EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02022R2292-20221124

Consolidated text: Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2292 tas-6 ta’ Settembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2292/2022-11-24

02022R2292 — MT — 24.11.2022 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2292

tas-6 ta’ Settembru 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 304 24.11.2022, p. 1)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 316, 8.12.2022, p.  100 (2022/2292)




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2292

tas-6 ta’ Settembru 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  
Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward tar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom sabiex jiżgura li jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/625 jew mar-rekwiżiti li huma rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom.
2.  

Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ikopru:

(a) 

l-identifikazzjoni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ta’ ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem soġġetti għar-rekwiżiti li ġejjin għad-dħul fl-Unjoni:

(i) 

ir-rekwiżit li dawk l-annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu minn pajjiż terz jew reġjun tiegħu elenkat f’konformità mal-Artikolu 126(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(ii) 

ir-rekwiżit li dawk l-annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jintbagħtu minn stabbilimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fl-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, u jinkisbu jew jiġu ppreparati fihom, jew rekwiżiti rikonoxxuti bħala mill-inqas ekwivalenti għalihom, u li jidhru f’listi mfassla u aġġornati f’konformità mal-Artikolu 127(3), il-punti (e)(ii) u (iii), tar-Regolament (UE) 2017/625;

(iii) 

ir-rekwiżit li kull kunsinna ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem tkun akkumpanjata minn ċertifikat uffiċjali, jew minn attestazzjoni uffiċjali jew minn kwalunkwe evidenza oħra ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/625, bħal attestazzjoni privata, f’konformità mal-Artikolu 126(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b) 

rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem minn pajjiż terz jew reġjun tiegħu, elenkati f’konformità mal-Artikolu 127(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(c) 

rekwiżiti li l-kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi jintbagħtu minn stabbilimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fl-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, jew ma’ rekwiżiti rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom, u jinkisbu jew jiġu ppreparati fihom, u li jidhru f’listi mfassla u aġġornati f’konformità mal-Artikolu 127(3), il-punti (e)(ii) u (iii) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(d) 

rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bażiċi speċifiċi li ġejjin minbarra r-rekwiżiti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 126 tar-Regolament (UE) 2017/625:

(i) 

laħam frisk, laħam ikkapuljat, preparati tal-laħam, prodotti tal-laħam, laħam separat mekkanikament u materja prima maħsuba għall-produzzjoni tal-ġelatina u l-kollaġen;

(ii) 

molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi, tunikati u gasteropodi tal-baħar;

(iii) 

prodotti tas-sajd;

(iv) 

prodotti komposti;

(e) 

rekwiżiti addizzjonali għaċ-ċertifikati uffiċjali, attestazzjonijiet uffiċjali u attestazzjonijiet privati li għandhom jakkumpanjaw annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem għad-dħul fl-Unjoni;

(f) 

ir-rekwiżiti għall-użu ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi f’annimali li jipproduċu l-ikel u r-residwi tagħhom u għal-livelli ta’ kontaminanti u residwi tal-pestiċidi fi prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti, fejn dawk l-annimali li jipproduċu l-ikel, il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi u huma maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, u dawk ir-rekwiżiti huma meħtieġa biex jiġi żgurat li tali annimali li jipproduċu l-ikel, prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti jipprovdu livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem ekwivalenti għal dak previst mir-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel;

(g) 

ir-rekwiżit li l-annimali li jipproduċu l-ikel, il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti għandhom jidħlu biss fl-Unjoni minn pajjiżi terzi li jipprovdu evidenza u garanziji ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament billi jissottomettu pjan ta’ kontroll.

3.  

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a) 

annimali u oġġetti mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, iżda meta d-destinazzjoni tal-annimali u tal-oġġetti ma tkunx ġiet deċiża mad-dħul fl-Unjoni u l-intenzjoni għall-konsum mill-bniedem ma tkunx tista’ tiġi eskluża, japplika dan ir-Regolament;

(b) 

annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jagħmlu biss tranżitu mill-Unjoni mingħajr ma jitqiegħdu fis-suq;

(c) 

oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem għall-fini ta’ kampjuni għall-analiżi tal-prodotti u l-ittestjar tal-kwalità mingħajr ma jitqiegħdu fis-suq.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“li jidħlu fl-Unjoni” jew “dħul fl-Unjoni” tfisser l-azzjoni li jidħlu fl-Unjoni jew id-dħul fl-Unjoni kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (40), tar-Regolament (UE) 2017/625;

(2) 

“kunsinna” tfisser kunsinna kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (37), tar-Regolament (UE) 2017/625;

(3) 

“annimali” tfisser annimali kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (9), tar-Regolament (UE) 2017/625;

(4) 

“oġġetti” tfisser oġġetti kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2017/625;

(5) 

“ekwivalenti” tfisser ekwivalenti kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (e), tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(6) 

“stabbiliment” tfisser stabbiliment kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(7) 

“ċertifikat uffiċjali” tfisser ċertifikat uffiċjali kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (27), tar-Regolament (UE) 2017/625;

(8) 

“attestazzjoni uffiċjali” tfisser attestazzjoni uffiċjali kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (28), tar-Regolament (UE) 2017/625;

(9) 

“attestazzjoni privata” tfisser attestazzjoni ffirmata mill-operatur tan-negozju tal-ikel li jkun qed idaħħal oġġetti fl-Unjoni;

(10) 

“tqegħid fis-suq” tfisser tqegħid fis-suq kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (8), tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(11) 

“laħam frisk” tfisser laħam frisk kif iddefinit fil-punt 1.10 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(12) 

“ikkapuljat” tfisser laħam ikkapuljat kif iddefinit fil-punt 1.13 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(13) 

“preparati tal-laħam” tfisser preparati tal-laħam kif iddefinit fil-punt 1.15 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(14) 

“prodotti tal-laħam” tfisser prodotti tal-laħam kif iddefinit fil-punt 7.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(15) 

“laħam separat mekkanikament” tfisser laħam separat mekkanikament kif iddefinit fil-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(16) 

“ġelatina” tfisser ġelatina kif iddefinit fil-punt 7.7 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(17) 

“kollaġen” tfisser kollaġen kif iddefinit fil-punt 7.8 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(18) 

“prodotti raffinati ħafna li joriġinaw mill-annimali” tfisser prodotti raffinati ħafna msemmija fit-Taqsima XVI, il-punt 1, tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(19) 

“molluski bivalvi” tfisser molluski bivalvi kif iddefinit fil-punt 2.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(20) 

“prodotti tas-sajd” tfisser prodotti tas-sajd kif iddefinit fil-punt 3.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(21) 

“prodott kompost” tfisser ikel li fih kemm prodotti ta’ oriġini mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati ta’ oriġini mill-annimali;

(22) 

“sustanza farmakoloġikament attiva” tfisser sustanza farmakoloġikament attiva kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2090 ( 1 );

(23) 

“kontaminant” tfisser kontaminant kif iddefinit fl-Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 ( 2 );

(24) 

“residwi tal-pestiċidi” tfisser residwi tal-pestiċidi kif iddefinit fl-Artikolu 3(2), il-punt (c) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005;

(25) 

“prodott ta’ oriġini mill-annimali” tfisser prodott ta’ oriġini mill-annimali kif iddefinit fil-punt 8.1. tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(26) 

“pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti” tfisser pjan ta’ kontroll dwar l-użu tas-sustanzi farmakoloġikament attivi, il-limiti massimi ta’ residwi tas-sustanzi farmakoloġikament attivi, il-livelli massimi ta’ residwi tal-pestiċidi u l-livelli massimi tal-kontaminanti fl-annimali li jipproduċu l-ikel, fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali, inklużi dawk użati fil-prodotti komposti;

(27) 

“insetti” tfisser ikel li jikkonsisti, huwa iżolat jew prodott minn insetti jew mill-partijiet tagħhom, inkluż kwalunkwe stadju tal-ħajja ta’ insetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem li, meta applikabbli, huma awtorizzati f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 ( 4 ) (“il-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid”);

(28) 

“tranżitu” tfisser tranżitu kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (44) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(29) 

“laħam tar-rettili” tfisser il-partijiet li jittieklu, jew mhux ipproċessati jew ipproċessati, idderivati minn rettili mrobbija, li jappartjenu għall-ispeċijiet Alligator mississippiensis, Crocodylus johnstoni, Crocodylus niloticus, Crocodylus porosus, Timon lepidus, Python reticulatus, Python molurus bivittatus jew Pelodiscus sinensis, li huma, meta applikabbli, awtorizzati f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283 u inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid;

(30) 

“bebbux” tfisser bebbux kif iddefinit fil-punt 6.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u kull speċi oħra ta’ bebbux tal-familja ta’ Helicidae, Hygromiidae jew Sphincterochilidae, maħsuba għall-konsum mill-bniedem;

(31) 

“ikel” tfisser ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(32) 

“għalf” jew “għalf tal-annimali” tfisser għalf jew għalf tal-annimali kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (4) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(33) 

“awditu” tfisser awditu kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (30) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(34) 

“awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet kompetenti kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (3) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(35) 

“nebbieta” tfisser nebbieta kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 ( 5 );

(36) 

“produzzjoni primarja” tfisser produzzjoni primarja kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (17) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(37) 

“biċċerija” tfisser biċċerija kif iddefinit fil-punt 1.16 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(38) 

“stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa” tfisser stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa kif iddefinit fil-punt 1.18 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(39) 

“impjant tat-tqattigħ” tfisser impjant tat-tqattigħ kif iddefinit fil-punt 1.17 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(40) 

“żona ta’ produzzjoni” tfisser żona ta’ produzzjoni kif iddefinit fil-punt 2.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(41) 

“bastiment fabbrika” tfisser bastiment fabbrika kif iddefinit fil-punt 3.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(42) 

“bastiment friża” tfisser bastiment friża kif iddefinit fil-punt 3.3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(43) 

“bastiment reefer” tfisser bastiment mgħammar biex jaħżen u jittrasporta oġġetti permezz ta’ pellets jew merkanzija mhux marbuta (bl-ingrossa) fi stivi jew kmamar b’temperatura kkontrollata;

(44) 

“prodotti tal-ħalib” tfisser prodotti tal-ħalib kif iddefinit fil-punt 7.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(45) 

“prodotti tal-bajd” tfisser prodotti tal-bajd kif iddefinit fil-punt 7.3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(46) 

“operatur ta’ negozju tal-ikel” tfisser operatur ta’ negozju tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (3) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

(47) 

“operatur” tfisser operatur kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (29) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(48) 

“post ta’ kontroll fuq il-fruntiera” tfisser post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (38) tar-Regolament (UE) 2017/625.



