tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-pretensjonijet fit-talba għall-ftuħ ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għamlet paragun tal-ispiża tal-produzzjoni tat-tipi ta’ prodotti esportati lejn l-Unjoni matul l-investigazzjoni oriġinali (jiġifieri qabel riorganizzazzjoni tal-applikant fl-2009) u matul il-PIR. Dak it-tqabbil tabilħaqq ikkonferma li l-kostijiet tal-manifattura għal kull unità inbidlu b’mod sinifikanti. Il-bidla fl-ispejjeż tal-manifattura għal kull unità identifikata tmur lilhinn minn sempliċi allokazzjoni mill-ġdid ta’ spejjeż u hija dovuta għal tnaqqis reali fl-ispejjeż indiretti tal-produzzjoni bħalma huma l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura u l-ispejjeż tax-xogħol.

(48)

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikant u s-sussidjarja tiegħu li għandhom l-istess indirizz amministrattiv, din hija prattika komuni tan-negozju. Barra minn hekk, matul żjara ta’ verifika fil-bini tal-applikant, il-Kummissjoni nnutat li l-linji ta’ produzzjoni u l-ħażna ta’ oġġetti lesti fi ħdan il-bini kienu ddedikati għall-produzzjoni tal-qamħirrum ħelu; Ma kien hemm l-ebda traċċa ta’ produzzjoni u ħażna ta’ prodotti friski mibjugħa mill-kumpanija sussidjarja.

(49)

Wara li kkunsidrat l-argumenti tal-AETMD u tal-applikant, u wara li identifikat it-tnaqqis de facto fl-ispiża tal-manifattura għal kull unità bejn l-investigazzjoni oriġinali u l-PIR, l-argument imressaq mill-AETMD għandu jiġi miċħud.

(50)

L-AETMD stqarret ukoll li l-applikant kien qed jippjana li jżid il-kapaċità ta’ produzzjoni tiegħu matul l-2013 b’madwar 40 %. Skont l-AETMD, dan il-fatt ser imur kontra l-pretensjoni tal-applikant li l-ispejjeż tal-produzzjoni ġodda u riveduti (li segwew ir-ristrutturar) se jkunu ta’ natura dejjiema.

(51)

L-investigazzjoni tabilħaqq ikkonfermat li l-applikant huwa fil-proċess li jżid il-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu. L-impatt ta’ żieda fil-kapaċità kienet waħda mill-fatturi li fuq il-bażi tagħha ġie konkluż fir-rieżami tal-iskadenza li kien hemm riskju għal kontinwazzjoni tad-dumping (6).

(52)

Wara l-iżvelar, l-AETMD tenniet it-talba li investiment f’kapaċità ġdida ta’ produzzjoni ser ikollu effett fuq l-ispiża tal-produzzjoni u għalhekk, l-ispejjeż tal-produzzjoni li fil-konfront tagħhom tqabblu l-prezzijiet domestiċi prevalenti f’dan ir-rieżami (ara l-premessa (24)), mhumiex ta’ natura dejjiema. B’mod partikolari, AETMD għamlet kalkolu bbażat fuq sorsi disponibbli li fuq il-bażi tagħhom ikkonkludiet li l-ispejjeż totali kienu se jiżdiedu minħabba żieda fid-deprezzament b’madwar 10 % meta mqabbel mal-ispejjeż attwali.

(53)

L-applikant ma jikkontradixxix l-argument tal-AETMD li jikkonċerna ż-żieda tal-spejjeż ta’ deprezzament per se, iżda saħaq li dawn l-ispejjeż ogħla ta’ deprezzament għandhom jiġu kkumpensati b’żidiet fid-dħul totali (permezz ta’ aktar bejgħ) u bi tnaqqis ta’ spejjeż oħra bħala riżultat ta’ aktar awtomizzazzjoni.

