EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0370

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2021.
Pro Rauchfrei e.V. vs JS e.K.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk – Direttiva 2014/40/UE – Ittikkettjar u ppakkjar – Artikolu 8(8) – Twissijiet tas-saħħa li għandhom jinġiebu fuq kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk u fuq kull ippakkjar estern – Distributur awtomatiku ta’ pakketti tas-sigaretti – Twissijiet tas-saħħa esternament inviżibbli – Rappreżentazzjoni tal-pakketti individwali – Kunċett ta’ ‘stampi’ ta’ pakketti individwali u ta’ kull ippakkjar estern immirat għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea.
Kawża C-370/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:988

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Diċembru 2021 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk – Direttiva 2014/40/UE – Ittikkettjar u ppakkjar – Artikolu 8(8) – Twissijiet tas-saħħa li għandhom jinġiebu fuq kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk u fuq kull ippakkjar estern – Distributur awtomatiku ta’ pakketti tas-sigaretti – Twissijiet tas-saħħa esternament inviżibbli – Rappreżentazzjoni tal-pakketti individwali – Kunċett ta’ ‘stampi’ ta’ pakketti individwali u ta’ kull ippakkjar estern immirat għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑370/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura

Pro Rauchfrei eV

vs

JS e.K.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tielet Awla, li qed taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal JS e.K., minn A. Meisterernst, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Pro Rauchfrei eV u JS e.K. dwar l-użu, minn dan tal-aħħar, ta’ distributuri awtomatiċi ta’ pakketti tas-sigaretti li għandhom l-effett li jaħbu lill-konsumatur it-twissijiet tas-saħħa li jidhru fuq l-ippakkjar tas-sigaretti.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 21 sa 24 tad-Direttiva 2014/40 jiddikjaraw:

“(21)

F’konformità mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern tat-tabakk u prodotti relatati, fuq il-bażi ta’ livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa, speċjalment għaż-żgħażagħ, u f’konformità mar-[Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/54/KE tat‑2 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prevenzjoni ta’ tipjip u dwar inizjattivi għal titjib tal-kontroll tat-tabakk (ĠU 2003, L 22, p. 31)], l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jipprekludu l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti lit-tfal u lill-adolexxenti, permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri adatti li jistabbilixxu u jinfurzaw limiti ta’ età.

(22)

Għadhom jeżistu disparitajiet bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati li jikkonsistu fi stampa u f’test, informazzjoni dwar is-servizzi ta’ waqfien mit-tipjip u elementi promozzjonali fil-pakketti individwali u fuqhom.

(23)

Dawn id-disparitajiet jistgħu joħolqu ostaklu għall-kummerċ u jimpedixxu t-tħaddim bla xkiel tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk, u għandhom għalhekk jiġu eliminati. Barra minn hekk, hu possibbli li l-konsumaturi f’uħud mill-Istati Membri huma informati aħjar dwar ir-riskji għas-saħħa tal-prodotti tat-tabbakk, milli konsumaturi fi Stati Membri oħra. Mingħajr azzjoni ulterjuri fil-livell tal-Unjoni, id-disparitajiet eżistenti x’aktarx jiżdiedu fis-snin li ġejjin.

(24)

L-adattament tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar huwa meħtieġ ukoll sabiex ir-regoli li japplikaw fil-livell tal-Unjoni jiġu allinjati mal-iżviluppi internazzjonali. Pereżempju l-linji gwida dwar [il-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Kontroll tat-Tabakk] dwar l-ippakkjar u t-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk jitolbu biex ikun hemm twissijiet kbar bl-istampi fuq iż-żewġ naħat prinċipali tal-pakketti, informazzjoni obbligatorja dwar il-waqfien mit-tipjip u regoli stretti dwar informazzjoni qarrieqa. Id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni qarrieqa se jikkomplementaw il-projbizzjoni ġenerali fuq prattiki kummerċjali qarrieqa fil-konfront tal-konsumaturi stabbiliti fid-[Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (‘Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali’) (ĠU 2005, L 149, p. 22, u r-rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86)].”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward:

