Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CC0080

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fit-30 ta’ April 2025.
Zwrotybankowe.pl sp. z o.o. vs Powszechna Kasa Oszczędności Bank Polski S.A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 22(2) – Natura imperattiva ta’ din id-direttiva – Trasferiment favur terz minn konsumatur tal-kreditu tiegħu fil-konfront ta’ bank – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 6(1) – Artikolu 7(1) – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Stħarriġ ex officio mill-qorti nazzjonali tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu li ma huwiex is-suġġett tat-tilwima pendenti quddiem dik il-qorti.
Kawża C-80/24.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:307

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2025 ( 1 )

Kawża C‑80/24

Zwrotybankowe.pl sp. z o.o.

vs

Powszechna Kasa Oszczędności Bank Polski S.A.

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy — Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja — Ċentru, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2008/48/KE — Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi — Artikolu 22(2) — Ċessjoni tal-kreditu tal-konsumatur kontra istituzzjoni bankarja — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) — Locus standi taċ-ċessjonarju — Stħarriġ ex officio mill-qorti nazzjonali tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-ftehim ta’ ċessjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina ulterjorment il-limitazzjonijiet tas-setgħa tal-qrati nazzjonali sabiex jeżaminaw ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali. Żewġ sentenzi importanti f’dan il-qasam, Lintner ( 2 ) u Tuk Tuk Travel ( 3 ) juru li s-setgħat tal-qrati ex officio fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur huma b’mod qawwi “ankrati” fil-kuntest tat-tilwima kif iddefinita mill-partijiet ( 4 ). Kif imfisser b’mod elokwenti mid-duttrina, il-kuntest tal-kawża jiddefinixxi l-“konfini insormontabbli” ( 5 ) għall-qorti, anki jekk il-“linji ta’ demarkazzjoni” ( 6 ) ta’ dawn il-konfini fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur tal-Ewropa jistgħu jiġu “ttraċċati b’mod wiesgħa”.

2.

Il-kwistjoni mqajma, b’mod iktar partikolari, f’din il-kawża, tikkonċerna l-portata tas-setgħat tal-qrati nazzjonali li jeżaminaw ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ ftehim ta’ ċessjoni konkluż bejn konsumatur u kumpannija ċessjonarja, peress li l-ftehim ta’ ċessjoni iservi bħala bażi għal-locus standi ta’ dan iċ-ċessjonarju. Id-diffikultà tinsab fil-fatt li t-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali ma tikkonċernax il-ftehim ta’ ċessjoni, iżda pjuttost ftehim ta’ kreditu għall-konsum, u l-fatt li l-konsumatur ma huwiex parti fil-proċeduri inkwistjoni.

3.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet tiegħi ser jikkonċentraw fuq it-tieni domanda preliminari.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1. Id-Direttiva 93/13/KEE

4.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5.

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

2. Id-Direttiva 2008/48/KE

6.

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14; fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p.46) intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi, fil-paragrafu 2:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrespondi għal din id-Direttiva.”

B.   Id-dritt Pollakk

7.

L-Artikolu 45(1) tal-ustawa z dnia 12 maja 2011 r. o kredycie konsumenckim (il-Liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-Kreditu għall-Konsumatur) (test ikkonsolidat: Dziennik Ustaw (Ġurnal Uffiċjali tal-Liġijiet) tal‑2023, pożizzjoni 1028, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur”) jipprovdi:

“Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-kreditur li jikkonforma mal-Artikolu 29(1), mal-Artikolu 30(1)(1) sa (8), (10), (11), (14) sa (17), mal-Artikoli 31 sa 33, mal-Artikolu 33a u mal-Artikoli 36a sa 36c, il-konsumatur għandu jħallas lura l-kreditu, mingħajr interessi u kwalunkwe spejjeż oħra ta’ kreditu dovuti lill-kreditur, wara li jkun ippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-kreditur, fit-terminu u bil-mod previst fil-ftehim.”

8.

Skont l-Artikolu 509(1) tal-Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili):

“Kreditur jista’, mingħajr il-kunsens tad-debitur, jittrasferixxi (ċessjoni) kreditu lil terz, sakemm dan ma jkunx prekluż mil-liġi, minn stipulazzjoni kuntrattwali jew minn karatteristika tal-obbligu.”

