Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0348

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2021.
    Nord Stream 2 AG vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Appell – Enerġija – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Direttiva (UE) 2019/692 – Estensjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/73 għal-linji tal-gass bejn Stati Membri u pajjiżi terzi – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Rikors għal annullament – Kundizzjoni li l-appellanti għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tal-appell tagħha – Assenza ta’ setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-appellanti – Kundizzjoni li l-appellanti għandha tkun individwalment ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tal-appell tagħha – Aġġustament tad-derogi li jeskludu lill-appellanti inkwantu l-unika operatriċi mill-benefiċċju tagħhom – Talba għall-irtirar ta’ dokumenti mill-proċess – Regoli fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ provi quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea – Dokumenti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
    Kawża C-348/20 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:831

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )

    Kawża C‑348/20 P

    Nord Stream 2 AG

    vs

    Il‑Parlament Ewropew

    Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

    “Appell – Enerġija – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva (UE) 2019/692 – Applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73/KE għal-linji tal-gass lejn jew minn pajjiż terz – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Locus standi ta’ individwu – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali – Regoli dwar il-produzzjoni ta’ provi quddiem il-qrati tal-Unjoni – Ammissibilità ta’ dokumenti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Nord Stream 2 AG (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) qiegħda tikkontesta d-digriet tal-Qorti Ġenerali ( 2 ) li ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha skont l-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament tad-Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (iktar ’il quddiem il-“miżura kkontestata”) ( 3 ). Il-miżura kkontestata għandha l-għan li tiżgura li r-regoli applikabbli għal-linji tat-trażmissjoni tal-gass li jgħaqqdu żewġ Stati Membri jew iktar huma applikabbli wkoll, ġewwa l-Unjoni Ewropea, għal-linji tat-trażmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi ( 4 ). F’dak id-digriet, il-Qorti Ġenerali ordnat ukoll li jiġu ssfilzati mill-proċess xi dokumenti prodotti mill-appellanti matul il-proċedura.

    2.

    Dan l-appell iqajjem żewġ kwistjonijiet importanti u distinti ta’ natura proċedurali. L-ewwel, individwu jista’ jkun direttament ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, minn direttiva? It-tieni, liema kunsiderazzjonijiet għandhom jiggwidaw l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ provi bil-miktub prodotti mill-partijiet fi proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari l-ammissibilità ta’ dokumenti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni?

    II. Il‑kuntest ġuridiku u fattwali

    3.

    Il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża preżenti jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej.

    4.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Gass”) ( 5 ) tistabbilixxi regoli komuni għat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħażna tal-gass naturali. Tistabbilixxi r-regoli relatati mal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-gass naturali, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħażna tal-gass naturali u l-operat tas-sistemi.

    5.

    Sabiex jitneħħa kwalunkwe kunflitt ta’ interess bejn il-produtturi, il-fornituri u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, u biex jinħolqu inċentivi għall-investimenti meħtieġa u anki sabiex jiġi ggarantit l-aċċess ta’ parteċipanti ġodda fis-suq taħt reġim regolatorju trasparenti u effiċjenti, id-Direttiva dwar il-Gass tipprovdi għas-separazzjoni ta’ networks minn attivitajiet ta’ produzzjoni u provvista ( 6 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi obbligu li jiġu sseparati s-sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni ( 7 ). Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-Gass tipprovdi wkoll għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ aċċess ta’ terzi nondiskriminatorja għal sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni tal-gass fuq il-bażi ta’ tariffi ppubblikati (Artikolu 32), li għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (Artikolu 41).

    6.

    Taħt l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-Gass, infrastruttura ġdida kbira tal-gass, inklużi l-interkonnetturi, jistgħu, fuq talba u taħt ċerti kundizzjonijiet, ikunu eżenti, għal perijodu definit ta’ żmien, minn uħud mill-obbligi stabbiliti minn din id-direttiva. Sabiex wieħed jibbenefika minn din l-eżenzjoni, għandu, fost l-oħrajn, jintwera li l-investiment ser itejjeb il-kompetizzjoni fil-provvista tal-gass, itejjeb is-sigurtà tal-provvista, u li l-livell ta’ riskju marbut mal-investiment ikun tali li dan l-investiment ma jsirx sakemm tingħata eżenzjoni.

    7.

    L-appellanti hija kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru li l-uniku azzjonist tagħha huwa l-kumpannija b’responsabbiltà limitata pubblika Russa Gazprom. Hija responsabbli għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-pipeline Nord Stream 2. Il-kostruzzjoni ta’ dan il-pipeline bdiet fl-2018 u, fid-data li fiha ġie ppreżentat l-appell f’din il-kawża, kien għadu ma ntemmx. Bħall-pipeline Nord Stream (issa magħruf komunement bħala Nord Stream 1) – li l-kostruzzjoni tiegħu tlestiet fl-2012 – il-pipeline Nord Stream 2 jikkonsisti f’żewġ linji ta’ trażmissjoni tal-gass maħsuba biex jiżguraw il-fluss tal-gass bejn Vyborg (ir-Russja) u Lubmin (il-Ġermanja).

    8.

    Fis‑17 ta’ April 2019, fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea tat‑8 ta’ Novembru 2017, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw il-miżura kkontestata.

    9.

    Bis-saħħa tal-premessa 3 tal-miżura kkontestata, din id-direttiva trid tindirizza l-ostakli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali li rriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni, sa dakinhar, ta’ regoli tas-suq tal-Unjoni għal-linji tat-trażmissjoni tal-gass lejn u minn terzi pajjiżi.

    10.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(17) tad-Direttiva dwar il-Gass, kif emendata bil-miżura kkontestata, jipprevedi li l-kunċett ta’ “interkonnettur” ikopri mhux biss “[kull] linja ta’ trasmissjoni li taqsam jew tinfirex tul fruntiera bejn l-Istati Membri għall-finijiet li tgħaqqad is-sistema ta’ trasmissjoni nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri”, iżda issa wkoll, “[kull] linja ta’ trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali ta’ dak l-Istat Membru”.

    11.

    Skont l-Artikolu 49a(1) tad-Direttiva dwar il-Gass, kif miżjud mill-miżura kkontestata, fir-rigward tal-linji tat-trażmissjoni tal-gass bejn Stat Membru u pajjiż terz ikkompletati qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, l-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta’ konnessjoni ta’ tali linja ta’ trażmissjoni man-network ta’ dan l-Istat Membru jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiddeċiedi li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Gass għas-sezzjonijiet ta’ tali linja ta’ trażmissjoni tal-gass li jinsabu fit-territorju u l-baħar territorjali tiegħu. Derogi ta’ dan it-tip huma limitati għal massimu ta’ 20 sena iżda jistgħu jiġġeddu.

    12.

    Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-emendi magħmula lid-Direttiva dwar il-Gass bil-miżura kkontestata, l-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar jirrikjedi li, b’xi eċċezzjonijiet, l-Istati Membri jġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sal‑24 ta’ Frar 2020, “mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deroga skont l-Artikolu 49a tad-[Direttiva dwar il-Gass]”.

    III. Proċeduri quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat

    13.

    Permezz tar-rikors tagħha tas‑26 ta’ Lulju 2019, l-appellanti bdiet azzjoni skont l-Artikolu 263 TFUE quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn talbet l-annullament tal-miżura kkontestata.

    14.

    Fir-rikors tagħha, l-appellanti argumentat li l-għanijiet iddikjarati tal-miżura kkontestata, jiġifieri li tiġi estiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Gass għal pipelines ta’ importazzjoni offshore sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern filwaqt li tkun permessa deroga sabiex jiġu protetti l-investimenti eżistenti, fil-fatt ma humiex l-iskop attwali tagħha. Skont l-appellanti, il-miżura kkontestata ġiet adottata għall-iskopijiet ta’ skoraġġiment u biex l-operat tal-pipeline Nord Stream 2 jitqiegħed fi żvantaġġ. Bħala tali, il-legalità ta’ din il-miżura kienet, fil-fehma tal-appellanti, ivvizzjata bi ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, bi ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali, b’użu ħażin ta’ poter u b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

    15.

    Fl‑10 u fil-11 ta’ Ottubru 2019, rispettivament, il-Parlament u l-Kunsill, kull wieħed minnhom, qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors. L-appellanti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fid‑29 ta’ Novembru 2019, u talbet lill-Qorti Ġenerali tirriserva d-deċiżjoni tagħha sakemm tiddeċiedi dwar il-mertu tal-każ jew, sussidjarjament, tiċħad l-eċċezzjonijiet bħala infondati.

    16.

    Fil‑11 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill talab lill-Qorti Ġenerali, bis-saħħa tal-Artikolu 130(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem it-“talba inċidentali”), biex: (i) tordna li ċerti dokumenti ma jiffurmawx parti mill-proċess jew, fir-rigward tliet dokumenti prodotti mill-appellanti, li jiġu ssfilzati minn dan il-proċess; u (ii) tinjora s-siltiet kollha tar-rikors u l-annessi tiegħu li jirreferu għal dawn id-dokumenti tal-Kunsill li huma kklassifikati bħala “Restreint UE/EU Restricted”, li jiddeskrivu l-kontenut tagħhom, jew li jinvokawhom. It-tliet dokumenti prodotti mill-appellanti, li l-Kunsill talab li jiġu ssfilzati, kienu, l-ewwel wieħed, opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2017 ( 8 ) (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni tas-Servizz Legali” jew l-“Anness A.14”), it-tieni, Rakkomandazzjoni, ippreżentata mill-Kummissjoni fid‑9 ta’ Ġunju 2017, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-operat tal-pipeline Nord Stream 2 (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni” jew l-“Anness O.20”), u t-tielet, id-Direttivi tan-Negozjati tat‑12 ta’ Ġunju 2017, mehmuża mar-Rakkomandazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Direttivi tan-Negozjati”).

    17.

    Fl‑4 ta’ Novembru 2019, l-appellanti ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha rigward it-talba inċidentali, fejn talbet lill-Qorti Ġenerali tiċħadha.

    18.

    Fid‑29 ta’ Novembru 2019, l-appellanti talbet ukoll lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, biex tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew, jekk xieraq, miżura istruttorja, li tikkonsisti fit-talba lill-appellati biex jipproduċu ċerti dokument miżmuma mill-Kunsill (iktar ’il quddiem it-“talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”). Din it-talba kienet tirrigwarda l-produzzjoni ta’ verżjonijiet mingħajr tħassir ta’ dawn id-dokumenti, billi verżjoni bi tħassir tagħhom kienet diġà saret disponibbli mill-Kunsill, wara talba għal aċċess skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( 9 ) minn impjegat tal-appellanti. F’dan il-kuntest, l-appellanti annettiet mat-talba tagħha żewġ verżjonijiet mingħajr tħassir tad-dokumenti mitluba li kienet kisbet qabel: ċerti kummenti mill-Gvern Ġermaniż fuq il-proposta għall-miżura kkontestata (iktar ’il quddiem id-“Dokumenti tal-Ġermanja Mingħajr Tħassir” jew l-“Annessi M.26 u M.30”).

    19.

    Fis‑17 ta’ Jannar 2020, il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Fost l-oħrajn, il-Kunsill talab li l-Annessi M.26 u M.30 jiġu ssfilzati mill-proċess.

    20.

    Fl‑20 ta’ Mejju 2020, il-Qorti Ġenerali adottat id-digriet appellat. Id-dispożittiv tad-digriet appellat jinqara kif ġej:

    “1.

    Id-dokumenti prodotti minn Nord Stream 2 AG bħala Annessi A. 14 u O. 20 huma rtirati mill-proċess u ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni siltiet mir-rikors u mill-annessi li fihom huma riprodotti estratti minn dawn id-dokumenti.

    2.

    Il-kumplament tat-talba inċidentali mressqa mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa miċħud.

    3.

    Id-dokumenti prodotti minn Nord Stream 2 bħala Annessi M. 26 u M. 30 huma rtirati mill-proċess.

    4.

    Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

    5.

    Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir‑Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni Ewropea.

    6.

    Nord Stream 2 hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talbiet għal intervent.

    7.

    Nord Stream 2, il-Parlament u l-Kunsill kif ukoll ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.”

    IV. Proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    21.

    Fl-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit‑28 ta’ Lulju 2020, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla d-digriet appellat, b’mod partikolari l-punti 1, 3, 4 u 6 tad-dispożittiv;

    sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-istat tal-proċeduri hekk jippermettu, tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, tiddikjara l-azzjoni ammissibbli u tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi fuq il-mertu jew, alternattivament, biex tiddikjara li l-miżura kkontestata hija ta’ inċidenza diretta għall-appellanti u tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi dwar l-inċidenza individwali jew tgħaqqadha mal-mertu; u

    tordna lill-Kunsill u lill-Parlament iħallsu l-ispejjeż tal-appellanti, inklużi l-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali.

    22.

    Min-naħa tagħhom, il-Kunsill u l-Parlament (iktar ’il quddiem l-“appellati”) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad l-appell u tordna lill-appellanti tħallas l-ispejjeż.

    23.

    Il-Gvern Estonjan, Latvjan u Pollakk (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti”), wara li tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-appellati, issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom. L-appellanti ssottomettiet risposta għal dawn l-osservazzjonijiet.

    24.

    Fil‑25 ta’ Jannar 2021, l-appellanti issottomettiet risposta, u fil‑5 ta’ Marzu 2021 l-appellati ppreżentaw kontroreplika.

    25.

    Fis‑16 ta’ Lulju 2021, b’konformità ma’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-dokumenti li hija kienet ippreżentat preċedentement quddiem il-Qorti Ġenerali bħala l-Annessi A.14, O.20, M.26 u M.30 (iktar ’il quddiem l-“annessi inkwistjoni”).

    V. Evalwazzjoni

    26.

    L-appellanti tqajjem żewġ aggravji. L-ewwel aggravju jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-nuqqas ta’ inċidenza diretta. It-tieni aggravju jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dokumenti ssfilzati mill-proċess.

    27.

    Dawn il-konklużjonijiet ser jittrattaw kull wieħed miż-żewġ aggravji fl-ordni li fiha huma ppreżentati mill-appellanti. Għaldaqstant, l-ewwel ser neżamina l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ jekk l-appellanti kinitx direttament ikkonċernata mill-miżura kkontestata (A). It-tieni, ser neżamina d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali rigward ċerti dokumenti u informazzjoni sottomessi mill-appellanti (B).

    A.   L‑ewwel aggravju: inċidenza diretta

    28.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, dirett kontra l-punti 102 sa 124 tad-digriet appellat, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat u applikat ir-rekwiżit ta’ inċidenza diretta u, bħala konsegwenza, meta kkonstatat li l-appellanti ma kellhiex locus standi sabiex tikkontesta l-miżura kkontestata. L-ewwel aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

    1. L‑argumenti tal‑partijiet

    29.

    Fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha primarjament fuq il-fatt li l-miżura kkontestata hija direttiva biex tasal għall-konklużjoni li ma affettwatx direttament il-pożizzjoni tagħha. Fil-fehma tal-appellanti, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li dak li jgħodd għall-finijiet tal-Artikolu 263 TFUE huwa l-kontenut tal-miżura, u mhux il-forma tagħha. F’dan ir-rigward, l-appellanti tindika diversi każijiet fejn il-qrati tal-Unjoni ddikjaraw azzjonijiet għal annullament kontra direttivi bħala ammissibbli.

    30.

    Fit-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonkludiet li l-miżura kkontestata ħalliet lill-awtoritajiet nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-miżura kkontestata fir-rigward ta’: (i) l-obbligi tas-separazzjoni previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Gass, (ii) ir-reġim ta’ eżenzjoni stabbilit fl-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-Gass, u (iii) ir-reġim ta’ deroga stabbilit fl-Artikolu 49a tad-Direttiva dwar il-Gass. Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk il-miżura kkontestata ħallietx xi diskrezzjoni ġenwina lill-Istati Membri f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess ta’ terzi (l-Artikolu 32 tad-Direttiva dwar il-Gass) u r-regolamentazzjoni tat-tariffi (l-Artikolu 41 tad-Direttiva dwar il-Gass) jaffettwawx il-pożizzjoni legali tagħha.

    31.

    Min-naħa tagħhom, l-appellati, sostnuti mill-intervenjenti kollha, jiddefendu r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali biex teskludi l-inċidenza diretta. B’mod partikolari, dawn il-partijiet jenfasizzaw li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, tipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ individwi sakemm ma tkunx ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali. Dawn il-partijiet isostnu wkoll li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-miżura kkontestata msemmija mill-appellanti ma setgħux jaffettwaw direttament lil din il-kumpannija peress li, biex isiru operattivi, huma kienu jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni fuq livell nazzjonali.

    2. Analiżi

    32.

    Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li ma huwiex indirizzat lil dik il-persuna tista’ tinqala’ f’żewġ sitwazzjonijiet. L-ewwel, tali proċeduri jistgħu jinbdew jekk l-att jikkonċerna direttament u individwalment lil din il-persuna. It-tieni, hija tista’ tagħmel azzjoni kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan l-att ikun jikkonċernaha direttament.

    33.