(54)

Kif imsemmi fil-premessa (51), l-applikant huwa tabilħaqq fil-proċess li jinvesti f’faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni. Investimenti f’faċilitajiet ġodda jistgħu jinvolvu żieda tal-ispiża għad-deprezzament. Min-naħa l-oħra u kif l-applikant semma b’reazzjoni għal għall-kumment tal-AETMD, faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni jistgħu wkoll jinvolvu tibdil (meta mqabbla ma’ linji ta’ produzzjoni eżistenti) bħal-livell ta’ awtomazzjoni. Dawn il-bidliet għandu jkollhom effett dirett fuq l-ispejjeż tax-xogħol u tal-enerġija u jistgħu jegħlbu ż-żidiet fl-ispiża tad-deprezzament.

(55)

Meta wieħed iqis kollox, qed jiġi konkluż li l-impatt ġenerali fuq l-ispiża tal-produzzjoni għal kull unità prodotta ma jistax jitkejjel sakemm l-installazzjonijiet il-ġodda ġew inawgurati u kwalunkwe spiża addizzjonali riflessa fil-kontijiet.

(56)

Madankollu u wara li jiġi kkunsidrat l-objettiv tal-investiment (żieda fl-effiċjenza u l-kompetittività, biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-manifattura għal kull unità), huwa mistenni li tal-inqas fuq medda medja u twila ta’ żmien mhu se jkun hemm l-ebda żieda sinifikanti fl-ispiża tal-produzzjoni għal kull unità. F’ċirkostanzi bħal dawn huwa mistenni li l-valur normali xorta se jkun ibbażat fuq il-prezzijiet domestiċi kif ukoll f’dan ir-rieżami. L-argument imressaq minn AETMD kellu għalhekk jiġi rifjutat.

(57)

Wara l-iżvelar, l-AETMD kellha dubji wkoll dwar in-natura dejjiema tal-marġini l-ġdid ta’ dumping. Hija argumentat li l-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni użati għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ma kienx rappreżentattiv. B’mod aktar speċifiku, argumentat li:

(a)

it-tunnellaġġ esportat matul il-PIR kien żgħir wisq biex jitqies bħala rappreżentattiv, u

(b)

b’referenza għall-premessa (29), il-fatt li t-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni tal-prodotti bil-marka tagħhom stess kienu jammontaw għal kważi nofs l-esportazzjonijiet kollha matul il-PIR, il-prezzijiet tal-esportazzjoni għandom jitqies mhux rappreżentattivi. L-AETMD qieset li, jekk it-tnaqqis propost tal-miżuri jidħlu fis-seħħ, il-parti l-kbira tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni huwa aktar probabbli li jkunu tal-marka tal-bejjiegħa bl-imnut li jġorru prezzijiet ta’ esportazzjoni aktar baxxi (7).

(58)

Minħabba l-fatt li l-kwantitajiet esportati lejn l-Unjoni ma kinux sinifikanti, il-Kummissjoni aċċertat ruħha li l-prezzijiet tal-applikant imħallsa jew pagabbli lill-Unjoni kienu rappreżentattivi billi qabblithom mal-prezzijiet tal-applikant imħallsa jew pagabbli għall-esportazzjonijiet lil pajjiżi terzi oħra. Fuq din il-bażi, ġie konkluż li l-prezzijiet iċċarġjati lill-konsumaturi fl-Unjoni kienu konsistenti ma’ dawk iċċarġjati lill-konsumaturi fi swieq oħra tal-esportazzjoni.

(59)

L-eżistenza ta’ segmenti differenti tas-suq, tal-marka proprja u dik tal-bejjiegħa bl-imnut, ġiet rikonoxxuta matul investigazzjonijiet li saru qabel. (8) Dan jikkostitwixxi parti importanti mid-definizzjoni ta’ tipi differenti ta’ prodotti fi ħdan l-ambitu tal-prodott ikkonċernat. Fuq din il-bażi, l-esportazzjonijiet tal-prodotti bil-marka proprja ġew imqabbla mal-bejgħ domestiku tal-prodotti bil-marka propja u l-bejgħ tal-esportazzjoni tal-marka tal-bejjiegħa bl-imnut tqabblu mal-bejgħ domestiku tal-marka tal-bejjiegħ bl-imnut.

(60)

It-talba ta’ AETMD li l-esportazzjonijiet futuri se jkunu kkostitwiti primarjament mill-marka kummerċjali tal-bejjiegħa bl-imnut hija spekulattiva, mhux sostnuta minn evidenza u bħala tali mhux biżżejjed biex tpoġġi f’dubju r-rappreżentattività tal-esportazzjonijiet ta’ prodotti tad-ditta tagħhom stess matul il-PIR. It-talba ta’ AETMD hija għalhekk miċħuda.