[…]

(b)

ċerti aspetti tat-tikkettar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk inklużi t-twissijiet tas-saħħa li jridu jidhru fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk u fuq l-ippakkjar estern kif ukoll il-miżuri ta’ traċċabbiltà u l-karatteristiċi ta’ sigurtà li huma applikati għal prodotti tat-tabakk biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom ma’ din id-Direttiva;

[…]

sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-[Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Kontroll tat-Tabakk].”

5

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(33)

‘twissija tas-saħħa kkombinata’ tfisser twissija tas-saħħa prevista f’din id-Direttiva u li tikkonsisti f’kombinazzjoni ta’ twissija bil-miktub u stampa jew immaġni korrispondenti, kif previst f’din id-Direttiva;

[…]

(40)

‘tqegħid fis-suq’ tfisser li l-prodotti, irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom, isiru disponibbli għall-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, bi ħlas jew mingħajr ħlas, inkluż permezz ta’ bejgħ mill-bogħod; […]

[…]”

6

It-titolu II tal-istess direttiva, intitolat “Prodotti tat-tabakk”, jinkludi Kapitolu II, intitolat “Tikkettjar u ippakkjar”. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/40, li jinsab f’dan il-kapitolu u li huwa intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 8 tiegħu:

“1.   Kull pakkett wieħed ta’ prodotti tat-tabakk u kull ippakkjar estern għandu jkollu fuqu t-twissijiet tas-saħħa previsti f’dan il-Kapitolu bil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott ikun qed jitqiegħed fis-suq.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-twissijiet tas-saħħa fuq pakkett individwali u kull ippakkjar estern jiġu stampati b’mod li ma jkunux jistgħu jitneħħew, b’mod indelibbli u kompletament viżibbli, inkluż li ma jkunux parzjalment jew totalment moħbija jew interrotti permezz ta’ bolol tat-taxxi, marki tal-prezz, karatteristiċi ta’ sigurtà, tqartis, għatjiet, kaxex, jew oġġetti oħrajn meta l-prodotti tat-tabakk jitqiegħdu fis-suq. Fuq pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim fil-borża, it-twissijiet tas-saħħa jistgħu jitwaħħlu permezz ta’ stickers, dment li t-tali stickers ma jkunux jistgħu jitneħħew. It-twissijiet tas-saħħa għandhom jibqgħu sħaħ mal-ftuħ tal-pakkett individwali minbarra l-pakketti b’għatu flip-top fejn it-twissijiet tas-saħħa jistgħu jinkisru mal-ftuħ, iżda b’tali mod li jkunu żgurati l-integrità grafika u l-viżibilità tat-test, ir-ritratti u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip.

[…]

8.   Stampi ta’ pakketti individwali u xi ppakkjar estern li għandhom fil-mira tagħhom il-konsumaturi fl-Unjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu.”

7

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull pakkett individwali u kull ippakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandu juri twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien. It-twissijiet tas-saħħa kkombinati għandhom:

(a)

ikunu fihom waħda mill-kitbiet ta’ twissija elenkati fl-Anness I u ritratt bil-kulur korrispondenti speċifikat fil-librerija tal-istampi fl-Anness II [intitolat ‘Librerija tal-Istampi (ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien)’]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

JS, ġestjonarja ta’ żewġ supermarkets li jinsabu f’München (il-Ġermanja), installat, sa mill‑20 ta’ Mejju 2017, distributuri awtomatiċi ta’ pakketti tas-sigaretti maċ-checkout points ta’ dawn is-supermarkets. Il-pakketti tas-sigaretti kienu maħżuna ġewwa dawn id-distributuri b’tali mod li dawn il-pakketti ma kinux viżibbli mill-klijenti. Il-buttuni ta’ selezzjoni tal-imsemmija distributuri ċertament kienu jippermettu li jiġu identifikati marki differenti ta’ sigaretti b’rappreżentazzjoni grafika, iżda mingħajr ma jintwerew it-twissijiet tas-saħħa regolatorji.