III. Preżentazzjoni fil-qosor tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tad-domandi preliminari

9.

Fit‑3 ta’ Ottubru 2023, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Zwrotybankowe.pl spółka z ograniczoną odpowiedzialnością (Zwrotybankowe.pl kumpannija b’responsabbiltà limitata) (iktar ’il quddiem “Zwrotybankowe.pl”) ippreżentat rikors kontra l-konvenuta Powszechna Kasa Oszczędności Bank Polski spółka akcyjna (Powszechna Kasa Oszczędności Bank Polski kumpannija b’ishma konġunti) (iktar ’il quddiem “PKO Bank”), fejn talbet is-somma ta’ 4 537.45 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 1050), flimkien ma’ interessi statutorji għal dewmien fil-ħlas u spejjeż legali.

10.

Insostenn tat-talba tagħha, Zwrotybankowe.pl indikat li konsumatur kien ittrasferixxa lil Zwrotybankowe.pl id-dritt li titlob mingħand PKO Bank is-somom kollha dovuti lil dan il-konsumatur fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-sanzjoni ta’ “kreditu liberu”. Il-qorti tar-rinviju tispjega li din is-sanzjoni hija prevista fl-Artikolu 45(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur ( 7 ), li jipprevedi, essenzjalment, li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni tal-kreditur fil-ftehim ta’ kreditu għall-konsum, il-konsumatur jista’ jagħmel dikjarazzjoni lill-kreditur, u mbagħad iħallas lura biss l-ammont prinċipali tas-self mingħajr interessi u spejjeż oħra tal-kreditu.

11.

Zwrotybankowe.pl sostniet ukoll li d-dritt għar-rimbors jirriżulta mill-ftehim ta’ kreditu li l-konsumatur kien ikkonkluda ma’ PKO Bank fit‑13 ta’ Settembru 2018 (iktar ’il quddiem “il-ftehim ta’ kreditu”). Zwrotybankowe.pl tallega b’mod iktar speċifiku li PKO Bank li naqset milli twettaq l-obbligi ta’ informazzjoni imposti mill-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur ( 8 ).

12.

PKO Bank talbet li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu, billi sostniet li hija ma kisritx l-obbligi ta’ informazzjoni tagħha fil-konfront tal-konsumatur u li ma kienx hemm ċessjoni effettiva tal-kreditu lil Zwrotybankowe.pl, peress li n-natura tal-obbligu ipprekludiet li jkun hemm ċ-ċessjoni tiegħu lil terz.

13.

Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-proċess nazzjonali jinkludi l-ftehim ta’ ċessjoni konkluż fis‑16 ta’ Jannar 2023 bejn Zwrotybankowe.pl u l-konsumatur (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ ċessjoni”). Skont dan il-ftehim, il-konsumatur ittrasferixxa lil Zwrotybankowe.pl il-krediti pekunjarji kollha eżistenti u futuri kontra PKO Bank li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-sanzjoni “kreditu liberu” kif ukoll mill-effetti ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti jew nulli. Il-ftehim ta’ ċessjoni kien jistipula wkoll li Zwrotybankowe.pl kellha dritt għal 50 % tal-ammont tal-kreditu prinċipali rkuprat mingħand PKO Bank. Barra minn hekk, Zwrotybankowe.pl kienet intitolata għall-ispejjeż legali kollha mogħtija, inklużi l-ispejjeż tar-rappreżentanza legali.

14.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq li tiġi ggwidata dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48, li jipprekludi li l-konsumaturi jirrinunzjaw għad-drittijiet li jingħatawlhom mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ konsumatur lil terz li, bħal f’dan il-każ, jinvoka dawn id-drittijiet f’ismu stess u sussegwentement jirċievi remunerazzjoni ta’ 50 % tal-ammont miksub qabel ma jħallas lura l-50 % li jifdal lill-konsumatur.

15.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2008/48, intiża sabiex tipproteġi lill-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti li jinsabu fil-ftehimiet ta’ kreditu, tiffavorixxi l-preklużjoni taċ-ċessjoni tal-krediti.

