This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0798
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 10 April 2025.#Minister for Justice v SH.#Request for a preliminary ruling from the Supreme Court.#Reference for a preliminary ruling – Police and judicial cooperation in criminal matters – Framework Decision 2002/584/JHA – Article 4a(1) – Surrender procedure between Member States – European arrest warrant – Conditions for execution – Grounds for optional non-execution – Mandatory execution – Exceptions – Concept of ‘trial resulting in the decision’ – Additional sentence of police supervision – Breach of the conditions imposed in connection with that supervision – Decision converting police supervision into a custodial sentence – Sentence handed down in absentia.#Case C-798/23.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-10 ta’ April 2025.
Minister for Justice vs SH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Mandat ta’ Arrest Ewropew – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eżekuzzjoni obbligatorja – Eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija – Ksur tal-kundizzjonijiet imposti abbażi ta’ dan it-tqegħid – Deċiżjoni li tikkonverti t-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena li ċċaħħad il-libertà – Piena ppronunzjata fil-kontumaċja.
Kawża C-798/23.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-10 ta’ April 2025.
Minister for Justice vs SH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Mandat ta’ Arrest Ewropew – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eżekuzzjoni obbligatorja – Eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija – Ksur tal-kundizzjonijiet imposti abbażi ta’ dan it-tqegħid – Deċiżjoni li tikkonverti t-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena li ċċaħħad il-libertà – Piena ppronunzjata fil-kontumaċja.
Kawża C-798/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:265
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fl‑10 ta’ April 2025 ( 1 )
Kawża C‑798/23 [Abbottly] ( i )
Minister for Justice
vs
SH
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew – Kunċett ta’ ‘proċess li jirriżulta fid‑deċiżjoni’ – Konverżjoni ta’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l‑proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ( 2 ), kif emendata bid‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 ( 3 ). |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal‑eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra SH sabiex tiġi eżegwita piena ta’ priġunerija fil-Latvja. |
|
3. |
Mill-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l‑awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li ċċaħħdu l-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma dehritx fiżikament fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm ma jiġux issodisfatti ċerti ċirkustanzi elenkati f’din id-dispożizzjoni. |
|
4. |
Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikoprix proċedura li permezz tagħha qorti tista’ tordna, minħabba ksur tal-kundizzjonijiet ta’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija imposta preċedentement, il-konverżjoni ta’ din il-piena f’piena ta’ priġunerija għal perijodu ugwali għal nofs il-perijodu tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija mhux skontata. |
|
5. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom ser inqis li din id-domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv. |
II. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
6. |
Matul is-sena 2014, SH ġie kkundannat għal żewġ reati kriminali mill-Valmieras rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Valmieras, il-Latvja) u mill-Jēkabpils rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Jēkabpils, il-Latvja), li fihom ġie kkundannat, f’kull każ, għal piena ta’ priġunerija u perijodu ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija. Fis‑27 ta’ Ottubru 2015, dawn il‑kundanni nġabru f’piena ta’ priġunerija ta’ perijodu totali ta’ erba’ snin u disa’ xhur, flimkien ma’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ta’ tliet snin. Skont id-dritt Latvjan, l-eżekuzzjoni ta’ din il‑piena addizzjonali bdiet mill-mument li fih il-piena ta’ priġunerija ġiet skontata minn SH. |
|
7. |
SH ma osservax l-obbligu, rikjest bis-saħħa tal-ordni ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, li jippreżenta ruħu fl-Għassa tal-Pulizija fi żmien tliet ijiem ta’ xogħol wara l-ħelsien tiegħu, minkejja li kien informat preċedentement li, fin-nuqqas li jagħmel dan, kien f’riskju li jiġi kkundannat għal sanzjoni amministrattiva. Konsegwentement, SH ġie misjub ħati ta’ ksur amministrattiv miż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale, il-Latvja), fil‑11 u fis‑27 ta’ Mejju 2020, u minħabba f’hekk, ġie kkundannat għal ħlas ta’ żewġ multi. |
|
8. |
F’każ ta’ żewġ kundanni minħabba l-ksur tar-regoli tas‑sorveljanza tal-pulizija matul l-istess sena, id-dritt Latvjan jipprevedi l-possibbiltà lill-qorti kompetenti li tissostitwixxi l-piena addizzjonali li ma ġietx eżegwita permezz ta’ priġunerija, b’ġurnata ta’ priġunerija għal jumejn ta’ sorveljanza tal-pulizija li jkun fadal. Din il-konverżjoni ta’ piena ssir għalhekk abbażi ta’ proporzjon fiss u stabbilit minn qabel. |
|
9. |
Fix-xahar ta’ Ġunju 2020, il-Pulizija ta’ Jēkabpils (il-Latvja) talbet liż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) tikkonverti l-miżura ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ta’ SH, għall-perijodu li kien għadu jrid jiġi skontat, fi priġunerija. |
|
10. |
Fil‑25 ta’ Ġunju 2020, intbagħtet ċitazzjoni bil-posta rreġistrata fil-post ta’ residenza ta’ SH f’Jēkabpils. Din iċ-ċitazzjoni ma nġabritx u ġiet irritornata fil‑31 ta’ Lulju 2020. |
|
11. |
Fid‑19 ta’ Awwissu 2020, saret seduta quddiem iż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale), fl-assenza ta’ SH. Fl‑istess jum, din il-qorti tat deċiżjoni li biha ordnat li l-perijodu li kien għadu mhux skontat tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ta’ SH, jiġifieri sentejn u jumejn, għandu jiġi kkonvertit f’piena ta’ priġunerija ta’ sena u jum, skont il-proporzjon previst fl-Artikolu 45(5) tal-Krimināllikums (il-Kodiċi Kriminali) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali Latvjan”). Din id-deċiżjoni ntbagħtet lil SH, iżda ġiet irritornata mingħajr ma nġabret. L-imsemmija deċiżjoni lanqas ma kienet is-suġġett ta’ appell min-naħa ta’ SH. |
|
12. |