KAPITOLU II

KUNDIZZJONIJIET GĦAD-DĦUL FL-UNJONI FIR-RIGWARD TA’ PAJJIŻI TERZI TA’ ORIĠINI JEW REĠJUNI TAGĦHOM

Artikolu 3

Annimali li jipproduċu l-ikel u oġġetti li huma meħtieġa li jiġu minn pajjiżi terzi jew minn reġjuni tagħhom li huma inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 126(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/625

Il-kunsinni tal-annimali li jipproduċu l-ikel u l-oġġetti li ġejjin, li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem, għandhom jidħlu fl-Unjoni biss minn pajjiż terz jew mir-reġjun tiegħu inkluż fil-lista għal dawk l-annimali u l-oġġetti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405:

(a) 

annimali ħajjin li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (“kodiċijiet NM”) fit-Tieni Parti, il-Kapitolu 1, tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, fejn dawk l-annimali ħajjin huma annimali li jipproduċu l-ikel;

(b) 

prodotti ta’ oriġini mill-annimali, inklużi laħam tar-rettili u insetti sħaħ mejta, partijiet ta’ insetti jew insetti pproċessati, maħsuba għall-konsum mill-bniedem, li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet li ġejjin fit-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87:

(i) 

il-kodiċijiet NM fil-Kapitoli 2 sa 5, 15, 16 jew 29; jew

(ii) 

L-intestaturi tas-Sistema Armonizzata (“intestaturi SA”) 0901 , 1702 , 2105 , 2106 , 2301 , 3001 , 3002 , 3302 , 3501 , 3502 , 3503 , 3504 , 3507 , 3913 , 3926 , 4101 , 4102 , 4103 jew 9602 ;

(c) 

bebbux ħaj, minbarra bebbux tal-baħar, li ssir referenza għalih bil-kodiċi NM 0307 60 00 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

(d) 

dqiq tal-polline li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 1212 99 95 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

Artikolu 4

Rekwiżiti addizzjonali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti annimali li jipproduċu l-ikel u oġġetti minn pajjiż terz jew reġjun tiegħu

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi biss fuq l-inklużjoni ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom fil-lista msemmija fl-Artikolu 126(2), il-punt (a) ta’ dak ir-Regolament jekk ir-rekwiżiti li ġejjin ikunu rikonoxxuti mill-Kummissjoni li huma tal-inqas ekwivalenti għar-rekwiżiti rilevanti fl-Unjoni għall-annimali li jipproduċu l-ikel u l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament:

(a) 

il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz dwar:

(i) 

il-produzzjoni ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali;

(ii) 

l-użu ta’ prodotti veterinarji mediċinali, inklużi regoli dwar il-projbizzjoni jew l-awtorizzazzjoni tagħhom, it-tqassim tagħhom, it-tqegħid tagħhom fis-suq u r-regoli li jkopru l-amministrazzjoni u l-ispezzjonijiet;

(iii) 

il-preparazzjoni u l-użu tal-għalf, inklużi l-proċeduri għall-użu ta’ addittivi u l-preparazzjoni u l-użu tal-għalf medikat, kif ukoll il-kwalità tal-iġjene tal-materja prima użata għall-preparazzjoni tal-għalf u tal-prodott finali;

(b) 

il-kundizzjonijiet tal-iġjene tal-produzzjoni, tal-manifattura, tal-immaniġġar, tal-ħżin u tad-dispaċċ attwalment applikati għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħsuba għall-Unjoni;

(c) 

kwalunkwe esperjenza ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali mill-pajjiż terz u r-riżultati ta’ kwalunkwe kontroll uffiċjali mad-dħul fl-Unjoni;

(d) 

meta disponibbli, ir-riżultati ta’ awditi mwettqa mill-Kummissjoni fil-pajjiż terz relatati ma’ annimali li jipproduċu l-ikel u oġġetti oħrajn li għalihom il-pajjiż terz diġà huwa elenkat f’konformità mal-Artikolu 127(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, b’mod partikolari r-riżultati tal-valutazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz awditjat, u l-azzjoni li ħadu l-awtoritajiet kompetenti fid-dawl ta’ kwalunkwe rakkomandazzjoni indirizzata lilhom wara tali awditi mill-Kummissjoni;

(e) 

l-eżistenza, l-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ programm ta’ kontroll ta’ żoonożi approvat mill-Kummissjoni meta applikabbli;

(f) 

ir-rekwiżiti tal-pajjiż terz fir-rigward ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi, pestiċidi u kontaminanti, f’konformità mal-Artikolu 6.

Artikolu 5

Annimali u prodotti li għalihom japplikaw l-Artikoli 6 sa 12

1.  

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 għandhom japplikaw għall-annimali u l-prodotti li ġejjin:

(a) 

annimali ħajjin li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet NM fit-Tieni Parti, it-Taqsima 1, il-Kapitolu 1, tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, fejn dawk l-annimali huma annimali li jipproduċu l-ikel;

(b) 

prodotti ta’ oriġini mill-annimali, li għalihom ġew stabbiliti kodiċijiet NM fit-Tieni Parti, il-Kapitoli 2 sa 5, 15 u 16, tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, u li għalihom ġew stabbiliti subintestaturi tas-Sistema Armonizzata (“subintestaturi SA”) taħt l-intestaturi SA 0901 , 2105 , 3501 , 3502 u 3504 ;

(c) 

prodotti komposti li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet NM fit-Tieni Parti, it-Taqsima III, il-Kapitolu 15 u t-Taqsima IV, il-Kapitoli 16 sa 22, tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

2.  

Ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6 sa 12 ma għandhomx japplikaw

— 
għall-ġelatina u għall-materja prima għall-produzzjoni tal-ġelatina, imsemmija fit-Taqsima XIV, il-Kapitolu I, il-punt 1, tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, u
— 
għall-kollaġen u għall-materja prima għall-produzzjoni tal-kollaġen, imsemmija fit-Taqsima XV, il-Kapitolu I, il-punt 1, tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, u
— 
għall-prodotti raffinati ħafna ta’ oriġini mill-annimali, u
— 
għall-insetti, għaż-żrinġijiet, għas-saqajn taż-żrinġijiet, għall-bebbux, għar-rettili u għal-laħam tar-rettili.

Artikolu 6

Rekwiżiti addizzjonali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel, prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti, fir-rigward ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi u residwi tagħhom, kontaminanti u residwi tal-pestiċidi

1.  

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625, il-kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel, prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti, għandhom jidħlu fl-Unjoni biss minn pajjiż terz li jkollu stabbilit pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti li jistabbilixxi garanziji fir-rigward tal-konformità ma’:

(a) 

ir-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-użu ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi, il-limiti massimi ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi, il-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi u l-livelli massimi ta’ kontaminanti; u

(b) 

ir-rekwiżiti addizzjonali speċifikati fl-Artikoli 9 sa 12 ta’ dan ir-Regolament.

2.  
Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-inklużjoni ta’ pajjiż terz fil-lista msemmija fl-Artikolu 126(2), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament biss jekk dak il-pajjiż terz jipprovdi evidenza u garanziji ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, flimkien mal-informazzjoni elenkata fil-Parti II tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, fit-talba għall-inklużjoni fil-lista ta’ pajjiżi terzi li dak il-pajjiż terz għandu jissottometti skont l-Artikolu 127(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.
3.  
Wara li tkun approvat l-inklużjoni tal-pajjiż terz fil-lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati, il-Kummissjoni għandha tiżgura, f’konformità mal-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, li l-pajjiż terz ikompli jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
4.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tqis l-evidenza aġġornata u l-garanziji ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pjan ta’ kontroll tal-pajjiż terz għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti f’konformità mal-Parti II tal-Anness I, li jrid jiġi ppreżentat minn dak il-pajjiż terz sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.