16.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jeżaminaw ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

17.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali huwa bbażat fuq il-premessa li l-konsumatur huwa parti fil-proċeduri u li l-intervent tal-qorti jikkumpensa l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur. Madankollu, il-kawża prinċipali hija differenti billi l-konsumatur ma huwiex parti fit-tilwima – iċ-ċessjonarju tal-kreditu huwa l-parti — u l-każ jirrigwarda mhux il-ftehim ta’ ċessjoni iżda pjuttost il-ftehim ta’ kreditu. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubji dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex teżamina n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-ftehim ta’ kreditu, hija fil-fatt għandha dubji dwar l-obbligu tagħha u l-ġurisdizzjoni tagħha li teżamina n-natura inġusta tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim ta’ ċessjoni li fuqu huwa bbażat il-locus standi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

18.

Id-dubji tagħha jirrigwardaw b’mod partikolari l-fatt li, bħala prinċipju, deċiżjoni tal-qorti li l-ftehim ta’ ċessjoni ma huwiex vinkolanti (jew ma huwiex kompletament vinkolanti) ma torbotx lill-qorti f’tilwima eventwali bejn il-konsumatur u l-entità li lilha ġie ttrasferit il-kreditu. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-ftehim ta’ ċessjoni, sa fejn dan jista’ jwassal għall-annullament tiegħu, jista’ jkollha konsegwenzi negattivi għall-konsumatur. Fil-fatt, dan jista’ jwassal għaċ-ċaħda tar-rikors fil-kawża prinċipali minħabba l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti, li lilha ġie ttrasferit il-kreditu. Minn dan jista’ jirriżulta li l-konsumatur lanqas biss jikseb il-parti tal-kreditu li għaliha għandu jew għandha dritt skont il-ftehim ta’ ċessjoni.

19.

Kwistjoni oħra mqajma mill-qorti tar-rinviju hija li stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-ftehim ta’ ċessjoni għandu jsir fl-assenza tal-konsumatur u mingħajr ma jiġi offrut lil dan tal-aħħar il-possibbiltà li jiġi informat bil-konsegwenzi legali li potenzjalment jistgħu jirriżultaw mill-annullament tal-ftehim ta’ ċessjoni.

20.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja — Ċentru, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur jittrasferixxi lil terz, li ma għandux l-istatus ta’ konsumatur, id-drittijiet mogħtija lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva?

(2)

L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-[Direttiva 93/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu tal-imħallef li jeżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali japplika wkoll għal klawżola f’kuntratt għat-trasferiment ta’ krediti konkluż bejn konsumatur u terz, meta t-terz invoka l-imsemmi kuntratt bħala l-locus standi tiegħu fi proċedura ġudizzjarja kontra l-bejjiegħ jew il-fornitur li kien il-parti kontraenti [kontroparti]oriġinali tal-konsumatur?”

21.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

22.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali hija obbligata teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ ftehim ta’ ċessjoni konkluż bejn konsumatur u kumpannija kummerċjali li hi ċessjonarja tal-kreditu tal-konsumatur kontra bejjiegħ jew fornitur li miegħu l-konsumatur ikkonkluda ftehim ta’ kreditu, f’ċirkustanzi li fihom, minn naħa, it-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ma tikkonċernax dan il-ftehim ta’ ċessjoni u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu tal-konsumatur tibbaża ruħha fuq dan il-ftehim ta’ ċessjoni sabiex tibbaża l-locus standi tagħha sabiex tippreżenta rikors kontra l-bejjiegħ jew il-fornitur li kien il-kontroparti oriġinali tal-konsumatur.

23.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju huwa evidenti li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn Zwrotybankowe.pl u PKO Bank. Din it-tilwima tirrigwarda l-ftehim ta’ kreditu konkluż minn PKO Bank mal-konsumatur. Zwrotybankowe.pl issostni li l-obbligu ta’ rimbors tas-somom dovuti lil dan il-konsumatur jirriżulta mill-applikazzjoni tas-sanzjoni “kreditu liberu” minħabba allegat ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-bank waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu ( 9 ) Il-locus standi ta’ Zwrotybankowe.pl jirriżulta mill-ftehim ta’ ċessjoni konkluż bejn il-konsumatur u Zwrotybankowe.pl, li permezz tiegħu l-konsumatur ittrasferixxa liċ-ċessjonarju l-krediti pekunjarji kollha li joħorġu mill-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur filwaqt li Zwrotybankowe.pl kellha dritt għal 50 % tal-ammont tal-kreditu prinċipali li kellu jiġi rkuprat mingħand PKO Bank ( 10 ).

