Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0262

    Kawża T-262/21: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2021 – Yanukovych vs Il-Kunsill

    ĠU C 278, 12.7.2021, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 278/54


    Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2021 – Yanukovych vs Il-Kunsill

    (Kawża T-262/21)

    (2021/C 278/74)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Viktor Fedorovych Yanukovych (Rostov on Don, ir-Russja) (rappreżentant: B. Kennelly, lawyer)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent qed jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/373 tal-4 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/352 tal-4 ta’ Marzu 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (2) (“id-Disa’ Strumenti li Jemendaw” jew “Is-Sanzjonijiet tal-2021”), sa fejn jikkonċernaw ir-rikorrent.

    Ir-rikorrent jitlob ukoll li l-Kunsill jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma vverifikax u ma setax jivverifika li d-deċiżjoni(jiet) tal-awtoritajiet tal-Ukrajna li fuqhom ibbaża ruħu meta elenka lir-rikorrent, ġew adottati f’konformità mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea tad-difiża u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill għamel żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta ddetermina li l-kriterju ta’ denominazzjoni kien issodisfatt. B’mod partikolari, il-Kunsill aċċetta l-materjal ipprovdut mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna mingħajr eżami xieraq u/jew mingħajr ma qies l-ineżattezzi identifikati mir-rikorrent. Il-Kunsill kellu jwettaq verifiki addizzjonali kif ukoll jitlob il-komunikazzjoni ta’ provi addizzjonali mingħand l-awtoritajiet tal-Ukrajna fid-dawl tal-osservazzjonijiet li ressaq ir-rikorrent u l-provi skaġunanti li pproduċa, iżda l-inkjesti limitati tal-Kunsill ma laħqux dak li kien meħtieġ. Konsegwentement, ma hemm l-ebda bażi fattwali solida biżżejjed għas-Sanzjonijiet tal-2021.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-drittijiet tar-rikorrent għall-proprjetà skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġew miksura, billi, fost l-oħrajn, il-miżuri restrittivi huma restrizzjoni mhux iġġustifikata, mhux neċessarja u sproporzjonata fuq dawk id-drittijiet, peress li: (i) ma hemm l-ebda suġġeriment li xi fondi allegatament approprjati indebitament mir-rikorrent jitqiesu li ġew ittrasferiti barra mill-Ukrajna; (ii) miżuri domestiċi tal-Ukrajna huma b’mod ċar adegwati u suffiċjenti; u (iii) il-miżuri restrittivi issa ilhom fis-seħħ għal seba’ snin fuq il-bażi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess li fil-verità hija mejta jew għall-inqas fi staġnar totali.


    (1)  ĠU 2021, L 77, p. 29.

    (2)  ĠU 2021, L 77, p. 2.


    Top