Fis‑26 ta’ Frar 2021, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra SH għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija mogħtija fid‑19 ta’ Awwissu 2020 miż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale). |
|
13. |
Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) irrifjutat il-konsenja ta’ SH abbażi tat-traspożizzjoni fid‑dritt Irlandiż tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
|
14. |
Peress li l-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet lill-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l‑Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Minister for Justice”) il-possibbiltà li jappella minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal‑Appell, l-Irlanda), dan tal-aħħar talab li jappella kontra l-imsemmija sentenza quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema), u din it-talba ntlaqgħet fid‑19 ta’ Jannar 2023. |
|
15. |
Din il-qorti għandha tendenza li tikkunsidra li l-proċedura Latvjana li twassal għall-konverżjoni tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija hija simili għar-revoka ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li, kif jirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic ( 4 ), ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, in-natura koerżiva ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija tista’ tiġi assimilata mal‑modalitajiet li huma imposti b’mod sistematiku fil-qafas tas‑sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena. |
|
16. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li minn din is‑sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni, ma jkoprix deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal‑applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija qabel, bħar-revoka ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni, ħlief meta din id-deċiżjoni għandha l‑għan jew l-effett li timmodifika n-natura jew il-quantum tal-imsemmija piena u l-awtorità li tat din id-deċiżjoni kellha, f’dan ir-rigward, marġni ta’ evalwazzjoni ( 5 ). |
|
17. |
Issa, din il-qorti tikkonstata li, f’dan il-każ, il-perijodu ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija beda mill-mument li fih il-piena ta’ priġunerija kienet skontata minn SH. Ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni ġudizzjarja li bidlet in-natura u l-quantum tal-piena ta’ priġunerija deċiża preċedentement, peress li f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tat-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, il-perijodu tal-priġunerija li jista’ jiġi deċiż huwa stabbilit permezz ta’ kalkolu aritmetiku previst mid-dritt Latvjan. Għalhekk, iż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) kellha tiddeċiedi biss jekk hemmx lok jew le li tiġi imposta piena ta’ priġunerija addizzjonali, peress li l-perijodu tagħha huwa stabbilit mil‑liġi. |
|
18. |
Huwa għal din ir-raġuni li l-qorti tar-rinviju qieset, b’mod provviżorju, li ma kienx hemm lok li tiġi rrifjutata l-konsenja minħabba li l-piena ta’ priġunerija deċiża fid‑19 ta’ Awwissu 2020 ma kinitx tikkostitwixxi piena ġdida. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal‑priġunerija wara r-reati kommessi minn SH kienu ċari u verifikabbli, u ma kinux jinvolvu deċiżjoni ġdida u lanqas bidla tan-natura jew tal‑quantum tal-piena inizjali. |
|
19. |
Madankollu, din il-qorti għandha ċerti dubji dwar din is‑soluzzjoni. |
|
20. |
Fil-fatt, hija tosserva li l-piena inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik inkwistjoni fis-sentenza Ardic. B’hekk, minkejja li l‑perspettiva ta’ piena ta’ priġunerija ġdida kienet inerenti għall-piena deċiża fl‑2015, is-sentenza mogħtija miż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) mhux sempliċement imponiet fuq il-konvenut li “[j]iskonta, parzjalment jew fl-intier tagħhom, il-pieni li jċaħħdu l‑libertà li ġew inizjalment stabbiliti” ( 6 ). |
|
21. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-piena ta’ priġunerija inizjalment imposta fuq il-konvenut ġiet skontata minnu. Għalhekk, huwa ħaseb li l-piena imposta fuqu miż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) kienet implikat bidla fin-natura jew fil‑quantum tal-piena deċiża preċedentement, liema bidla kienet tikkonsisti fil-konverżjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija f’piena ta’ priġunerija addizzjonali. |
|
22. |
Barra minn hekk, iż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) kellha marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni li tiġi imposta tali piena fuq SH, anki jekk ma kellha l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tagħha. Konsegwentement, il-qorti tar‑rinviju tindika li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tikkonkludi li r-risposta għad-domanda mqajma fir-rigward tal-interpetazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fiċ-ċirkustanzi tal‑appell imressaq quddiemha, tista’ tingħata b’mod li ma tħalli l-ebda lok għal dubju raġonevoli. |
|
23. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
24. |
Il-Minister for Justice, SH, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis‑seduta li saret fid‑9 ta’ Jannar 2025. |
|
25. |
Peress li l-avukat ta’ SH informa lir-Reġistratur tal-Qorti tal‑Ġustizzja li dan tal-aħħar kien arrestat fil-Latvja, il-Qorti tal‑Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2024, bagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar‑rinviju, intiża sabiex tistabbilixxi jekk risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari kinitx utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali. |
|
26. |
Permezz ta’ risposta tal-10 ta’ Mejju 2024, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li SH kien arrestat fil-Latvja u li kien ġie kkonsenjat lill‑awtoritajiet Latvjani b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tas‑17 ta’ Frar 2021, iżda indikat li, inkwantu SH ma kienx ġie ikkonsenjat b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil‑kawża prinċipali u li ma kienx, għalhekk, eskluż li l-awtoritajiet Latvjani japplikaw il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex jiksbu l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija mogħtija kontra SH, risposta għat-talba ta’ deċiżjoni preliminari tibqa’ utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. |
III. Analiżi
|
27. |
Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id‑dispożizzjoni, ikopri proċedura li permezz tagħha qorti tista’ tordna, minħabba ksur tal-kundizzjonijiet ta’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija imposta preċedentement, il-konverżjoni ta’ din il-piena f’piena ta’ priġunerija għal perijodu ugwali għal nofs il-perijodu tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija mhux skontata. |
