Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0527

    Kawża C-527/21 P: Appell ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2021 minn XC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-10 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-488/18, XC vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 490, 6.12.2021, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 490/20


    Appell ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2021 minn XC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-10 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-488/18, XC vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-527/21 P)

    (2021/C 490/19)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellant: XC (rappreżentant: F. Rosi, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-488/18, XC vs Il-Kummissjoni;

    tannulla t-tliet deċiżjonijiet ikkontestati fl-ewwel istanza, jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa għad-dannu, iddeterminat fuq bażi ekwa mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew, sussidjarjament, tordna r-rinviju lill-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi jew, sussidjarjament, tirriżerva l-kwistjoni tal-ispejjeż, b’rinviju għall-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appell huwa maqsum f’erba’ partijiet.

    L-ewwel parti, dwar iċ-ċaħda tat-talba għall-annullament tal- lista ta’ riżerva tal-Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/356/18 (punti 173 sa 182 tas-sentenza appellata)

    F’dan ir-rigward, l-appellant jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza f’materji ta’ tħassir tal-lista ta’ riżerva għal kompetizzjonijiet ġenerali, il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u n-natura illoġika tas-sentenza appellata kif ukoll id-distorsjoni u l-iżnaturament tal-fatti tal-kawża.

    It-tieni parti, dwar iċ-ċaħda tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2018) 3969 tad-19 ta’ Ġunju 2018 dwar l-aċċess għad-dokumenti (punti 141 sa 172 tas-sentenza appellata)

    F’dan ir-rigward, l-appellant iqajjem il-ksur tal-prinċipji legali stabbiliti fis-sentenza T-515/14 P, Alexandrou vs Il-Kummissjoni, il-ksur tal-prinċipji ta’ unità u konsistenza tad-dritt tal-Unjoni, il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), il-ksur proċedurali li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar uħud mill-kapijiet ta’ konklużjoni tal-appell kif ukoll id-deformazzjoni u l-iżnaturament tal-fatti tal-kawża.

    It-tielet parti, dwar iċ-ċaħda tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/338/17 tal-4 ta’ Diċembru 2017 li l-appellant ma jitħalliex jgħaddi għall-fażi segwenti tal-kompetizzjoni (punti 78 sa 99 tas-sentenza appellata)

    L-appellant isostni l-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43/KE (2), l-illoġiċità manifesta tas-sentenza appellata, żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 1d tal-imsemmija Regolamenti.

    Ir-raba’ parti, dwar il-kumpens tad-dannu u l-ispejjeż (punti 183 sa 198 tas-sentenza appellata)

    L-appellant isostni li l-intestaturi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar il-kumpens għad-danni u l-ispejjeż għandhom ukoll jiġu annullati peress li huma marbuta mill-qrib maċ-ċaħda tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati fl-ewwel istanza.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    (2)  Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Jannar 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


    Top