9

Sabiex jixtri pakkett ta’ sigaretti, il-klijent kellu jitlob li jiġi żblokkat id-distributur mingħand il-kaxxiera. Sussegwentement huwa stess kellu jagħfas fuq il-buttuna korrispondenti għall-pakkett tas-sigaretti magħżul, li konsegwentement kien jintbagħat direttament fuq iċ-checkout belt biex il-klijent ikun jista’ jħallsu.

10

Pro Rauchfrei hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tiddefendi d-drittijiet tal-pejjiepa passivi. Hija ppreżentat azzjoni quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) sabiex JS tiġi pprojbita milli toffri prodotti tat-tabakk, b’mod partikolari sigaretti, permezz ta’ dispożittiv li għandu bħala effett li jaħbi lill-konsumatur, fil-mument tal-offerta, it-twissijiet tas-saħħa li jidhru fuq il-pakketti individwali u fuq kull ippakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk. Sussidjarjament, hija talbet li JS tiġi pprojbita milli toffri tali prodotti permezz ta’ dispożittiv li jirriproduċi biss l-istampa ta’ pakketti individwali tas-sigaretti, mingħajr it-twissijiet tas-saħħa li għandhom jidhru fihom.

11

Il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I) ċaħdet din l-azzjoni.

12

Pro Rauchfrei ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) li din il-qorti ċaħdet ukoll. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li hija ddeċidiet li tippreżenta rikors għal Reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

13

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu ta’ dan ir-rikors jiddependi mill-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40.

14

F’dak li jirrigwarda l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tat-tifsira tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” u tal-portata tal-projbizzjoni li jinħbew it-twissijiet permezz ta’ “oġġetti oħrajn”, prevista minn din id-dispożizzjoni.

15

Fir-rigward tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, din il-qorti tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “stampi ta’ pakketti individwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludix rappreżentazzjonijiet grafiċi bħal dawk imwaħħla fuq il-buttuni ta’ dawn id-distributuri awtomatiċi. Hija tistaqsi wkoll jekk, jekk ikun il-każ, ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu humiex issodisfatti fil-mument meta, qabel ix-xirja tiegħu, il-konsumatur jirċievi mingħand id-distributur pakkett individwali li jinkludi t-twissijiet regolamentari. Fil-fatt, il-konsumatur jista’, skont l-imsemmija qorti, jassoċja rappreżentazzjoni grafika li tinsab fid-distributur awtomatiku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma’ pakkett individwali minħabba l-aspett tiegħu, jiġifieri l-kontorni tiegħu, il-proporzjonijiet tiegħu, il-kuluri tiegħu kif ukoll il-logo tat-trade mark, anki jekk din l-istampa ma hijiex riproduzzjoni fidila tal-imballaġġ oriġinali. Madankollu, ladarba l-konsumatur ikun ingħata l-pakkett tas-sigaretti mid-distributur awtomatiku, huwa jkollu l-possibbiltà li jeżaminah u li jieħu konjizzjoni tat-twissijiet tas-saħħa regolatorji qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ.

16

F’dan il-kuntest, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘tqegħid fis-suq’, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) [tad-Direttiva 2014/40] jinkludi l-preżentazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributuri awtomatiċi fejn, minkejja li l-pakketti tas-sigaretti f’dawn id-distributuri awtomatiċi jippreżentaw it-twissijiet li huma meħtieġa skont il-liġi, dawn il-pakketti tas-sigaretti huma maħżuna b’tali mod li dawn it-twissijiet inizjalment ma jkunux viżibbli għall-konsumatur, u t-twissijiet fuq il-pakketti tas-sigaretti jsiru viżibbli biss meta d-distributur awtomatiku, ladarba kien attivat mill-kaxxier, jitħaddem mill-klijent u l-pakkett tas-sigaretti, għalhekk, joħroġ mid-distributur awtomatiku għal fuq iċ-conveyor belt taċ-check out counter qabel ma l-klijent jipproċedi għall-ħlas?