    Huwa aċċettat bejn il-partijiet li l-miżura kkontestata ma hijiex “att regolatorju” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, iżda att leġiżlattiv ( 10 ). Il-locus standi tal-appellanti għandha, għaldaqstant, tiġi eżaminata skont l-ewwel xenarju msemmi fil-punt preċedenti: l-azzjoni magħmula mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali hija ammissibbli jekk din il-kumpannija hija kemm direttament kif ukoll individwalment ikkonċernata mill-miżura kkontestata. Peress li l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-appellanti ma kinitx direttament ikkonċernata, hija ma komplietx teżamina l-kwistjoni ta’ inċidenza individwali.

    34.

    Fit-taqsimiet li jmiss, l-ewwel ser nispjega għaliex ma nsibx konvinċenti r-raġunijiet mogħtija fid-digriet appellat. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jinġabru f’żewġ gruppi: dawk ta’ natura sistemika, iktar astratta u teoretika (a), u dawk marbuta mas-sitwazzjoni speċifika tal-appellanti (b). Sussegwentement, ser nispjega kif il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza ċerti argumenti mressqa mill-appellanti (c). Il-konklużjoni li niġbed minn dak li ntqal iktar ’il fuq hija li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat u applikat ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għas-sitwazzjoni inkwistjoni.

    a) Il‑miżura kkontestata hija direttiva u għalhekk ma tistax tiġi kkontestata minn individwu

    35.

    L-ewwel grupp ta’ raġunijiet tal-Qorti Ġenerali jirrigwarda kunsiderazzjonijiet ta’ natura sistemika: il-miżura kkontestata ma tistax tkun ta’ inċidenza diretta għall-appellanti minħabba li hija direttiva.

    36.

    Is-siltiet rilevanti tad-digriet appellat jaqraw kif ġej: direttiva “ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata, inkwantu tali, mill-awtoritajiet nazzjonali kontra operaturi fl-assenza ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva adottati minn qabel minn dawn l-awtoritajiet. […] Għalhekk, indipendentement mill-kwistjoni jekk dawn humiex ċari u suffiċjentement preċiżi, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata ma jistgħux preċedentement għal, u indipendentement minn, l-adozzjoni ta’ miżuri statali ta’ traspożizzjoni, ikunu sors dirett u immedjat ta’ obbligi fuq [l-appellanti] u li jistgħu, f’dan ir-rigward, jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tagħha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE […] [Barra minn hekk] id-direttiva kkontestata, inkwantu tali u sa mid-dħul fis-seħħ tagħha, ma tipproduċix effetti immedjati u konkreti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ operaturi, [bħall-appellanti] u, fi kwalunkwe każ, mhux qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 2(1) tagħha” ( 11 ).

    37.

    Jiena nqis li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt huwa żbaljat.

    38.

    L-ewwel nett, id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma tantx jistgħu jiġu rrikonċiljati wisq mal-ġurisprudenza mfakkra iktar kmieni fid-digriet appellat, li skontha s-sempliċi fatt li individwu jippreżenta rikors għal annullament kontra direttiva ma hijiex raġuni biżżejjed biex tali azzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li azzjoni hija għalhekk ammissibbli jekk direttiva tkun ta’ inċidenza diretta u individwali għall-applikanti jew jekk tikkostitwixxi att regolatorju li huwa ta’ inċidenza diretta għaliha u ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni ( 12 ).

    39.

    Naqbel ma’ dawn il-prinċipji. Madankollu, jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, riprodotti fil-punt 36 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dak li tgħid il-qorti tal-ewwel istanza jirriżulta fl-esklużjoni tal-locus standi ta’ rikorrenti individwali biex jikkontestaw kwalunkwe direttiva. Fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ att, inċidenza diretta qatt ma tkun tista’ tiġi stabbilita billi, fihom innifishom, id-direttivi kollha (i) jeħtieġu xi miżura ta’ traspożizzjoni, (ii) qabel it-traspożizzjoni ma jistgħux jimponu obbligi fuq individwi u jiġu invokati kontrihom mill-awtoritajiet nazzjonali ( 13 ). Dan tal-aħħar huwa a fortiori veru qabel ma jiskadi l-perijodu mogħti għat-traspożizzjoni fid-direttiva nnifisha.

    40.

    Madankollu, ma nemminx li huwa possibbli, f’termini kunċettwali, li l-inċidenza diretta tiġi effettivament ekwiparata mal-effett dirett. Għalkemm iż-żewġ kunċetti għandhom ċerti similaritajiet, huma madankollu ontoloġikament differenti u jaqdu skop differenti. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jirrikjedix li l-att ikkontestat ikollu effett dirett, wisq inqas li jkun jista’ jiġi invokat mill-awtoritajiet kontra individwi. Din id-dispożizzjoni teħtieġ biss li l-att ikkontestat “jipproduċ[i]effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi”.

    41.

    L-aħħar kunċett huwa, madankollu, differenti u, b’mod ġenerali, loġikament ta’ kategorija ħafna usa’ mill-effett dirett. Kif iddikjarat fil-ġurisprudenza, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti fl-istess ħin, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra ( 14 ).

    42.

    F’din il-kawża, il-miżura kkontestata tistatipproduċi effetti legali billi testendi l-ambitu tar-regoli tad-Direttiva dwar il-Gass għal sitwazzjonijiet u destinatarji li qabel ma kinux maqbuda minn dawk ir-regoli. Huwa daqstant ċar li, b’riżultat ta’ din l-estensjoni, il-pożizzjoni legali tal-appellanti tinbidel: korp iddettaljat ta’ regoli, li jirregolaw l-attivitajiet tagħha, sar applikabbli għall-attivitajiet tagħha. Il-qofol tal-kwistjoni huwa realment jekk din il-bidla fil-pożizzjoni tal-appellanti toħroġx direttament mill-miżura kkontestata jew, għall-kuntrarju, jekk tistax tkun ir-riżultat tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni fuq livell nazzjonali.

    43.

    F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq timplika, essenzjalment, li, biex ikun hemm inċidenza diretta, l-effetti legali tal-att ikkontestat għandhom jiġu prodotti mill-att innifsu, awtomatikament, mingħajr ma l-adozzjoni sussegwenti ta’ kwalunkwe miżura oħra, kemm mill-Unjoni Ewropea jew mill-Istati Membri, ma tkun meħtieġa għal dak il-għan. Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta tiġi ssodisfatta meta tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-att ikkontestat tal-Unjoni u l-bidla fil-pożizzjoni legali tal-applikant. Il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta ma tkunx issodisfatta jekk ikun hemm xi intervent addizzjonali, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet nazzjonali, li tista’ tikser din ir-rabta ( 15 ).

    44.

    Huwa sinjifikattiv li din l-evalwazzjoni ma tistax issir b’mod astratt, billi tibbaża ruħha biss fuq it-tip ta’ att li qiegħed jiġi kkontestat. Jeħtieġ eżami, b’mod partikolari, tal-iskop, il-kontenut, l-ambitu, is-sustanza tal-miżura speċifika kkontestata u l-kuntest legali u fattwali li fih ġiet adottata din il-miżura ( 16 ). Kif qal dan l-aħħar l-Avukat Ġenerali Hogan, meta eżamina l-effetti ta’ miżura fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, il-qrati tal-Unjoni adottaw “approċċ olistiku u prammatiku [li] [j]iffavorixxi s-sustanza fuq il-forma” ( 17 ).

    45.

    Dawn il-prinċipji huma applikabbli għal kwalunkwe att tal-Unjoni li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qrati tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tiegħu, u irrispettivament mill-isem li jingħatalu jew it-tikketta mwaħħla fuqu. Kif iddikjaraw b’mod konsistenti l-qrati tal-Unjoni, “il-forma li fiha dawn l-atti jew deċiżjonijiet huma fformulati hija, bħala prinċipju, immaterjali” fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk jistgħux jiġu kkontestati f’azzjoni għal annullament ( 18 ). Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti għall-finijiet tal-Artikolu 263 TFUE, “għandha tiġi studjata s-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati l-imsemmija effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-istess att, filwaqt li jittieħed kont, fejn xieraq, tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni li tkun adottatu” ( 19 ).

    46.

    Għaldaqstant, il-fatt li l-miżura kkontestata hija direttiva ma jeskludix li tista’ tkun ta’ inċidenza diretta għall-appellanti.

    47.

    Huwa veru, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din il-forma ta’ leġiżlazzjoni skont l-Artikolu 288 TFUE, li jkun rari ħafna li xi dispożizzjoni ta’ direttiva tissodisfa, fir-rigward ta’ individwu, ir-rekwiżit ta’ inċidenza diretta. Madankollu, rari ħafna hija kategorija differenti minn sistematikament eskluża, kif jimplika r-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Jekk id-dictum trasversali tal-Qorti tal-Ġustizzja, li s-sustanza għandha tipprevali fuq il-forma, għandu jiġi osservat ( 20 ), allura t-tip ta’ sors tad-dritt tal-Unjoni magħżul ma jistax, in abstracto u fih innifsu, jiddetermina minn qabel in-natura tas-sustanza tiegħu. Fil-fatt, ġurisprudenza stabbilita sew ikkonfermat li l-possibbiltà li xi dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu ta’ inċidenza diretta għal individwu partikolari ma tistax tiġi eskluża għalkollox ( 21 ).

    48.

    F’dan ir-rigward, huwa immaterjali li ċerti effetti tal-miżura kkontestata ma kinux ġew attivati fiż-żmien meta l-appellanti għamlet l-azzjoni minħabba li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha kien għadu ma skadiex. Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-effetti ta’ att ma jimmaterjalizzawx sakemm data sussegwenti ddeterminata fl-istess att ma jipprekludix individwu milli jkun affettwat direttament minnu bħala riżultat ta’ obbligu involut f’dan l-att ( 22 ).

    49.

    Wara kollox, li kieku wieħed kellu jħaddan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, kważi ebda direttiva qatt ma tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni. Il-perijodu għat-traspożizzjoni mogħti lill-Istati Membri huwa prattikament dejjem itwal mill-perijodu ta’ xahrejn li fihom jinbdew proċeduri previsti fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 23 ). L-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa, fil-fatt, kontradett minn diversi deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni, li fihom il-kontestazzjoni kontra direttiva kienet meqjusa bħala ammissibbli, minkejja li tressqet qabel l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttiva ( 24 ).

    50.

    Fl-aħħar nett, jeħtieġ nagħmel ftit rimarki tal-għeluq fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-punti 108 u 109 tad-digriet appellat.

    51.

    Minn naħa, il-Qorti Ġenerali sabet li l-effetti legali allegati mill-appellanti ma humiex biżżejjed biex jistabbilixxu inċidenza diretta. Dawn huma “unikament il-konsegwenza tal-għażla [tal-appellanti] li tiżviluppa u li żżomm l-attività tagħha fit-territorju tal-Unjoni”. Madankollu, jiena ma nifhimx għalfejn kumpannija ma titħallhiex tikkontesta miżura tal-Unjoni li taffettwa l-pożizzjoni tagħha, sempliċement għaliex, fit-teorija, tista’ tittasferixxi ruħha f’pajjiż barra l-Unjoni, u b’hekk taħrab mill-firxa tar-regoli tas-suq intern. L-Artikolu 263 TFUE jirrikjedi li l-att jipproduċi effetti legali sabiex ikun miftuħ għall-kontestazzjoni, mhux għall-effetti legali “inevitabbli”.

    52.

    Fost affarijiet oħra, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tantx tista’ tiġi rrikonċiljata mad-dritt għal rimedju effettiv li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jiżgura lil “kulħadd” (u mhux biss lil persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma “sfurzati” jibqgħu fl-Unjoni), u bil-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà rrikonoxxuti, rispettivament, fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. Kieku wieħed kellu jieħu r-raġunament tal-Qorti Ġenerali għall-estrem, prattikament l-ebda kumpannija qatt ma tkun tista’ tikkontesta miżura tal-Unjoni: kumpanniji jistgħu, bħala prinċipju, dejjem jittrasferixxu ruħhom barra l-Unjoni.

    53.

    Il-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt ma tidhirx li hija rilevanti. Il-kawża ċċitata – Air Transport Association of America et – ma tirrigwardax kwistjoni ta’ proċedura bħal din imqajma minn dawn il-proċeduri (l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament minn individwu), iżda minflok tirrigwarda kwistjoni ta’ sustanza (il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tadotta miżuri li xi kumpanniji kkunsidraw li għandhom ċerti effetti extraterritorjali) ( 25 ). Forsi b’mod iktar rilevanti, il-qrati tal-Unjoni għamluha ċara li l-eżistenza ta’ inċidenza diretta ma hijiex eskluża mill-fatt li l-impatt tal-pożizzjoni legali tar-rikorrenti mill-att tal-Unjoni inkwistjoni huwa wkoll ir-riżultat ta’ ċerti għażliet magħmula mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati ( 26 ), jew li r-rikorrent jista’ jevita l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-kontestazzjoni tal-att tal-Unjoni billi juża azzjonijiet differenti ( 27 ).

    54.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddikjarat fil-punt 109 tad-digriet appellat li “jekk wieħed jaċċetta l-perspettiva [tal-appellanti] li s-sitwazzjoni legali tagħha ġiet direttament affettwata mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkontestata, minħabba li l-operat tal-[pipeline Nord Stream 2] kien altrimenti evita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2009/73, ikun ifisser li, kull darba li l-Unjoni tilleġiżla mill-ġdid f’qasam billi tissuġġetta operaturi għal obbligi li għalihom huma ma kinux suġġetti preċedentement, din il-leġiżlazzjoni, minkejja li tkun ġiet adottata fil-forma ta’ direttiva u skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, taffettwa neċessarjament u direttament l-operaturi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.” Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li tali pożizzjoni tikkontradixxi l-kliem tal-Artikolu 288 TFUE, li jgħid li d-direttivi jirrikjedu miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni.

    55.

    Wara li spjegajt diġà għaliex id-direttivi ma humiex, bħala prinċipju, esklużi minn kontestazzjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma għandix għalfejn nerġa’ nirrepeti l-argumenti tiegħi dwar dan il-punt. Inżid ngħid biss li l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tkun tfisser ukoll li l-intitolament ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati li jitolbu l-annullament ta’ miżura ta’ preġudizzju skont il-proċeduri tal-Artikolu 263 TFUE jista’ faċilment jixxejjen mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, permezz tal-espedjent li din il-miżura tiġi adottata bħala “direttiva” ( 28 ).

    56.

    Is-suġġeriment tal-Qorti Ġenerali li jkun faċli wisq għar-rikorrenti privati li jikkontestaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jekk wieħed kellu jaċċetta l-argument tal-appellanti dwar inċidenza diretta jista’, għalhekk, jitwarrab billi titfakkar id-differenza bejn il-kunċett ta’ “inċidenza diretta” u dak ta’ “inċidenza individwali”. Dawn iż-żewġ rekwiżiti, naturalment kumulattivi, għandhom rwol differenti fil-kuntest tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. L-inċidenza diretta hija maħsuba biex jiġi vverifikat jekk il-pożizzjoni tar-rikorrent hijiex affettwata immedjatament. L-inċidenza individwali hija maħsuba biex tiddetermina jekk ir-rikorrent huwiex affettwat minħabba ċirkustanzi speċifiċi li jiddistingwuh minn kwalunkwe persuna oħra li tista’ tkun affettwata wkoll.

    57.

    Huwa għalhekk it-twettiq ta’ dan l-aħħar kriterju – li, fi kliem sempliċi, jirrikjedi li r-rikorrent ikun f’pożizzjoni ekwivalenti għal dik ta’ destinatarju tal-miżura ( 29 ) – li jeskludi sitwazzjoni bħal dik li beżgħet minnha l-Qorti Ġenerali. Tabilħaqq, leġiżlazzjoni ġdida (kemm jekk tkun fil-forma ta’ regolament jew ta’ direttiva) tista’ taffettwa diversi operaturi ekonomiċi. Madankollu, dawk biss li jissodisfaw il-“formula tal-kawża Plaumann” ( 30 ) stretta jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala li għandhom locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Ir-riskju li tinħoloq actio popularis kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, evokata mill-Qorti Ġenerali, huwa għalhekk manifestament barra minn loku.

    58.

    Fil-qosor, fil-fehma tiegħi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appellanti hija fondata. Madankollu, din il-konstatazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed biex id-digriet appellat jiġi annullat. Fil-fatt, kif imsemmi iktar ’il fuq, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar nuqqas ta’ inċidenza diretta tistrieħ ukoll fuq grupp ieħor ta’ raġunijiet.

    b) L‑awtoritajiet tal‑Istati Membri kellhom diskrezzjoni fit‑traspożizzjoni tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tad‑direttiva

    59.

    It-tieni grupp ta’ raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali biex teskludi inċidenza diretta huwa marbut mal-pożizzjoni speċifika tal-appellanti u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet legali invokati. Fil-paragrafi 111 sa 123 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali eskludiet l-inċidenza diretta għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet tal-miżura kkontestata, li l-appellanti kkunsidrat li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tagħha, kienu jeħtieġu miżuri ta’ implimentazzjoni fuq livell nazzjonali.

    60.

    F’din il-parti tar-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali applikat it-test għal inċidenza diretta, minkejja r-riżervi preċedenti tagħha stess ibbażati fuq il-fatt li l-istrument huwa direttiva. Madankollu, fir-rigward ta’ din il-parti tad-digriet appellat, għal darba oħra ma nistax naqbel mal-Qorti Ġenerali.