|
28. |
Minkejja li l-Minister for Justice u l-Gvern Rumen jipproponu li din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv, billi essenzjalment jiżviluppaw argument li huwa bbażat fuq is-sentenza Ardic, SH u l-Kummissjoni jissuġġerixxu li r-risposta għal din id‑domanda għandha tingħata fl-affermattiv billi jitbiegħdu minn din is‑sentenza. |
|
29. |
Jiena naqbel mal-pożizzjoni difiża minn SH u mill-Kummissjoni. |
|
30. |
Qabel ma nesponi r-raġunijiet li għalihom inqis li l-proċedura li wasslet għal deċiżjoni ġudizzjarja li jkun hemm il-konverżjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija hija “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa importanti li jkun iċċarat f’hiex kienet tikkonsisti din l-ewwel piena u b’liema kundizzjonijiet tista’ tingħata mill-qorti kompetenti. |
|
31. |
F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 45 tal‑Kodiċi Kriminali Latvjan, intitolat “Tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija”, li huwa redatt kif ġej ( 7 ): “(1) It-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija hija piena addizzjonali li l‑qorti tista’ tagħti, bħala miżura koerżiva, sabiex tissorvelja l-imġieba tal‑persuna meħlusa minn post ta’ priġunerija u tissottomettiha għal restrizzjonijiet preskritti mill-pulizija. […] (2) Il-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija hija imposta biss meta tingħata piena ta’ priġunerija, fil-każijiet previsti mit-taqsima speċjali ta’ din il-liġi, għal perijodu minimu ta’ sena u li ma jeċċedix tliet snin. […] (4) Jekk persuna kkundannata, waqt li tkun tiskonta piena addizzjonali, ikkommettiet reat kriminali ġdid, il-qorti tissostitwixxi l-perijodu mhux skontat tal-piena addizzjonali bi priġunerija u tistabbilixxi l-piena definittiva skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 51 u 52 ta’ din il‑liġi. (5) Jekk persuna, li t-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija tagħha ġie deċiż b’sentenza tal-qorti, tikser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ tqegħid taħt sorveljanza in mala fede, qorti tista’, fuq talba tal-pulizija, tissostitwixxi l-perijodu mhux skontat ta’ piena addizzjonali bi priġunerija, billi tqis jumejn ta’ tqegħid taħt sorveljanza bħala jum ta’ priġunerija. (6) Ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija jseħħ in mala fede jekk il-persuna tkun is-suġġett ta’ kundanna amministrattiva darbtejn għal tali reat f’perijodu ta’ sena.” |
|
32. |
Fil-qafas ta’ din il-kawża, huwa l-Artikolu 45(5) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan li għandu rilevanza partikolari, inkwantu jipprevedi l‑possibbiltà għall-qorti kompetenti, fuq talba tal-awtorità tal-pulizija kompetenti, li piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija f’każ ta’ ksur, in mala fede, tal-persuna kkundannata tal-kundizzjonijiet li ngħataw ma’ din l-ewwel piena. Din il-konverżjoni għalhekk issir, għall-perijodu tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li għadu mhux skontat, abbażi ta’ proporzjon legali stabbilit ta’ jum ta’ priġunerija għal jumejn ta’ sorveljanza tal‑pulizija li jifdal. |
|
33. |
Sabiex jintwera li tali deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu qabelxejn jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li din id-deċiżjoni qafas hija maħsuba sabiex, bl-introduzzjoni ta’ sistema ssemplifikata u effettiva għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri ( 8 ). |
|
34. |
Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li, skont il-premessa 6 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa kkonkretizzat l-ewwel nett permezz tal-mandat ta’ arrest Ewropew, previst minn din id-deċiżjoni qafas, jikkostitwixxi l-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil‑qasam kriminali. Dan il-prinċipju huwa mfisser fl-Artikolu 1(2) tal‑imsemmija deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi ta’ dan il-prinċipju u skont id-dispożizzjonijiet tal-istess Deċiżjoni Qafas ( 9 ). |
|
35. |
Minn dan isegwi, minn naħa waħda, li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew biss għar-raġunijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, peress li l‑eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tiegħu, huwa mifhum bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta ( 10 ). |
|
36. |
B’mod partikolari, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li timponi fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tikkonsenja lill-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti u għandha, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva ( 11 ). |
|
37. |
Mill-kliem stess tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li ċċaħħad il-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li l‑kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament, f’din id-dispożizzjoni, (a) sa (d), huma ssodisfatti ( 12 ). |
|
38. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjoni b’hekk tillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi telenka, b’mod preċiż u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati ( 13 ). |
|
39. |
Konsegwentement, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li tipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-parti kkonċernata fil-proċeduri li wasslu għad‑deċiżjoni kkonċernata, meta tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija rispettivament, fil-punti (a), (b), (ċ) u (d) tal‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 14 ). |
|
40. |
Fil-fatt, f’kull wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew la tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u lanqas id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, kif stabbiliti fl‑Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 15 ). |
|
41. |
Qabel ma tintalab tivverifika l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a), (b), (ċ) jew (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha madankollu tistabbilixxi jekk għandhiex quddiemha sitwazzjoni li fiha l‑persuna li l-konsenja tagħha ntalbet dehritx fiżikament fil-“proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
42. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet fl-Istati Membri ( 16 ). Dan il‑kunċett għandu jinftiehem bħala li jindika l-proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ( 17 ). |
|
43. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fl-ipoteżi fejn il-proċedura tkun inkludiet diversi istanzi li jkunu wasslu għal deċiżjonijiet suċċessivi, li mill-inqas waħda minnhom tkun ingħatat fil-kontumaċja, l-imsemmi kunċett ikopri l-istanza li wasslet għall-aħħar waħda minn dawn id‑deċiżjonijiet, bil-kundizzjoni li l-qorti kkonċernata tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-ħtija tal-persuna kkonċernata u tkun ikkundannatha għal piena, bħal miżura li tneħħi l-libertà, wara eżami, fil‑fatt kif ukoll fid-dritt, tal-provi inkriminanti u skaġunanti, li jinkludu, jekk ikun il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tagħha ( 18 ). |
|
44. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li, minkejja li ma taffettwax id‑dikjarazzjoni ta’ ħtija magħmula minn dawn id-deċiżjonijiet preċedenti, proċedura li twassal għal sentenza li timponi piena globali, li wasslet għal determinazzjoni mill-ġdid tal-livell ta’ pieni li jneħħu l‑libertà deċiżi preċedentement, għandha titqies li taqa’ taħt l‑applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta tagħti, għal dan l-għan, marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtorità kompetenti u li hija tirriżulta f’deċiżjoni li tiddeċiedi b’mod finali fuq il-piena ( 19 ). |
|
45. |
B’kuntrast ma’ dan, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha Ardic, deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija preċedentement ma tikkostitwixxix “deċiżjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4a(1) ħlief jekk taffettwa d‑dikjarazzjoni ta’ ħtija jew jekk għandha bħala għan jew effett li tibdel jew in-natura, jew il-quantum ta’ din il-piena u li l-awtorità li ppronunzjatha kellhiex, f’dan ir-rigward, marġni ta’ evalwazzjoni ( 20 ). |
|
46. |
Minn dan isegwi li deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal‑eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, minħabba l-ksur mill-persuna kkonċernata ta’ kundizzjoni oġġettiva li tissuġġetta din is-sospensjoni, bħat-twettiq ta’ reat ġdid matul il-perijodu ta’ prova, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4a(1) peress li din ma tbiddilx din il-piena fir-rigward kemm tan-natura tagħha kif ukoll tal-quantum tagħha ( 21 ). |
|
47. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, peress li l‑awtorità inkarigata sabiex tiddeċiedi dwar tali revoka ma hijiex mitluba teżamina mill-ġdid il-mertu tal-kawża li tat lok għall-kundanna kriminali, il-fatt li din l-awtorità għandha marġni ta’ evalwazzjoni ma huwiex rilevanti, sakemm din tal-aħħar ma tippermettilhiex li tbiddel il-quantum jew in-natura tal-piena li ċċaħħad il-libertà, kif ġew stabbiliti mid‑deċiżjoni li tikkundanna b’mod definittiv lill-persuna li tagħha qiegħda tintalab il-konsenja ( 22 ). |
|
48. |
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni ristretta tal‑kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Hija rrilevat li tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 23 ). Fil-fatt, bis-saħħa ta’ din il-ġurisprudenza, minn naħa, il-proċeduri dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-pieni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 24 ), u, min-naħa l-oħra, il-miżuri adottati minn qorti wara li tingħata piena definittiva jew matul l-eżekuzzjoni tagħha jistgħu jitqiesu li huma “pieni”, fis-sens ta’ din il-Konvenzjoni, biss jekk jistgħu jwasslu għal definizzjoni mill-ġdid jew għal tibdil tal-portata tal-piena imposta inizjalment ( 25 ). |
|
49. |
Kemm il-Minister for Justice kif ukoll il-Gvern Rumen iddefendew l-argument li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi assimilata ma’ dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas‑sentenza Ardic. Jekk jiġi adottat approċċ ieħor twassal, fl-opinjoni tagħhom, sabiex il-forma tipprevali fuq il-mertu, sa fejn id-deċiżjoni li tiġi rrevokata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u d‑deċiżjoni li piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija jkollhom effett ekwivalenti. |
|
50. |
Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni. Fil-fatt, jiena inqis, bħal SH u l-Kummissjoni, li għandu jkun hemm distinzjoni bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dik li wasslet għal din is-sentenza, u dan għar-raġunijiet segwenti. |
|
51. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dritt fundamentali bħad-dritt għal smigħ xieraq, għandhom jiġu ttrattati b’attenzjoni l‑argumenti li jimmilitaw favur estensjoni b’analoġija tal-interpretazzjoni ristretta li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tuża fir-rigward ta’ miżuri li, minkejja li jippreżentaw ċerti effetti komparabbli, huma ta’ natura differenti. |
|
52. |
Fil-fatt, jidhirli importanti li jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni ristretta li għandu jingħata l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma għandhiex taħbi l-fatt li d-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-proċess tiegħu jikkostitwixxi element essenzjali tad‑drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar ġenerali, huwa ta’ importanza kbira fir-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq fi proċeduri kriminali, stabbilit fit‑tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47, kif ukoll fl-Artikolu 48 tal‑Karta ( 26 ). |
|
53. |
F’dan ir-rigward, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti EDB ddeċidiet li kundanna in absentia ta’ persuna, li fir-rigward tagħha ma ġiex stabbilit li hija kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha li tidher u li tiddefendi ruħha jew li kellha l-intenzjoni li taħrab mill-ġustizzja, mingħajr il-possibbiltà għaliha, li tikseb sentenza ġdida, wara li tkun instemgħet, fuq il-mertu tal-akkuża, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, li hija kienet is-suġġett tagħha, tikkostitwixxi ċaħda flagranti tal-ġustizzja ( 27 ). |
|
54. |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-oriġini u tal-għanijiet tal‑Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni u tippermetti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi għall‑konsenja tal-persuna kkonċernata minkejja l-assenza tagħha waqt il-proċedura li wasslet għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu osservati b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha. B’mod iktar partikolari, kif jirriżulta b’mod espress mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqri fid-dawl tal-premessi 1, 4, 8 u 15 tagħha, dan l-Artikolu 4a ġie inkluż fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex jiġi protett id-dritt tal‑akkużat li jidher personalment fil-proċeduri kriminali mmexxija kontrih filwaqt li jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri ( 28 ). Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, il‑leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk iddeċieda li jagħti lil dan id-dritt importanza speċifika ( 29 ). |