Artikolu 7

Inklużjoni ta’ pajjiż terz f’lista ta’ pajjiżi terzi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u r-residwi tagħhom, il-kontaminanti u r-residwi tal-pestiċidi

Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625, il-kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel, ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali u ta’ prodotti komposti, għandhom jidħlu fl-Unjoni biss minn pajjiż terz li jikkonforma mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(1) u li huwa inkluż fil-lista ta’ pajjiżi terzi approvati għad-dħul fl-Unjoni tal-annimali li jipproduċu l-ikel ikkonċernati jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali, stabbilit fl-Anness -I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405.

Artikolu 8

Deroga mir-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel, prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti

1.  
B’deroga mill-Artikolu 7, il-kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel, prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti jistgħu jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi li ma għandhomx pjan ta’ kontroll approvat għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti iżda jiżguraw li l-annimali li jipproduċu l-ikel u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali, inklużi dawk użati fil-prodotti komposti, joriġinaw fi Stat Membru jew f’pajjiż terz inkluż fil-lista stabbilita fl-Anness -I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405 fir-rigward ta’ dawk l-annimali li jipproduċu l-ikel jew il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali.
2.  
Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-inklużjoni ta’ pajjiż terz fil-lista msemmija fl-Artikolu 126(2), il-punt (a) ta’ dak ir-Regolament biss jekk l-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz tipprovdi lill-Kummissjoni b’evidenza u b’garanziji ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali evidenza u garanziji għandhom jikkonsistu f’informazzjoni dwar il-proċeduri stabbiliti f’dak il-pajjiż terz biex jiggarantixxu t-traċċabbiltà u l-oriġini ta’ dawk l-annimali li jipproduċu l-ikel u dawk il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali.
3.  

Meta pajjiż terz jiġi inkluż, f’konformità mal-paragrafi (1) u (2), fil-lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għal annimali li jipproduċu l-ikel jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali speċifiċi, id-dħul għal dak il-pajjiż terz għandu jkun akkumpanjat bin-nota li ġejja:

“Pajjiż terz, li jdaħħal fl-Unjoni annimali speċifiċi li jipproduċu l-ikel jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali biss – bħala tali jew bħala ingredjenti ta’ prodotti komposti – li joriġinaw (a) minn pajjiżi terzi oħrajn awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ tali annimali li jipproduċu l-ikel jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali, jew (b) mill-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2292.”.

Għall-pajjiżi terzi li, minħabba r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali, ma jistgħux idaħħlu fl-Unjoni annimali li jipproduċu l-ikel jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali speċifiċi bħala tali, id-dħul għal dak il-pajjiż terz għandu jkun akkumpanjat min-nota li ġejja:

“Pajjiż terz, li jdaħħal fl-Unjoni prodotti komposti li fihom prodotti pproċessati ta’ oriġni mill-annimali, li joriġinaw (a) minn pajjiżi terzi oħrajn awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ tali prodotti ta’ oriġini mill-annimali, jew (b) mill-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2292.”.

4.  
Għall-produzzjoni ta’ budellati maħsuba għad-dħul fl-Unjoni, il-pajjiżi terzi jistgħu jużaw materja prima ta’ oriġini mill-annimali miksuba minn Stati Membri jew minn pajjiżi terzi oħrajn jew minn reġjuni tagħhom li huma awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk, jew ta’ ċerti prodotti tal-laħam u stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u intestini ttrattati, u li huma elenkati fil-listi rilevanti ta’ tali laħam frisk u prodotti tal-laħam tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 ( 6 ) jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405. Il-pajjiżi terzi li jdaħħlu budellati fl-Unjoni għandhom ikunu elenkati fl-Anness -I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405 għall-budellati. Barra minn hekk, l-istabbilimenti li minnhom il-budellati jkunu se jiddaħħlu fl-Unjoni għandhom jiġu elenkati f’konformità mal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regolament.
5.  
Wara li tkun approvat l-inklużjoni tal-pajjiż terz fil-listi ta’ pajjiżi terzi awtorizzati msemmija f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tiżgura, f’konformità mal-Artikolu 127(4) tar-Regolament (UE) 2017/625, li l-pajjiż terz ikompli jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.



KAPITOLU III

KUNDIZZJONIJIET GĦAD-DĦUL FL-UNJONI FIR-RIGWARD TAL-UŻU TA’ SUSTANZI FARMAKOLOĠIKAMENT ATTIVI U R-RESIDWI TAGĦHOM, KONTAMINANTI U RESIDWI TAL-PESTIĊIDI

Artikolu 9

Rekwiżiti fir-rigward tal-użu ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi f’annimali li jipproduċu l-ikel u r-residwi tagħhom fi prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti

1.  
L-annimali li jipproduċu l-ikel, il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti għandhom jidħlu biss fl-Unjoni minn pajjiżi terzi li jipprovdu garanziji li l-kontrolli fuq l-użu ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi msemmija fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/XXX u fuq ir-residwi tagħhom ikunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk meħtieġa għall-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali pluriennali tal-Istati Membri, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/XXX.
2.  
Meta pajjiż terz jawtorizza l-użu f’annimali li jipproduċu l-ikel ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi li mhumiex awtorizzati għal annimali bħal dawn fl-Unjoni, l-annimali li jipproduċu l-ikel, il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti għandhom jidħlu fl-Unjoni biss sakemm dak il-pajjiż terz jipprovdi garanziji li ma jkun preżenti l-ebda residwu tagħhom f’dawk l-annimali u prodotti. Il-metodi ta’ analiżi użati biex juru n-nuqqas ta’ residwi bħal dawn għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808 jew mar-rekwiżiti ekwivalenti għalihom.

Artikolu 10

Rekwiżiti fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ ċerti sustanzi

1.  
L-annimali li jipproduċu l-ikel, il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti għandhom jidħlu biss fl-Unjoni minn pajjiżi terzi li jipprovdu garanziji ta’ konformità mal-projbizzjoni tal-użu ta’ beta-agonisti u kwalunkwe sustanza stilbene, tirostatika, estroġenika, androġenika u ġestaġenika f’annimali tar-razzett stabbiliti fid-Direttiva 96/22/KE, u bil-projbizzjoni tal-użu tas-sustanzi elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010.
2.  

Annimali li jipproduċu l-ikel, prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti minn pajjiżi terzi li jawtorizzaw l-użu tas-sustanzi msemmija fil-paragrafu 1 f’annimali li jipproduċu l-ikel jew li ma jkollhomx regoli dwar l-użu ta’ dawk is-sustanzi għandhom jidħlu fl-Unjoni biss sakemm dawk il-pajjiżi terzi jipprovdu garanziji li:

(a) 

huma stabbilew sistema ta’ produzzjoni segregata biex jiżguraw li l-annimali li jipproduċu l-ikel, il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti maħsuba għad-dħul fl-Unjoni ma jiġux ittrattati bis-sustanzi msemmija fil-paragrafu 1, u

(b) 

huma stabbilew sistema xierqa ta’ identifikazzjoni u traċċabbiltà tal-annimali, kif ukoll sistema għall-kontroll tad-distribuzzjoni tas-sustanzi msemmija fil-paragrafu 1 u għaż-żamma tar-rekords tal-għoti ta’ prodotti mediċinali veterinarji.

Artikolu 11

Rekwiżiti fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidi fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti

Il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti għandhom jidħlu fl-Unjoni biss minn pajjiżi terzi li jipprovdu garanziji li jitwettqu kontrolli rappreżentattivi fuq ir-residwi tal-pestiċidi sabiex jintwera li dawk il-prodotti jikkonformaw mal-livelli massimi ta’ residwi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005. Dawk il-garanziji għandhom ikunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk previsti mill-programmi nazzjonali ta’ kontroll pluriennali għar-residwi tal-pestiċidi msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1355.

Artikolu 12

Rekwiżiti fir-rigward ta’ kontaminanti fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti

Il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti għandhom jidħlu biss fl-Unjoni minn pajjiżi terzi li jipprovdu garanziji li dawk il-prodotti jikkonformaw mat-tolleranzi massimi għall-kontaminanti stabbiliti abbażi tar-Regolament (KEE) Nru 315/93. Dawk il-garanziji għandhom ikunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk previsti mill-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali pluriennali stabbiliti f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2022/931 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/932.



KAPITOLU IV

KUNDIZZJONIJIET GĦAD-DĦUL FL-UNJONI FIR-RIGWARD TAL-ISTABBILIMENTI

Artikolu 13

Rekwiżiti għall-istabbilimenti

1.  

Il-kunsinni tal-oġġetti li ġejjin għandhom jidħlu fl-Unjoni biss meta dawk il-kunsinni jintbagħtu minn stabbilimenti li jidhru fuq il-listi mfassla u miżmuma aġġornati f’konformità mal-Artikolu 127(3), il-punti (e)(ii) u (iii) tar-Regolament (UE) 2017/625, u jinkisbu u jiġu ppreparati fihom:

(a) 

prodotti ta’ oriġini mill-annimali li r-rekwiżiti għalihom huma stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, u li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet li ġejjin fit-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87:

(i) 

il-kodiċijiet NM fil-Kapitoli 2 sa 5, 15 jew 16; jew

(ii) 

is-subintestaturi SA taħt l-intestaturi 1702 , 2105 , 2106 , 2301 , 2932 , 3001 , 3002 , 3501 , 3502 , 3503 , 3504 , 4101 , 4102 jew 4103 ;

(b) 

nebbieta li jaqgħu taħt is-subintestaturi SA li ġejjin: 0704 90 , 0706 90 , 0708 10 , 0708 20 , 0708 90 jew 1214 90 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

2.  