2)

Il-ħabi tal-ippakkjar kollu tal-prodotti tat-tabakk fil-kuntest tal-preżentazzjoni f’distributur awtomatiku jaqa’ taħt il-projbizzjoni li t-twissijiet tas-saħħa jkunu ‘moħbija […] permezz ta’ […] oġġetti oħrajn’ prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40?

3)

Il-kriterju ta’ ‘[s]tampi ta’ pakketti individwali’, fis-sens tal-Artikolu 8(8) [tad-Direttiva 2014/40], huwa ssodisfatt anki jekk, minkejja li r-rappreżentazzjoni użata ma hijiex riproduzzjoni fidila tal-ippakkjar oriġinali, il-konsumatur jassoċjaha mal-ippakkjar tat-tabakk minħabba d-dehra tagħha, jiġifieri l-kontorni, il-proporzjonijiet, il-kuluri u l-logo tal-marka tagħha?

4)

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(8) [tad-Direttiva 2014/40] ikunu ssodisfatti, irrispettivament mir-rappreżentazzjoni użata, fil-każ li l-konsumatur għandu l-opportunità li jara l-ippakkjar tas-sigaretti, bit-twissijiet li huma meħtieġa skont il-liġi fuqhom, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet domanda

17

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “[stampa] ta’ pakkett individwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, stampa, li ma hijiex riproduzzjoni fidila ta’ pakkett individwali ta’ sigaretti, iżda li l-konsumatur jassoċja ma’ tali pakkett individwali minħabba d-dehra tiegħu, jiġifieri l-kontorni tiegħu, il-proporzjonijiet tiegħu, il-kuluri tiegħu kif ukoll il-logo tat-trade mark.

18

Skont l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, l-istampi ta’ pakketti individwali u ta’ kwalunkwe ppakkjar estern ta’ prodott tat-tabakk għall-konsumaturi tal-Unjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva.

19

Bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/40, li jagħmel parti mill-Kapitolu II, tat-Titolu II tagħha, kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk kif ukoll kull ippakkjar estern għandu jkollu fuqu t-twissijiet tas-saħħa previsti fl-imsemmi kapitolu bil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq.

20

Għalhekk, mill-kliem tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tagħha, jirriżulta li l-istampi kollha ta’ pakkett individwali u ta’ kwalunkwe ppakkjar estern intiżi għall-konsumaturi tal-Unjoni għandhom ikollhom it-twissijiet tas-saħħa previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/40.

21

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “stampi ta’ pakketti individwali” ma huwiex iddefinit f’dan l-artikolu, u lanqas f’dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.

22

F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ tali definizzjoni, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini għandha tiġi stabbilita konformement mat-tifsira abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti għandha l-intenzjoni li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines, C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, is-sens abitwali tal-kunċett ta’ “stampa”, l-Avukat Ġenerali josserva, fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan il-kunċett jinkludi l-imitazzjoni tal-forma tal-oġġett li huwa intiż li jirrappreżenta u mhux biss ir-riproduzzjonijiet fidili ta’ dan l-oġġett. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li t-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, pereżempju fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“imagen”), Ġermaniża (“Bild”), Ingliża (“image”), Franċiża (“image”) jew ukoll Pollakka (“wygląd”) tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, għandhom tifsira, f’dawn id-diversi lingwi, li testendi għal imitazzjoni li tirriproduċi l-kontorni, il-proporzjonijiet, il-kuluri u l-forom tal-oġġett irrappreżentat.