|
55. |
L-effikaċja tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma għandhiex għalhekk tirrelega għat-tieni pożizzjoni l-ħtieġa li jiġu msaħħa d-drittijiet proċedurali tal-persuni li huma s-suġġett ta’ proċedura kriminali. |
|
56. |
F’din il-perspettiva, l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi applikat b’mod konformi mat-tieni u mat-tielet paragrafu tal‑Artikolu 47, u mal-Artikolu 48 tal-Karta li, kif indikat fis-Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 30 ), jikkorrispondu mal-Artikolu 6 tal-KEDB. Għalhekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47, u tal-Artikolu 48 tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jiksirx dak protett bl-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB ( 31 ). |
|
57. |
Issa, differenti mill-kwistjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni jew ta’ applikazzjoni ta’ piena, deċiżjoni ġudizzjarja li twassal għall-kundanna tal-persuna kkonċernata taqa’ taħt l-aspett kriminali tal-Artikolu 6 tal-KEDB ( 32 ). |
|
58. |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l‑garanziji tal-Artikolu 6 tal-KEDB japplikaw mhux biss għad‑dikjarazzjoni ta’ ħtija, iżda wkoll għad-determinazzjoni tal‑piena. B’hekk, l-osservanza tal-korrettezza tal-kawża timplika d-dritt, għall‑persuna kkonċernata, li tattendi għad-dibattiti minħabba l‑konsegwenzi importanti li dawn jista’ jkollhom fuq il-quantum tal‑piena li ser tkun imposta fuqha ( 33 ). |
|
59. |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat jekk deċiżjoni li tista’, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tkun meqjusa bħala relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena, tistax fir-realtà tkun assimilata ma’ deċiżjoni li tirriżulta f’dikjarazzjoni ta’ ħtija jew ta’ determinazzjoni ta’ piena, f’liema każ il-garanziji tal-Artikolu 6 tal‑KEDB għandhom jiġu applikati. |
|
60. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni inkwistjoni f’din il-kawża tirrigwarda piena addizzjonali u ma tikkostitwixxix deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija preċedentement imposta, differenti mid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ardic. B’hekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma hijiex dik ta’ modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija li tippermetti lill-persuna kkundannata tiskonta tali piena barra mill-ħabs, bl-obbligu li tosserva sensiela ta’ kundizzjonijiet. |
|
61. |
Fit-tielet lok, il-proċedura li permezz tagħha l-qorti kompetenti hija adita mill-awtorità tal-pulizija skont l-Artikolu 45(5) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan taqa’ fil-qafas tal-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, peress li din il-fażi tibda wara li l-piena ta’ priġunerija tkun ġiet skontata. |
|
62. |
Permezz ta’ din il-proċedura, il-qorti kompetenti għandha tiddeċiedi jekk, minħabba ksur mill-persuna kkundannata tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, il-perijodu mhux skontat ta’ din il-piena għandux jiġi ssostitwit b’piena ta’ priġunerija, billi jum ta’ priġunerija jiġi kkunsidrat għal jumejn ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li jifdal. |
|
63. |
Kuntrarjament għall-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ardic, tali deċiżjoni ma għandhiex, fl‑opinjoni tiegħi, tiġi deskritta bħala deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li, kieku kien il-każ, kienet għalhekk tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
|
64. |
Fil-fatt, il-proċedura li permezz tagħha l-qorti kompetenti tista’ tiddeċiedi li tissostitwixxi l-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija b’piena ta’ priġunerija hija ekwivalenti għall-għoti ta’ piena ġdida li n‑natura tagħha hija differenti minn dik inizjalment mogħtija. |
|
65. |
Din il-piena ġdida tista’ tingħata minn din il-qorti jekk hija tqis li l-ksur tal-persuna kkundannata tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija jiġġustifika dan. Il-piena ta’ priġunerija mogħtija eventwalment għalhekk ikollha l-għan li tippenalizza mhux il-ksur kriminali inizjali li wassal għall-għoti, bħala piena addizzjonali, tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, iżda l-ksur speċifiku tal-kundizzjonijiet li din l-aħħar piena ġġib magħha. L‑imsemmija qorti għalhekk għandha tiddeċiedi, wara eżami tas‑sitwazzjoni ta’ din il-persuna, jekk tali ksur jiġġustifikax jew le t‑trasformazzjoni ta’ sempliċi sorveljanza tal-pulizija f’priġunerija. |
|
66. |
Għalhekk, jiena nqis li d-deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija relatata iktar mal-kategorija tad‑deċiżjonijiet li jwasslu għal dikjarazzjoni ta’ ħtija jew tad-determinazzjoni ta’ piena milli ma’ dik ta’ deċiżjonijiet relatati mal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena. Tali deċiżjoni għandha għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
|
67. |
Konsegwentement, hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi kkunsidrat li l-proċedura li wasslet lill-qorti kompetenti tikkonverti, skont l‑Artikolu 45(5) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan, il-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija għandha tiġi assimilata ma’ proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal‑eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ( 34 ). Minn dan jirriżulta li l‑kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ikopri proċedura bħal dik li wasslet għal deċiżjoni ta’ konverżjoni tal-piena inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
68. |
Huwa veru li, kif il-Qorti EDB indikat diversi drabi, id-distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi piena u miżura relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena ma hijiex dejjem ċara fil-prattika ( 35 ). Is‑sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija eżempju ċar peress li, kif indikajt preċedentement, id-deċiżjoni tal-qorti kompetenti tidħol fil‑qafas tal-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija. |
|
69. |