L-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jitpoġġew fuq il-listi msemmija fl-Artikolu 127(3), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2017/625 biss jekk, minbarra l-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 127(3), il-punti (e)(ii) u (iv) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-pajjiż terz fejn jinsabu l-istabbilimenti jipprovdi l-garanziji li ġejjin:

(a) 

tali stabbilimenti, flimkien ma’ kwalunkwe stabbiliment li jimmaniġġja materja prima ta’ oriġini mill-annimali użata fil-manifattura tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali msemmija fil-paragrafu 1(a), jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fl-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, b’mod partikolari dawk tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, jew mar-rekwiżiti rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom;

(b) 

tali stabbilimenti, fejn xieraq, jimmaniġġaw biss materja prima ta’ oriġini mill-annimali li tiġi minn pajjiżi terzi bi pjan ta’ monitoraġġ tar-residwi approvat għal dik il-kategorija ta’ prodotti f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2022/XXX mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/XXX jew mill-Istati Membri;

(c) 

għandu setgħat reali li jwaqqaf lil stabbilimenti bħal dawn milli jidħlu fl-Unjoni prodotti ta’ oriġini mill-annimali f’każ li l-istabbilimenti jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni jew ir-rekwiżiti rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom.

3.  
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri bi kwalunkwe lista ġdida u aġġornata li tirċievi mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 127(3), il-punt (e)(iii) tar-Regolament (UE) 2017/625 u għandha tippubblika tali listi fuq is-sit web tagħha.
4.  
L-Istati Membri għandhom jippermettu d-dħul fl-Unjoni tal-kunsinni msemmija fil-paragrafu 1 biss sakemm iċ-ċertifikati uffiċjali li huma meħtieġa li jakkumpanjaw tali kunsinni skont ir-regoli applikabbli tal-Unjoni jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz mid-data tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-listi ta’ stabbilimenti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 14

Stabbilimenti li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 13(1)

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13(1) ma għandhomx japplikaw għal stabbilimenti li jwettqu biss l-attivitajiet li ġejjin:

(a) 

il-produzzjoni primarja;

(b) 

operazzjonijiet ta’ trasport;

(c) 

ħżin ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali li ma għandhomx bżonn kundizzjonijiet ta’ ħżin b’temperatura kkontrollata;

(d) 

produzzjoni ta’ prodotti raffinati ħafna ta’ oriġini mill-annimali msemmija fl-intestaturi SA 2930 , 2932 , 3503 , 3507 jew 3913 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

(e) 

produzzjoni ta’ kapsuli tal-ġelatina li ssir referenza għalihom fl-intestaturi SA 3913 , 3926 jew 9602 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.



KAPITOLU V

REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ ĊERTI OĠĠETTI MAĦSUBA GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM

Artikolu 15

Rekwiżiti għall-kunsinni ta’ laħam frisk, laħam ikkapuljat, preparati tal-laħam, laħam separat mekkanikament u prodotti tal-laħam, u materja prima maħsuba għall-produzzjoni tal-ġelatina u l-kollaġen

Il-kunsinni tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali għandhom jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu ġew immanifatturati minn materja prima miksuba f’biċċeriji, stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti li jipproċessaw prodotti tas-sajd, li jidhru fil-listi ta’ stabbilimenti mfassla u miżmuma aġġornati f’konformità mal-Artikolu 127(3), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2017/625:

(a) 

laħam frisk;

(b) 

laħam ikkapuljat;

(c) 

preparati tal-laħam;

(d) 

laħam separat mekkanikament u prodotti tal-laħam, esklużi l-budellati kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (45) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 ( 7 );

(e) 

materja prima maħsuba għall-produzzjoni tal-ġelatina u tal-kollaġen imsemmija rispettivament fit-Taqsima XIV, il-Kapitolu I, il-punt 4(a), u fit-Taqsima XV, il-Kapitolu I, il-punt 4(a), tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 16

Rekwiżiti għall-kunsinni ta’ molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi, tunikati u gasteropodi tal-baħar

1.  
Minkejja l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament, il-kunsinni ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gasteropodi tal-baħar ħajjin li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet NM taħt l-intestatura 0307 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandhom jidħlu fl-Unjoni biss minn żoni ta’ produzzjoni f’pajjiżi terzi li jidhru f’listi mfassla mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 127(3), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2017/625 u ppubblikati mill-Kummissjoni.
2.  

Il-prodotti li ġejjin jistgħu jidħlu fl-Unjoni, anke jekk jitkabbru f’żoni li ma ġewx ikklassifikati mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz ta’ produzzjoni f’konformità mal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2017/625:

(a) 

pectinidae, ħlief fejn id-data mill-programmi ta’ monitoraġġ stabbilita fl-Artikolu 57 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jikklassifikaw postijiet tas-sajd kif previst fit-Taqsima VII, il-Kapitolu IX, il-punt 2, tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(b) 

gasteropodi tal-baħar li mhumiex organiżmi filtraturi u ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi.

Artikolu 17

Lista ta’ żoni ta’ produzzjoni

1.  
Qabel ma l-listi msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament jitfasslu mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-garanziji li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz jistgħu jipprovdu rigward il-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 dwar il-klassifikazzjoni u l-kontroll taż-żoni tal-produzzjoni.
2.  
Il-Kummissjoni għandha twettaq żjara ta’ kontroll fuq il-post qabel ma jitfasslu l-listi msemmija fl-Artikolu 16(1).
3.  
Ladarba l-listi msemmija fl-Artikolu 16(1) jitfasslu, u meta l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz joffru biżżejjed garanziji dwar il-klassifikazzjoni u l-kontroll taż-żoni ta’ produzzjoni taħt ir-responsabbiltà tagħhom, iż-żjara ta’ kontroll fuq il-post tal-Kummissjoni ma hemmx għalfejn titwettaq qabel ma tiżdied żona ta’ produzzjoni ġdida ma’ lista eżistenti stabbilita f’konformità mal-Artikolu 13.

Artikolu 18

Rekwiżiti speċjali għall-prodotti tas-sajd

Il-kunsinni tal-prodotti tas-sajd li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet NM taħt l-intestaturi 0301 , 0302 , 0303 , 0304 , 0305 , 0306 , 0307 , 0308 , 0309 , 1504 , 1516 , 1517 , 1603 , 1604 , 1605 jew 2106 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, għandhom jidħlu fl-Unjoni biex jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikunu nkisbu jew ġew ippreparati, fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni tagħhom, fi stabbiliment fuq l-art, fabbrika jew bastiment friża jew maħżuna f’maħżen kiesaħ jew bastiment reefer li jidhru f’lista mfassla u aġġornata f’konformità mal-Artikolu 127(3), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2017/625 u ppubblikata mill-Kummissjoni.

Artikolu 19

Rekwiżiti speċjali għall-elenkar tal-bastimenti

1.  

Bastiment jista’ jiġi inkluż fil-listi ta’ stabbilimenti msemmija fl-Artikolu 127(3), il-punt (e)(ii) tar-Regolament (UE) 2017/625 dment li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu, u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz ieħor li għalih l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li l-bastiment qiegħed itajjar il-bandiera tiegħu ddelegaw ir-responsabbiltà għall-ispezzjoni tal-bastiment ikkonċernat, jipprovdu lill-Kummissjoni b’komunikazzjoni konġunta li tiddikjara li r-rekwiżiti kollha li ġejjin ġew issodisfati:

(a) 

iż-żewġ pajjiżi terzi jidhru fil-lista ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom, imfassla f’konformità mal-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ prodotti tas-sajd;

(b) 

il-prodotti kollha tas-sajd mill-bastiment ikkonċernat li huma destinati għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni jinħattu l-art direttament fil-pajjiż terz li għalih għandu responsabbiltà delegata l-pajjiż terz li l-bastiment qiegħed itajjar il-bandiera tiegħu rigward l-ispezzjoni tal-bastiment ikkonċernat;

(c) 

l-awtoritajiet kompetenti delegati spezzjonaw il-bastiment u ddikjaraw li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni;

(d) 

l-awtoritajiet kompetenti delegati ddikjaraw li se jispezzjonaw regolarment il-bastiment biex jiżguraw li jibqa’ jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni.

2.  

Bastiment jista’ jiġi inkluż fil-listi ta’ stabbilimenti msemmija fl-Artikolu 127(3), il-punt (e)(ii) tar-Regolament (UE) 2017/625 fuq il-bażi ta’ komunikazzjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu u mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li għalih l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li l-bastiment ikun qiegħed itajjar il-bandiera tiegħu ddelegaw ir-responsabbiltà għall-ispezzjoni tal-bastiment ikkonċernat, jekk ir-rekwiżiti kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) 

il-prodotti kollha tas-sajd mill-bastiment ikkonċernat li huma destinati għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni jinħattu l-art direttament fl-Istat Membru li għalih għandu responsabbiltà delegata l-pajjiż terz li l-bastiment qiegħed itajjar il-bandiera tiegħu rigward l-ispezzjoni tal-bastiment ikkonċernat;

(b) 

l-awtoritajiet kompetenti delegati spezzjonaw il-bastiment u ddikjaraw li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni;

(c) 

l-awtoritajiet kompetenti delegati ddikjaraw li se jispezzjonaw regolarment il-bastiment biex jiżguraw li jibqa’ jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni.