24

Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “stampa”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi, ċertament, ir-riproduzzjonijiet fidili tal-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk, iżda bħala li ma huwiex limitat għal tali riproduzzjonijiet.

25

It-tieni, tali interpretazzjoni hija kkorroborata b’analiżi tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40. Mit-titolu tal-Anness II ta’ din id-direttiva: “Librerija tal-Istampi (ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien)”, jirriżulta li t-terminu “stampa” jinkludi t-twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien li, skont id-definizzjoni tagħhom fil-punt 33 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, huma twissijiet li ma jinkludux biss stampi iżda wkoll kitba u immaġini. Għaldaqstant, dan il-kunċett ma jistax jinftiehem fis-sens li jirreferi biss għall-fotografiji tal-pakketti individwali.

26

It-tielet, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “stampi ta’ pakketti individwali” skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 bħala li tkopri mhux biss riproduzzjonijiet fidili ta’ pakketti individwali iżda wkoll stampi li l-konsumaturi jassoċjaw ma’ tali pakketti, hija konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva u b’mod partikolari mal-għan tal-Artikolu 8 tagħha.

27

Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2014/40 għandha għan doppju li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ (is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dan il-għan, din id-direttiva għandha l-intenzjoni li tapprossima liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar, fost oħrajn, ċerti aspetti tal-itikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, b’mod partikolari t-twissijiet tas-saħħa li għandhom jidhru fuq il-pakketti individwali u fuq l-ippakkjar estern kif ukoll il-miżuri ta’ traċċabbiltà u ta’ sigurtà li japplikaw għall-prodotti tat-tabakk sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija direttiva mill-Istati Membri.

28

Min-naħa l-oħra, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 huwa intiż, b’mod partikolari, li jimpedixxi l-evażjoni tar-regola ddikjarata fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li kull pakkett individwali ta’ prodott tat-tabakk għandu jkollu t-twissijiet tas-saħħa regolatorji. Fil-fatt -Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva jiżgura l-effikaċja ta’ din ir-regoli billi jipprojbixxi l-ħabi jew l-interruzzjoni ta’ dawn it-twissijiet. L-Artikolu 8(8) tal-istess direttiva huwa intiż b’mod partikolari li jipprevjeni s-sitwazzjoni fejn bejjiegħ bl-imnut, biex ma jurix it-twissijiet tas-saħħa regolatorji fil-ħanut, jindika, minflok il-pakketti individwali li jkollhom fuqhom dawk it-twissijiet, stampi ta’ dawn il-pakketti mingħajr it-twissijiet. Billi jeżiġi li l-istampi ta’ ppakkjar ta’ tabakk jinkludu wkoll it-twissijiet tas-saħħa regolatorji, l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 għandu l-intenzjoni li jipprevjeni din is-sitwazzjoni, sabiex b’hekk jiżgura, bħall-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, l-effikaċja tar-regola ddikjarata fl-Artikolu 8(1) tagħha.

29

It-twissijiet tas-saħħa previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/40 għandhom b’mod partikolari l-għan li juru aħjar ir-riskji għas-saħħa kkawżati mill-konsum ta’ prodotti tat-tabakk, li jkollhom impatt emozzjonali qawwi u fit-tul u li b’hekk iħeġġu lill-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti jnaqqsu jew iwaqqfu l-konsum tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni iktar vulnerabbli, bħal persuni bi ftit edukazzjoni, it-tfal u ż-żgħażagħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 204).