    61.

    Wieħed għandu jiftakar li l-kriterju relatat man-nuqqas ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ma jfissirx li kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni immedjatament u neċessarjament jeskludi inċidenza diretta. B’mod partikolari, kif ġustament innutat fil-paragrafi 102 u 103 tad-digriet appellat, il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta hija ssodisfatta, inter alia, fejn jeżistu miżuri ta’ implimentazzjoni iżda, fir-realtà, l-awtoritajiet rilevanti ma għandhom l-ebda diskrezzjoni ġenwina dwar il-mod li bih l-att ewlieni tal-Unjoni għandu jiġi implimentat. Kif iddikjara l-Avukat Ġenerali Wathelet, sabiex tiġi eskluża l-inċidenza diretta, “il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtur tal-att intermedjarju intiż li jimplementa l-att tal-Unjoni ma jistax ikun purament formali. Dan irid ikun is-sors tal-interess ġuridiku tar-rikorrent” ( 31 ).

    62.

    Hemm ġurisprudenza abbundanti li turi dak il-punt. Pereżempju, instab li teżisti inċidenza diretta f’ċirkustanzi fejn l-att tal-Unjoni inkwistjoni rregola b’mod eżawrjenti l-mod li bih l-awtoritajiet nazzjonali kienu meħtieġa jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom ( 32 ) jew ir-riżultat li kellu jinkiseb, irrispettivament mill-kontenut tal-mekkaniżmi speċifiċi li l-awtoritajiet nazzjonali stabbilixxew biex jiksbu dak ir-riżultat ( 33 ); fejn ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali kien estremament minuri u ta’ natura klerikali ( 34 ) jew purament mekkaniku ( 35 ); jew fejn l-Istati Membri kienu prinċipalment qegħdin jadottaw miżuri anċillari addizzjonali għall-att tal-Unjoni inkwistjoni ( 36 ).

    63.

    Barra minn hekk, il-qrati tal-Unjoni Ewropea ddikjaraw ukoll li l-kwistjoni dwar jekk rikorrent huwiex direttament ikkonċernat minn miżura tal-Unjoni li ma hijiex indirizzata lilu għandha tiġi eżaminata wkoll “fid-dawl tal-iskop ta’ din il-miżura” ( 37 ). Dan ifisser li huwa irrilevanti jekk effetti oħra tal-att tal-Unjoni kkontestat jistgħux, fil-prattika, jibdew jeżistu biss wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, sa fejn l-effetti legali invokati mir-rikorrent joħorġu direttament u awtomatikament minn dan l-att ( 38 ).

    64.

    Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali fehmet sew il-loġika li tirfed din il-ġurisprudenza f’waħda mid-deċiżjonijiet imgħoddija tagħha: “fejn miżura [tal-Unjoni] hija indirizzata lil Stat Membru minn istituzzjoni, jekk l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Istat Membru b’reazzjoni għall-miżura hija awtomatika jew hija, fi kwalunkwe każ, konklużjoni ovvja, allura l-miżura hija ta’ inċidenza diretta għal kwalunkwe persuna affettwata minn dik l-azzjoni. […] Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni ma għandhiex tiddependi għall-effett tagħha fuq l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali minn parti terza, sakemm ma jkunx ovvju li tali setgħa neċessarjament trid tiġi eżerċitata b’mod partikolari” ( 39 ).

    65.

    Għal darba oħra, kif diġà sostnut iktar ’il fuq ( 40 ), il-qofol tal-approċċ huwa s-sustanza u mhux il-forma: jekk, wara l-adozzjoni tal-miżura tal-Unjoni u ġejja direttament minnha, l-att li iktar tard jiġi adottat fil-livell nazzjonali huwa diġà konklużjoni ovvja, ikun pjuttost formalistiku li jiġi ssuġġerit li l-individwu għandu xorta madankollu jistenna ġimgħat, xhur, jew saħansitra snin biex jikkontesta, f’din is-sitwazzjoni, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, il-kontenut tal-miżura li kien diġà magħruf qabel ( 41 ).

    66.

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-motivazzjoni esposta fil-punti 111 sa 123 tad-digriet appellat għandha tiġi eżaminata.

    67.

    Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti argumentat li l-miżura kkontestata jkollha tliet konsegwenzi għall-pożizzjoni legali tagħha, billi tagħmel applikabbli tliet dispożizzjonijiet għaliha u b’hekk timponi obbligi ġodda fuqha. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu dawk dwar: (i) is-separazzjoni, (ii) l-aċċess ta’ terzi u (iii) ir-regolamentazzjoni tat-tariffi. L-appellanti targumenta wkoll li, filwaqt li d-Direttiva dwar il-Gass kienet tinkludi fl-Artikoli 36 u 49a l-possibbiltà li tingħata, rispettivament, eżenzjoni u deroga ( 42 ) mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux manifestament applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha.

    68.

    Il-kwistjoni ewlenija għalhekk hija jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta kkonstatat li l-ebda wieħed mit-tliet tipi ta’ effetti legali, li dwarhom ilmentat l-appellanti, ma jirriżulta direttament mill-miżura kkontestata.

    69.

    Fl-ewwel lok, huwa xieraq li l-analiżi tibda billi wieħed iħares lejn element li l-Qorti Ġenerali ttrattat kważi b’mod każwali, iżda li huwa, fil-fehma tiegħi, pjuttost rilevanti għat-tliet punti kollha mqajma mill-appellanti. Fil-punti 119 sa 123 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex tiddetermina jekk l-appellanti hijiex direttament ikkonċernata mill-miżura kkontestata, kien irrilevanti li dik il-kumpannija ma setgħetx tingħata l-eżenzjoni u/jew id-deroga stabbilita, rispettivament, fl-Artikolu 36 u l-Artikolu 49a tad-Direttiva dwar il-Gass. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat, essenzjalment, li, anki jekk id-dispożizzjonijiet tal-miżura kkontestata ma humiex applikabbli għall-appellanti, din il-kumpannija xorta setgħet talbet tali deroga u/jew eżenzjoni u sussegwentement ikkontestat id-deċiżjoni jew deċiżjonijiet negattivi quddiem il-qrati nazzjonali, u f’dan il-kuntest invokat l-invalidità tal-att tal-Unjoni, u b’hekk wasslet għal proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-miżura kkontestata.

    70.

    Dawn id-dikjarazzjonijiet jidhru li jnaqqsu, pjuttost b’mod sinjifikattiv, mill-importanza ġenerali tad-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ eċċezzjonijiet.

    71.

    Loġikament, jekk l-appellanti, li diġà kienet bdiet tibni l-infrastruttura li għaliha kellha tapplika l-leġiżlazzjoni l-ġdida, tista’ tiġi eżenta mill-applikazzjoni tal-qafas legali l-ġdid bis-saħħa ta’ deċiżjoni diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali, il-possibbiltà għaliha li tkun direttament ikkonċernata mill-miżura kkontestata tista’ tispiċċa. Fil-fatt, jista’ mbagħad ikun hemm raġonevolment il-possibbiltà li tingħata eċċezzjoni diskrezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-applikabbiltà possibbli tal-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva dwar il-Gass għas-sitwazzjoni tal-appellanti hija importanti b’mod ċar f’din il-kawża.

    72.

    Id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huma għalhekk sorprendenti. L-ewwel nett, ma jistgħux jiġu rrikonċiljati mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 61 sa 65 iktar ’il fuq, li tgħid li r-rekwiżit għal inċidenza diretta huwa eskluż bl-eżistenza ta’ diskrezzjoni ġenwina min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali.

    73.

    Għal darba oħra, f’termini iktar strutturali, jidher li ma huwiex raġonevoli (u ta’ piż, għali, u jieħu ħafna ħin) li tobbliga kumpannija biex titlob deċiżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali fejn ir-risposta tista’ tkun biss fin-negattiv, sabiex tiġi kkontestata regola ċara u eżawrjenti inkluża f’att tal-Unjoni. Is-“sistema sħiħa ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri” li tirreferi għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 120 tad-digriet appellat ma hijiex maħsuba biex tkun tellieqa twila bl-ostakoli għar-rikorrenti. Din is-sistema hija bbażata fuq diviżjoni razzjonali u orjentata kostituzzjonalment tal-kompiti bejn il-qrati nazzjonali u l-qrati tal-Unjoni. Fi kliem sempliċi, hija l-“paternità” tal-miżura li fil-fatt taffettwa lir-rikorrent li tiddetermina l-qorti li quddiemha huwa għandu jirrikorri biex jikkontesta din il-miżura.

    74.

    F’din il-kawża, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva dwar il-Gass, din il-paternità tista’ tkun attribwita biss lil-leġiżlatur tal-Unjoni. L-ebda waħda mill-għażliet offruti minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tidher li hija applikabbli għall-appellanti. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li (i) id-deroga hija applikabbli biss għal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass bejn Stat Membru u pajjiż terz “li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019”, u (ii) l-eżenzjoni hija disponibbli biss għal proġetti infrastrutturali maġġuri li fir-rigward tagħhom ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni ta’ investiment finali ( 43 ). Fil-fatt, fil-ħin tal-adozzjoni tal-miżura kkontestata (is‑17 ta’ April 2019), il-pipeline Nord Stream 2 kien għadda l-istadju ta’ qabel l-investiment ( 44 ), iżda ma kienx ser jitlesta, wisq inqas ikun operattiv, qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 ( 45 ).

    75.

    Għaldaqstant, filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu ċertu marġni ta’ libertà lill-awtoritajiet nazzjonali biex fil-futur jagħtu eżenzjoni jew deroga lil ċerti operaturi, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-appellanti. F’dan ir-rigward, l-(in)applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija ddeterminata minn qabel bir-regoli tal-Unjoni, peress li l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhom l-ebda spazju ta’ manuvra u għalhekk għandhom jaġixxu bħala longa manus tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, infakkar li s-sempliċi eżistenza, fl-astratt, ta’ derogi jew eċċezzjonijiet għar-regoli stabbiliti f’att tal-Unjoni, ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq il-pożizzjoni ta’ rikorrent jekk dan ir-rikorrent ma jistax juża b’mod ċar dawn l-eċċezzjonijiet jew derogi ( 46 ).

    76.

    Fit-tieni lok, peress li l-appellanti ma tistax taħrab mill-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva dwar il-Gass bis-saħħa ta’ eżenzjoni jew deroga, għandu jiġi vverifikat jekk l-obbligi li dik id-direttiva issa tqiegħed fuq l-appellanti jirriżultawx mill-adozzjoni tal-miżura kkontestata jew pjuttost mill-atti nazzjonali ta’ implimentazzjoni ta’ din il-miżura.

    77.

    L-appellanti tikkritika, b’mod partikolari, l-estensjoni, li saret mill-miżura kkontestata, tal-obbligi tas-separazzjoni tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Gass. Il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx li, bħala prinċipju, il-miżura kkontestata tat lok għal tali estensjoni, billi kabbret il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ separazzjoni integrali tal-istrutturi ta’ proprjetà stabbilita fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-Gass ( 47 ). Madankollu, iddeċidiet li l-estensjoni ma kinitx tirriżulta mill-miżura kkontestata, peress li l-Istati Membri tħallew jipprovdu żewġ alternattivi għas-separazzjoni integrali tal-istrutturi ta’ proprjetà: l-hekk imsejjaħ mudell ta’ “operatur ta’ network indipendenti” (jew “ISO”) ( 48 ) u l-mudell ta’ “operatur ta’ trażmissjoni indipendenti” (jew “ITO”) ( 49 ), previsti fl-Artikolu 9(8) u fl-Artikolu 9(9) tad-Direttiva dwar il-Gass, rispettivament.

    78.

    Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Gass, l-Istati Membri għandhom tliet għażliet biex jiksbu separazzjoni hija bla dubju korretta. L-appellanti stess irrikonoxxiet dan ( 50 ). Madankollu, din il-konstatazzjoni tonqos milli tindirizza l-argument veru mressaq mill-appellanti.

    79.

    L-appellanti ma kkontestatx il-mudell ta’ separazzjoni integrali tal-istrutturi ta’ proprjetà. L-appellanti tqis kemm ir-riżultat li għandu jinkiseb taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Gass (is-separazzjoni), kif ukoll it-tliet metodi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat (proprjetà integrali, ISO jew ITO), bħala illegali.

    80.

    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li, irrispettivament mill-għażla magħmula fl-aħħar mill-aħħar mill-awtoritajiet nazzjonali, il-pożizzjoni legali tal-appellanti inevitabbilment tinbidel. Fil-fatt, l-appellanti jkollha: (i) tbigħ il-pipeline Nord Stream 2 kollu, (ii) tbigħ il-parti tal-pipeline li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni Ġermaniża, jew (iii) tittrasferixxi l-proprjetà tal-pipeline lil sussidjarja separata. Irrispettivament mid-differenzi bejn dawn it-tliet mudelli, kull wieħed jeħtieġ trasferiment ta’ proprjetà u/jew tat-tħaddim tal-pipeline jew parti minnu, u għalhekk b’obbligu għall-appellanti li temenda l-istruttura korporattiva tagħha.

    81.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni unika, jiena bilfors nikkonkludi li hija l-miżura kkontestata li taffettwa immedjatament il-pożizzjoni tal-appellanti u mhux biss il-miżuri ta’ traspożizzjoni (sussegwenti). Il-mod li bih l-appellanti hija affettwata huwa rregolat b’mod eżawrjenti fil-miżura kkontestata. L-Istati Membri ma għandhom l-ebda diskrezzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat aħħari li għandu jinkiseb. Huma jistgħu jissorveljaw biss għażla (limitata) f’termini ta’ kif jinkiseb, billi jagħżlu wieħed mit-tliet mudelli ta’ separazzjoni previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Madankollu, irrispettivament minn liema mit-tliet mudelli huma jagħżlu, l-appellanti tiġi affettwata. Fil-qosor, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda diskrezzjoni dwar il-jekk u x-xiex, billi huma permessi biss li jagħżlu waħda mit-tliet forom predeterminati dwar il-kif.

    82.

    Il-kawża inkwistjoni għalhekk taqa’ f’dawn is-sitwazzjonijiet ( 51 ) li fihom il-qrati tal-Unjoni konsistentement sabu li teżisti inċidenza diretta. F’dan ir-rigward, ma nistax nifhem għaliex din il-kawża hija differenti, pereżempju, minn dik eżaminata mill-qrati tal-Unjoni fil-kawża Infront ( 52 ), każ li l-appellanti tabilħaqq qagħdet fuqu quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dikjarazzjoni pjuttost apodittika, il-Qorti Ġenerali sabet li din il-kawża kienet legalment u fattwalment differenti mill-kawża preżenti, għar-raġuni li tal-ewwel kienet tinvolvi deċiżjoni (u mhux direttiva) u li tal-aħħar “ma hijiex atipika” ( 53 ).

    83.

    Ma huwiex ċar għalija x’riedet tfisser il-Qorti Ġenerali meta rreferiet għall-kawża preżenti bħala “ma hijiex atipika” u kif dan l-element għandu rwol taħt l-Artikolu 263 TFUE ( 54 ). Għal darba oħra, fil-fehma tiegħi, l-element ewlieni huwa pjuttost jekk wieħed jaċċettax li l-isem u l-forma ta’ att huma ta’ ftit rilevanza taħt dik id-dispożizzjoni. Jekk dan huwa l-każ, allura l-kwistjoni kruċjali huwa sempliċement kwistjoni ta’ jekk l-impatt allegat fuq il-pożizzjoni legali tal-appellanti huwiex ir-riżultat tal-att tal-Unjoni li qiegħed jiġi kkontestat jew ir-riżultat ta’ att sussegwenti ta’ implimentazzjoni.

    84.

    F’dan l-isfond, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 118 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma kinitx direttament ikkonċernata mill-miżura kkontestata, minħabba li d-dispożizzjoni dwar is-separazzjoni kienet teħtieġ miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

    85.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, peress li nqis li l-ebda wieħed miż-żewġ gruppi ta’ raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat għall-esklużjoni tal-inċidenza diretta (il-miżura kkontestata hija direttiva, u d-dispożizzjoni dwar is-separazzjoni ma taffettwax immedjatament il-pożizzjoni legali tal-appellanti) ma huwa korrett, nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 116 tad-digriet appellat, hija ddeċidiet li l-appellanti ma hijiex direttament ikkonċernata, u wassalha mbagħad għal konklużjoni żbaljata dwar il-locus standi taħt l-Artikolu 263 TFUE fil-punt 124 tad-digriet appellat.

    86.

    Dawn l-iżbalji ta’ liġi huma fihom innifishom suffiċjenti biex jitwarrab il-punt 4 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, li ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza u sabiex ngħin bis-sħiħ lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell, jiena ser nindirizza wkoll argument ieħor imressaq mill-appellanti fl-ewwel aggravju.

    c) In‑nuqqas li jiġu indirizzati argumenti ulterjuri tal‑appellanti

    87.

    Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti argumentat li l-miżura kkontestata affettwat direttament il-pożizzjoni legali tagħha minħabba li din il-miżura kellha, b’mod partikolari, tliet tipi ta’ effetti. Apparti mill-ħolqien ta’ obbligu rigward is-separazzjoni, diskuss fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija teħtieġ ukoll li l-appellanti tapplika regoli dwar aċċess ta’ partijiet terzi u regolamentazzjoni tat-tariffi. Matul is-sottomissjonijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali (u b’mod speċjali ir-rikors tagħha u l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-appellati), l-appellanti b’mod konsistenti rreferiet għall-effetti (allegatament ta’ ħsara) li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawk it-tliet dispożizzjonijiet, għas-sitwazzjoni tagħha.

    88.

    Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxietu dan ( 55 ). Madankollu, ċaħdet r-rekwiżit ta’ inċidenza diretta billi ħarset biss lejn id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni. Il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk – irrispettivament mill-effetti allegati li jirriżultaw mir-regoli dwar is-separazzjoni – il-pożizzjoni legali tal-appellanti setgħetx tiġi affettwata mid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess ta’ terzi u/jew dwar ir-regolamentazzjoni tat-tariffi.

    89.

    Pjuttost milli dawn jitqiesu kunsiderazzjonijiet anċillari li jistgħu jiġu injorati jew impliċitament miċħuda mill-Qorti Ġenerali, l-argumenti mressqa mill-appellanti dwar l-aċċess ta’ terzi u r-regolazzjoni tat-tariffi kienu jikkostitwixxu żewġ elementi tal-ispjegazzjoni tagħha fuq tliet binarji dwar għaliex kienet affettwata direttament mill-miżura kkontestata. Kull wieħed minn dawk it-tliet elementi jista’ individwalment ikun biżżejjed biex jiġġustifika konstatazzjoni ta’ inċidenza diretta. B’mod partikolari, irrispettivament mill-forma ta’ separazzjoni li finalment intgħażlet mill-awtoritajiet nazzjonali, l-obbligi fuq l-aċċess ta’ terzi u r-regolamentazzjoni tat-tariffi imposti fuq l-appellanti jibqgħu mhux affettwati.

    90.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-digriet appellat huwa inevitabbilment ivvizzjat ukoll minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Dan l-iżball ta’ liġi huwa wieħed ta’ ordni pubbliku. Jista’ jitqajjem ( 56 ) mill-Qorti tal-Ġustizzja ex officio ( 57 ), b’mod partikolari fejn jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ( 58 ).

    91.

    Għalhekk, irrispettivament mill-iżbalji ta’ liġi identifikati iktar ’il fuq dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni (l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Gass), u dwar id-deroga u l-eżenzjoni (stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 49a u l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-Gass), il-punt 4 tad-dispożittiv tad-digriet appellat għandu jiġi annullat ukoll minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

    92.

    Barra minn hekk, li kieku l-Qorti Ġenerali evalwat sewwa d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess ta’ terzi u r-regolamentazzjoni tat-tariffi, kienet tasal għall-konklużjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jaffettwaw ukoll direttament lill-appellanti.

    93.

    Għal darba oħra, huwa veru li – kif jindikaw l-appellati u l-intervenjenti – id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 32 u l-Artikolu 41 tad-Direttiva dwar il-Gass jirrikjedu li l-Istati Membri “jiżguraw” l-implimentazzjoni tagħhom.

    94.

    Madankollu, f’dan il-kuntest ukoll, ma jistax jiġi kkontestat li l-appellanti ma tikkontestax il-modi speċifiċi li fihom l-obbligi li joħorġu minn dawn id-dispożizzjonijiet isiru operattivi. L-appellanti tikkontesta l-qofol stess tal-obbligi imposti fuqha bħala riżultat tal-adozzjoni tal-miżura kkontestata.

    95.

    Fi ftit kliem, l-Artikolu 32 tad-Direttiva dwar il-Gass jirrikjedi li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jippermettu aċċess għall-kapaċità tagħhom fuq bażi nondiskriminatorja lil klijenti potenzjali abbażi ta’ tariffi ppubblikati. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 41(6), (8) u (10) tad-Direttiva dwar il-Gass jipprovdi, essenzjalment, li t-tariffi imposti mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għall-użu tal-kapaċità tat-trasport tagħhom għandhom ikunu approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

    96.

    Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-appellanti ser tkun, sa fejn dawn ir-regoli jipprevedu, legalment prekluża milli taġixxi bħala operatur normali tas-suq li tagħżel liberament il-klijenti tagħha u l-politika tal-prezzijiet. L-appellanti ser għalhekk taffaċċja numru ta’ restrizzjonijiet regolatorji ġodda li jillimitaw id-dritt tagħha għall-proprjetà u l-libertà tal-intrapriża. Dawn ir-restrizzjonijiet huma ġodda, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-investiment, iż-żmien meta l-infrastruttura bdiet tinbena, u ż-żmien li l-appellanti kkonkludiet kuntratti għall-finanzjament u l-operazzjoni futura tagħha ( 59 ), ma pprovdietx għal aċċess obbligatorju minn terzi u approvazzjoni tat-tariffa mir-regolatur nazzjonali.

    97.

    Dan ma jfissirx li meta kumpannija tagħmel investiment u tipprepara ruħha biex tidħol f’suq taħt ċertu reġim, irrispettivament minn kemm jista’ jkun kbir dan l-investiment, il-leġiżlatur ma jistax jemenda dak ir-reġim b’mod validu. Fil-fatt, dan żgur ma huwiex il-każ.

    98.

    Madankollu, kemm jekk il-bidliet introdotti għal dan ir-reġim, li joħolqu obbligi u restrizzjonijiet ġodda ma kinux jeżistu qabel, humiex raġonevoli jew le, jammonta għal evalwazzjoni li tappartjeni għall-mertu tal-azzjoni tal-appellanti. F’termini ta’ ammissibbiltà, l-unika mistoqsija rilevanti hija jekk dawn l-obbligi u restrizzjonijiet jirriżultawx direttament mill-miżura kkontestata, u mhux jekk humiex raġonevoli jew iġġustifikati. Dawn ir-restrizzjonijiet u l-obbligi jaffettwaw diġà l-pożizzjoni legali u ekonomika tal-appellanti, u l-kapaċità tagħha li twettaq l-obbligi tagħha taħt ftehimiet preeżistenti ( 60 ), irrispettivament minn kwalunkwe miżura li tista’ eventwalment tiġi adottata fuq livell nazzjonali?

    99.

    Fl-aħħar nett, għandhom jiġu indirizzati żewġ argumenti addizzjonali mressqa mill-appellati u l-intervenjenti.

    100.

    Fl-ewwel lok, insib li ma jistax jiġi sostnut l-argument, imressaq mill-Gvern Pollakk, li l-pożizzjoni legali tal-appellanti ma tistax tiġi affettwata mill-miżura kkontestata minħabba li d-Direttiva dwar il-Gass kienet diġà applikabbli għal pipelines bħall-pipeline Nord Stream 2. Jidhirli li dan il-pipeline – li tgħaqqad Stat Membru (il-Ġermanja) ma’ Stat mhux Membru (ir-Russja) – evidentement ma kienx kopert mid-definizzjoni preċedenti ta’ “interkonnettur” stabbilita fl-Artikolu 2(17) tad-Direttiva dwar il-Gass, kif adottata oriġinarjament. Din id-definizzjoni leġiżlattiva rreferiet għal “linja tat-trasmissjoni li taqsam jew li hi mxerrda fuq fruntiera bejn Stati Membri għall-uniku skop li tikkonnetti s-sistemi ta’ trasmissjoni nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri”.

    101.

    Il-miżura kkontestata b’hekk wessgħet din id-definizzjoni sabiex tkopri wkoll “linja ta’ trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali ta’ dak l-Istat Membru” ( 61 ). Barra minn hekk, il-kliem stess tal-miżura kkontestata jidher li jikkontradixxi l-argument tal-Gvern Pollakk: skont il-premessa 3, din il-miżura riedet “li tindirizza l-ostakli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tas-suq tal-Unjoni għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi” ( 62 ).

    102.

    Fit-tieni lok, insib ukoll li l-argument, imressaq mill-Parlament u l-Gvern Pollakk, dwar allegat nuqqas ta’ impatt fuq l-appellanti minħabba li l-attivitajiet kummerċjali tagħha għadhom ma bdewx, ma huwiex persważiv. Id-Direttiva dwar il-Gass, magħmula applikabbli għall-appellanti mill-miżura kkontestata, ma tirregolax biss l-attivitajiet ta’ kumpanniji li bħalissa qegħdin joperaw fis-suq, iżda wkoll ta’ kumpanniji li beħsiebhom jidħlu fis-suq. Pereżempju, l-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva dwar il-Gass jirregolaw sitwazzjonijiet li fihom kumpannija għadha ma bdietx tipprovdi s-servizzi tagħha. L-ewwel dispożizzjoni, b’mod partikolari, tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn il-kostruzzjoni tal-infrastrutturi inkwistjoni lanqas biss bdiet.

    103.

    Madankollu, forsi b’mod iktar sinjifikattiv, bħala kwistjoni ta’ realtà ekonomika bażika, il-pipelines ma humiex klementini ( 63 ). Proġett infrastrutturali maġġuri bħal dan ma huwiex attività kummerċjali li tibda mil-lum għal għada. Fil-każ preżenti, minħabba l-istadju avvanzat ta’ kostruzzjoni tal-pipeline u l-investiment sinjifikattivi magħmul mill-appellanti fuq numru ta’ snin, il-miżura kkontestata ser ikollha bosta konsegwenzi fuq l-istruttura korporattiva tal-appellanti u l-mod li bih tista’ topera n-negozju tagħha. Uħud mill-bidliet meħtieġa mill-appellanti bilfors ikollhom jiġu implimentati qabel ma jibdew l-attivitajiet kummerċjali tagħha. Għaldaqstant, ma jistax jiġi argumentat li l-impatt huwa purament ipotetiku, jew b’xi mod marbut ma’ avvenimenti futuri.

    104.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li t-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appellanti hija wkoll fondata. Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Gass, naqset milli tapprezza l-importanza tal-Artikoli 36 u 49a tagħha, u naqset milli tikkunsidra l-impatt tal-Artikoli 32 u 41 tagħha. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lok għal obbligi ġodda min-naħa tal-appellanti. Il-parti essenzjali ta’ dawn l-obbligi (li hija, b’mod importanti, il-parti nnifisha li l-appellanti tilmenta dwarha ( 64 )) ma tistax tiġi affettwata sostanzjalment mill-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni.

    105.

    Għalhekk nikkonkludi li għandu jiġi deċiż li l-appellanti hija direttament kkonċernata mill-miżura kkontestata.

    B.   It‑tieni aggravju

    106.

    It-tieni aggravju huwa dirett kontra l-punti 38 sa 72 u 125 sa 135 tad-digriet appellat.

    107.

    Fil-punti 38 sa 72 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ttrattat it-talba tal-Kunsill dwar kwistjoni proċedurali ( 65 ). Hija ordnat l-isfilz mill-proċess ta’ tnejn mid-dokumenti kkontestati mill-Kunsill (l-Annessi A.14 u O.20). Hija sostniet ukoll li s-siltiet minn dawk id-dokumenti riprodotti fis-sottomissjonijiet tal-appellanti ma għandhomx jibqgħu jiġu kkunsidrati. B’kuntrast, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li tiddeċiedi dwar l-isfilz tat-tielet dokument (id-Direttivi tan-Negozjati), sa fejn dan id-dokument ma kienx ġie prodott.

    108.

    Fil-punti 125 sa 135 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali mbagħad ittrattat it-talba tal-appellanti għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u talbet lill-Qorti Ġenerali tordna lill-appellati jipproduċu l-verżjoni mingħajr tħassir ta’ ċerti dokumenti ( 66 ). Il-Qorti Ġenerali l-ewwel qatgħetha li ma kienx hemm bżonn li tiddeċiedi fuq din it-talba. Osservat li d-dokumenti inkwistjoni kienu allegatament maħsuba biex jistabbilixxu li l-appellanti kienet individwalment ikkonċernata mill-miżura kkontestata. Madankollu, hija kkunsidrat li l-azzjoni setgħet tiġi miċħuda bħala inammissibbli mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jiġi eżaminat ir-rekwiżit ta’ inċidenza individwali.

    109.

    Il-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat it-talba tal-Kunsill li tnejn mid-dokumenti tal-appellanti, annessi mat-talba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (id-Dokumenti Ġermaniżi Mhux Imħassra), jiġu ssfilzati mill-proċess. Hija ddeċidiet li din it-talba kienet fondata.

    110.

    Fl-appell tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ordnat (i) l-isfilz tal-annessi inkwistjoni mill-proċess, u (ii) li s-siltiet fir-rikors tal-appellanti li rriproduċew siltiet ta’ tnejn minn dawn annessi jiġu injorati.

    1. Argumenti tal‑partijiet

    111.

    L-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi essenzjalment ibbażat ir-raġunament tagħha kompletament fuq l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti stabbiliti fir-Regolament Nru 1049/2001. Għalkemm dan l-istrument jista’ jipprovdi ċerta gwida fir-rigward ta’ interessi li l-qrati tal-Unjoni jista’ jkollhom bżonn jikkunsidraw meta jiddeċiedu dwar l-ammissibbiltà ta’ provi prodotti fi proċeduri pendenti, ma jistax jiġi applikat ipso facto għal dawn is-sitwazzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali kellha tevalwa l-ammissibbiltà tal-annessi inkwistjoni billi tikkunsidra interessi oħra differenti, minn dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 1049/2001. B’mod partikolari, korp konsistenti ta’ ġurisprudenza jirrikjedi li l-qrati tal-Unjoni jeżaminaw jekk id-dokumenti prodotti minn parti jistgħux ikunu rilevanti, jew saħansitra deċiżivi, għas-soluzzjoni tat-tilwima.

    112.

    Il-Kunsill huwa tal-fehma li dan l-aggravju huwa inammissibbli peress li, essenzjalment, l-appellanti trid li l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri jekk il-produzzjoni tal-annessi inkwistjoni kinitx xierqa u meħtieġa. Barra minn hekk, iż-żewġ appellati – sostnuti mill-intervenjenti – isostnu li dan l-aggravju ma huwiex fondat peress li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-prinċipji dwar l-ammissibbiltà tal-provi li joħorġu mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. L-appellati jenfasizzaw li l-annessi inkwistjoni kienu dokumenti interni li qatt ma ġew irrilaxxati lill-pubbliku.

    2. Analiżi

    113.

    L-ewwel nett, l-argument tal-Kunsill rigward l-inammissibbiltà tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud. Tabilħaqq, l-appellanti ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tevalwa mill-ġdid il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rilevanza tal-annessi inkwistjoni. Minflok, l-appellanti qiegħda tikkritika l-qafas legali applikat għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tad-dokumenti inkwistjoni. Din hija kwistjoni ta’ dritt u, bħala tali, tista’ tiġi mistħarrġa fl-appell.

    114.

    Fir-rigward tas-sustanza tat-tieni aggravju, naqbel mal-appellanti. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-approċċ tagħha biex teżamina jekk l-annessi inkwistjoni jistgħux jiġu ammessi bħala provi.

    115.

    Sabiex nispjega din il-konklużjoni, ser nibda billi niġbor fil-qosor il-prinċipji li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi quddiem il-qrati tal-Unjoni, billi nindika l-approċċ miftuħ sanċit fid-dispożizzjonijiet rilevanti u l-ġurisprudenza (a). Imbagħad ngħaddi għall-eċċezzjonijiet possibbli għal dan ir-reġim, li minnhom tista’ tittieħed ċerta ispirazzjoni limitata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 (b). Sussegwentement, ser nenfasizza differenza addizzjonali, iżda importanti, bejn ir-reġim li jirregola l-aċċess għal dokumenti u dak li jirregola l-produzzjoni ta’ provi quddiem il-qrati tal-Unjoni: il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-iskoperta tad-dokumenti (c). Huwa f’dan l-isfond li mbagħad ser nispjega r-raġunijiet speċifiċi għaliex, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat l-ammissibbiltà tal-annessi inkwistjoni (d). Fl-aħħar nett, fil-qosor ser nieħu pożizzjoni dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-annessi fil-proċeduri preżenti (e).

    a) L‑approċċ ġeneralment miftuħ rigward l‑ammissibbiltà tal‑provi

    116.

    L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti mill-partijiet. Madankollu, l-Artikolu 24 tiegħu jipprovdi li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jitolbu lill-partijiet jipproduċu d-dokumenti kollha u jipprovdu l-informazzjoni kollha li l-qrati tal-Unjoni jikkunsidraw mixtieqa. Barra minn hekk, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jeħtieġu wkoll li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jipprovdu l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għall-proċeduri, anki meta ma jkunux partijiet fil-kawża.

    117.

    Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni ġenerali dwar l-(in)ammissibbiltà ta’ tipi ta’ provi ma tinstab fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawk il-korpi ta’ regoli jirregolaw biss meta u kif (u mhux liema) provi jistgħu jiġu prodotti mill-partijiet jew akkwistati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    118.

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li “l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq, jimplika l-obbligu li tiġi offruta lil kull parti possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’ċirkustanzi li ma jqiegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett fil-konfront tal-avversarja tagħha” ( 67 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li, “il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni bla xkiel tal-provi” u li “hija biss l-affidabbiltà tal-provi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija deċiżiva meta tiġi għall-evalwazzjoni tal-valur tagħhom” ( 68 ).

    119.