Artikolu 20

Rekwiżiti għall-kunsinni ta’ prodotti komposti

1.  
Il-kunsinni tal-prodotti komposti li ssir referenza għalihom bil-kodiċijiet NM skont l-intestaturi 1517 , 1518 , 1601 00 , 1602 , 1603 00 , 1604 , 1605 , 1702 , 1704 , 1806 , 1901 , 1902 , 1904 , 1905 , 2001 , 2004 , 2005 , 2008 , 2101 , 2103 , 2104 , 2105 00 , 2106 , 2202 jew 2208 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandhom jidħlu fl-Unjoni għat-tqegħid fis-suq biss jekk kull prodott ipproċessat ta’ oriġini mill-annimali li jinsab fil-prodotti komposti, kien ġie prodott fi stabbilimenti li jinsabu f’pajjiżi terzi jew f’reġjuni tagħhom u awtorizzati li jdaħħlu fl-Unjoni dawk il-prodotti pproċessati ta’ oriġini mill-annimali f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament jew inkella fi stabbilimenti li jinsabu fi Stati Membri.
2.  

Sakemm il-Kummissjoni tistabbilixxi lista speċifika ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom awtorizzati li jdaħħlu fl-Unjoni prodotti komposti, il-kunsinni ta’ prodotti komposti minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom jistgħu jidħlu fl-Unjoni, soġġett għall-konformità mar-regoli li ġejjin:

(a) 

il-prodotti komposti msemmija fil-paragrafu 1 li jeħtieġ li jiġu ttrasportati jew li jeħtieġ li jinħażnu f’temperaturi kkontrollati, għandhom joriġinaw minn pajjiżi terzi jew mir-reġjuni tagħhom awtorizzati, skont l-Artikolu 3, sabiex idaħħlu fl-Unjoni kull prodott ipproċessat ta’ oriġini mill-annimali li jinsab fil-prodotti komposti;

(b) 

il-prodotti komposti msemmija fil-paragrafu 1 li ma għandhomx bżonn jiġu ttrasportati jew maħżuna f’temperaturi kkontrollati u li fihom kwalunkwe kwantità ta’ prodotti bbażati fuq il-kolostru jew prodotti tal-laħam, għandhom joriġinaw minn pajjiżi terzi jew mir-reġjuni tagħhom u huma awtorizzati, skont l-Artikolu 3, li jdaħħlu fl-Unjoni l-prodotti bbażati fuq il-kolostru jew il-prodotti tal-laħam li jinsabu fil-prodotti komposti;

(c) 

il-prodotti komposti msemmija fil-paragrafu 1 li ma għandhomx għalfejn jiġu ttrasportati jew maħżuna f’temperaturi kkontrollati u li fihom prodotti pproċessati ta’ oriġini mill-annimali minbarra prodotti bbażati fuq il-kolostru jew prodotti tal-laħam, li għalihom huma stabbiliti rekwiżiti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, għandhom joriġinaw minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li huma awtorizzati, skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, biex idaħħlu fl-Unjoni prodotti tal-laħam, prodotti tal-ħalib, prodotti tas-sajd jew prodotti tal-bajd abbażi tar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika u tal-annimali tal-Unjoni u li huma elenkati ta-inqas għal wieħed minn dawn il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali.

3.  
Il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom li jdaħħlu prodotti komposti fl-Unjoni għandhom jiġu elenkati fl-Anness -I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405 bħala li għandhom pjan ta’ kontroll approvat, f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, għall-ispeċijiet jew il-komoditajiet li minnhom huma dderivati l-prodotti pproċessati ta’ oriġini mill-annimali u li jinsabu fil-prodotti komposti, bl-eċċezzjoni tal-kollaġen, il-ġelatina u l-prodotti raffinati ħafna ta’ oriġini mill-annimali.
4.  
Il-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa li jkun fihom biss prodotti pproċessati ta’ oriġini mill-annimali jew prodotti komposti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ), ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ), jew li fihom biss il-vitamina D3.



KAPITOLU VI

KUNDIZZJONIJIET GĦAD-DĦUL FL-UNJONI FIR-RIGWARD TAĊ-ĊERTIFIKAZZJONI U L-ATTESTAZZJONI

Artikolu 21

Ċertifikat uffiċjali

1.  

Kull kunsinna tal-prodotti li ġejjin għandha tidħol fl-Unjoni biss meta l-kunsinna tkun akkumpanjata minn ċertifikat uffiċjali ħlief fil-każ ta’ kunsinni li għalihom l-Unjoni mhijiex id-destinazzjoni finali:

(a) 

annimali ħajjin li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet NM fit-Tieni Parti, it-Taqsima I, il-Kapitolu 1, tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, fejn dawk l-annimali ħajjin huma annimali li jipproduċu l-ikel;

(b) 

prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem, li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet li ġejjin fit-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87:

(i) 

il-kodiċijiet NM fil-Kapitoli 2 sa 5, 15, 16 jew 29; jew

(ii) 

l-intestaturi SA 0901 , 1702 , 2105 , 2106 , 2301 , 3001 , 3002 , 3501 , 3502 , 3503 , 3504 , 3507 , 3913 , 3926 , 4101 , 4102 , 4103 jew 9602 ;

▼C1

(c) 

nebbieta u żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni ta’ nebbieta u msemmija bis-subintestaturi SA li ġejjin: 0704 90 , 0706 90 , 0708 10 , 0708 20 , 0708 90 , 0712 34 , 0712 35 , 0712 50 , 0712 60 , 0713 10 , 0713 33 , 0713 39 , 0713 40 , 0713 90 , 0910 99 , 1201 10 , 1201 90 , 1207 50 , 1207 99 , 1209 10 , 1209 21 , 1209 91 jew 1214 90 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

▼B

(d) 

dqiq tal-polline li ssir referenza għalih bil-kodiċi NM 1212 99 95 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

(e) 

bebbux ħaj, minbarra bebbux tal-baħar, li ssir referenza għalih bil-kodiċi NM 0307 60 00 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

(f) 

il-prodotti komposti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 20(2), il-punti (a) u (b) ta’ dan ir-Regolament, bl-esklużjoni tal-prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa li ma jkunx fihom prodotti bbażati fuq il-kolostru jew laħam ipproċessat għajr il-ġelatina, il-kollaġen jew prodotti raffinati ħafna ta’ oriġini mill-annimali.

2.  
Meta kunsinni ta’ prodotti tas-sajd jidħlu fl-Unjoni direttament minn bastiment reefer, fabbrika jew friża li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz, iċ-ċertifikat uffiċjali msemmi fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 jista’ jiġi ffirmat mill-kaptan.
3.  
Ma huwa meħtieġ l-ebda ċertifikat uffiċjali għad-dħul fl-Unjoni ta’ kapsuli tal-ġelatina koperti mill-intestaturi SA 3913 , 3926 jew 9602 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, fejn dawk il-kapsuli ma jkunux derivati mill-għadam tar-ruminanti.
4.  

Iċ-ċertifikati uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiċċertifikaw li l-prodotti jikkonformaw:

(a) 

mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 852/2004 u (KE) Nru 853/2004 jew mad-dispożizzjonijiet rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk ir-rekwiżiti;

(b) 

ma’ kwalunkwe rekwiżit speċifiku għad-dħul fl-Unjoni stabbilit f’dan ir-Regolament.

5.  
Iċ-ċertifikati uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu dettalji meħtieġa f’konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar kwistjonijiet tas-saħħa pubblika u tal-annimali.
6.  
Iċ-ċertifikat uffiċjali għan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta, imsemmija fil-paragrafu 1(c), għandhom jakkumpanjaw lill-kunsinna sakemm tasal fid-destinazzjoni tagħha kif indikat fiċ-ċertifikat uffiċjali. Fil-każ li l-kunsinna tinqasam, għandu jkun hemm kopja taċ-ċertifikat uffiċjali ma’ kull parti tal-kunsinna.
7.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz tad-dispaċċ jistgħu jiċċertifikaw kunsinni ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali li jirrikjedu biss attestazzjoni tas-saħħa pubblika, jew kunsinni ta’ nebbieta, li jkunu ġejjin minn pajjiż terz ieħor, jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz tad-dispaċċ ikunu jistgħu jiżguraw il-konformità tal-kunsinni mar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Attestazzjoni privata

1.  

Attestazzjoni privata li tikkonferma li l-kunsinni jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fl-Artikolu 126(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, imħejjija u ffirmata mill-operatur tan-negozju tal-ikel li jkun qiegħed idaħħal oġġetti fl-Unjoni, għandha takkumpanja:

(a) 

il-kunsinni tal-prodotti komposti msemmija fl-Artikolu 20(2), il-punt (b) ta’ dan ir-Regolament, meta l-prodotti komposti ma jkunx fihom prodotti bbażati fuq il-kolostru jew laħam ipproċessat għajr il-ġelatina, il-kollaġen jew prodotti raffinati ħafna ta’ oriġini mill-annimali; u

(b) 

il-kunsinni tal-prodotti komposti msemmija fl-Artikolu 20(2), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament.

