EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0441

2011/441/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Lulju 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema tal-programm tal-kumpanija “Greenergy” għall-verifika tal-bijoetanol Brażiljan imsejħa “Greenergy Brazilian Bioethanol verification programme” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 2009/28/KE u 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

OJ L 190, 21.7.2011, p. 85–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 030 P. 40 - 41

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/08/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/441/oj

21.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/85


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Lulju 2011

dwar ir-rikonoxximent tal-iskema tal-programm tal-kumpanija “Greenergy” għall-verifika tal-bijoetanol Brażiljan imsejħa “Greenergy Brazilian Bioethanol verification programme” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 2009/28/KE u 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2011/441/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti [tal-fjuwils] tal-petrol u tad-diżil (2), kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 7c(6) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv stabbilit bl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2009/28/KE,

Billi:

(1)

Id-Direttivi 2009/28/KE u 2009/30/KE it-tnejn li huma jistipulaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils. Meta ssir referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17, l-Artikolu 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE, din għandha titqies ukoll bħala referenza għad-dispożizzjonijiet simili tal-Artikolu 7a, 7b u 7c u tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/30/KE.

(2)

Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c), l-Istati Membri għandhom jesiġu lill-operaturi ekonomiċi juru l-konformità tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(3)

Il-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28/KE tiddikjara li l-impożizzjoni ta’ piż mhux raġonevoli fuq l-industrija għandha tiġi evitata u li l-iskemi volontarji jistgħu jgħinu biex jinħolqu soluzzjonijiet effiċjenti biex tiġi ppruvata l-konformità ma’ dawn il-kriterji ta’ sostenibbiltà.

(4)

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali turi li l-kunsinni tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali biex jitkejjel kemm qed jiġu ffrankati emissjonijiet tal-gassijiet serra fiha dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi skema volontarja bħal din għal perjodu ta’ ħames (5) snin.

(6)

Meta operatur ekonomiku jipprovdi provi jew dejta miksuba skont skema li tkun ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert b’dik id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jesiġi lill-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà.

(7)

L-iskema tal-programm tal-kumpanija “Greenergy” għall-verifika tal-bijoetanol Brażiljan imsejħa “Greenergy Brazilian Bioethanol verification programme” (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Greenergy”) ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni flimkien ma’ talba għar-rikonoxximent fil-31 ta’ Jannar 2011. L-iskema tkopri l-bijoetanol mill-kannamieli prodott fil-Brażil. Ladarba tiġi rikonoxxuta, l-iskema se tkun disponibbli fil-pjattaforma ta’ trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE. Il-Kummissjoni se tqis l-aspetti tas-sensittività kummerċjali u tista’ tiddeċiedi li tippubblika biss parti mill-iskema.

(8)

Valutazzjoni tal-iskema msejħa “Greenergy” ikkonkludiet li din tkopri b’mod xieraq il-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttiva 2009/28/KE, ħlief għall-kriterju stabbilit fl-Artikolu 17(3)c, u li din tapplika metodoloġija ta’ bilanċ tal-massa skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(9)

L-evalwazzjoni tal-iskema msejħa “Greenergy” ikkonkludiet li din tissodisfa standards xierqa ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u wkoll li hija tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi mogħtija fl-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(10)

Kwalunkwe element addizzjonali ta’ sostenibbiltà kopert bl-iskema msejħa “Greenergy” mhuwiex meqjus f’din id-Deċiżjoni. Dawn il-kriterji addizzjonali ta’ sostenibbiltà mhumiex obbligatorji biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 2009/28/KE. Il-Kummissjoni Ewropea tista’, fi stadju aktar avvanzat, tiddeċiedi jekk l-iskema fihiex ukoll dejta preċiża għall-finijiet tat-tagħrif dwar miżuri meħudin b’rabta mal-kwistjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja msejħa “Greenergy Brazilian Bioethanol verification programme”, li għaliha tressqet talba għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Jannar 2011, turi li l-kunsinni tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikoli 17(3)(a), 17(3)(b), 17(4) u 17(5) tad-Direttiva 2009/28/KE u fl-Artikoli 7b(3)(a), 7b(3)(b), 7b(4) u 7b(5) tad-Direttiva 98/70/KE. L-iskema fiha wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE.

Barra minn hekk, tista’ tintuża biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE u mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE.

Artikolu 2

1.   Id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta’ ħames (5) snin wara li tidħol fis-seħħ. Jekk isir xi tibdil fil-kontenut tal-iskema wara li tiġi adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni b’tali mod li dan jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, it-tali tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni se tivvaluta t-tibdil innotifikat bil-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b’mod xieraq il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.

2.   Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrevoka d-Deċiżjoni tagħha jekk jintwera b’mod ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni u jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta’ dawk l-elementi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ għoxrin (20) jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(3)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 88.


Top