30

Issa, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, stampa li l-konsumatur jassoċja ma’ pakkett individwali ta’ prodotti tat-tabakk tista’, bħal fil-każ ta’ riproduzzjoni fidila, tagħti lok għal intenzjoni ta’ xiri li t-twissijiet tas-saħħa regolatorji wara kollox iservu sabiex jiddiswadu. Minn dan jirriżulta li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “stampi ta’ pakketti individwali”, fis-sens tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, li testendi wkoll għal tali stampi twassal sabiex jiġi impost it-twaħħil ta’ dawn it-twissijiet tas-saħħa fuq dawn l-istampi, li jikkontribwixxi għall-effett dissważiv intiż u, għalhekk, għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

31

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “stampi ta’ pakketti individwali”, fis-sens tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, għandu jinftiehem bħala li jinkludi l-istampi li konsumatur jassoċja ma’ tali pakkett individwali minħabba d-dehra tiegħu, jiġifieri l-kontorni tiegħu, il-proporzjonijiet tieħu, il-kuluri tiegħu kif ukoll il-logo tat-trade mark. Min-naħa l-oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fil-kawża prinċipali, l-istampi tal-marki ta’ sigaretti murija fuq il-buttuni ta’ selezzjoni tad-distributuri awtomatiċi inkwistjoni f’din il-kawża jikkostitwixxux stampi li konsumatur medju jassoċja ma’ pakketti individwali ta’ prodotti tat-tabakk minħabba d-dehra tagħhom.

32

Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li stampa, li ma hijiex riproduzzjoni fidila ta’ pakkett individwali ta’ sigaretti, iżda li l-konsumatur jassoċja ma’ tali pakkett individwali minħabba d-dehra tiegħu, jiġifieri l-kontorni tiegħu, il-proporzjonijiet tiegħu, il-kuluri tiegħu kif ukoll il-logo tat-trade mark, tikkostitwixxi “stamp[a] ta’ pakkett individwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq ir-raba’ domanda

33

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 għandux jiġi interpretat fis-sens li stampa ta’ pakkett tas-sigaretti koperta minn din id-dispożizzjoni, iżda li ma fihiex it-twissijiet tas-saħħa previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, hija madankollu konformi mal-imsemmija dispożizzjoni jekk il-konsumatur ikollu l-possibbiltà li jara dawn it-twissijiet fuq il-pakkett tas-sigaretti li jikkorrispondu għal tali stampa qabel ma jixtrih.

34

Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, l-istampi ta’ pakketti individwali u ta’ kull ippakkjar estern intiżi għall-konsumaturi tal-Unjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva u għandhom, b’dan il-mod, ikun fihom it-twissijiet tas-saħħa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

35

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, din ir-regola tipprojbixxi l-użu ta’ stampi intiżi għall-konsumaturi tal-Unjoni li fuqhom ma jidhrux it-twissijiet tas-saħħa preskritti, indipendentement minn kull proċess ta’ xiri tal-prodotti li għalihom jirreferu dawn l-istampi.

36

Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li stampa ta’ pakkett tas-sigaretti kopert minn din id-dispożizzjoni, iżda li ma fihiex it-twissijiet tas-saħħa previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, ma hijiex konformi mal-imsemmija dispożizzjoni, anki jekk il-konsumatur għandu l-possibbiltà li jara dawn it-twissijiet fuq il-pakkett tas-sigaretti korrispondenti għal tali stampa qabel ma jixtrih.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

37

Fid-dawl tar-risposta mogħtija lit-tielet u r-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li stampa, li ma hijiex riproduzzjoni fidila ta’ pakkett individwali ta’ sigaretti, iżda li l-konsumatur jassoċja ma’ tali pakkett individwali minħabba d-dehra tiegħu, jiġifieri l-kontorni tiegħu, il-proporzjonijiet tiegħu, il-kuluri tiegħu kif ukoll il-logo tat-trade mark, tikkostitwixxi “stamp[a] ta’ pakkett individwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li stampa ta’ pakkett tas-sigaretti kopert minn din id-dispożizzjoni, iżda li ma fihiex it-twissijiet tas-saħħa previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, ma hijiex konformi mal-imsemmija dispożizzjoni, anki jekk il-konsumatur għandu l-possibbiltà li jara dawn it-twissijiet fuq il-pakkett tas-sigaretti korrispondenti għal tali stampa qabel ma jixtrih.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( i ) Fil-bidu ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba

Top