2.  
Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, għall-prodotti komposti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, f’konformità mal-Artikolu 48, il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-attestazzjoni privata għandha takkumpanja l-prodotti komposti fil-mument li jitqiegħdu fis-suq.
3.  

L-attestazzjoni privata msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiżgura t-traċċabbiltà tal-kunsinni u għandha tinkludi:

(a) 

informazzjoni rigward il-konsenjatur u l-konsenjatarju tal-oġġetti mdaħħla fl-Unjoni;

(b) 

il-lista ta’ prodotti ta’ oriġini mill-pjanti u prodotti pproċessati ta’ oriġini mill-annimali li jinsabu fil-prodotti komposti, indikati f’ordni dixxendenti tal-piż, kif irreġistrat fil-mument tal-użu tagħhom fil-manifattura tal-prodotti komposti;

(c) 

in-numru tal-approvazzjoni tal-istabbiliment(i) li jimmanifattura(w) il-prodotti pproċessati ta’ oriġini mill-annimali li jinsabu fil-prodotti komposti ġie assenjat malli ngħatat l-approvazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, indikat mill-operatur tan-negozju tal-ikel li qiegħed idaħħal oġġetti fl-Unjoni.

4.  

L-attestazzjoni privata msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiċċertifika li:

(a) 

il-pajjiż terz jew reġjun tiegħu li jipproduċi l-prodotti komposti huwa elenkat tal-inqas għal waħda mill-kategoriji ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali li ġejjin:

(i) 

prodotti tal-laħam;

(ii) 

prodotti tal-ħalib jew prodotti bbażati fuq il-kolostru;

(iii) 

prodotti tas-sajd;

(iv) 

prodotti tal-bajd;

(b) 

l-istabbiliment li jipproduċi l-prodotti komposti jissodisfa standards tal-iġjene rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(c) 

il-prodotti komposti ma għandhomx bżonn jinħażnu jew jiġu trasportati f’temperatura kkontrollata;

(d) 

il-prodotti pproċessati ta’ oriġini mill-annimali fil-prodotti komposti joriġinaw minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom awtorizzati li jdaħħlu kull prodott ipproċessat ta’ oriġini mill-annimali fl-Unjoni, jew mill-Istati Membri, u huma miksuba minn stabbilimenti elenkati;

(e) 

il-prodotti pproċessati ta’ oriġini mill-annimali użati fil-prodotti komposti jkunu għaddew tal-inqas minn wieħed mit-trattamenti msemmija fl-Artikolu 163(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692, b’deskrizzjoni qasira ta’ kwalunkwe proċess li jkunu għaddew minnu u ta’ temperaturi applikati għall-prodott kompost.



KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Referenzi

Ir-referenzi għall-Artikolu 29 tad-Direttiva 96/23/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Tħassir

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/625 jitħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament Delegat imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-15 ta’ Diċembru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Dan l-Anness jistabbilixxi l-informazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti u l-pjan ta’ kontroll aġġornat għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti li pajjiż terz għandu jissottometti għall-finijiet tal-inklużjoni u ż-żamma tiegħu fil-lista msemmija fl-Artikolu 7.

PARTI I

Rekwiżiti ġenerali fir-rigward tas-sottomissjoni tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti u tal-pjan ta’ kontroll aġġornat għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti

1. Il-pjanijiet ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti li pajjiż terz għandu jissottometti, flimkien mat-talba tiegħu għall-inklużjoni fil-lista msemmija fl-Artikolu 7 għal annimali li jipproduċu l-ikel jew għal prodotti ta’ oriġini mill-annimali speċifiċi, għandhom jinkludu l-informazzjoni speċifikata fil-Parti II ta’ dan l-Anness.

2. Wara li pajjiż terz jiġi inkluż fil-lista msemmija fil-punt 1, huwa għandu jippreżenta, biex jinżamm f’dik il-lista, pjan ta’ kontroll aġġornat kull sena għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, bl-informazzjoni speċifikata fil-Parti III.

3. Fi kwalunkwe ħin tista’ tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali biex tikkomplementa l-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti u l-pjan ta’ kontroll aġġornat għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti msemmija fil-punti 1 u 2.

4. Id-dokumenti ta’ gwida rilevanti fir-rigward ta’ sustanzi pprojbiti, ir-residwi tal-prodotti mediċinali veterinarji, ir-residwi tal-pestiċidi u l-kontaminanti, magħmula disponibbli għall-pubbliku mill-Kummissjoni għandhom jitqiesu għas-sottomissjoni tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti u tal-pjan ta’ kontroll aġġornat għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti.

5. Il-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti għandu jintbagħat lill-Kummissjoni b’mod elettroniku, fil-format deskritt fid-dokumenti ta’ gwida msemmija fil-punt 4 jew f’format ieħor, dment li dan jinkludi l-informazzjoni kollha elenkata fil-Partijiet II u III, meta applikabbli.

PARTI II

Pjan ta’ kontroll tal-pajjiżi terzi għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti – informazzjoni meħtieġa

A.    Ambitu tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti

(1) Lista ta’ kategoriji ta’ annimali li jipproduċu l-ikel, prodotti ta’ oriġini mill-annimali, inklużi dawk użati bħala ingredjenti fi prodotti komposti, koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, inklużi dettalji dwar l-ispeċijiet u s-subspeċijiet tal-annimali.

(2) Informazzjoni dwar l-oriġini tal-annimali li jipproduċu l-ikel u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, b’mod partikolari jekk humiex prodotti, fil-pajjiż terz, kompletament minn annimali jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali u li joriġinaw minn dak il-pajjiż jew jekk jinkludux annimali jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali u li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħrajn jew minn Stati Membri. Jekk l-annimali li jipproduċu l-ikel u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali ma jiġux prodotti fil-pajjiż terz li jissottometti l-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini u l-iskop maħsub ta’ dawk l-annimali u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali, b’mod partikolari billi jiġi spjegat jekk il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali humiex maħsuba għad-dħul fl-Unjoni bħala tali jew bħala ingredjenti ta’ prodotti komposti.

(3)  Data nazzjonali dwar il-produzzjoni mis-sena ta’ qabel għall-ispeċijiet tal-annimali u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti.

(4) Spjegazzjoni ta’ jekk, għall-annimali u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali kkonċernati, il-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti jkoprix il-produzzjoni nazzjonali totali jew proporzjon tal-produzzjoni nazzjonali (pereżempju, il-produzzjoni ta’ ċerti azjendi/produtturi u l-volum ta’ ċerti stabbilimenti maħsuba għad-dħul fl-Unjoni). Jekk tkun koperta biss parti mill-produzzjoni nazzjonali, għandha tiġi pprovduta deskrizzjoni tas-sistema stabbilita biex jiġi żgurat li dawk l-annimali u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali biss minn dik il-popolazzjoni segregata koperta mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti jkunu eliġibbli għad-dħul fl-Unjoni.

B.    Awtoritajiet kompetenti responsabbli u s-setgħat legali tagħhom

(1) Dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti: l-isem u l-indirizz tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti ċentrali u d-dettalji tal-punt ta’ kuntatt għall-korrispondenza dwar il-pjanijiet ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti (eż., indirizzi tal-posta elettronika, numri tat-telefown).

(2) Deskrizzjoni tal-istruttura tal-awtoritajiet kompetenti, inklużi, meta rilevanti, id-diversi livelli ta’ organizzazzjoni (eż. ċentrali, reġjonali, lokali), id-dipartimenti involuti u l-organigrammi.

(3) Deskrizzjoni tar-rwol tal-awtoritajiet kompetenti involuti fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, inkluż dwar aspetti relatati mat-tfassil tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, il-koordinazzjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, il-ġbir ta’ kampjuni, il-kollazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riżultati, l-applikazzjoni ta’ miżuri korrettivi, jekk ikun meħtieġ, li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi biex iwaqqfu l-okkorrenza tan-nuqqas ta’ konformità, u s-sottomissjoni ta’ pjani ta’ kontroll aġġornat għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti lill-Kummissjoni.

(4) Il-bażi legali tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, inklużi referenzi għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti d-dritt li jidħlu fil-bini rilevanti, li jiġbru kampjuni, li jwettqu investigazzjonijiet ta’ segwitu meta jinstabu riżultati mhux konformi u li jimponu azzjonijiet korrettivi f’każijiet bħal dawn, pereżempju, restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-annimali, il-qerda tal-annimali jew l-impożizzjoni ta’ multi.

C.    Sustanzi farmakoloġikament attivi

(1) Ir-rekwiżiti ssodisfati mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, b’mod partikolari jekk dawn ir-rekwiżiti humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646 jew rekwiżiti ekwivalenti. Fil-każ tal-aħħar, għandhom jingħataw aktar dettalji dwar kif dawn ir-rekwiżiti jindirizzaw il-punti kollha elenkati fil-Parti II, il-punti C sa K, ta’ dan l-Anness.

(2) Il-lista ta’ gruppi ta’ sustanzi koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti għal kull speċi ta’ annimal u prodott kif speċifikat:

(a) 

fil-punt A.1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1646 għal sustanzi tal-grupp A kif imsemmi fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644;

(b) 

fil-punt B.1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644 għal sustanzi tal-grupp B kif imsemmi fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644. Għal sustanzi tal-grupp B, l-għażla tal-gruppi koperti mill-pjan ta’ kontroll għandha tqis l-awtorizzazzjoni u l-użu ta’ tali sustanzi u r-riskji ta’ residwi fl-annimali u fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni.