    Ġurisprudenza iktar speċifika tikkonferma wkoll li ma hemm l-ebda preklużjoni a priori fir-rigward ta’ ċerti forom jew l-oriġini tal-provi ( 69 ). Fir-rigward tal-mod li bih inkisbu l-provi, il-qrati tal-Unjoni għamluha ċara li, normalment, il-provi miksuba legalment biss jistgħu jiġu sottomessi liberament ( 70 ), f’konformità mal-prinċipju legali ġeneralment aċċettat nemo auditur propriam turpitudinem allegans. Madankollu, b’mod simili għal ġurisdizzjonijiet supremi oħrajn ( 71 ), il-qrati tal-Unjoni wkoll ma eskludewx li, eċċezzjonalment, provi miksuba illegalment (jew b’mod mhux xieraq) jistgħu jkunu ammissibbli wkoll ( 72 ). Dan huwa iktar u iktar il-każ fejn l-awtentiċità tad-dokumenti ma ġietx ikkontestata ( 73 ), u fejn ma huwiex stabbilit li l-parti li pproduċiet il-provi kienet dik li kienet kisbitha illegalment ( 74 ).

    120.

    Minn dak li ntqal jirriżulta li, bħala prinċipju, kwalunkwe prova tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 75 ). Madankollu, il-Qorti tal-Unjoni kkonċernata tista’ tqis l-eżistenza ta’ interessi oħra li jistgħu, bħala eċċezzjoni, jiġġustifikaw ir-rifjut li taċċetta l-provi, u tibbilanċja dawk l-interessi ma’ dawk li jitolbu l-aċċettazzjoni tagħha.

    b) L‑eċċezzjonijiet relatati mal‑ammissibilità tal‑provi

    121.

    Fir-rigward tal-interessi li jistgħu jeħtieġu protezzjoni – u b’hekk jippermettu eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-produzzjoni libera ta’ provi – tista’ tittieħed ċerta ispirazzjoni minn dawk li l-leġiżlatur tal-Unjoni espressament semma fir-Regolament Nru 1049/2001. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dak l-istrument “għand[u] ċertu valur indikattiv fil-kuntest tal-ponderazzjoni tal-interessi meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni” dwar talbiet għall-isfilz tad-dokumenti ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 76 ).

    122.

    Madankollu, filwaqt li dan l-istrument huwa reġim komplet u eżawrjenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċess għal dokumenti, huwa ċar li ma jistax ikun hekk fir-rigward tal-produzzjoni ta’ provi. Il-qrati tal-Unjoni jistgħu u, fejn xieraq, għandhom, iqisu interessi oħra (“intraġudizzjarji” jew “extraġudizzjarji”).

    123.

    B’mod ġenerali, wieħed għandu joqgħod attent minn dipendenza awtomatika jew fi kwalunkwe każ eċċessiva fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 f’dan il-kuntest. Ma huwa bl-ebda mod aċċidentali li dan l-istrument ma japplikax fir-rigward ta’ dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u li l-istituzzjonijiet koperti minn dan l-istrument għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokumenti “meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ […] proċedimenti fil-qrati” ( 77 ).

    124.

    Dan huwa pjuttost loġiku. Fil-fatt, ħafna mis-sistemi legali jipprovdu għal reġimi speċjali ta’ skoperta fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji. Għalhekk huwa raġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li r-regoli ġenerali dwar l-aċċess għal dokumenti ma għandhomx jinterferixxu ma’ dawn ir-reġimi speċjali. Huwa a fortiori inkonċepibbli li strument bħar-Regolament Nru 1049/2001 imbagħad jitħalla jirregola de facto r-regoli dwar il-produzzjoni tal-provi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    125.

    Ċertament, iż-żewġ gruppi ta’ regoli – aċċess għal dokumenti u produzzjoni ta’ provi – jiddependu fuq sistema simili ta’ “r-regola kontra l-eċċezzjoni”. Ir-regola hija l-iżvelar, u l-eċċezzjoni hija n-nuqqas ta’ żvelar. Madankollu, dan huwa fejn jintemm kwalunkwe parallel xieraq bejn iż-żewġ reġimi, u fuq kollox il-bilanċ ġenerali li għandu jinkiseb fi ħdan wieħed minnhom bejn il-valuri u l-interessi li jikkompetu.

    126.

    Iż-żewġ gruppi ta’ regoli (i) jikkonċernaw attivitajiet ta’ tip differenti, (ii) isegwu għan differenti, li għalhekk (iii) jeħtieġu li l-istituzzjonijiet iwettqu evalwazzjoni pjuttost differenti meta jiddeċiedu dwar l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

    127.

    Fl-ewwel lok, ma naħsibx li huwa neċessarju li nidħlu fil-fond għaliex l-attività ta’ żvelar ta’ ċertu dokument lill-pubbliku ma tantx hija paragunabbli mal-attività ta’ preżentata ta’ dokument (u b’hekk l-iżvelar ta’ tali dokument) lil qorti. Huwa inkonċepibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – l-uniku superviżur u eżekutur tal-legalità fuq l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni – għandha, meta tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni, ikollha l-istess livell ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet u korpi bħal, biex jiġu pprovduti xi ftit eżempji, ġurnalisti, akkademiċi jew organizzazzjonijiet mhux governattivi.

    128.

    Fit-tieni lok, huwa wkoll importanti li jiġi rrilevat li, fid-dawl tad-differenza bejn dawn l-attivitajiet, l-għanijiet segwiti mill-gruppi ta’ regoli relattivi huma wkoll pjuttost differenti.

    129.

    L-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, kif imfisser fit-tieni premessa tiegħu, huwa li jiżdiedu l-ftuħ u t-trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw iktar mill-qrib fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u biex jiggarantixxu li l-amministrazzjoni tgawdi leġittimità ikbar u tkun iktar effettiva u iktar responsabbli. L-għan ġenerali huwa li jissaħħu l-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.

    130.

    Min-naħa tagħhom, ir-regoli dwar il-provi jridu jiżguraw l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha skont l-Artikolu 19 TUE. L-għan ġenerali huwa li kulħadd ikun iggarantit id-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

    131.

    Fit-tielet lok, dawn l-għanijiet (differenti) neċessarjament isawru l-evalwazzjoni li għandha sseħħ mill-istituzzjoni tal-Unjoni inkarigata bil-kompitu li tiddeċiedi dwar id-destin ta’ dokument ikkontestat b’mod differenti. B’mod partikolari, hemm ftit similaritajiet bejn, l-ewwel, il-mod kif l-interessi li jikkompetu huma bbilanċjati fiż-żewġ sistemi, u t-tieni, ir-riżultati tal-ibbilanċjar tal-valuri u l-interessi f’riskju fiż-żewġ każijiet.

    132.

    Ir-regoli fir-Regolament Nru 1049/2001 jippruvaw isibu bilanċ bejn l-interessi taċ-ċittadini li jkollhom amministrazzjoni pubblika miftuħa u trasparenti, u l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-abbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv ( 78 ). Għaldaqstant, l-istituzzjoni affaċċjata b’talba biex tirrilaxxa dokument trid tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, l-għoti ta’ aċċess lill-pubbliku għad-dokument inkwistjoni ma jikkompromettix il-kapaċità tal-istituzzjoni li ssegwi wieħed mill-interessi stabbiliti fir-regolament. Barra minn hekk, anki jekk dik il-kapaċità tista’ tista’ tkun affettwata, l-istituzzjoni jkollha tevalwa l-eżistenza possibbli ta’ interess prevalenti li jirrikjedi l-iżvelar.

    133.

    Huwa ovvju li deċiżjoni dwar il-produzzjoni ta’ provi fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji tinvolvi tip differenti ta’ analiżi. Ir-regoli dwar il-provi huma maħsuba biex jiddeterminaw liema sorsi ta’ informazzjoni l-qorti tista’ jew ma tistax tikkunsidra sabiex tistabbilixxi l-fatti rilevanti meta tiddeċiedi dwar tilwima. Mhux faċli li ssib raġunijiet tajbin għaliex il-qrati tal-Unjoni għandhom jinjoraw ċerti sorsi ta’ informazzjoni (potenzjalment rilevanti), u b’hekk jiżdied ir-riskju ta’ żbalji ġudizzjarji.

    134.

    Naturalment, dan ma jfissirx li, f’ċerti każijiet, il-ħtieġa li jiġi protett ċertu interess speċifiku ma tiġġustifikax ir-rifjut li jiġu ammessi provi prodotti mill-partijiet, irrispettivament mir-rilevanza tagħhom. Tabilħaqq, il-ġurisprudenza tipprovdi ċerti eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-qrati tal-Unjoni aċċettaw xi eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-produzzjoni libera ta’ provi. Jistgħu jissemmew tliet eżempji sabiex jitwera dan.

    135.

    Fl-ewwel lok, tassew li parti ma tistax tuża l-proċeduri tal-qorti biex “tevita” r-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti. Dan ikun il-każ li kieku parti kellha tibda litigazzjoni speċjuża bil-ħsieb stess li tikseb aċċess għal dokumenti li altrimenti huma kunfidenzjali ( 79 ). Jista’ jkun ukoll li, fil-kuntest ta’ tilwima reali, parti titlob aċċess għal dokument kunfidenzjali fil-pussess ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li l-iżvelar tiegħu jista’ fil-fatt jippreġudika l-kapaċità ta’ din l-istituzzjoni li twettaq id-dmirijiet tagħha barra mill-awla ta’ qorti.

    136.

    Fit-tieni lok, il-ħtieġa li jiġu protetti d-deliberazzjonijiet interni tal-Unjoni jew tal-istituzzjonijiet nazzjonali – u b’mod partikolari, il-kapaċità tagħhom li jiksbu parir legali u li jirċievu pariri bi frankezza, oġġettività u komprensività – tista’ wkoll tiġġustifika xi limitazzjonijiet għall-abbiltà tal-partijiet li jissottomettu dokumenti li ma kinux, u ma kinux maħsuba biex ikunu rrilaxxati pubblikament ( 80 ). Fil-fatt, il-konsulenti legali jistgħu joqogħdu lura milli jipprovdu pariri ddettaljati bil-miktub jekk ikunu konxji li l-istituzzjoni tal-Unjoni tista’ fl-aħħar mill-aħħar tiddeċiedi li ma ssegwihomx, u li iktar tard jistgħu jkunu kkonfrontati bil-parir tagħhom stess f’awla ta’ qorti, meta jiddefendu d-deċiżjoni ta’ dik l-istituzzjoni.

    137.

    Fit-tielet lok, ċertament jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom ċerti dokumenti jkollhom informazzjoni sensittiva, bħal data personali sensittiva, li tista’, jekk tiġi rrilaxxata, tippreġudika l-ħajja privata jew professjonali ta’ ċertu individwu. Mutatis mutandis, is-sitwazzjoni tista’ tkun simili fir-rigward ta’ sigrieti tan-negozju. F’dawn il-każijiet, il-qrati tal-Unjoni jista’ jkollhom bżonn jiżnu l-interess ta’ parti li tissottometti (jew tikseb) il-provi meħtieġa biex tippermettilha teżerċita sew id-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv, minn naħa, fil-konfront tal-iżvantaġġi li l-iżvelar ta’ tali provi x’aktarx iwassal fir-rigward tal-privatezza ta’ individwu jew kwalunkwe interessi protetti oħra, min-naħa l-oħra ( 81 ).

    138.

    Fis-sitwazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni kkonċernata għandha tiżen l-interessi konkorrenti involuti, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tad-dokument. Dan ifisser li tevalwa l-konsegwenzi probabbli li jirriżultaw minn, rispettivament, l-ammissibbiltà u n-nuqqas ta’ ammissibbiltà tad-dokument ( 82 ). Minn naħa, il-Qorti tal-Unjoni għandha tiddetermina jekk l-interess jew interessi li jitolbu għan-nuqqas ta’ żvelar humiex reali u jistħoqqilhomx protezzjoni, u għandha tevalwa t-tip u l-kobor tal-ħsara possibbli kkawżata, jekk il-produzzjoni tad-dokument tkun awtorizzata ( 83 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa jekk u sa liema punt ir-rwol tagħha bħala “ġudikant tal-fatt” jista’ jiġi affettwat b’mod negattiv jekk id-dokument ma jiġix prodott: id-dokument inkwistjoni huwa possibbilment importanti, jew saħansitra deċiżiv, biex jiġu stabbiliti ċerti fatti, jew huwa sempliċement wieħed fost id-diversi dokumenti li jistgħu jkunu utli għal dak il-għan ( 84 )? Barra minn hekk, hemm xi interess “intraġudizzjarju” ieħor, bħall-ekonomija tal-proċedura, l-ekwità tal-proċedimenti, jew ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża, li jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi, ixaqilbu favur l-aċċettazzjoni jew le ta’ ċerti dokumenti ( 85 )?

    139.

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat b’mod ċar li r-regoli dwar il-produzzjoni ta’ provi fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, u dawk taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, jikkoinċidu, fi grad limitat, f’termini ta’ kontribut – man-natura ta’ interessi li jistgħu jiġu bbilanċjati mal-iżvelar. B’kuntrast, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ bbilanċjar innifsu, u fuq kollox, fir-rigward tar-riżultat probabbli tiegħu, huma differenti ħafna. Fil-fatt, huwa pjuttost probabbli li, fir-rigward ta’ numru kbir ta’ dokumenti, il-protezzjoni ta’ ċerti interessi tista’ tiġġustifika r-rifjut ta’ applikazzjoni għall-aċċess ta’ dokumenti fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li l-istess raġunijiet ma jkunux biżżejjed biex jiġi ġġustifikat sfilz mill-proċess f’tilwima quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 86 ).

    140.

    Kieku kien mod ieħor, l-amalgamazzjoni de facto taż-żewġ reġimi twassal għal numru ta’ riżultati dubjużi ħafna, minn tal-inqas. Fl-ewwel lok, l-unika qorti intitolata tissorvelja bis-sħiħ l-istituzzjonijiet tal-Unjoni titħalla bl-istess livell ta’ aċċess għall-informazzjoni fit-twettiq ta’ dan il-kompitu bħal kull Tizju u Sempronju ieħor. Fit-tieni lok, id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-provi quddiem il-qrati tal-Unjoni tkun, fil-biċċa l-kbira, effettivament qiegħda titħalla, f’idejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma stess jagħżlu d-dokumenti li jkunu jixtiequ li jiġu mistħarrġa. Fit-tielet lok, dan kollu jwassal, bħala l-konsegwenza pjuttost oneruża tiegħu, għar-riżultat li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tispiċċa tiċċensura jew issikket kompletament, parti li normalment ikollha dritt bla xkiel li titkellem liberament magħha, potenzjalment għad-detriment tad-dritt ta’ dik il-parti li tinstema’ taħt l-Artikolu 47 tal-Karta.

    141.

    Dan kollu li ntqal ma huwiex, fil-fehma tiegħi, wara li titqies ir-realtà soċjali l-ġdida f’termini ta’ tixrid u aċċess għall-informazzjoni ( 87 ), ta’ benefiċċju għall-operat u l-perċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Iktar u iktar ta’ spiss, il-qrati tal-Unjoni qegħdin jintalbu mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni biex jidhru f’commedia dell’arte pjuttost stramba, bis-Sigriet ta’ Pulcinella effettivament magħruf minn kulħadd ħlief mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew aħjar bil-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-unika waħda pprojbita milli tikxef is-sigriet. Bir-rispett u l-affezzjoni dovuti kollha għall-commedia dell’arte, dan ma tantx jista’ jkun rwol fejjiedi għal kwalunkwe qorti.

    142.

    Fi ftit kliem, l-ammissibbiltà tal-provi fi proċeduri ġudizzjarji tiddependi biss miċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ kull każ. Il-qrati tal-Unjoni ma humiex ristretti minn xi regola riġida u jistgħu jiddeterminaw liberament jekk dokument huwiex rilevanti u, minkejja dan, jekk jeżistux ċirkustanzi speċifiċi li jimmilitaw kontra l-produzzjoni. Kif iddeċidiet dan l-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-evalwazzjoni tal-provi ma hijiex ir-riżultat ta’ analiżi astratta, iżda pjuttost ta’ eżami tal-fatti u ċ-ċirkustanzi fuq bażi ta’ każ b’każ” ( 88 ).

    143.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqajjem kwistjoni ta’ ammissibbiltà ta’ provi ex officio, normalment hija l-parti li topponi l-produzzjoni ta’ dokument li għandha tispjega lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’ċarezza u dettall ( 89 ), u fil-ħin ( 90 ), kif l-interess invokat ikun speċifikament ippreġudikat minn żvelar. Dikjarazzjonijiet vagi jew ġeneriċi f’dan ir-rigward ma humiex biżżejjed ( 91 ).

    c) Il‑konsegwenzi differenti fil‑każ tal‑produzzjoni tal‑provi, minn naħa, u l‑aċċess għad‑dokumenti, min‑naħa l‑oħra

    144.

    F’dan il-punt, huwa importanti li jiġi enfasizzat aspett ieħor li jiddistingwi r-reġim ta’ aċċess għal dokumenti minn dak ta’ produzzjoni ta’ provi quddiem il-qrati tal-Unjoni. Jikkonċerna l-konsegwenzi potenzjali li jirriżultaw mill-“iskoperta” tad-dokumenti inkwistjoni. B’differenza mill-eżitu pjuttost binarju taħt ir-Regolament Nru 1049/2001 (l-aċċess jingħata jew ma jingħatax), il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni jippermettu soluzzjonijiet oħra ħafna iktar proporzjonati minn dik ta’ sfilz komplet ta’ dokument mill-proċess.