24.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li s-suġġett tal-kawża prinċipali huwa l-ftehim ta’ kreditu; dan ma huwiex l-eżami tal-kundizzjonijiet individwali tal-ftehim ta’ ċessjoni fid-dawl tad-Direttiva 93/13. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex obbligata teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli tal-ftehim ta’ ċessjoni li ma humiex is-suġġett tat-tilwima li hija adita biha, iżda pjuttost jikkostitwixxi l-bażi tal-locus standi ta’ Zwrotybankowe.pl.

1.   L-eżami ex officio mill-qorti tar-rinviju tan-natura inġusta ta’ klawżola tal-ftehim ta’ ċessjoni

25.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni introdotta mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni dgħajfa vis-à-vis il-bejjiegħ jew il-fornitur, fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar tiegħu jew tagħha kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni tiegħu jew tagħha ( 11 ).

26.

Fir-rigward ta’ din il-pożizzjoni iktar dgħajfa, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni mandatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet b’bilanċ effettiv li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom ( 12 ).

27.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio jekk klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 hijiex inġusta u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha quddiemha l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan ( 13 ).

28.

L-eżami obbligatorju li l-qorti nazzjonali adita għandha twettaq ex officio skont id-Direttiva 93/13 huwa limitat, l-ewwel, għall-klawżoli kuntrattwali li n-natura inġusta tagħhom tista’ tiġi kkonstatata abbażi tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt disponibbli fil-proċess quddiem din il-qorti nazzjonali ( 14 ).

29.

It-tieni, tali eżami għandu josserva l-limitazzjonijiet tas-suġġett tat-tilwima, mifhuma bħala r-riżultat li parti tfittex bil-pretensjonijiet tagħha jew tiegħu, fid-dawl tat-talba u tal-motivi ppreżentati għal dan l-għan ( 15 ).

30.

Ibda sabiex, għalkemm il-protezzjoni tal-konsumaturi mixtieqa mid-Direttiva 93/13 teżiġi intervent pożittiv min-naħa tal-qorti nazzjonali adita bil-kawża, huwa madankollu neċessarju, sabiex tingħata din il-protezzjoni, li waħda mill-partijiet fil-kuntratt ikkonċernat tkun bdiet proċeduri ġudizzjarji ( 16 ). Dawn il-proċeduri għandu jkollhom bħala suġġett il-kuntratt ikkonċernat ( 17 ).

31.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effettività tal-protezzjoni li l-qorti nazzjonali għandha tagħti lill-konsumatur, skont id-Direttiva 93/13, permezz ta’ intervent ex officio, ma tistax tasal sal-punt li tinjora jew teċċedi l-limitazzjonijiet tas-suġġett tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet permezz tat-talbiet tagħhom, fid-dawl tal-motivi mressqa minnhom. Għalhekk, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata testendi din il-kawża lil hinn mit-talbiet u mill-motivi ppreżentati lilha ( 18 ).

32.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li azzjoni bejn żewġ bejjiegħa jew fornituri ma hijiex ikkaratterizzata mill-istess sitwazzjoni ta’ żbilanċ li teżisti f’azzjoni bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur tiegħu, li hija l-parti l-oħra fil-kuntratt ( 19 ).

33.

Fil-każ tal-kawża prinċipali, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, il-konsumatur ma huwiex parti. Is-suġġett tal-kwistjoni, kif iddefinit mill-partijiet permezz tat-talbiet u l-motivi tagħhom, jikkonċerna ftehim ta’ kreditu. Il-ftehim ta’ ċessjoni konkluż bejn il-kumpannija ċessjonarja u l-konsumatur ma huwiex is-suġġett tal-kawża mressqa quddiem il-qorti nazzjonali.

34.