Minkejja dan, anki jekk id-deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba n-natura ibrida tagħha, tiġi analizzata bħala li tikkostitwixxi modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li din id-deċiżjoni għandha l-effett li tibdel in-natura stess ta’ din il-piena u, min-naħa l-oħra, li l-qorti li ddeċidiet dwarha bbenefikat minn marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din il-bidla. Skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti jista’ jiġi kkunsidrat li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha quddiemha “deċiżjoni”, fis-sens tal‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 36 ). Din il-konstatazzjoni ssaħħaħ, fl-opinjoni tiegħi, l-idea li applikazzjoni analoga għall‑konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ardic għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi eskluża. |
|
70. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-ksur ta’ ċerti kundizzjonijiet iġib miegħu r-ritorn fil-ħabs kemm fis-sitwazzjoni inkwistjoni f’din is-sentenza kif ukoll f’dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xorta hemm diversi differenzi bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet. |
|
71. |
B’hekk, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas‑sentenza Ardic, hija l-piena ta’ priġunerija deċiża inizjalment li għandha tiġi eżegwita minħabba r-revoka tas-sospensjoni ( 37 ), peress li din il-piena ma nbidlitx f’dak li jirrigwarda n-natura jew il-livell tagħha ( 38 ). Din ir-revoka terġa’ tattiva għalhekk piena li kienet ġiet definittivament stabbilita fil-mument tal-kundanna, anki jekk kienet sussegwentement sospiża taħt ċerti kundizzjonijiet ( 39 ). Min-naħa l-oħra, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ksur tal-kundizzjonijiet relatati mal‑piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija jagħti lok, jekk il-qorti kompetenti tiddeċiedi b’dan il-mod, għall-għoti ta’ piena ta’ priġunerija ġdida li tissostitwixxi l-piena addizzjonali mogħtija inizjalment. Għalhekk ma hijiex il-piena inizjali ta’ priġunerija, li ġiet skontata fl-intier tagħha, li hija attivata mill-ġdid. Il-bażi tal-priġunerija ma huwiex ir-reat inizjali, iżda l-ksur repetut tal-kundizzjonijiet tas‑sorveljanza tal-pulizija, liema ksur jikkostitwixxi, fid-dritt Latvjan, ksur amministrattiv. |
|
72. |
Ma huwiex ikkontestat li l-piena addizzjonali li ġiet deċiża fil-bidu għalhekk tibdel in-natura tagħha. B’mod partikolari, jidhirli importanti li jiġi enfasizzat li l-konverżjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija f’piena ta’ priġunerija twassal għal bidla ta’ miżura li l-għan tagħha kien jidher prinċipalment preventiv ( 40 ) f’miżura li għandha għan repressiv. Fil-fatt, is-sorveljanza tal-pulizija wara l-ħruġ mill-ħabs ma għandhiex tali għan, iżda hija intiża sabiex tevita r-riskju ta’ reċedività u tgħin lill-persuna meħlusa terġa’ tintegra fis-soċjetà filwaqt li jiġi żgurat li ġġib ruħha b’mod korrett. |
|
73. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Qorti EDB diġà ddeċidiet li miżura ta’ sorveljanza speċjali mill-pulizija “ma għandhiex titqabbel ma’ piena għaliex hija intiża sabiex tipprevedi milli jitwettqu atti kriminali; il‑proċedura relatata magħha għalhekk ma tirrigwardax il-‘mertu’ta’‘akkuża fi kwistjoni kriminali’, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB” ( 41 ). |
|
74. |
Barra minn hekk, il-Qorti EDB iddeċidiet, fir-rigward ta’ miżura ta’ tqegħid ta’ persuna taħt sorveljanza amministrattiva, b’rabta ma’ kundanna kriminali u insegwitu għaliha, li tali miżura ma tikkostitwixxix “piena”, fis‑sens tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, inkwantu l-għan prinċipali ta’ din il‑miżura kien li jipprevjeni r-reċedività, li jagħtiha natura preventiva iktar milli repressiva ( 42 ). |
|
75. |
Inżid li, minkejja li t-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija huwa kklassifikat bħala “piena addizzjonali” fid-dritt Latvjan, dan bl-ebda mod ma jeskludi li jista’ jitqies bħala miżura preventiva. F’dan ir-rigward, il‑Qorti EDB diġà indikat li “l-istess tip ta’ miżura tista’ tkun ikklassifikata bħala piena addizzjonali fi Stat u bħala miżura preventiva f’oħra” ( 43 ). |
|
76. |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, il-qorti kompetenti għandha, fil-qafas ta’ proċedura ġudizzjarja distinta minn dik li wasslet għall-kundanna inizjali, marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konverżjoni eventwali tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija f’piena ta’ priġunerija. Differenti mill-kawża li wasslet għas‑sentenza Ardic, li fiha s-setgħa li kellha l-awtorità ġudizzjarja fir‑rigward tar-revoka tas-sospensjoni ma kinitx relatata mad‑determinazzjoni tal-piena, iżda mal-eżekuzzjoni tagħha ( 44 ), il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-qorti kompetenti f’din il-kawża tirrigwarda l-punt dwar jekk il-ksur tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija huwiex suffiċjentement serju sabiex jiġġustifika l-konverżjoni ta’ din il-piena f’priġunerija. Dan iwassal sabiex jiġi stabbilit jekk għandhiex tingħata piena ġdida li hija ta’ natura differenti. B’mod partikolari, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni jista’ jippermetti lil din il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni jew il‑personalità tal-persuna kkonċernata, jew inkella ċirkustanzi li jippermettu li jiġi spjegat il-ksur minn din il-persuna tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ( 45 ). |
|
77. |
Ċertament, din il-possibbiltà ta’ konverżjoni ta’ piena hija prevista fil-liġi, li tistabbilixxi l-quantum tal-piena ta’ priġunerija li l-qorti kompetenti tista’ tiddeċiedi, abbażi ta’ proporzjon legali stabbilit ta’ jum ta’ priġunerija għal jumejn ta’ sorveljanza tal-pulizija li jifdal. Xorta jibqa’ l-fatt li din il-qorti għandha marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni stess li twettaq din il-konverżjoni. |
|
78. |
Dejjem mill-perspettiva tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l‑qorti kompetenti, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja), li l‑kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirreferi għal sentenza li timponi piena globali, peress li l-proċedura li wasslet għal din is-sentenza tinkludi marġni ta’ evalwazzjoni għad-determinazzjoni tal-livell ta’ din il-piena globali ( 46 ). Kif korrettament enfasizza SH waqt is-seduta, ikun paradossali li tinstab soluzzjoni differenti meta, bħal f’din il-kawża, il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-qorti kompetenti tirrigwarda n-natura stess tal‑piena li l-persuna kkonċernata jkollha tiskonta fi tmiem il-proċedura inkwistjoni, jiġifieri jew iż-żamma tas-sorveljanza tal-pulizija għall‑perijodu li jkun fadal li jiġi skontat, jew il-konverżjoni ta’ din is‑sorveljanza f’piena ġdida ta’ priġunerija abbażi tal-quantum iddefinit mil-liġi. |