(3) Fi ħdan il-grupp ta’ sustanzi koperti mill-pjan ta’ kontroll, il-lista ta’ sustanzi u r-residwi markaturi tagħhom li għandhom jiġu analizzati għall-ispeċijiet u għall-prodotti speċifiċi tal-annimali fil-matriċijiet speċifiċi, inkluża ġustifikazzjoni għall-għażla tagħhom abbażi tal-kriterji tar-riskju stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644.

(4) L-għadd ta’ kampjuni għal kull speċi ta’ annimali u l-prodotti għal kull wieħed mill-gruppi ta’ sustanzi koperti mill-pjan ta’ kontroll abbażi tal-frekwenzi ta’ kontroll stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646 jew garanziji ekwivalenti. Deskrizzjoni tal-kriterji għall-għażla tal-punti ta’ kampjunar u tal-annimali jew tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali li għandhom jittieħdu kampjuni tagħhom abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644.

(5) Deskrizzjoni tal-istrateġija tal-kampjunar, li tispjega kif tindirizza d-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644.

D.    Pestiċidi

(1) Il-lista ta’ sustanzi li sar test għalihom fil-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti u l-għadd korrispondenti ta’ kampjuni għal kull kategorija ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u prodotti ta’ oriġini mill-annimali koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1355.

(2) Ġustifikazzjoni għall-għażla ta’ sustanzi koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, b’mod partikolari li l-firxa ta’ sustanzi li sar test għalihom tkun rappreżentattiva tal-pestiċidi użati.

(3) Il-kontrolli għandhom jipprovdu garanziji dwar il-konformità tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali maħsub għad-dħul fl-Unjoni mal-livelli massimi ta’ residwi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 396/2005. Dawn il-garanziji għandhom jiġu pprovduti għall-pestiċidi kollha awtorizzati fil-pajjiż terz, b’mod partikolari għal dawk il-pestiċidi, li huma awtorizzati fil-pajjiż terz, iżda li mhumiex awtorizzati fl-Unjoni.

(4) Ġustifikazzjoni għall-għażla tal-pestiċidi koperti mill-pjan, filwaqt li jitqiesu r-riskji mill-għalf tal-annimali u mill-ambjent u l-pestiċidi li għalihom huma stabbiliti livelli massimi ta’ residwi fl-Unjoni, kif ukoll ġustifikazzjoni għall-għadd ta’ kampjuni ppjanati, abbażi tal-livell ta’ fiduċja miksub fl-identifikazzjoni ta’ ċertu perċentwal ta’ qbiż tal-livelli massimi ta’ residwu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-annimali u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni.

E.    Kontaminanti

(1) Il-lista ta’ kontaminanti li sar test għalihom fil-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti u l-għadd korrispondenti ta’ kampjuni għal kull kategorija ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u prodotti ta’ oriġini mill-annimali koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/931 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/932.

(2) Ġustifikazzjoni għall-għażla ta’ kontaminanti koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti filwaqt li jitqiesu r-riskji mill-għalf tal-annimali u mill-ambjent, kif ukoll il-kontaminanti li għalihom ġew stabbiliti limiti massimi fl-Unjoni fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti.

F.    Metodi u laboratorji analitiċi

(1) Il-lista ta’ laboratorji uffiċjali jew laboratorji kkuntrattati, jew it-tnejn, involuti fit-twettiq ta’ analiżijiet għall-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti.

(2) L-istatus ta’ akkreditazzjoni, inkluż l-ambitu tal-akkreditazzjoni, ta’ kull wieħed mil-laboratorji uffiċjali li jwettqu analiżijiet għall-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti.

(3) Għal kull wieħed mil-laboratorji, lista tal-metodi kollha użati fil-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, b’indikazzjoni dwar jekk humiex inklużi jew le fl-ambitu tal-akkreditazzjoni għall-matriċijiet speċifiċi koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti.

(4) Għal kull wieħed mil-laboratorji, lista tal-metodi użati fil-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, b’indikazzjoni ta’ jekk humiex ivvalidati f’konformità mar-regoli rilevanti tal-Unjoni, jew regoli ekwivalenti, jew mhux ivvalidati, għall-matriċijiet speċifiċi koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, li tispeċifika l-istandard użat għall-validazzjoni.

(5) Għal kull sustanza li sar test għaliha fil-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, lista tal-metodi analitiċi u l-istandards regolatorji użati għall-interpretazzjoni tar-riżultati analitiċi u r-rekwiżiti ta’ prestazzjoni tal-metodi analitiċi, inkluża informazzjoni dwar:

(a) 

is-sustanza analizzata u r-residwi markaturi;

(b) 

il-matriċijiet analizzati;

(c) 

l-identifikazzjoni tal-metodu analitiku (eż. ELISA, LC-MS/MS, AAS);

(d) 

it-tip ta’ metodu analitiku (skrinjar jew konferma);

(e) 

il-metodi ta’ skrinjar u ta’ konferma użati, il-limiti ta’ detezzjoni u l-limiti ta’ kwantifikazzjoni jew, jekk rilevanti, il-limitu tad-deċiżjoni għall-konferma (CCα) u l-kapaċità ta’ detezzjoni għall-iskrinjar (CCß) kif iddefiniti fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punti (14) u (15) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808;

(f) 

il-konċentrazzjoni li ’l fuq minnha riżultat jitqies bħala mhux konformi għall-finijiet tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti. B’mod partikolari, għandhom jiġu indikati d-differenzi mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

G.    Sustanzi farmakoloġikament attivi awtorizzati fi prodotti mediċinali veterinarji jew bħala addittivi tal-għalf għall-użu f’annimali li jipproduċu l-ikel u projbizzjonijiet fuq l-użu f’annimali bħal dawn

(1) Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola t-tqegħid fis-suq u l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji fir-rigward ta’ speċijiet ta’ annimali li jipproduċu l-ikel koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, inklużi referenzi għad-dispożizzjonijiet rilevanti.

(2) Il-lista ta’ prodotti mediċinali veterinarji awtorizzati għall-ispeċijiet ta’ annimali li jipproduċu l-ikel koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti li tindika għal kull prodott, l-isem tal-prodott, is-sustanza/i farmakoloġikament attiva/i li jinsabu fih u l-ispeċijiet fil-mira. Dawk is-sustanzi li huma awtorizzati fil-pajjiż terz iżda li mhumiex awtorizzati għal tali użu fl-Unjoni għandhom jiġu enfasizzati fil-lista. Il-lista għandha tinkludi wkoll addittivi tal-għalf li huma farmakoloġikament attivi, bħall-antibijotiċi, il-koċċidjostati u l-istomonostati.

(3) Deskrizzjoni tas-sistema stabbilita biex jiġi żgurat li, għal kull waħda mis-sustanzi li huma awtorizzati fil-pajjiż terz għall-użu fl-ispeċijiet ta’ annimali koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, iżda mhux awtorizzati għal tali użu fl-Unjoni, ma hemm l-ebda residwu preżenti f’konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu kkwantifikati b’mod affidabbli f’tali annimali jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni. Għandha tiġi pprovduta evidenza li sustanzi bħal dawn sar test għalihom fil-matriċijiet xierqa fil-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti għall-annimali u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali rilevanti.

(4) Dikjarazzjoni dwar jekk xi waħda mis-sustanzi inklużi fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 hijiex awtorizzata għall-użu fl-ispeċijiet ta’ annimali li jipproduċu l-ikel koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti. Jekk tali sustanzi jkunu awtorizzati, għandha tiġi pprovduta deskrizzjoni tas-sistema li tiżgura li l-annimali ttrattati b’tali sustanzi u prodotti dderivati minnhom ma jkunux eliġibbli għad-dħul fl-Unjoni. Jekk l-użu ta’ sustanzi f’annimali li jipproduċu l-ikel ikun ipprojbit fil-pajjiż terz, għandha tiġi pprovduta referenza għall-bażi legali nazzjonali għal dik il-projbizzjoni.

(5) Konferma li s-sustanzi tal-istilbeni (jiġifieri l-istilbeni, id-derivattivi tal-istilbeni, l-imluħa u l-esteri tagħhom) jew is-sustanzi tirostatiċi mhumiex awtorizzati għall-użu fi speċijiet ta’ annimali li jipproduċu l-ikel koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti, irrispettivament mill-eliġibbiltà tagħhom għad-dħul fl-Unjoni, u referenza għall-bażi legali nazzjonali għal dik il-projbizzjoni.

(6) Dikjarazzjoni dwar jekk is-sustanzi li għandhom azzjoni estroġenika, androġenika jew ġestaġenika u l-beta-agonisti humiex awtorizzati għal skopijiet ta’ promozzjoni tat-tkabbir fl-ispeċijiet ta’ annimali li jipproduċu l-ikel koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti. Jekk tali sustanzi jkunu awtorizzati, għandha tiġi pprovduta deskrizzjoni dettaljata tas-sistema stabbilita biex jiġi żgurat li l-annimali ttrattati ma jkunux eliġibbli għad-dħul fl-Unjoni. Jekk tali sustanzi jew ma jkunux awtorizzati jew ikunu espressament ipprojbiti, għandha tiġi pprovduta referenza għall-bażi legali nazzjonali għall-projbizzjoni.