F’tali ċirkustanzi, b’differenza mis-sitwazzjoni msemmija mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, la huwa meħtieġ u lanqas neċessarju, sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi intiża mid-Direttiva 93/13, li l-qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn żewġ bejjiegħa jew fornituri, bħal kumpannija ċessjonarja tad-drittijiet ta’ konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur li huwa l-parti l-oħra fil-kuntratt ma’ dan il-konsumatur, li teżamina ex officio jekk klawżola li tinsab fil-ftehim ta’ ċessjoni konkluż minn dan il-konsumatur mal-kumpannija li lilha dan tal-aħħar ittrasferixxa d-drittijiet tiegħu hijiex inġusta.

35.

Soluzzjoni differenti ma tieħux inkunsiderazzjoni l-“elementi kostituttivi” ( 20 ) ta’ kawża ċivili, jiġifieri l-partijiet fil-kawża u s-suġġett tagħha. Kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-setgħat eċċezzjonali tal-qrati nazzjonali fil-qasam tat-tilwim tal-konsumaturi għandhom dejjem jibqgħu fil-kuntest tat-tilwima ċivili.

36.

Madankollu, kif osservat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-limitazzjonijiet għall-intervent ex officio tal-qorti huma bla ħsara għad-dritt tal-konsumatur li jippreżenta rikors sabiex jikkontesta l-ftehim ta’ ċessjoni. Fil-kuntest ta’ tali tilwima futura, il-qorti nazzjonali tkun tista’ għalhekk teżerċita s-setgħa tagħha li teżamina ex officio l-klawżoli inġusti li eventwalment ikunu jinsabu fih.

2.   L-eżami ex officio mill-qorti tar-rinviju tan-natura inġusta ta’ klawżola tal-ftehim ta’ ċessjoni fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors

37.

Il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni separata dwar jekk hijiex obbligata teżamina n-natura inġusta ta’ klawżola waħda jew iktar tal-ftehim ta’ ċessjoni skont l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, bħala parti mill-eżami tagħha tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja mressqa quddiemha, sa fejn il-ftehim ta’ ċessjoni jaffettwa l-locus standi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

38.

Wieħed għandu jiftakar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumatur ( 21 ).

39.

Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jidher mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 24 tagħha, l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi prekluż l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħa jew fornituri ( 22 ).

40.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, f’diversi okkażjonijiet u billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod li bih il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami ta’ jekk klawżola kuntrattwali hijiex inġusta. Dawn il-proċeduri jaqgħu, għalhekk, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn l-Istati; madankollu, dawn il-proċeduri ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 23 ).

41.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, moqrija flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jeħtiġux li l-qorti nazzjonali tistħarreġ ex officio jekk klawżola li tinsab fil-ftehim ta’ ċessjoni hijiex inġusta bħala kundizzjoni preliminari għad-determinazzjoni tal-locus standi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

42.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl tar-regoli proċedurali applikabbli fid-dritt nazzjonali, jekk dan il-prinċipju huwiex osservat fid-dawl tas-suġġett, tal-kawża u tal-elementi essenzjali tal-azzjonijiet kkonċernati ( 24 ).

43.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jitqies bħala dispożizzjoni ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku ( 25 ).

44.

Minn dan isegwi li, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, meta, fid-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali jkollha l-fakultà jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk il-klawżoli ta’ ftehim ta’ ċessjoni invokati mir-rikorrent sabiex jistabbilixxi l-locus standi tiegħu humiex kuntrarji għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandu jkollha wkoll il-marġni ta’ diskrezzjoni jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk dawn il-klawżoli jmorrux kontra l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, peress li jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan.

45.

F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar jekk il-qorti adita b’rikors ta’ kumpannija li lilha l-konsumatur ittrasferixxa l-kreditu tiegħu tistax, jew saħansitra għandhiex, skont id-dritt Pollakk, teżamina ex officio jekk klawżola, bħall-klawżola kontenzjuża dwar ir-remunerazzjoni taċ-ċessjonarju, tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku. Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan l-aspett sabiex teżamina jekk hija tistax, jew saħansitra għandhiex, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, tiddetermina ex officio jekk il-klawżola kontenzjuża hijiex ta’ natura inġusta ( 26 ).

46.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri ( 27 ).

47.