    145.

    Istituzzjoni tal-Unjoni ma għadhiex tista’ tikkontrolla jew tillimita ċ-ċirkulazzjoni ta’ dokument li għalih tkun tat aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001. B’kuntrast ma’ dan, jeżistu regoli speċifiċi, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, biex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità ta’ dokumenti u informazzjoni sottomessi mill-partijiet fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji ( 92 ). B’mod partikolari, regoli ad hoc li jirregolaw l-aċċess għall-proċessi ( 93 ), jiżguraw li informazzjoni kunfidenzjali ma tiġix riprodotta fid-dokumenti li l-pubbliku għandu aċċess għalihom ( 94 ), u jippermettu li informazzjoni kunfidenzjali tiġi eskluża mis-servizz jew komunikazzjoni lill-partijiet l-oħra ( 95 ).

    146.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qrati tal-Unjoni għandhom varjetà ta’ strumenti għad-dispożizzjoni tagħhom li jistgħu jintużaw biex jissodisfaw il-ħtieġa li tiġi protetta l-kunfidenzjalità ta’ dokumenti (jew partijiet minnhom), ippreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji vis-à-vis il-partijiet l-oħra, filwaqt li fl-istess waqt jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet kollha. Pereżempju, f’xi każijiet, il-qrati tal-Unjoni talbu lil parti biex tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni jew sommarju tagħhom, sabiex dawk id-dokumenti jiġu kkomunikati lill-partijiet l-oħra ( 96 ). Barra minn hekk, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiddeċiedu li l-avukat tal-partijiet biss jista’ jkollu aċċess għal ċerti provi ( 97 ) jew, f’każijiet estremi, li l-ebda aċċess għal ċerti dokumenti ma jingħata lill-partijiet l-oħra fil-proċedimenti ( 98 ).

    147.

    B’ċertu mod, kull waħda minn dawn is-soluzzjonijiet potenzjali xorta tkun iktar proporzjonata u rispettuża, mhux biss tad-drittijiet tal-partijiet skont l-Artikolu 47 tal-Karta, iżda wkoll għar-rwol tal-qrati tal-Unjoni, milli esklużjoni skjetta tal-provi prodotti. Dan juri għal darba oħra li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux sempliċement “jissellfu”en bloc ir-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti u jużawhom bħallikieku applikaw ukoll għall-produzzjoni ta’ provi quddiemhom. F’ċirkustanzi fejn hemm raġunijiet ġenwini biex ċerti dokumenti (parzjalment jew in toto) jinżammu kunfidenzjali vis-à-vis il-pubbliku ġenerali, jew anki l-partijiet, il-qrati tal-Unjoni tassew jistgħu jadottaw diversi miżuri sabiex jiżguraw din il-kunfidenzjalità waqt li jkunu fl-istess ħin qegħdin jippermettu lil parti tipproduċi l-provi li tqis rilevanti.

    148.

    Wara li ntqal dan, issa ser nistħarreġ jekk l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-annessi inkwistjoni hijiex konsistenti mal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

    d) Żbalji ta’ liġi relatati mal‑produzzjoni tal‑provi

    149.

    Jiena tal-fehma li t-tieni aggravju tal-appellanti huwa, bħala prinċipju, fondat.

    150.

    Fil-punt 39 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali (ġustament) iddikjarat li r-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jkollu valur indikattiv. Madankollu, imbagħad kompliet tapplika dawn ir-regoli għas-sitwazzjoni, pjuttost b’mod mekkaniku, mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni għall-fatt li l-problema inkwistjoni u l-kwistjoni legali li trid tiġi solvuta quddiem din il-qorti kienet jekk l-annessi inkwistjoni kellhomx jiġu ssfilzati mill-proċess tal-kawża, u mhux jekk kellux jingħata aċċess pubbliku għal dawk id-dokumenti.

    151.

    Fi kliem ieħor, imkien fid-digriet appellat – jiġifieri la fit-taqsima intitolata “Fuq il-kwistjoni ta’ proċedura mqajma mill-Kunsill” ( 99 ) u lanqas fit-taqsima intitolata “Fuq it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura” ( 100 ) – ma hemm indikazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni li fil-fatt hija differenti minn dik meħtieġa mir-Regolament Nru 1049/2001. Ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-valuri differenti (jew għamlet eżerċizzju ta’ bilanċ) li jirfdu l-ammissibbiltà tal-provi quddiem il-qrati tal-Unjoni.

    152.

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali identifikat l-interessi li l-protezzjoni tagħhom setgħet tiġġustifika sfilz mill-proċess fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1), (2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-ħtieġa li (i) jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirċievu parir legali ċar, oġġettiv u komprensiv ( 101 ), (ii) tiġi evitata l-evażjoni tar-regoli dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti ( 102 ), u (iii) ma jiġux imminati r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea ( 103 ). F’dan ir-rigward, naqbel mal-Qorti Ġenerali li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, dawn l-istess interessi jistgħu jiġġustifikaw ukoll rifjut mill-qrati tal-Unjoni li jaċċettaw ċerti dokumenti bħala provi.

    153.

    Għall-kuntrarju, il-mod li bih il-Qorti Ġenerali mbagħad kompliet tevalwa jekk u kif dawn l-interessi jistgħu, f’din il-kawża, jiġu ppreġudikati jekk l-annessi inkwistjoni jinżammu fil-proċess, ma huwiex konvinċenti. Matul dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali ma tat l-ebda kunsiderazzjoni għal xi interessi “intraġudizzjarji” li setgħu, possibbilment, ipprovdew lil din il-qorti b’raġuni sabiex tiċħad it-talba tal-Kunsill. Huwa, għalhekk, f’dan il-kuntest li d-dipendenza għamja fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 wasslet lill-Qorti Ġenerali biex twettaq żball ta’ liġi. L-aspetti li ġejjin huma partikolarment illustrattivi f’dan ir-rigward.

    154.

    Fl-ewwel lok, ma ngħatat l-ebda kunsiderazzjoni għall-ħtieġa possibbli li l-Qorti Ġenerali nnifisha jkollha aċċess għad-dokumenti inkwistjoni sabiex tasal għal fehma informata tal-fatti allegati ( 104 ), u lanqas għal-limitazzjoni tad-dritt tad-difiża tal-appellanti (li jinkludi l-libertà tagħha li tipproduċi l-provi) li tirriżulta mill-isfilz possibbli mill-proċess tal-annessi inkwistjoni. Dan in-nuqqas huwa saħansitra iktar sorprendenti fid-dawl tal-fatt li l-appellanti kienet argumentat li wħud mill-annessi inkwistjoni kienu “deċiżivi” sabiex tipprova wieħed mill-argumenti tagħha.

    155.

    Fit-tieni lok, il-ħsara allegata għall-interessi invokati mill-Kunsill tirriżulta – fil-fehma tal-Qorti Ġenerali – mis-sempliċi fatt li l-annessi inkwistjoni jistgħu jinżammu fil-proċess u jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali. Il-Kunsill ma kienx meħtieġ mill-Qorti Ġenerali li jispjega fid-dettall, aħseb u ara li jipprova bl-istandard meħtieġ, il-mod li bih, u l-grad li bih, l-interessi invokati jistgħu jiġu speċifikament ippreġudikati.

    156.

    Anki jekk wieħed jikkunsidra li sempliċi assunzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali jistgħu jitqiesu biżżejjed fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi evitata l-evażjoni tar-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti ( 105 ) u għall-protezzjoni tal-pariri legali (quod non) ( 106 ), l-istess ma jistax jingħad dwar tali suppożizzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tidher li tinjora l-fatt li l-appellanti diġà għandha l-annessi inkwistjoni u għalhekk tista’ tagħmel użu minnhom fi kwalunkwe forum oħra kif jidhrilha. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li jista’ jkun hemm riskju li l-annessi inkwistjoni jistgħu jikxfu l-objettiv strateġiku tal-Unjoni Ewropea f’negozjati futuri mar-Russja, u b’hekk idgħajfu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jikkonkludu ftehim sodisfaċenti, kieku d-dokumenti inkwistojni kienu żvelati pubblikament, dan ċertament ma jfissirx li riskju bħal dan jinħoloq bħala riżultat tal-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti fi proċeduri ġudizzjarji.

    157.

    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-iżvelar tal-kontenut tad-Dokumenti tal-Ġermanja Mingħajr Tħassir f’din il-kawża jista’ jdgħajjef il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea, lanqas ma tista’ titqies bħala korretta ( 107 ). Qabelxejn, la fid-digriet appellat, u lanqas fis-sottomissjonijiet tal-appellati u tal-intervenjenti, ma hemm xi spjegazzjoni ċara mogħtija dwar għaliex il-bidu tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija ( 108 ) mill-appellanti (investitur privat) kontra l-Unjoni għandha tikkonċerna relazzjonijiet internazzjonali stricto sensu (jiġifieri, relazzjonijiet bejn l-Unjoni u Stati terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet simili). Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, din tidher bħala tilwima privata.

    158.

    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-ġudikatura tal-Unjoni tista’ teżamina dawn id-dokumenti ma “tagħtix leġittimità” awtomatika lil dawn id-dokumenti. Dan jiġri biss jekk il-Qorti Ġenerali tistrieħ fuq dawn id-dokumenti u tapprova l-kontenut tagħhom.

    159.

    Barra minn hekk, u ħaġa pjuttost importanti, hemm xi ħaġa intrinsikament dubjuża fil-perċezzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza u l-ftuħ tar-Regolament Nru 1049/2001 bħala li jirrappreżentaw korp ta’ regoli li jippermetti lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-iżvelar kull darba li jkun hemm dokument li jista’ potenzjalment jiġi użat fi proċeduri kontra l-Unjoni. Wieħed mill-għanijiet stess ta’ dak il-korp ta’ regoli huwa li jippermetti sorveljanza pubblika fuq l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. A fortiori, dan għandu jkun validu fir-rigward tar-regoli dwar il-produzzjoni ta’ provi, regoli li ma tantx jistgħu jidhru li jiffavorixxu parti (pubblika) minn parti (privata) oħra.

    160.

    Fit-tielet lok, meta evalwat speċifikament jekk għandhiex issir eċċezzjoni (sfilz mill-proċess tal-annessi inkwistjoni) għar-regola (ammissibbiltà tal-provi), il-Qorti Ġenerali bażikament applikat id-dispożizzjonijiet ta’, u l-ġurisprudenza dwar, ir-Regolament Nru 1049/2001. Ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tneħħija tar-Rakkomandazzjoni huwa partikolarment indikattiv ta’ dan l-approċċ. Il-motivazzjonijiet tikkonċerna biss l-iżvelar tad-dokument lill-pubbliku, u mhux l-isfilz mill-proċess. Peress li r-rifjut li jiġi żvelat pubblikament id-dokument instab li huwa ġġustifikat, inevitabbilment segwa – skont il-Qorti Ġenerali – li l-produzzjoni ta’ dan id-dokument fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji kellha wkoll tiġi prekluża ( 109 ). Bl-istess mod, l-isfilz mill-proċess tad-Dokumenti tal-Ġermanja Mingħajr Tħassir kien ibbażat biss fuq impatt allegatament detrimentali li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti fil-proċeduri jista’ jkollu għall-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea “fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001” ( 110 ). Dan, kif spjegat fil-punt 139 iktar ’il fuq, ma jistax ikun korrett.

    161.

    Fir-raba’ lok, l-istess approċċ problematiku ġie segwit fl-uniku każ fejn, wara li kkonkludiet li l-produzzjoni tal-annessi inkwistjoni tista’ effettivament tagħmel ħsara lill-interessi pubbliċi invokati mill-Kunsill, il-Qorti Ġenerali fittxet li tevalwa jekk kienx hemm raġunijiet li setgħu, madankollu, jiġġustifikaw li d-dokumenti jinżammu fil-proċess. Fil-punt 54 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ħtieġet mingħand l-appellanti l-produzzjoni tal-prova tal-eżistenza ta’ “interess pubbliku superjuri” biex jinżamm l-ewwel dokument inkwistjoni fil-proċess. Fin-nuqqas ta’ tali interess pubbliku superjuri, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-dritt tal-appellanti li tippreżenta provi ma kienx jistħoqqlu protezzjoni peress li l-appellanti kienet qiegħda ssegwi biss l-interess privat tagħha stess.

    162.

    Madankollu, filwaqt li r-rekwiżit li jiġi pprovat “interess pubbliku superjuri” huwa raġonevoli fil-kuntest ta’ evalwazzjoni dwar jekk dokument għandux jiġi żvelat pubblikament minn istituzzjoni jew le, ma jagħmel l-ebda sens fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji. Rikorrent privat ikun qiegħed minnu nnifsu jsegwi l-interess privat tiegħu stess meta jibda proċeduri ġudizzjarji ( 111 ). Ma tantx ikun kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi li kieku rikorrenti li jibdew proċeduri għal kawżi “nobbli” ( 112 ) kellhom igawdu drittijiet u garanziji proċedurali iktar b’saħħithom minn applikanti li jagħmlu kawżi għall-interessi privati tagħhom stess.

    163.

    Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed isegwi r-raġunament problematiku tal-Qorti Ġenerali, ma jkunx diffiċli li jiġu identifikati xi interessi pubbliċi importanti li jkunu moqdija aħjar minn qorti li tkun kapaċi teżamina d-dokumenti rilevanti kollha. Pereżempju, qrati informati aħjar huma iktar effettivi biex jiżguraw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (peress li huwa inqas probabbli li jwettqu ċerti żbalji ġudizzjarji), u fit-tisħiħ tal-Istat tad-dritt (billi jeħilsu l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni minn atti potenzjalment illegali). Jidhirli li dawn l-interessi huma inerenti fil-proċeduri ġudizzjarji kollha, mhux biss dawk imressqa minn “Samaritani tajbin” ( 113 ).

    164.

    Fl-aħħar nett fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tikkunsidra l-fatt li, mill-inqas uħud mill-annessi inkwistjoni (id-Dokumenti tal-Ġermanja Mingħajr Tħassir), jikkonċernaw proċedura leġiżlattiva li, skont il-ġurisprudenza, teħtieġ iktar trasparenza u b’hekk aċċess usa’ ( 114 ). Fil-punt 131 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet dan il-fatt iżda mbagħad naqset milli tevalwa jekk, fil-każ inkwistjoni, dan il-fatt setax kellu xi impatt.

    165.

    Fil-ħames lok, l-istess approċċ żbaljat mill-Qorti Ġenerali jista’ jinstab ukoll fis-siltiet fejn din il-qorti evalwat il-provi prodotti mill-partijiet biex jikkorroboraw l-argumenti tagħhom dwar l-ammissibbiltà. Fil-punt 53 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali aċċettat li parti waħda, il-Kunsill, kienet issostanzjat l-argumenti tagħha dwar il-ħtieġa li jiġi sfilzat dokument mill-proċess billi pproduċiet id-deċiżjoni tagħha stess li rrifjutat aċċess għalih.

    166.

    Naturalment ma iniex qiegħed nimplika li d-deċiżjoni tal-Kunsill ma għandha tkun ta’ ebda rilevanza f’dan il-kuntest. Madankollu, ċertament ma tistax tkun deċiżiva kif jidher li kkunsidratha l-Qorti Ġenerali. Dik id-deċiżjoni sempliċement irriflettiet l-opinjoni tal-awtur tiegħu – l-istess parti li pproduċietha quddiem il-Qorti Ġenerali – dwar kwistjoni relatata iżda, kif ingħad, mhux identika: in-nuqqas ta’ aċċessibilità tad-dokument skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Għal darba oħra, kif imsemmi fil-punt 139 iktar ’il fuq, anki deċiżjoni leġittima ta’ nuqqas ta’ żvelar taħt ir-Regolament Nru 1049/2001 ma twassalx għall-inammissibbiltà awtomatika tad-dokument inkwistjoni bħala prova quddiem il-qrati tal-Unjoni.

    167.

    Barra minn hekk, għall-iskopijiet prattiċi kollha, li wieħed japprova l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jkun ifisser li tiġi permessa l-għażla personali ta’ provi ammissibbli mill-istituzzjoni intimata ( 115 ). Fil-fatt, permezz tan-nuqqas ta’ żvelar ta’ dokument skont ir-Regolament Nru 1049/2001, istituzzjoni tkun f’pożizzjoni li tagħżel il-provi li kwalunkwe parti li tkun tixtieq tikkontesta l-att tagħha quddiem il-qrati tal-Unjoni tkun tista’ tuża. Dan huwa pjuttost problematiku mill-perspettiva tal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

    168.

    Barra minn hekk, huwa veru li, ġeneralment, dokumenti interni tal-istituzzjonijiet li fihom parir legali jistgħu jiġu sottomessi biss jekk il-produzzjoni tkun ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni inkwistjoni jew ordnata mill-qorti tal-Unjoni kkonċernata ( 116 ). Madankollu, huwa veru wkoll li, skont linja konsistenti ta’ ġurisprudenza, anki dokumenti kunfidenzjali jew interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu, f’ċerti każijiet, jitqiegħdu legalment fil-proċess, minkejja oppożizzjoni mill-istituzzjoni rilevanti ( 117 ). Tassew jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom l-illegalità ta’ att partikolari tal-Unjoni tista’ tiġi pprovata biss fuq il-bażi ta’ dokumenti interni jew kunfidenzjali ( 118 ). Il-Qorti Ġenerali sempliċement “injorat” din il-ġurisprudenza tal-aħħar u l-argumenti relatati tal-appellanti.

