Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2023/116/12

    Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni 2023/C 116/12

    PUB/2023/396

    ĠU C 116, 31.3.2023, p. 31–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 116/31


    Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

    (2023/C 116/12)

    Image 1

    Wiċċ nazzjonali għall-munita kommemorattiva l-ġdida taż-2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn Franza

    Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Bil-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw il-muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

    Il-pajjiż emittenti: Franza

    Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi 2024

    Deskrizzjoni tad-disinn: Mitt sena wara l-Logħob Olimpiku tal-1924 ta’ Pariġi, il-belt kapitali Franċiża se terġa’ tospita l-Logħob tas-Sajf fl-2024. Sena qabel it-tnedija tal-Logħob Olimpiku, il-Monnaie de Paris qed tkompli ċ-ċelebrazzjoni billi tgħodd il-ġranet li jwasslu sal-Logħob u billi tenfasizza l-wirt tagħha u dak ta’ Pariġi. Huwa avveniment b’eku internazzjonali li l-intensità tiegħu tiżdied gradwalment fis-snin ta’ qabel l-avveniment, fejn f’dawn l-aħħar snin ġew iddedikati diversi muniti kommemorattivi taż-EUR 2 għal-Logħob Olimpiku.

    Id-disinn tal-munita juri l-figura nazzjonali u l-ikona tan-numismatika Franċiża, il-Mara li Qed Tiżra’, li qed tipprattika l-puġiliżmu, il-prekursur tal-boxing, b’referenza għal-Logħob Olimpiku tal-Antik. Is-siluwett tagħha jinsab fuq quddiem nett, biswit il-Pont-Neuf u l-madwar tiegħu, tipiku taż-żona ta’ Ile de la Cité, wieħed mill-elementi ewlenin tal-pajsaġġ Pariġin. Fl-isfond tidher trakka tal-atletika li fuq in-naħa tal-lemin tagħha hemm l-emblema ta’ Pariġi 2024. Id-data, is-sena, ir-referenza għall-RF u l-marki taz-zekka mdaħħlin taħt l-arkata, fuq il-poġġaman tal-pont u fis-Seine.

    Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

    L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 260 000

    Data tal-ħruġ: Jannar 2023


    (1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

    (2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


    Top