Fir-rigward tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-eżami ex officio tal-ftehim ta’ ċessjoni mill-qorti nazzjonali jista’ jwassal għal konsegwenzi negattivi għall-konsumatur u jista’ jippreġudika l-awtonomija tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar jekk għandux jinvoka jew le l-protezzjonijiet offruti mid-Direttiva 93/13. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-ftehim ta’ ċessjoni tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn dan jiġi ddikjarat null u bla effett. Din in-nullità għandha bħala konsegwenza ċ-ċaħda tat-talba fil-kawża prinċipali minħabba l-assenza ta’ locus standi ta’ Zwrotybankowe.pl, u b’hekk iċċaħħad lill-konsumatur milli jikseb anki parti mill-kreditu.

48.

Bħala osservazzjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat li, kif jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-eventwali konsegwenzi negattivi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli tal-ftehim ta’ ċessjoni huma bbażati fuq il-premessa adottata mill-qorti nazzjonali li tali konstatazzjoni twassal għan-nullità ta’ dan il-ftehim.

49.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-“kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti” ( 28 ).

50.

Għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) in fine, ma huwiex li jiġu annullati l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti, iżda li jissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ effettiv li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-kuntratt inkwistjoni għandu, bħala prinċipju, jibqa’ jeżisti mingħajr ebda emenda oħra minbarra dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti. Sakemm din l-aħħar kundizzjoni tkun issodisfatta, il-kuntratt inkwistjoni jista’, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jinżamm sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, tali kontinwazzjoni tal-kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti tkun legalment possibbli, u dan għandu jiġi vverifikat skont approċċ oġġettiv ( 29 ).

51.

Huwa abbażi ta’ dan l-approċċ oġġettiv u skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk il-kontinwità tal-ftehim ta’ ċessjoni hijiex legalment possibbli wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola waħda jew iktar tiegħu.

52.

Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, jekk hija tikkonkludi, wara eżami ex officio, li klawżola kuntrattwali waħda jew iktar huma inġusti u li l-ftehim ta’ ċessjoni huwa null u bla effett, tali soluzzjoni tista’ tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment sfavorevoli. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio l-klawżoli potenzjalment inġusti hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi kkumpensat l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ ( 30 ). Ikun kuntrarju għal dan l-għan li kieku din is-setgħa jkollha bħala effett negattiv li tippenalizza lill-konsumatur.

53.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li twarrab, jekk ikun hemm bżonn ex officio, il-klawżoli inġusti bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li dik il-qorti ma hijiex obbligata teskludi l-applikabbiltà tal-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie informat dwarha mill-qorti, ma jkollux l-intenzjoni li jinvoka n-natura inġusta jew mhux vinkolanti tagħha, u b’hekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni ( 31 ).

54.

Għalhekk, id-Direttiva 93/13 ma tasalx sal-punt li tirrendi obbligatorja s-sistema ta’ protezzjoni kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti minn bejjiegħa jew fornituri li hija introduċiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Konsegwentement, meta l-konsumatur jippreferi li ma jipprevalixxix ruħu minn din is-sistema ta’ protezzjoni, din ma tiġix applikata ( 32 ).

55.

Fil-kawża prinċipali, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, il-konsumatur ma huwiex parti u l-ftehim ta’ ċessjoni ma huwiex is-suġġett tal-kawża. Skont il-ftehim ta’ ċessjoni, Zwrotybankowe.pl, li hija ċ-ċessjonarja, hi wkoll il-fornitur jew il-bejjiegħ li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-ftehim ta’ ċessjoni. Peress li l-interessi taż-żewġ partijiet fil-ftehim ta’ ċessjoni huma opposti, ma huwiex possibbli li l-perspettiva tal-konsumatur fir-rigward tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-ftehim ta’ ċessjoni tiġi ssostitwita b’dik tal-kumpannija ċessjonarja ( 33 ).

56.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssuġġerixxiet li l-qorti nazzjonali tista’ teżamina jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix il-possibbiltà li jiġu mistħarrġa t-termini tal-ftehim ta’ ċessjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jew fil-kuntest ta’ proċedura distinta, li tista’ twassal għas-sospensjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Zwrotybankowe.pl issottomettiet li, fi proċeduri bħal din quddiem il-qorti tar-rinviju, il-konsumaturi jitħarrku bħala xhieda. Hija tissottometti li f’tali kuntest, il-qrati jkunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw jekk il-konsumaturi humiex kompletament konxji tas-suġġett taċ-ċessjoni u tal-implikazzjonijiet tagħha.