H.    Informazzjoni speċifika għall-annimali bovini, kaprini u ovini u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali dderivati minnhom, inkluż il-ħalib

(1) Dikjarazzjoni dwar jekk l-estradjol 17-beta u d-derivattivi tiegħu li jixbhu l-esteri humiex awtorizzati u użati fi prodotti mediċinali veterinarji għal kwalunkwe għan fl-ispeċi inkwistjoni, inklużi trattamenti żootekniċi jew terapewtiċi. Jekk tali sustanzi jkunu awtorizzati, għandha tiġi pprovduta deskrizzjoni tas-sistema li tiżgura li l-annimali ttrattati b’tali sustanzi u l-prodotti dderivati minnhom ma jkunux eliġibbli għad-dħul fl-Unjoni. Jekk tali sustanzi jkunu pprojbiti, għandha tiġi pprovduta referenza għall-bażi legali nazzjonali għall-projbizzjoni.

(2) L-annimali bovini, kaprini u ovini u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali derivati minnhom, inkluż il-ħalib eliġibbli għad-dħul fl-Unjoni minn pajjiż terz inklużi f’lista ta’ pajjiżi terzi bi pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti approvat, kif imsemmi fl-Anness -I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405 għandhom joriġinaw minn dak il-pajjiż terz, jew mill-Istati Membri, jew minn pajjiżi terzi oħrajn li jimplimentaw pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti approvat mill-Kummissjoni.

I.    Informazzjoni speċifika għall-għasel

(1) Jekk għat-trattament jew għall-prevenzjoni ta’ mard fin-naħal tal-għasel ikunu awtorizzati sustanzi antimikrobiċi, deskrizzjoni tas-sistema stabbilita biex tipprovdi garanziji li ma jkun hemm l-ebda residwu, f’konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu kkwantifikati, fl-għasel maħsub għad-dħul fl-Unjoni.

(2) L-għasel maħsub għad-dħul fl-Unjoni minn pajjiż terz inkluż f’lista ta’ pajjiżi terzi bi pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti approvat kif imsemmi fl-Anness -I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405 għandu joriġina minn dak il-pajjiż terz, jew mill-Istati Membri, jew minn pajjiżi terzi oħrajn li jimplimentaw pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti approvat mill-Kummissjoni.

J.    Informazzjoni speċifika għall-akkwakultura

(1) Jekk ikunu awtorizzati koloranti għat-trattament u għall-prevenzjoni tal-mard fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, deskrizzjoni tal-koloranti użati u tal-prodotti tas-sajd (inklużi l-krustaċji) li għalihom it-trattament huwa awtorizzat u tas-sistema stabbilita biex tipprovdi garanziji li ma jkun hemm l-ebda residwu f’konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu kkwantifikati fil-prodotti tal-akkwakultura maħsuba għad-dħul fl-Unjoni.

(2) Il-prodotti tal-akkwakultura maħsuba għad-dħul fl-Unjoni minn pajjiż terz inkluż f’lista ta’ pajjiżi terzi bi pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti approvat kif imsemmi fl-Anness -I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405 għandhom joriġinaw minn dak il-pajjiż terz, jew mill-Istati Membri, jew minn pajjiżi terzi oħrajn li jimplimentaw pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti approvat mill-Kummissjoni.

K.    Informazzjoni speċifika għall-annimali ekwini

(1) Deskrizzjoni tas-sistema stabbilita biex jiġi żgurat li l-annimali ekwini ttrattati b’sustanzi pprojbiti jew mhux awtorizzati fl-Unjoni għall-użu f’annimali li jipproduċu l-ikel u prodotti għall-konsum mill-bniedem idderivati minn tali annimali ma jkunux eliġibbli għad-dħul fl-Unjoni. Għandhom jiġu deskritti l-elementi li ġejjin ta’ sistema bħal din:

(a) 

l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-annimali ekwini;

(b) 

iż-żamma tar-rekords tal-għoti ta’ prodotti mediċinali veterinarji;

(c) 

rekords li jindikaw it-trattamenti kollha b’sustanzi farmakoloġikament attivi.

(2) Meta l-annimali ekwini jiġu ttrattati b’sustanzi meqjusa essenzjali skont ir-regoli tal-Unjoni, deskrizzjoni tas-sistema stabbilita biex jiġi żgurat li l-ikel idderivat minn tali annimali ma jkunx eliġibbli għad-dħul fl-Unjoni sakemm ikunu għaddew sitt xhur mill-aħħar trattament.

(3) L-annimali ekwini li jipproduċu l-ikel eliġibbli għad-dħul fl-Unjoni għandhom joriġinaw mill-pajjiż terz, li jkollu l-ħsieb li jdaħħal annimali ekwini fl-Unjoni, jew minn pajjiżi terzi oħrajn li jimplimentaw pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti approvat mill-Kummissjoni.

L.    Informazzjoni speċifika li għandha tiġi pprovduta mill-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 8(1) u (2)

(1) Dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li tikkonferma li l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni bħala tali, jew bħala ingredjenti ta’ prodotti komposti, joriġinaw biss minn pajjiżi terzi inklużi fil-lista ta’ pajjiżi terzi bi pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti approvat għal dawk l-annimali li jipproduċu l-ikel jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali, u li l-proċeduri li għandha stabbiliti għal dan il-għan huma biżżejjed biex jiggarantixxu t-traċċabbiltà u l-oriġini ta’ dawk il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali.

(2) Deskrizzjoni komprensiva, mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, tal-proċeduri stabbiliti fil-pajjiż terz, biex tissostanzja d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 1.

M.    Informazzjoni speċifika għall-budellati tal-annimali

Deskrizzjoni tas-sistema stabbilita biex jiġi żgurat li ma tintuża l-ebda sustanza antimikrobika, li l-użu tagħha fl-annimali li jipproduċu l-ikel huwa pprojbit fl-Unjoni f’konformità mat-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010, fit-trattament tal-budellati.

PARTI III

Pjan ta’ kontroll aġġornat għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti – informazzjoni meħtieġa

A.    Bidliet introdotti fil-pjan ta’ kontroll aġġornat għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti

(1)  Data aġġornata dwar il-produzzjoni tal-annimali u tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali koperti mill-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti u l-impatt fuq l-għadd ta’ kampjuni ppjanati.

(2) Dettalji dwar kwalunkwe bidla li tkun seħħet mis-sottomissjoni annwali preċedenti tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti u li tbiddel l-informazzjoni pprovduta qabel fil-Parti II, il-punti A sa M.

(3) Fin-nuqqas ta’ bidliet, meta rilevanti, għandha tiġi inkluża dikjarazzjoni li ma kien hemm l-ebda bidla fil-Parti II, il-punti A sa M.

B.    Riżultati tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti tas-sena preċedenti

(1) Ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ kontroll għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti tas-sena preċedenti, flimkien mal-pjan ta’ kontroll aġġornat għas-sustanzi farmakoloġikament attivi, għall-pestiċidi u għall-kontaminanti.

(2) Ġustifikazzjoni għal kwalunkwe diskrepanza bejn l-għadd ta’ kampjuni, jew is-sustanzi li kellhom jiġu analizzati, u l-għadd ta’ kampjuni u/jew is-sustanzi analizzati realment.

(3) Dettalji dwar ir-riżultati mhux konformi mal-limiti massimi ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi, il-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi jew il-livelli massimi ta’ kontaminanti tal-Unjoni, inklużi, għal kull wieħed minn dawn ir-riżultati mhux konformi, id-dati tal-kampjunar, id-dati tad-disponibbiltà tar-riżultati analitiċi, ir-residwi markaturi identifikati, il-konċentrazzjonijiet imkejla, il-metodi analitiċi użati u l-laboratorji involuti.

(4) Għal kull wieħed mir-riżultati mhux konformi, deskrizzjoni tal-eżitu tal-investigazzjonijiet ta’ segwitu mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, x’kienet ir-raġuni għan-nuqqas ta’ konformità u kwalunkwe miżura meħuda biex tiġi pprevenuta r-rikorrenza.




ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 24, it-tieni paragrafu



Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/625

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 13

Artikolu 6

Artikolu 14

Artikolu 7

Artikolu 15

Artikolu 8

Artikolu 16

Artikolu 9

Artikolu 17

Artikolu 10

Artikolu 18

Artikolu 11

Artikolu 19

Artikolu 12

Artikolu 20

Artikolu 13

Artikolu 21

Artikolu 14

Artikolu 22



( 1 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2090 tad-19 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward każijiet ta’ nonkonformità suspettata jew stabbilita mar-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-użu jew għar-residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi awtorizzati fi prodotti mediċinali veterinarji jew bħala addittivi tal-għalf jew mar-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-użu jew għar-residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi pprojbiti jew mhux awtorizzati (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 28).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001, (ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1).

( 4 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

( 5 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta (ĠU L 68, 12.3.2013, p. 16).

( 6 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti ta’ oriġini mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).

( 7 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

( 8 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-enzimi tal-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97 (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7).

( 9 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

( 10 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).

Top