Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2012/071/06

Sejħa pubblika għall-proposti – GP/RPA/ReferNet-FPA/001/12 – ReferNet – In-Netwerk Ewropew għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) tas-Cedefop

ĠU C 71, 9.3.2012, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/8


Sejħa pubblika għall-proposti – GP/RPA/ReferNet-FPA/001/12

ReferNet – In-Netwerk Ewropew għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) tas-Cedefop

2012/C 71/06

1.   Objettivi u deskrizzjoni

Bil-għan li jkun stabbilit netwerk Ewropew għall-VET – ReferNet, din is-sejħa għandha l-iskop li tagħżel applikant wieħed mill-Irlanda u Spanja, rispettivament (ara punt 3 hawn taħt, fil-kriterji ta’ eliġibbiltà), u li ma’ dan l-applikant Cedefop ser jikkonkludi ftehim qafas ta’ sħubija għal erba’ snin; u ma’ kull applikant magħżul tiġi miftehma għotja speċifika għal pjan ta’ ħidma ta’ 8 xhur li jrid isir fl-2012.

Stabbilit fl-1975 u bbażat fil-Greċja sa mill-1995, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) huwa aġenzija tal-Unjoni Ewropea (UE). Rikonoxxut bħala sors awtorevoli ta’ informazzjoni u kompetenza dwar il-VET, il-ħiliet u l-kompetenzi, il-missjoni tiegħu huwa li jappoġġa l-iżvilupp ta’ politika Ewropea dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha.

ReferNet huwa n-netwerk Ewropew ta’ Cedefop għall-VET. Il-missjoni ddedikata għal ReferNet hija li dan jappoġġa lil Cedefop billi jirrapporta dwar sistemi nazzjonali tal-VET u dwar żviluppi ta’ politika u billi jgħolli l-viżibbiltà tal-VET u tal-prodotti ta’ Cedefop. Huwa jinkludi 29 membru magħrufin bħala l-imsieħba nazzjonali ta’ ReferNet minn xi Stat Membru tal-UE, mill-Islanda u min-Norveġja. L-imsieħba nazzjonali ta’ ReferNet huma l-istituzzjonijiet ewlenin involuti fil-VET fil-pajjiż li jirrappreżentaw.

Il-ftehimiet qafas ta’ sħubija jiġu implimentati permezz ta’ ftehimiet speċifiċi ta’ għotja. Għaldaqstant, l-applikanti mhux biss għandhom jissottomettu proposta għal sħubija qafas ta’ 4 snin (li, jekk tintagħżel, twassal għall-firma tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija għas-snin 2012 sal-2015) iżda wkoll l-applikazzjoni tal-għotja għall-azzjoni tal-2012 (li tista’ twassal għall-firma tal-Ftehim Speċifiku ta’ Għotja għal tmien xhur fis-sena 2012). L-applikant irid juri l-kapaċità li jwettaq l-attivitajiet mistennija matul il-perjodu ta’ erba’ snin u jassigura kofinanzjament xieraq tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma.

2.   Baġit u tul tal-proġett

Il-baġit stmat li huwa disponibbli għat-tul tal-erba’ snin tal-ftehimiet qafas ta’ sħubija jammonta għal EUR 4 000 000, jiddependi mid-deċiżjonijiet annwali tal-Awtorità Baġitarja.

Il-baġit totali disponibbli għall-pjan ta’ ħidma annwali tal-2012 (dewmien tal-proġett: 12-il xahar) huwa ta’ EUR 955 000 għas-27 Stat Membru, l-Islanda u n-Norveġja.

L-għotja tvarja skont il-popolazzjoni tal-pajjiż u tingħata għat-twettiq ta’ pjan ta’ ħidma annwali. Il-baġit totali disponibbli għall-pjan ta’ ħidma tal-2012 sejjer jitqassam fuq bażi ta’ tliet gruppi ta’ pajjiżi skont il-popolazzjoni tal-pajjiż:

—   Grupp ta’ pajjiżi 1: Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovenja u l-Islanda. L-ammont massimu tal-għotja: EUR 23 615.

—   Grupp ta’ pajjiżi 2: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, l-Isvezja u n-Norveġja. L-ammont massimu tal-għotja: EUR 33 625.

—   Grupp ta’ pajjiżi 3: Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, Spanja, ir-Renju Unit. L-ammont massimu tal-għotja: EUR 43 620.

Minħabba li l-azzjoni annwali għas-sieħeb ReferNet fl-Irlanda u Spanja se ddum inqas minn 12-il xahar fl-2012, l-għotja relevanti kif mogħtija se tkun inqas mill-massimu msemmi hawn fuq għal kull pajjiż għal dik is-sena.

L-għotja tal-Unjoni hija kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż tal-benefiċjarju (u/jew tal-ko-benefiċjarji) li jridu jiġu ssupplimentati bil-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom stess u/jew kontribuzzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u /jew privati. Il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni ma għandhiex taqbeż 70 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Cedefop jirriserva d-dritt li ma jagħtix il-baġit totali disponibbli.

3.   Kriterji ta’ eliġibbilità

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti jridu jissodifaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

a)

ikunu organizzazzjoni pubblika jew privata, bi status legali u b’personalità ġuridika (persuni fiżiċi, jiġifieri individwi, ma humiex eliġibbli).

b)

ikunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

l-Iralnda,

Spanja.

4.   Data tal-għeluq

L-applikazzjonijiet għall-ftehim qafas ta’ sħubija u l-pjan ta’ ħidma għall-2012 irid jiġi sottomess mhux aktar tard mis-16 ta’ April 2012.

Il-pjan ta’ ħidma għall-2012 wara l-għoti tal-premju għall-ftehim speċifiku ta’ għotja għall-2012 se jibda f’Mejju 2012 u se jdum 8 xhur.

5.   Aktar informazzjoni

Aktar informazzjoni ddettaljata fuq l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħiet għall-proposti, il-formola tal-applikazzjoni u l-annessi tagħha se jkunu disponibbli fuq is-sit tas-Cedefop minn nhar it-13 ta’ Marzu 2012 ’il quddiem f’dan l-indirizz:

http://www.cedefop.europa.eu/EN/working-with-us/public-procurements/calls-for-proposals.aspx

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-test sħiħ tas-sejħa u għandhom jiġu sottomessi fuq il-formoli uffiċjali pprovduti.

L-evalwazzjoni tal-proposti sejra tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali.

L-applikazzjonijiet kollha sottomessi sejrin jiġu evalwati minn kumitat ta’ esperti fuq il-kriterji tal-eliġibbilità, tal-esklużjoni, tal-għażla u tal-għoti stabbiliti fil-verżjoni tat-test komplet tas-sejħa.


Top