    169.

    L-iżball f’termini tar-rekwiżit li l-partijiet jikkorroboraw l-argumenti tagħhom huwa saħansitra iktar impressjonanti fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula dwar id-Dokumenti tal-Ġermanja Mingħajr Tħassir: dokumenti li ma nkitbux mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni iżda (preżumibbilment) mill-Gvern Ġermaniż. Il-Qorti Ġenerali segwiet it-talba tal-Kunsill u ordnat li jiġu ssfilzati mill-proċess sempliċement fuq il-bażi ta’ żewġ assunzjonijiet. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali ppreżumiet li huma kunfidenzjali, mingħajr lanqas biss talbet il-konferma tal-Gvern Ġermaniż dwar dan il-punt ( 119 ). It-tieni, il-Qorti Ġenerali ppreżumiet li l-appellanti kienet kisbet dawn id-dokumenti illegalment, sempliċement minħabba li l-appellanti ma pprovdietx provi li juru li kienu nkisbu legalment, minkejja li din il-parti ċaħdet xi mġiba ħażina ( 120 ). Madankollu, f’konformità mal-prinċipji ġenerali dwar l-oneru tal-prova, kellu jkun il-Kunsill li jipprova l-allegazzjonijiet tiegħu.

    170.

    Bħala konklużjoni, it-tieni aggravju tal-appellanti huwa wkoll fondat. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat qafas analitiku żbaljat meta stħarrġet l-ammissibbiltà tal-annessi inkwistjoni.

    171.

    Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, applikat ir-regoli stabbiliti u l-loġika segwita fir-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tevalwa l-ammissibbiltà tal-annessi inkwistjoni. Pjuttost milli sempliċement tieħu, fejn xieraq, xi ispirazzjoni minn dawn ir-regoli, il-Qorti Ġenerali sempliċement ittrattat il-produzzjoni tal-appellanti tal-annessi inkwistjoni daqslikieku kienet tikkonċerna talba għal aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Jidher li d-differenzi ovvji bejn iż-żewġ oqfsa legali ma ttiħdux inkunsiderazzjoni. Lanqas ma ngħatat l-ebda kunsiderazzjoni għal kwalunkwe interess “intraġudizzjarju” possibbli li seta’ ssuġġerixxa li dawn id-dokumenti għandhom jinżammu fil-proċess. Meta għamlet dan, jew pjuttost, għal iktar preċiżjoni, meta naqset milli tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi msemmija iktar ’il fuq, b’mod kuntrarju għall-ġurisprudenza stabbilita sew.

    172.

    Għaldaqstant, id-digriet appellat għandu jiġi annullat wkoll sa fejn il-Qorti Ġenerali ordnat l-isfilz tal-annessi inkwistjoni mill-proċess u ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-siltiet tas-sottomissjonijiet li fihom estratti ta’ dawn id-dokumenti ġew riprodotti (punti 1 u 3 tad-dispożittiv).

    e) L‑annessi inkwistjoni ma humiex rilevanti għall‑proċeduri preżenti

    173.

    Kif imsemmi fil-punt 25 iktar ’il fuq, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, l-appellanti ssottomettiet l-annessi inkwistjoni.

    174.

    Wara li eżaminajt dawn id-dokumenti, ma nikkunsidrax li huma rilevanti għall-finijiet tal-proċeduri ta’ appell preżenti.

    175.

    Fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-appellanti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, jidhirli li, permezz ta’ dawn id-dokumenti, l-appellanti essenzjalment segwiet żewġ għanijiet. L-ewwel, l-appellanti riedet li “ssaħħaħ” ċerti argumenti legali magħmula fil-kawża inkwistjoni, billi turi l-pożizzjoni meħuda f’dan ir-rigward minn xi istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Gvernijiet tal-Istati Membri. It-tieni, l-appellanti riedet li tikkorrobora l-allegazzjoni tagħha li l-pipeline tagħha kien il-mira ewlenija tal-miżura kkontestata.

    176.

    Madankollu, ma iniex persważ li l-annessi inkwistjoni huma verament ta’ għajnuna għall-Qorti tal-Ġustizzja f’xi wieħed minn dawn l-elementi.

    177.

    Fl-ewwel lok, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni fattwali quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja hija pjuttost ċara u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex miftuħa għal eżami mill-ġdid fl-appell. Sa fejn huma kkonċernati argumenti legali potenzjali li jinsabu f’dawn l-annessi, iura novit curia. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dritt. Bilkemm jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argumenti legali mressqa mill-appellanti, anki dawk potenzjalment meħuda minn dokument differenti ( 121 ), ma jsirux iktar kredibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja bis-sempliċi fatt li ġew ukoll approvati jew anki espressi qabel minn istituzzjoni tal-Unjoni jew Stat Membru. Il-kwistjoni hija pjuttost jekk dawn l-argumenti humiex konvinċenti mill-mertu tagħhom stess ( 122 ).

    178.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-intenzjoni tal-appellanti li tikkorrobora l-argumenti tagħha li hija “individwalment ikkonċernata” mill-miżura kkontestata, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni u provi fil-proċess f’dan ir-rigward. Kif ser nispjega fit-taqsima li ġejja, jiena tal-fehma li, tabilħaqq, l-appellanti hija kemm direttament kif ukoll individwalment ikkonċernata mill-miżura kkontestata u li l-informazzjoni meħtieġa għal din il-konklużjoni diġà fil-fatt tinsab fil-proċess jew fid-dominju pubbliku.

    179.

    Għal dawn ir-raġunijiet, għalija ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk, ladarba jiġi applikat qafas legali korrett, l-annessi inkwistjoni għandhomx jitqiesu ammissibbli jew le. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, dawn huma irrilevanti.

    180.

    Madankollu, kif spjegat fit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta waslet għall-konklużjoni tagħha dwar l-inammissibbiltà tal-annessi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali applikat test legali żbaljat. Barra minn hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi magħmula f’dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali tkun marbuta li terġa’ tisma’ l-każ.

    181.

    F’ċirkustanzi bħal dawn, insib li huwa xieraq li nissuġġerixxi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv għandhom jiġu annullati. Dan għandu jippermetti lill-Qorti Ġenerali twettaq, jekk tinqala’ l-ħtieġa, evalwazzjoni ġdida u speċifika għall-każ dwar l-ammissibbiltà ta’ dawk l-annessi bħala provi, fid-dawl tal-elementi invokati quddiemha, din id-darba billi tuża l-kejl it-tajjeb.

    VI. Konsegwenzi tal‑evalwazzjoni: kif dan il‑każ għandu jiġi deċiż

    182.

    L-ewwel u t-tieni aggravju huma fondati. Għaldaqstant, il-punti 1, 3 u 4 tad-dispożittiv tad-digriet appellat għandhom jitwarrbu. Peress li l-partijiet l-oħra tad-digriet appellat huma anċillari, id-digriet appellat għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi annullat kollu kemm hu.

    183.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tannulla deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal sentenza jew, fejn l-istat tal-proċeduri jippermetti dan, hija stess tista’ tagħti ġudizzju finali dwar il-kwistjoni.

    184.

    F’din il-kawża, jiena tal-fehma li l-istat tal-proċeduri jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni finali dwar il-locus standi tal-appellanti biex tressaq il-proċeduri (A). Madankollu, ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tittratta l-mertu tal-azzjoni (B).

    A.   Inċidenza individwali

    185.

    Wara li kkonkludejt li l-appellanti kienet ikkonċernata direttament, sabiex tittieħed deċiżjoni finali dwar il-locus standi tagħha li tikkontesta l-miżura kkontestata, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-appellanti hijiex ukoll individwalment ikkonċernata minn din il-miżura. Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dan il-punt, jiena tal-fehma li – billi l-kwistjoni hija legali u, barra minn hekk, pjuttost sempliċi – il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tagħmel din l-evalwazzjoni.

    186.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni għajr dawk li lilhom tkun indirizzata miżura jistgħu jsostnu li huma individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk dik il-miżura taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li fihom huma ddifferenzjati mill-persuni l-oħra kollha u bis-saħħa ta’ dawk il-fatturi tiddistingwihom individwalment eżatt bħal fil-każ tal-persuna indirizzata b’tali miżura ( 123 ).

    187.

    Ir-rikorrenti ma humiex, bħala prinċipju, ikkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati minn miżuri li japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali u fl-astratt ( 124 ). Barra minn hekk, is-sempliċi possibbiltà li jiġi ddeterminat bejn wieħed u ieħor b’mod preċiż in-numru, jew saħansitra l-identità, tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li għandha titqies bħala ta’ interess individwali għalihom sakemm din il-miżura tkun applikata bis-saħħa ta’ sitwazzjoni oġġettiva legali jew fattwali ddefinita minnha ( 125 ).

    188.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara wkoll li l-fatt li miżura kkontestata hija, min-natura u l-ambitu tagħha, miżura ta’ applikazzjoni ġenerali jew ta’ natura leġiżlattiva sa fejn tapplika għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati b’mod ġenerali, minnu nnifsu ma jipprevjenix li tkun ta’ inċidenza individwali għal uħud minnhom ( 126 ).

    189.

    Dan ikun il-każ meta r-rikorrent ikun jista’ jistabbilixxi “l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li mill-perspettiva tad-dispożizzjoni kkontestata jiddistingwih mill-[operaturi ekonomiċi] l-oħra kollha” ( 127 ). Madankollu, dan ma jfissirx li r-rikorrent għandu jkun l-unika persuna partikolarment affettwata mill-miżura kkontestata sabiex jitqies li huwa individwalment ikkonċernat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta miżura “tolqot grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp […] dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi” ( 128 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement aċċettat inċidenza individwali fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu, meta adottaw il-miżura kkontestata, liema impriżi, li n-numru u l-identità tagħhom kienu jidhru b’mod ċar, ikunu affettwati speċifikament mill-miżura ( 129 ).

    190.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza partikolari liċ-ċirkustanza li l-kategorija ta’ persuni li għaliha jappartjeni rikorrent hija magħmula minn numru fiss ta’ persuni li ma jistax jikber wara l-adozzjoni tal-miżura kkontestata ( 130 ). Dan instab li kien il-każ, b’mod partikolari, meta l-miżura kkontestata biddlet id-drittijiet miksuba mir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tagħha ( 131 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li teżisti inċidenza individwali meta l-att ikkontestat affettwa “numru fiss ta’ [operaturi ekonomiċi] identifikati minħabba l-kors ta’ azzjoni individwali” li huma kienu segwew jew tqiesu li segwew ( 132 ).

    191.

    Madankollu, ċirkustanzi oħra jistgħu jkunu rilevanti wkoll taħt il-“formula tal-kawża Plaumann”. Dan it-test huwa ċertament strett, iżda, għall-inqas apparentement, huwa wkoll relattivament miftuħ u flessibbli. Pereżempju, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti kinux individwalizzati biżżejjed b’miżura kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni – waħedha jew flimkien ma’ elementi oħra – jekk (i) ir-rikorrenti kinux ipparteċipaw fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-miżura ( 133 ), (ii) il-pożizzjoni tagħhom fis-suq kinitx “affettwata sostanzjalment” minn miżura mmirata ( 134 ), u/jew (iii) l-awtur tal-miżura kkontestata kienx meħtieġ li jqis is-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti ( 135 ).

    192.

    F’dan l-isfond, l-appellanti stabbilixxiet li hija individwalment ikkonċernata mill-miżura kkontestata?

    193.

    Jidhirli li rnexxielha tagħmel dan.

    194.

    Fl-ewwel lok, l-appellanti tappartjeni għal grupp ta’ persuni li kien magħluq u identifikabbli fiż-żmien meta ġiet adottata l-miżura kkontestata. Fil-fatt, żewġ pipelines biss, fit-teorija, kellhom jiġu affettwati immedjatament mill-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Gass: Nord Stream 2 u t-Trans-Adriatic. Madankollu, peress li kienet diġà nkisbet estensjoni għall-pipeline tal-aħħar, huwa iktar xieraq li wieħed jitkellem dwar l-appellanti bħala l-unika kumpannija li tappartjeni għal dan il-grupp (purament teoretiku) ta’ individwi affettwati mill-miżura kkontestata ( 136 ).

    195.

    Fit-tieni lok, fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali tagħha, l-appellanti kienet f’ħafna modi f’pożizzjoni unika fir-rigward tal-miżura kkontestata. Fi żmien l-adozzjoni ta’ din il-miżura u tad-dħul fis-seħħ tagħha, il-kostruzzjoni tal-pipeline tagħha ma kinitx biss bdiet, iżda kienet laħqet stadju avvanzat ħafna. Fl-istess ħin, madankollu, dan il-pipeline ma setax jitlesta qabel l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 49a tad-Direttiva dwar il-Gass. Konsegwentement, ir-reġim il-ġdid applika immedjatament għall-appellanti, li baqgħet bejn ħaltejn: la d-deroga u lanqas l-eżenzjoni stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Gass ma setgħu japplikaw.

    196.

    Ma tantx jista’ jiġi kkontestat li l-appellanti biss kienet f’din il-pożizzjoni meta ġiet adottata l-miżura. L-ebda kumpannija oħra qatt mhu ser tkun f’din il-pożizzjoni fil-futur. Kwalunkwe pipeline ieħor (sew jekk mibni fil-passat jew li għandu jinbena fil-futur) jista’ bħala prinċipju jibbenefika jew mid-deroga jew mill-eżenzjoni.

    197.

    Fit-tielet lok, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mhux biss kienu konxji li, bis-saħħa tal-miżura kkontestata, l-appellanti kienet ser tkun suġġetta għar-reġim legali li kien għadu kif ġie stabbilit, iżda aġixxew bl-intenzjoni stess li jissuġġettaw lill-appellanti għal dan ir-reġim il-ġdid ( 137 ). Barra minn hekk, ninnota li l-appellanti pprovdiet, fl-ewwel istanza, diversi dokumenti, minbarra dawk esklużi mill-Qorti Ġenerali, li jissuġġerixxu li l-estensjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-gass għall-attivitajiet tal-appellanti kienet fil-fatt waħda mir-raġunijiet ewlenija (jekk mhux ir-raġuni ewlenija stess) li wasslet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jadottaw il-miżura kkontestata ( 138 ).

    198.

    Inżid ngħid, inċidentalment, li dan kollu jidher li huwa kwistjoni ta’ għarfien komuni. Ħarsa fil-qosor lejn l-istampa u l-artikoli akkademiċi dwar l-adozzjoni tal-miżura kkontestata tidher li tikkonferma l-argument tal-appellanti dwar dan il-punt. F’dan ir-rigward, bilkemm għandi bżonn nindika li, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża ruħha wkoll fuq kwistjonijiet ta’ għarfien komuni ( 139 ). Il-ġustizzja ħafna drabi tintwera bħala għamja. Madankollu, għall-inqas kif niftakarha jien, din l-allegorija ma hijiex intiża li tiġi interpretata bħala li l-Ġustizzja ma hijiex kapaċi tara xi ħaġa li hija kompletament ovvja għal kull persuna oħra.

    199.

    Fir-raba’ lok, minħabba l-istadju avvanzat fil-kostruzzjoni tal-proġett u l-investiment li diġà sar mill-appellanti fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miżura kkontestata, huwa evidenti li l-adozzjoni tal-miżura kkontestata għandha l-effett li teħtieġ lill-appellanti tintroduċi bidliet profondi fl-istruttura korporattiva u finanzjarja tagħha u fil-mudell kummerċjali tagħha – kollox fi żmien relattivament qasir peress li l-miżura kkontestata kellha tiġi trasposta f’madwar 10 xhur mill-adozzjoni tagħha ( 140 ). Għalhekk huwa pjuttost ċar li l-miżura kkontestata mhux biss għandha l-kapaċità, iżda kienet maħsuba wkoll, li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni tas-suq tal-appellanti. L-appellanti tallega wkoll – mingħajr la hija kontradetta mill-appellati u lanqas mill-intervenjenti – li l-miżura kkontestata teħtieġ li jsiru bidliet f’diversi ftehimiet li kienet daħlet fihom qabel, u b’hekk tiġi affettwata pożizzjoni legali diġà stabbilita ( 141 ).

    200.

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, huwa diffiċli li tiġi prevista sitwazzjoni fejn, minkejja li l-miżura kkontestata hija ta’ applikazzjoni ġenerali, tista’ tiġi identifikata konnessjoni iktar ċara u speċifika bejn is-sitwazzjoni tal-appellanti u l-miżura kkontestata. Minħabba ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-appellanti, u ċ-ċirkustanzi partikolari relatati mal-adozzjoni tal-miżura kkontestata, il-pożizzjoni tal-appellanti fil-konfront ta’ din il-miżura tista’ tiġi distinta mill-pożizzjoni ta’ kwalunkwe impriża oħra li hija, jew li ser tkun, suġġetta għar-regoli tad-Direttiva dwar il-Gass bis-saħħa tal-miżura kkontestata.