(61)

AETMD sostniet ukoll li t-tnaqqis tad-dazju għal livell aktar baxx jista’ jwassal għal riskju ta’ evażjoni tal-miżuri.

(62)

Huwa mfakkar li d-dazji fis-seħħ huma diġà differenzjati bejn produtturi esportaturi Tajlandiżi. Għalhekk, ir-riskju ta’ evażjoni (jiġifieri l-użu Kodiċi addizzjonali TARIC b’dazji aktar baxxi) ilu preżenti mill-introduzzjoni tal-miżuri oriġinali. Id-dazju aktar baxx għal waħda minn dawn il-produtturi esportaturi per se ma jżidx ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni mit-Tajlandja kollha kemm hi.

(63)

Barra minn hekk, f’każ li ssir disponibbli informazzjoni li tissuġġerixxi li d-dazji huma mminati permezz ta’ ċirkomvenzjoni, tista’ tinbeda investigazzjoni kif xieraq sakemm il-kundizzjonijiet stipulati fl- Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jkunu sodisfatti.

(64)

AETMD ddikjarat ukoll li l-applikant jista’ jkun żied artifiċjalment il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni permezz ta’ kontrokumpens b’bejgħ parallel ta’ prodotti oħra bi prezzijiet artifiċjalment baxxi.

(65)

Kif indikat fil-premessa (58), il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat kienu konformi ma’ dawk lejn pajjiżi terzi. Għalhekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienu artifiċjalment għolja matul il-PIR u għalhekk l-argument qed jiġi miċħud.

5.   MIŻURI ANTIDUMPING

(66)

Fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li d-dazju tal-antidumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn River Kwai International Food Industry Co. Ltd.

(67)

Barra minn hekk, u fuq talba mill-applikant, l-indirizz tagħha fit-Tajlandja nbidel ukoll.

6.   DIVULGAZZJONI

(68)

Il-partijiet interessati kollha ġew infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li tiġi rakkomandata emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 875/2013.

(69)

Wara l-iżvelar, il-Gvern Tajlandiż argumenta li r-rata medja ta’ dazju għal esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw għandha tiġi riveduta wkoll biex jiġu kkunsidrati is-sejbiet ta’ dan ir-rieżami interim parzjali. Għandu jiġi nnutat li din it-talba tmur lilhinn mill-ambitu limitat ta’ dan ir-rieżami li jimmira biss lejn l-aġġustar tal-livell tar-rati ta’ dazju antidumping eżistenti għall-applikant. Kwalunkwe talba għall-emenda tal-livell tar-rati tad-dazju antidumping wara bidla allegata fiċ-ċirkostanzi għandha titressaq skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni għandha tiġi rrifjutata,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-annotazzjoni dwar River Kwai International Food Industry Co., Ltd fit-tabella tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 875/2013 hija hawnhekk mibdul b’dan li ġej:

Kumpanija

Dazju antidumping (%)

Il-Kodiċi Addizzjonali TARIC

“River Kwai International Food Industry Co., Ltd,

99 Moo 1 Thanamtuen Khaupoon Road

Kaengsian, Muang, Kanchanaburi 71000

It-Tajlandja

3,6

A791 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum taè wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007 tat-18 ta’ Ġunju 2007 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod kollettiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja (ĠU L 159, 20.6.2007, p. 14).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2008 tal-25 ta’ Settembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 682/2007 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba, ippreparat jew ippreservat, u li joriġina mit-Tajlandja (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 1).

(4)  Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 875/2013 tat-2 ta’ Settembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħirrum bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina fit-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 244, 13.9.2013, p. 1).

(5)  ĠU C 42, 14.2.2013, p. 7.

(6)  Ara l-premessi (49) sa (75) tar-rieżami tal-iskadenza.

(7)  Ara l-premessa (86) tar-rieżami tal-iskadenza.

(8)  Ara l-premessa (85) tar-rieżami tal-iskadenza.


Top