Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0504

    Kawża C-504/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Stade (il-Ġermanja) fis-17 ta’ Awwissu 2021 – rikorrenti 1 et vs Bundesrepublik Deutschland

    ĠU C 490, 6.12.2021, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 490/18


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Stade (il-Ġermanja) fis-17 ta’ Awwissu 2021 – rikorrenti 1 et vs Bundesrepublik Deutschland

    (Kawża C-504/21)

    (2021/C 490/18)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Verwaltungsgericht Stade

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: rikorrent 1, rikorrent 2, rikorrent 3, rikorrent 4, rikorrent 5

    Konvenut: Bundesrepublik Deutschland (irrappreżentata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge)

    Domandi preliminari

    a.

    Ġustizzjabbiltà

    1.

    L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) (1), jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iżda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru rikjest huwa obbligat li jiggarantixxi lill-applikanti, inklużi tfal, li jirrisjedu fl-Istat Membru rikjedenti u li jitolbu li jiġu ttrasferiti skont l-Artikoli 8, 9 jew 10 tar-Regolament Dublin III, jew lill-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu fl-Istat rikjest fis-sens tal-Artikoli 8, 9 jew 10 tal-imsemmi regolament, rimedju effettiv quddiem waħda mill-qrati tiegħu kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal teħid ta’ inkarigu?

    2.

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda a.1:

    F’dan il-każ, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni suffiċjenti fir-Regolament Dublin III, id-dritt għal rimedju effettiv imsemmi fl-ewwel domanda jirriżulta direttament mill-Artikolu 47 tal-Karta, jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Artikoli 7, 9 u 33 tal-Karta (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C-63/15, punti 51 u 52 (3), u tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C-670/16, EU:C:2017:587, punt 58 (4))?

    3.

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda a.1 jew għad-domanda a.2:

    L-Artikolu 47 tal-Karta, jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, X u X, C--47/17 u C-48/17 (5)), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru rikjest għandu l-obbligu li jinforma lill-Istat Membru rikjedenti dwar rikors tal-applikanti għal ażil kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal teħid ta’ inkarigu u li l-Istat Membru rikjedenti għandu l-obbligu, sal-eżitu negattiv tal-proċedura ta’ rikors, li ma jagħti l-ebda deċiżjoni fuq il-mertu rigward l-applikazzjoni għal ażil tal-applikanti?

    4.

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda a.1 jew għad-domanda a.2:

    F’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, l-Artikolu 47 tal-Karta, jekk ikun il-każ b’teħid inkunsiderazzjoni tal-valuri espressi fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jobbliga lill-qrati tal-Istat Membru rikjest li jiggarantixxu l-protezzjoni ġudizzjarja fil-forma ta’ proċedura ta’ urġenza? Huma stabbiliti perijodi li fihom il-qrati tal-Istat Membru rikjest għandhom jagħtu deċiżjoni dwar ir-rikors?

    b.

    Trasferiment ta’ responsabbiltà

    1.

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1560/2003 kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat-30 ta’ Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (6) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), jipproduċi, fil-prinċipju, trasferiment ta’ responsabbiltà, li ma jistax jiġi kkontestat, lill-Istat Membru rikjedenti, jekk l-Istat Membru rikjest jiċħad fit-termini stabbiliti kemm it-talba inizjali tal-Istat Membru rikjedenti kif ukoll it-talba għal eżami mill-ġdid (ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, X u X, C-47/17 u C-48/17, EU:C:2018:900, punt 80)?

    2.

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda b.1:

    Dan huwa wkoll il-każ meta d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-Istat Membru rikjest ikunu illegali?

    3.

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda b.2:

    L-applikant għal ażil jista’, fl-Istat Membru rikjedenti, jinvoka kontra l-Istat Membru rikjest trasferiment ta’ responsabbiltà illegali (minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ kriterji ta’ responsabbiltà fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja – Artikoli 8 sa 11 u 16, kif ukoll l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Dublin III)?

    c.

    Applikazzjoni sussegwenti

    1.

    L-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jeskludux l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III u tal-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu skont il-Kapitolu VI, Taqsima II tar-Regolament Dublin III meta l-applikanti kienu diġà ppreżentaw applikazzjoni għal ażil fl-Istat Membru rikjedenti u fejn din ġiet inizjalment miċħuda minħabba inammissibbiltà minn dan l-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 33(2)(c), moqri flimkien mal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (7), iżda fejn, minn dak iż-żmien, pereżempju minħabba s-sospensjoni de facto tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 (ara Answer given by Ms Johansson on behalf of the European Commission Question reference: P-000604/2021, tal-1 ta’ Ġunju 2021), inbdiet proċedura ta’ applikazzjoni sussegwenti ammissibbli fl-Istat Membru rikjedenti?

    2.

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda c.1:

    Fis-sitwazzjoni deskritta fid-domanda c.1, l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeskludux l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III u tal-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu skont il-Kapitolu IV, Taqsima II, tar-Regolament Dublin III f’każijiet fejn huma applikabbli kriterji ta’ responsabbiltà fil-qasam ta’ riunifikazzjoni tal-familja (Artikoli 8 sa 11 u 16 tar-Regolament Dublin III)?

    3.

    L-Artikolu 17(2) tar-Regolament Dublin III jibqa’ applikabbli meta l-applikanti jkunu diġà ppreżentaw applikazzjoni għal ażil fl-Istat Membru rikjedenti u din tkun ġiet inizjalment miċħuda minħabba inammissibbiltà minn dan l-Istat skont l-Artikolu 33(2)(c), moqri flimkien mal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32, iżda fejn, minn dak iż-żmien, pereżempju minħabba s-sospensjoni de facto tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 (ara Answer given by Ms Johansson on behalf of the European Commission Question reference: P-000604/2021, tal-1 ta’ Ġunju 2021), inbdiet proċedura ta’ applikazzjoni sussegwenti ammissibbli fl-Istat Membru rikjedenti?

    4.

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda c.3:

    L-Artikolu 17(2) tar-Regolament Dublin III jagħti lill-applikanti għal ażil dritt suġġettiv li jista’ jiġi invokat fl-Istat Membru rikjest? Għal dan il-għan, jeżistu rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni rigward l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali, bħar-rispett tal-unità tal-familja, l-aħjar interessi tal-wild, jew dan huwa rregolat biss mid-dritt nazzjonali?

    d.

    Drittijiet suġġettivi ta’ membru tal-familja li jirresjedi fl-Istat Membru rikjest.

    Membru tal-familja li diġà jirresjedi fl-Istat Membru rikjest għandu dritt, li jista’ jiġi eżerċitat quddiem qorti, għall-osservanza tal-Artikoli 8 et seq. tar-Regolament Dublin III u tar-regoli dwar trasferiment marbuta magħhom (Artikoli 18, kif ukoll 29 et seq., tar-Regolament Dublin III, jekk ikun il-każ moqrija flimkien mal-premessi 13, 14 u 15 tal-imsemmi regolament moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta) jew tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Dublin III?


    (1)  ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.

    (3)  ECLI:EU:C:2016:409.

    (4)  ECLI:EU:C:2016:409.

    (5)  ECLI:EU:C:2018:900.

    (6)  ĠU 2014, L 39, p. 1.

    (7)  ĠU 2013, L 180, p. 60.


    Top