57.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-possibbiltajiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għan-notifika lil terzi tal-proċeduri pendenti u jekk, f’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali tistax tinforma lill-konsumatur dwar l-eventwali natura inġusta ta’ klawżoli inklużi fil-ftehim ta’ ċessjoni.

58.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe possibbiltajiet skont id-dritt proċedurali nazzjonali sabiex il-konsumatur jiġi informat bil-proċedura pendenti u għall-qorti nazzjonali li tinforma lill-konsumatur dwar l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-ftehim ta’ ċessjoni ma għandux ikollha konsegwenzi sfavorevoli għall-konsumatur. Fil-fatt, kif enfasizzajt, essenzjalment, iktar ’il fuq ( 34 ), ir-raġuni wara r-rikonoxximent tas-setgħa tal-qorti li teżamina ex officio l-klawżoli inġusti hija l-protezzjoni tal-konsumaturi. B’mod aktar speċifiku, il-konsumatur ma għandux ikun obbligat li jipparteċipa fi proċeduri ġudizzjarji u l-awtonomija tiegħu jew tagħha mill-ftehim ta’ ċessjoni għandha tiġi osservata. Il-konsumatur lanqas ma għandu jiġi prekluż milli fil-futur iressaq azzjoni ġudizzjarja kontra l-kumpannija ċessjonarja sabiex tiġi ddikjarata n-natura inġusta tal-klawżoli tal-ftehim ta’ ċessjoni.

59.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ ftehim ta’ ċessjoni konkluż bejn konsumatur u kumpannija kummerċjali li hija ċessjonarja tal-kreditu tal-konsumatur fil-konfront ta’ bejjiegħ jew fornitur li miegħu l-konsumatur kien ikkonkluda ftehim ta’ kreditu, f’ċirkustanzi fejn, minn naħa, it-tilwima pendenti quddiem il-qorti nazzjonali ma tikkonċernax dan il-ftehim ta’ ċessjoni u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija kummerċjali li hija ċ-ċessjonarja tal-kreditu tal-konsumatur tibbaża ruħha fuq dan il-ftehim ta’ ċessjoni sabiex taġixxi ġudizzjarjament kontra l-bejjiegħ jew il-fornitur li kien il-kontroparti oriġinali tal-konsumatur. L-applikazzjoni ta’ kwalunkwe possibbiltajiet skont id-dritt proċedurali nazzjonali sabiex il-konsumatur jiġi informat bil-proċeduri pendenti u għall-qorti nazzjonali sabiex tinforma lill-konsumatur dwar il-possibbiltà tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-ftehim ta’ ċessjoni ma għandhiex ikollha konsegwenzi sfavorevoli għall-konsumatur.

V. Konklużjoni

60.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja — Ċentru, il-Polonja) kif ġej:

L-Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur

għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ ftehim ta’ ċessjoni konkluż bejn konsumatur u kumpannija kummerċjali li hija ċessjonarja tal-kreditu tal-konsumatur fil-konfront ta’ bejjiegħ jew fornitur li miegħu l-konsumatur kien ikkonkluda ftehim ta’ kreditu, f’ċirkustanzi fejn, minn naħa, it-tilwima pendenti quddiem il-qorti nazzjonali ma tikkonċernax dan il-ftehim ta’ ċessjoni u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu tal-konsumatur tibbaża ruħha fuq dan il-ftehim ta’ ċessjoni sabiex taġixxi ġudizzjarjament kontra l-bejjiegħ jew il-fornitur li kien il-kontroparti oriġinali tal-konsumatur. L-applikazzjoni ta’ kwalunkwe possibbiltajiet skont id-dritt proċedurali nazzjonali sabiex il-konsumatur jiġi informat bil-proċeduri pendenti u għall-qorti nazzjonali sabiex tinforma lill-konsumatur dwar il-possibbiltà tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-ftehim ta’ ċessjoni ma għandhiex ikollha konsegwenzi sfavorevoli għall-konsumatur.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188).

