Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0223

    Kawża T-223/21: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2021 – SE vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 278, 12.7.2021, p. 48–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 278/48


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2021 – SE vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-223/21)

    (2021/C 278/69)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: SE (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni COM/2020/1474, li sar jaf biha mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru 2020;

    tannulla d-deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2020 li tiċħad it-talba tiegħu skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li tirrigwarda l-eliġibbiltà tiegħu għal promozzjoni u sabiex jiġi assenjat mill-ġdid jew jingħata grad ieħor f’pożizzjoni ġdida;

    sa fejn neċessarju, tannulla d-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Jannar 2021 u tat-3 ta’ Marzu 2021 rispettivament li jiċħdu l-ilmenti tar-rikorrent tas-16 ta’ Settembru 2020 u tat-2 ta’ Novembru 2020;

    tordna l-kumpens għad-dannu materjali mġarrab minnu li jirriżulta mit-telf tal-opportunità li jiġi ttrasferiet/jinħatar għall-pożizzjoni COM/2020/1474 mill-1 ta’ Settembru 2020, kif stmat fl-applikazzjoni tiegħu;

    tordna l-kumpens għad-dannu materjali mġarrab minnu li jirriżulta mit-telf tal-opportunità ta’ promozzjoni mis-16 ta’ Mejju 2020, kif stmat fl-applikazzjoni tiegħu;

    tordna l-kumpens għad-dannu materjali mġarrab minnu li jirriżulta mit-telf tal-opportunità li jsir uffiċjal abbażi tal-parteċipazzjoni tiegħu f’kompetizzjonijiet interni li huma rriżervati għal membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grad 2(b) AD, kif stmat fl-applikazzjoni tiegħu;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ gruppi ta’ motivi, li jammontaw għal tmien motivi b’kollox.

    L-ewwel grupp ta’ motivi jirrigwarda r-rikors tar-rikorrent sa fejn huwa intiż kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni COM/2020/1474, filwaqt li t-tieni grupp ta’ motivi jirrigwarda r-rikors tiegħu sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni li ċċaħdu mill-opportunità ta’ promozzjoni, għoti ta’ grad ieħor, klassifikazzjoni mill-ġdid u/jew ħatra għal pożizzjoni oħra.

    1.

    L-ewwel motiv (l-ewwel grupp ta’ motivi), ibbażat fuq allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ notifika u nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni.

    Huwa argementat li r-rikorrent qatt ma’ rċieva notifika formali dwar l-eżitu tal-applikazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni vakanti COM/2020/1474, bi ksur tal-obbligu pprovdut fl-Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Huwa sar jaf fil-15 ta’ Settembru 2020 li persuna oħra daħlet fis-servizz f’din il-pożizzjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fil-grad 2(b). Din id-deċiżjoni, hija wkoll, ma ġietx immotivata korrettament.

    2.

    It-tieni motiv (l-ewwel grupp ta’ motivi), ibbażat fuq l-allegazzjoni li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-pożizzjoni COM/2020/1474 hija illegali peress li hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS) – Ksur tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 10(3) taċ-CEOS, tal-kuntratt tar-rikorrent u tal-interess tas-servizz.

    Mid-diversi skambji ta’ posta elettronika, jidher li l-amministrazzjoni taħseb b’mod żbaljat li ma huwiex possibbli għal membru tal-persunal bil-kuntratt fil-Kummissjoni li jikseb kuntratt ieħor bħala membru tal-persunal bil-kuntratt matul il-karriera tiegħu u li skont l-Artikolu 8(2) taċ-CEOS membru tal-persunal bil-kuntratt (TA2(b)) jista’ jkollu kuntratt wieħed biss. Madankollu, ir-rikorrent jargumenta li ma hemm xejn fiċ-CEOS li jsostni dan.

    3.

    It-tielet motiv (l-ewwel grupp ta’ motivi), ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ prattiki amministrattivi stabbiliti, nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament u diskriminazzjoni abbażi ta’ età.

    Ir-rikorrent jargumenta li hemm diversi każijiet fejn membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grad 2b kienu assenjati mill-ġdid għal pożizzjonijiet differenti fejn huma wettqu kompiti u responsabbiltajiet differenti mingħajr il-ħtieġa ta’ kuntratt ġdid, pereżempju taħt il-Junior Professionals Program (JPP).

    4.

    Ir-raba’ motiv (l-ewwel grupp ta’ motivi), ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ trasparenza, ċaħda tad-dritt għal smigħ, u ċaħda ta’ rimedju effettiv.

    L-amministrazzjoni, huwa argumentat, ma kienx trasparenti bil-ġestjoni ta’ din il-proċedura. Kien involut f’prattiki dubjużi li rriżultaw fiċ-ċaħda tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent u tal-possibbiltà ta’ rimedju effettiv.

    5.

    L-ewwel motiv (it-tieni grupp ta’ motivi), ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ interpretazzjoni irregolari tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 10(3) taċ-CEOS – Ksur tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 10(3) taċ-CEOS, tal-kuntratt tar-rikorrent u tal-interess tas-servizz.

    Huwa argumentat li l-pożizzjoni tal-amministrazzjoni li tiċħad lir-rikorrent promozzjoni, għoti ta’ grad ieħor, klassifikazzjoni mill-ġdid u/jew ħatra għal pożizzjoni oħra hija manifestament żbaljata u hija nieqsa minn bażi legali għar-raġunijiet spjegati fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

    6.

    It-tieni motiv (it-tieni grupp ta’ motivi), ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament u diskriminazzjoni abbażi ta’ età bejn membri tal-persunal bil-kuntratt 2(b) fil-Kummissjoni.

    Fir-rigward tal-eliġibbiltà tar-rikorrent li japplika u jkun ittrasferiet għal pożizzjonijiet oħra għal membri tal-persunal bil-kuntratt, u b’mod speċifiku għal pożizzjonijiet vakanti ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt taħt l-Artikolu 2(b) taċ-CEOS, ir-rikorrent jallega li l-amministrazzjoni tadotta prattiki diskriminatorji bejn applikanti JPP, li huma wkoll membri tal-persunal bil-kuntratt 2(b), u r-rikorrent, li huwa wkoll membrui tal-persunal bil-kuntratt 2(b).

    7.

    It-tielet motiv (it-tieni grupp ta’ motivi), ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn membri tal-persunal bil-kuntratt 2(b) ta’ entitajiet differenti tal-Unjoni.

    Il-possibbiltà ta’ promozzjoni għal membri tal-persunal bil-kuntratt 2(b) ġiet irrikonoxxuta b’mod espliċitu minn istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea. Bin-nuqqas ta’ organizzazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ promozzjoni u bin-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-istess dritt għal promozzjoni għal membri tal-persunal bil-kuntratt 2(b), il-Kummissjoni Ewropea tittratta lil tali membri tal-persunal bil-kuntratt b’mod inqas favorevoli minn istituzzjonijiet u korpi oħra.

    8.

    Ir-raba’ motiv (it-tieni grupp ta’ motivi), ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn membri tal-persunal bil-kuntratt 2(b) u membri tal-persunal bil-kuntratt oħra fil-Kummissjoni.

    Fir-rigward ta’ promozzjoni jew klassifikazzjoni mill-ġdid, in-nuqqas tal-amministrazzjoni li torganizza eżerċizzji ta’ promozzjoni jew li tippermetti promozzjonijiet individwali jwassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ir-rikorrent, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt 2(b), meta mqabbel ma’ kategoriji oħrajn ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, u b’mod partikolari, membri tal-persunal bil-kuntratt 2(a) u 2(c).


    Top