|
79. |
Element ieħor jiddistingwi s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ardic. Fil-fatt, f’din tal-aħħar, hija s-sentenza inizjali ta’ kundanna li tikkostitwixxi s-sentenza ta’ eżekuzzjoni abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew. B’hekk, ir-revoka tas-sospensjoni ma timplikax deċiżjoni ġdida relatata mad-determinazzjoni tal-piena li tikkostitwixxi l-bażi tal‑mandat ta’ arrest Ewropew ( 47 ). Hija differenti s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali fejn id-deċiżjoni l-ġdida li tagħti piena ta’ priġunerija minflok il-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li ġiet iddeterminata għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li tikkostitwixxi l-bażi tiegħu ( 48 ). |
|
80. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nikkunsidra li, mill-mument fejn deċiżjoni ġudizzjarja ma hijiex limitata għall-eżekuzzjoni jew għall‑applikazzjoni ta’ piena imposta preċedentement, iżda tibdel in‑natura jew il-quantum ta’ din il-piena, peress li l-qorti kompetenti kellha marġni ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, tali deċiżjoni għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tivverifika l-eżistenza eventwali ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fil‑punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-każ, il-“proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4a(1) u li impona l‑piena ta’ priġunerija, u għalhekk dak li wassal għad-deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena tad‑19 ta’ Awwissu 2020. |
|
81. |
Konsegwentement, il-persuna kkonċernata għandha, fl-istadju tal‑proċedura li għandha bħala għan li tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali konverżjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija, tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża b’mod sħiħ sabiex targumenta, b’mod effettiv, il-punt tagħha u teżerċita b’hekk influwenza fuq id-deċiżjoni finali li tista’ tinvolvi t-tneħħija ta’ libertà individwali tagħha ( 49 ). B’mod partikolari, din il-persuna għandha tkun tista’ ssostni l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu lill‑qorti kompetenti li tiddeċiedi li ma tipproċedix b’tali konverżjoni ta’ piena. |
|
82. |
Il-fatt li deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena tkun prevedibbli, skont l-Artikolu 45(5) u (6) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan, mill-mument tal‑impożizzjoni tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija, f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet relatati ma’ din il-piena huwa, fl-opinjoni tiegħi, irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, tali natura prevedibbli hija konformi mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla peona sine lege. Hija karatteristika ta’ kwalunkwe piena li għandha bażi legali li tkun prevedibbli f’każ ta’ twettiq ta’ reat. Dan ma jipprekludix li l-persuna li tista’ tiġi kkundannata għal tali piena għandha tkun tista’ tinfluwenza d‑deċiżjoni tal-qorti billi tidher fiżikament fil-proċess tagħha. |
|
83. |
Dak li huwa importanti, fid-dawl ta’ din il-kwalifikazzjoni, huwa li l-proċedura relatata mal-konverżjoni ta’ piena tkun tista’ twassal għal priġunerija li, minkejja li l-possibbiltà tagħha kienet prevedibbli f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ sorveljanza tal-pulizija, ma tkunx tagħmel parti, bħala tali, mill-kundanna inizjali u tirrikjedi għalhekk l-għoti ta’ kundanna ġdida li tissostitwixxi l-ewwel waħda. |
IV. Konklużjoni
|
84. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) bil-mod segwenti: L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, moqri fid-dawl tal‑Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li: il-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri proċedura li permezz tagħha qorti tista’ tordna, minħabba ksur tal-kundizzjonijiet ta’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija imposta preċedentement, il-konverżjoni ta’ din il‑piena f’piena ta’ priġunerija għal perijodu ugwali għal nofs il-perijodu tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija mhux skontata. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.
( 3 ) ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”.
( 4 ) C‑571/17 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ardic, EU:C:2017:1026.
( 5 ) Ara s-sentenza Ardic (punt 77).
( 6 ) Ara s-sentenza Ardic (punt 80).
( 7 ) Dan l-artikolu tħassar bil-Liġi tat‑8 ta’ Lulju 2011, li daħal fis-seħħ skont id‑dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi, fl-1 ta’ Jannar 2015. Il-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ġiet issostitwita b’dik ta’ sorveljanza taħt probation.
( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 35 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 36 u l‑ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, G. K. et (Prosekutur Pubbliku Ewropew) (C‑281/22, EU:C:2023:1018, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (C‑396/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja), EU:C:2023:1029, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (C‑514/21 u C‑515/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), EU:C:2023:235, punt 55), kif ukoll id‑digriet tal‑20 ta’ Settembru 2024, Anacco (C‑504/24 PPU, iktar ’il quddiem id‑“digriet Anacco, EU:C:2024:779, punt 42).
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 43).
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punti 49 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 44).
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 41), u Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (punt 40 u l‑ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 45).
( 15 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li daħħlet l‑Artikolu 4a(1) fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija intiża sabiex tirrimedja għad‑diffikultajiet tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża tagħha li huma riżultat tal-eżistenza, fl-Istati Membri, ta’ differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Għal dan il-għan, din id-deċiżjoni qafas tfittex armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ kundanna in absentia, li tirrifletti l-kunsens milħuq mill-Istati Membri kollha dwar il-portata li għandha tingħata, taħt id-dritt tal‑Unjoni, lid-drittijiet proċedurali li jgawdu persuni kkundannati in absentia li jkunu suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 62), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 58).