( 3 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Tuk Tuk Travel (C‑83/22, EU:C:2023:664).

( 4 ) Poissonnier, G.,“L’office du juge en droit de la consommation est lié à l’objet du litige”, Recueil Dalloz, 2020, p. 1394, li jqis li s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188), “marque incontestablement une volonté d’ancrer le relevé d’office dans l’objet du litige”.

( 5 ) Biardeaud, G. u Flores, P., Crédit à la consommation, protection du consommateur, Delmas, 2012, p. 299 (“frontière infranchissable”).

( 6 ) Poissonnier, G., nota ta’ qiegħ il-paġna 4, op. cit., li josserva li “si le juge ne doit pas franchir la ligne de démarcation marquant les contours de l’objet du litige, il lui appartient de retenir un tracé large et flexible de la ligne en question”.

( 7 ) Ara l-punt 7 iktar ’il fuq.

( 8 ) Din id-dispożizzjoni timplimenta, essenzjalment, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, li jistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tissemma fil-ftehimiet ta’ kreditu.

( 9 ) Ara l-punt 10 iktar ’il fuq. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Zwrotybankowe.pl tgħid li l-konsumatur kif ukoll, “bi prekawzjoni eċċessiva”, Zwrotybankowe.pl issottomettew lill-kreditur id-dikjarazzjoni bil-miktub dwar ir-rimbors tal-kreditu mingħajr interessi jew spejjeż oħra, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

( 10 ) Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.

( 11 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25), u tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 51).

( 12 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 36), u tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 52).

( 13 ) Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ibid., punt 28.

( 16 ) Ibid., punt 29.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Tuk Tuk Travel (C‑83/22, EU:C:2023:664, punt 54).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Air Europa Líneas Aéreas (C‑173/23, EU:C:2024:295, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara Cadiet, L., Normand, J. u Amrani-Mekki, S., Théorie générale du procès, it-Tielet Edizzjoni, Presses Universitaires de France, Pariġi, 2020, p. 671.

( 21 ) Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 20).

( 22 ) Ibid., punt 21.

( 23 ) Sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Air Europa Líneas Aéreas (C‑173/23, EU:C:2024:295, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ibid., punt 33.

( 25 ) Ibid., punt 34.

( 26 ) Dan ifisser li jekk, pereżempju, il-qorti nazzjonali għandha, skont id-dritt nazzjonali, is-setgħa li twettaq stħarriġ tal-kundizzjonijiet formali tal-ftehim ta’ ċessjoni li jagħti l-locus standi liċ-ċessjonarju, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ stħarriġ tal-istess natura, għall-kuntrarju ta’ stħarriġ tal-legalità tal-klawżoli tal-ftehim ta’ ċessjoni.

( 27 ) Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 60).

( 28 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 53).

( 29 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju ddenominat f’valuti barranin) (C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 66).

( 30 ) Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.

( 31 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju ddenominat f’valuti barranin) (C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak (C-260/18, EU:C:2019:819, punt 54).

( 33 ) Dan jiddistingwi l-kawża prinċipali mis-sitwazzjoni fis-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Air Europa Líneas Aéreas (C‑173/23, EU:C:2024:295, punt 46 et seq.). Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-kwistjoni tal-eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ma kienx jikkonċerna l-ftehim ta’ ċessjoni bejn il-konsumatur u l-kumpannija kummerċajli li kienet iċ-ċessjonarja tal-kreditu tal-konsumatur iżda pjuttost kien jikkonċerna il-kuntratt ta’ trasport, konkluż bejn il-konsumatur u bejjiegħ jew fornitur (kumpannija tal-ajru) li kien il-kontroparti oriġinali tal-konsumatur. Dak il-kuntratt kien is-suġġett tat-tilwima bejn il-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tad-drittijiet tal-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur (il-kumpannija tal-ajru). F’dawk iċ-ċirkustanzi ġie deċiż li l-kumpannija kummerċjali, li hija ċ-ċessjonarja tad-drittijiet tal-konsumatur kellha tingħata l-opportunità li tistabbilixxi l-perspettiva tagħha dwar il-kwistjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt u tikkontesta dik tal-parti l-oħra.

( 34 ) Punt 52 iktar ’il fuq.

Top