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (C‑397/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza LM, EU:C:2023:1030, punt 43 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll LM (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punti 29 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara s-sentenza Ardic (punti 77 u 88). Ara, ukoll, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 53).
( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja spjegat li, meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tiġi rrevokata, minħabba kundanna kriminali ġdida, u meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, din il-kundanna kriminali, mogħtija fil-kontumaċja, tikkostitwixxi “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ma huwiex il-każ tad-deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal‑piena msemmija (punt 68).
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.
( 24 ) Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.
( 25 ) Ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 58 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 61 u ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).
( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 48).
( 29 ) Ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 64).
( 30 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 56).
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 87 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll LM (punt 44 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑10 ta’ Novembru 2022, Kupinskyy vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2022:1110JUD000508418, punt 49 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Nirreferi wkoll għas-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Alchaster II (C‑743/24, EU:C:2025:230), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fir-rigward ta’ bidla ta’ sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat li seħħew wara t-twettiq preżunt tar-reat li għalih il-persuna rikjesta qiegħda tiġi akkużata u sabiex tinterpreta t-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, huwa xieraq, sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ jekk miżura tirrigwardax biss il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena jew għall-kuntrarju taffettwax il-portata tagħha, li tinvestiga fuq bażi ta’ każ b’każ dak li l-“piena” imposta jew imġarrba effettivament implikat fid-dritt nazzjonali fiż-żmien inkwistjoni jew, fi kliem ieħor, x’kienet in-natura intrinsika tagħha (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Ardic (punt 77) u Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 53).
( 37 ) Ara s-sentenza Ardic, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-deċiżjonijiet ta’ revoka tas-sospensjoni għandhom biss l-effett li l-persuna kkonċernata jkollha, bħala massimu, tiskonta l-kumplament tat-tul tal-piena kif inizjalment ġiet imposta fuqha. Peress li s-sospensjoni hija rrevokata fl-intier tagħha, il-kundanna terġa’ tipproduċi l-effetti kollha tagħha u d-determinazzjoni tal-quantum tal-piena li għad irid jiġi eżegwit titwettaq b’operat purament aritmetiku, billi n-numru ta’ jiem ta’ priġunerija diġà skontati jiġu sempliċement imnaqqsa mill-piena totali kif ippronunzjata fis-sentenza definittiva ta’ kundanna (punt 81).
( 38 ) Ara s-sentenza Ardic (punt 82).
( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1013, punt 71). B’hekk, f’din is-sitwazzjoni, kienet diġà ngħatat piena ta’ priġunerija u sussegwentement ġiet sospiża għall-perijodu li kien baqa’, b’tali mod li r-revoka ta’ din is-sospensjoni tistabbilixxi mill-ġdid piena ta’ priġunerija mogħtija preċedentement.
( 40 ) Din id-dimensjoni preventiva tas-sorveljanza tal-pulizija ġiet enfasizzata minn SH u mill-Kummissjoni waqt is-seduta.
( 41 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Frar 1994, Raimondo vs L‑Italja (CE:ECHR:1994:0222JUD001295487, punt 43). Ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Frar 2017, De Tommaso vs L‑Italja (CE:ECHR:2017:0223JUD004339509, punt 143).
( 42 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2021, Timofeyev u Postupkin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2021:0119JUD004543114, punti 70 sa 82).
( 43 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Diċembru 2009, M. vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2009:1217JUD001935904, punt 74), kif ukoll tad‑19 ta’ Jannar 2021, Timofeyev u Postupkin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2021:0119JUD004543114, punt 75). Kif irrilevat il-Qorti EDB f’dawn iż-żewġ sentenzi, is-“superviżjoni tal-imġieba ta’ individwu wara l-ħelsien tiegħu, pereżempju, hija kkunsidrata bħala piena addizzjonali fl‑Artikoli 131‑36‑1 et seq. tal-Kodiċi Kriminali Franċiż u bħala miżura preventiva fl-Artikoli 215 u 228 tal-Kodiċi Kriminali Taljan”.
( 44 ) Ara s-sentenza Ardic, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-qorti kompetenti kellha tiddetermina biss jekk il-fatt li l-persuna kkundannata ma kkonformatx ruħha mal‑kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta r-revoka tas-sospensjoni tal‑eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà jiġġustifikax li l-persuna kkundannata tkun fil-fatt meħtieġa li tiskonta, parzjalment jew fl-intier tagħhom, il-pieni li jċaħħdu l-libertà li ġew inizjalment stabbiliti u li l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet, sussegwentement, parzjalment sospiża. Konsegwentement, jekk dik il-qorti kellha, f’dan ir-rigward, marġni ta’ evalwazzjoni, dan il-marġni ma kkonċernax il-livell jew in-natura tal-pieni imposti fuq il-parti kkonċernata, iżda biss il-kwistjoni dwar jekk is-sospensjonijiet kellhomx jiġi rrevokati jew setgħux jinżammu, b’żieda, jekk ikun il-każ, ta’ kundizzjonijiet addizzjonali (punt 80).
( 45 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, fir-rigward tal‑Artikolu 6 tal-KEDB, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Novembru 2013, Aleksandr Dementyev vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2013:1128JUD004309505, punt 26), u, fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-KEDB, is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2021, Timofeyev u Postupkin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2021:0119JUD004543114, punt 79).
( 46 ) Ara l-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza.
( 47 ) Ara s-sentenza Ardic, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-deċiżjonijiet ta’ revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà ppronunzjati preċedentement, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ma affettwawx la n-natura u lanqas il-quantum tal-pieni li jċaħħdu l-libertà imposti mis‑sentenzi preċedenti ta’ kundanna definittiva tal-persuna kkonċernata, li jikkostitwixxu l-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew li tiegħu l-awtoritajiet Ġermaniżi qegħdin jitolbu l-eżekuzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi (punt 78).
( 48 ) Ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 67).
( 49 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza LM (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li r-riżultat li twassal għalih din il-proċedura huwa irrilevanti f’dan il-kuntest.