    201.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkonkludi li, billi hija kkonċernata kemm direttament kif ukoll individwalment, l-appellanti għandha locus standi biex tikkontesta l-miżura kkontestata skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    B.   Mertu tal‑azzjoni

    202.

    Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti qajmet sitt motivi kontra l-miżura kkontestata.

    203.

    Sabiex jiġu evalwati dawn il-motivi, tkun meħtieġa evalwazzjoni ddettaljata fid-dritt u fil-fatt tal-argumenti mressqa mill-partijiet kollha fil-proċeduri, fid-dawl tal-provi prodotti minnhom.

    204.

    Fin-nuqqas ta’ tali evalwazjoni fid-digriet appellat, l-istat tal-proċeduri ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni finali f’din il-kawża.

    205.

    Għaldaqstant, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż jiġu rriżervati.

    VII. Konklużjoni

    206.

    Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet tal‑20 ta’ Mejju 2020, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑526/19, EU:T:2020:210);

    tiddikjara ammissibbli l-azzjoni għal annullament ta’ Nord Stream 2 AG;

    tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-mertu; u

    tordna li l-ispejjeż jiġu rriżervati.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Digriet tal‑20 ta’ Mejju 2020, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑526/19, EU:T:2020:210) (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”).

    ( 3 ) ĠU 2019 L 117, p. 1.

    ( 4 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 3 tal-miżura kkontestata.

    ( 5 ) ĠU 2009, L 211, p. 94.

    ( 6 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 6 sa 9 tad-Drettiva dwar il-Gass.

    ( 7 ) Fil-kuntest tal-industriji tan-network, it-terminu “unbundling” (separazzjoni) jintuża biex jirreferi għas-separazzjoni tal-attivitajiet li potenzjalment jistgħu jkunu suġġetti għall-kompetizzjoni (bħall-produzzjoni u l-provvista) minn dawk fejn il-kompetizzjoni jew ma hijiex possibbli jew permessa (bħat-trasport). L-għan tas-separazzjoni huwa biex tipprekludi li l-operaturi tan-networks tas-sistema ta’ trażmissjoni jagħtu vantaġġ lill-attivitajiet ta’ provvista tagħhom stess, bi żvantaġġ ta’ fornituri indipendenti.

    ( 8 ) L-opinjoni hija intitolata, “Recommendation for a Council decision authorising the opening of negotiations on an agreement between the European Union and the Russian Federation on the operation of the Nord Stream 2 pipeline – Allocation of competences and related legal issues” (Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li Tawtorizza l-Ftuħ ta’ Negozjati fuq Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-Operat tal-Pipeline Nord Stream 2 – Allokazzjoni ta’ Kompetenzi u Kwistjonijiet Legali Relatati”.

    ( 9 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    ( 10 ) Ara wkoll il-punt 82 tad-digriet appellat.

    ( 11 ) Punti 106 sa 108 tad-digriet appellat.

    ( 12 ) Punti 78 u 79 tad-digriet appellat.

    ( 13 ) Dan huwa ċertament minnu fir-rigward tal-prinċipju ġenerali; fil-prattika, madankollu, anki qabel jew fin-nuqqas tat-traspożizzjoni tagħhom, id-direttivi jistgħu (i) jagħtu lok għal effett ta’ imblukkar fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jista’ jkollu effett negattiv fuq individwi – sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punti 35 sa 50); jew (ii) jiġġeneraw effetti inċidentali fuq partijiet terzi – sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 54 sa 61), u tat‑30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172, punti 40 sa 55); jew (iii) twassal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità ma’ direttiva bħal din li tista’ tkun għad-detriment għal individwu – ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitat). L-enfasi hija tiegħi.

    ( 15 ) Ara, b’riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti u d-duttrina legali, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588, punt 48).

    ( 16 ) F’dan is-sens, ara, inter alia, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 66).

    ( 17 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenrali Hogan fil-kawża Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (C‑872/19 P, EU:C:2021:37 punt 105).

    ( 18 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 9), u tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541). L-enfasi hija tiegħi. Iktar reċenti, f’dan is-sens, ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78, punt 51), u d-digriet tat‑2 ta’ Settembru 2020, ENIL Brussels Office et vs Il‑Kummissjoni (T‑613/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:382, punt 25).

    ( 19 ) Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47). L-enfasi hija tiegħi.

    ( 20 ) Bl-istess approċċ jiġi applikat ukoll fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħra, bħall-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE – ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 19).

    ( 21 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2009, Vischim vs Il‑Kummissjoni (T‑420/05, EU:T:2009:391, punti 677879); tas‑7 ta’ Ottubru 2009, Vischim vs Il‑Kummissjoni (T‑380/06, EU:T:2009:392, punti 57 sa 59); u tat‑2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑16/04, EU:T:2010:54, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2015, PPG u SNF vs ECHA (T‑268/10 RENV, EU:T:2015:698, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 ) Ara wkoll l-Artikoli 58 sa 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    ( 24 ) Ara inter alia id-digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2006, Vischim vs Il‑Kummissjoni (T‑420/05 RII, EU:T:2006:304, punt 33).

    ( 25 ) Ssentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011 (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 127128).

    ( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punti 41 sa 64), tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il‑Kummissjoni (T‑33/01, EU:T:2005:461, punti 114 sa 150); u tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni (T‑262/10, EU:T:2011:623, punt 28).

    ( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 71).

    ( 28 ) Kif tindika l-Qorti Ġenerali stess, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita sew, fil-punt 78 tad-digriet appellat. Ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑16/04, EU:T:2010:54, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). Iktar reċentement, ara b’analoġija l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Jekk Stat terz huwiex affettwat) (C‑872/19 P, EU:C:2021:37, punt 119).

    ( 29 ) Ara, bl-istess mod, Lenaerts, K., Maselis, I. u Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, Oxford, 2014, paġni 768 u 769.

    ( 30 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 107), u, iktar reċenti, tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 93).

    ( 31 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2013:336, punt 41). Iċċitati recentement ukoll fis-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB (T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 51).

    ( 32 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 1990, Weddel vs Il‑Kummissjoni (C‑354/87, EU:C:1990:371, punt 19), u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 70).

    ( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 62), u tas‑17 ta’ Frar 2011, FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07, EU:T:2011:42, punt 41).

    ( 34 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il‑Kummissjoni (41/70 sa 44/70, EU:C:1971:53, punti 23 sa 26). F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB (T‑323/16, EU:T:2019:822, punti 60 sa 63).

    ( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina (C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 49), tas‑26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il‑Kunsill (T‑80/97, EU:T:2000:216, punti 61 sa 65); tal‑1 ta’ Lulju 2009, ISD Polska et vs Il‑Kummissjoni (T‑273/06 u T‑297/06, EU:T:2009:233, punt 68).

    ( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il‑Kummissjoni (C‑135/92, EU:C:1994:267, punt 27), u tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Microban International us Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni (T‑262/10, EU:T:2011:623, punt 29).

    ( 37 ) Sentenza tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni (T‑119/02, EU:T:2003:101, punt 276).

    ( 38 ) Ibid., punti 277 sa 281. Ara wkoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq.

    ( 39 ) Digriet tal‑10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑223/01, EU:T:2002:205, punt 46). L-enfasi hija tiegħi.

    ( 40 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 45 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 41 ) Ċertament, deċiżjoni bħal din tista’ tittieħed ukoll bħala kwistjoni ta’ politika ġudizzjarja. Il-viżjoni sottostanti f’dak ir-rigward tkun essenzjalment li tgħaddi kwalunkwe mistoqsija dwar il-validità ta’ kwalunkwe miżura tal-Unjoni li teħtieġ ċertu involviment nazzjonali fil-ġejjieni, ikun kemm ikun marġinali, lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz talbiet għal-deċiżjonijiet preliminari fuq il-validità skont l-Artikolu 267 TFUE, minflok ma jitħallew jipproċedu fil-Qorti Ġenerali skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Minn perspettiva ta’ kritika, fir-rigward tas-sodizza ta’ tali ġestjoni tal-fluss tal-kawżi fid-dawl tal-istruttura istituzzjonali tal-qrati tal-Unjoni llum, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588, punti 137 sa 147), u fil-Kawżi magħquda Il‑Ġermanja u L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Ville de Paris et (C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2021:476, punti 108109).

    ( 42 ) Għall-finijiet ta’ ċarezza, għandu jiġi nnutat li, filwaqt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva dwar il-Gass jużaw termini differenti sabiex jirreferu għal dawk iż-żewġ sitwazzjonijiet (bħall-verżjoni Ingliża “derogation” u “exemption”, u l-verżjoni Ġermaniża, “Ausnahme” and “Abweichung”), verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw l-istess terminu (bħall-verżjoni Franċiża, “dérogation”, u l-verżjoni Taljana, “deroga”).

    ( 43 ) Waħda mill-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni hija, skont l-Artikolu 36(1)(b) tad-Direttiva dwar il-Gass li “il-livell tar-riskju għall-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx kemm-il darba ma tingħatax eżenzjoni”.

    ( 44 ) Dan huwa inkontestabbli minħabba l-istadju avvanzat ħafna tal-kostruzzjoni tal-pipeline. Skont l-appellanti, id-deċiżjoni finali dwar l-investiment ewlieni ġiet adottata f’Settembru 2015.

    ( 45 ) Jiġifieri, fi żmien madwar xahar mill-adozzjoni tal-miżura kkontestata. Dwar l-aħħar aspett, ara wkoll id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2020 BK7-19-108 tal-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija tan-Network Federali, il-Ġermanja).

    ( 46 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 90).

    ( 47 ) Din ir-regola tinvolvi separazzjoni sħiħa bejn il-proprjetà u l-operat tan-networks tat-trażmissjoni tal-gass, u l-attivitajiet tal-produzzjoni u l-provvista tal-gass.

    ( 48 ) Taħt il-mudell ISO – stabbilit fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Gass – impriża integrata vertikalment għandha network ta’ sistema ta’ trażmissjoni, iżda l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jkun entità indipendenti.

    ( 49 ) Taħt il-mudell ITO – stabbilit fil-Kapitolu IV tad-Direttiva dwar il-Gass – impriża integrata vertikalment għandha entità legalment separata li tippossjedi u topera s-sistema ta’ trażmissjoni (jiġifieri, l-ITO). Din l-aħħar entità għandha topera b’mod indipendenti mill-impriża integrata vertikalment.

    ( 50 ) Ara l-paragrafu 113 tad-digriet appellat.

    ( 51 ) Imsemmija iktar ’il fuq, fil-punti 61 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 52 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il‑Kummissjoni (T‑33/01, EU:T:2005:461).

    ( 53 ) Punt 117 tad-digriet appellat.

    ( 54 ) Jekk il-Qorti Ġenerali riedet tfisser li d-direttiva kkontestata hija direttiva vera, u mhux deċiżjoni moħbija (kif qiegħed jargumenta l-Kunsill fl-appell preżenti), nirreferi sempliċement għall-ġurisprudenza li tgħid “il-fatt biss li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jifformaw parti minn att ta’ applikazzjoni ġenerali li jikkostitwixxi direttiva vera u mhux deċiżjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-[Artikolu 263 TFUE], adottat fil-forma ta’ direttiva, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jikkonċernaw individwu direttament u individwalment” Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑16/04, EU:T:2010:54, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-enfasi hija tiegħi.

    ( 55 ) Ara l-punti 96 u 98 tad-digriet appellat.

    ( 56 ) L-appellanti qajmet debitament in-nuqqas tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt fil-kuntest tal-argumenti tagħha dwar interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għalkemm ma rreferietx għalih bħala “nuqqas ta’ motivazzjoni”. Ara iktar ’il fuq, il-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et (C‑677/15 P, EU:C:2017:998, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 58 ) Ara, inter alia, id-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il‑Kunsill (C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 20).

    ( 59 ) Nirreferi, b’mod partikolari, għall-“Ftehim dwar it-Trasport tal-Gass” konkluż fis‑7 ta’ Marzu 2017 ma’ Gazprom Export LLC u l-“Ftehimiet ta’ Finanzjament ta’ Dejn fit-Tul” konklużi f’April u Ġunju 2017 ma’ Gazprom, ENGIE SA, OMV AG, Royal Dutch Shellplc, Uniper SE u Wintershall Dea GmbH. Siltiet rilevanti ta’ dawn il-ftehimiet ġew sottomessi quddiem il-Qorti Ġenerali.

    ( 60 ) Ara, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (C‑362/06 P, EU:C:2008:587, punti 66 sa 76).

    ( 61 ) L-enfasi hija tiegħi.

    ( 62 ) L-enfasi hija tiegħi.

    ( 63 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), anki, f’dak il-każ, in-natura tal-attività kummerċjali inkwistjoni kienet pjuttost rilevanti għall-kunċett ta’ inċidenza individwali.

    ( 64 ) Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2007:611, punt 84)

    ( 65 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 66 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 18 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 67 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 68 ) Ara, reċentement, id-digriet tat‑12 ta’ Ġunju 2019, OY vs Il‑Kummissjoni (C‑816/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:486, punt 6 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-enfasi hija tiegħi.

    ( 69 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (T‑280/94, EU:T:1996:28, punt 56 sa 59); tas‑6 ta’ Settembru 2013, Persia International Bank vs Il‑Kunsill (T‑493/10, EU:T:2013:398 punt 95) u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill (T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punti 1112 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punti 46 sa 51), u tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 57).

    ( 70 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 71 ) Ara, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-istess kwistjoni, Quintana, J.J., Litigation at the International Court of Justice, Leiden, Brill, 2015, p. 385.

    ( 72 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑562/12, EU:T:2015:270, punti 4748 u l-ġurisprudenza ċċitata), u d-digrieti tat‑23 ta’ Marzu 2017, Troszczynski vs Il‑Parlament (T‑626/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:237, punti 2728), u tat‑23 ta’ Marzu 2017, Gollnisch vs Il‑Parlament (T‑624/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:243, punti 2728).

    ( 73 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, QB vs BĊE (T‑827/16, EU:T:2018:756, punt 67). Ara wkoll, a contrario, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle Erling et vs IlKunsill u Il-‑Kummissjoni (197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, EU:C:1981:311, punt 16).

    ( 74 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑562/12, EU:T:2015:270, punt 49), u tat‑8 ta’ Novembru 2018, QB vs BĊE (T‑827/16, EU:T:2018:756, punti 68 sa 72).

    ( 75 ) Din tidher ukoll bħala l-fehma prevalenti fost il-kummentaturi legali: ara, inter alia, Lasok, K.P.E, “The European Court of Justice: Practice and Procedure”, it-tieni edizzjoni, Buttersworth, 1994, p. 344; u Barbier de la Serre, E., u Sibony, A.L., “Expert Evidence Before the EC Courts”, Common Market Law Review, 2008, p. 958 u 959; u Lenaerts, K., Maselis, I., u Gutman, K., “EU Procedural Law”, Oxford University Press, Oxford, 2014, paġni 768 u 769.

    ( 76 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is-Slovenja vs Il‑Kroazja (C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 67), u d-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:438, punti 91213).

    ( 77 ) Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    ( 78 ) Ara, b’mod partikolari l-premessi 6 u 11 tar-Regolament Nru 1049/2001.

    ( 79 ) Ara l-punt 128 tad-digriet appellat u l-ġurisprudenza appellata.

    ( 80 ) Ara, inter alia, id-digrieti tat‑23 ta’ Ottubru 2002, L‑Awstrija vs Il‑Kunsill (C‑445/00, EU:C:2002:607, punti 1213), u tat‑23 ta’ Marzu 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C‑221/06, EU:C:2007:185, punti 20 sa 22), u s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja (C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 70).

    ( 81 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punt 43).

    ( 82 ) F’dan ir-rigward, b’mod ġenerali, ara Barents, R., Remedies and Procedures Before the EU Courts, it-tieni edizzjoni, Wolters Kluwer, 2020, paġni 651 u 652.

    ( 83 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑562/12, EU:T:2015:270, punti 50 sa 53).

    ( 84 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑425/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:91, punti 22 sa 24); u s-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI (T‑192/99, EU:T:2001:7, punti 3334); tal‑11 ta’ Lulju 2014, Esso et vs Il‑Kummissjoni (T‑540/08, EU:T:2014:630, punt 61); u tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummssjoni (T‑562/12, EU:T:2015:270, punt 51).

    ( 85 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2014, Esso et vs Il‑Kummissjoni (T‑540/08, EU:T:2014:630, punt 62), u tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L‑Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (T‑392/15, EU:T:2017:462, punti 52 sa 56), u d-digriet tal‑25 ta’ Frar 2015, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni (T‑812/14 R, mhux ippubblikata, EU:T:2015:119, punt 14).

    ( 86 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni (C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 118). Ara wkoll, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Dragnea vs Il‑Kummissjoni (C‑351/20 P, EU:C:2021:625, punt 92).

    ( 87 ) B’mod partikolari, iktar u iktar dokumenti qegħdin jidhru fid-dominju pubbliku, b’xi mod jew ieħor, mingħajr ma dan ikun attribwibbli lill-parti li wara tkun trid tinvokahom.

    ( 88 ) Digriet tat‑12 ta’ Ġunju 2019, OY vs Il‑Kummissjoni (C‑816/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:486, punt 7).

    ( 89 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2000, Ghignone et vs Il‑Kunsill (T‑44/97, EU:T:2000:258, punt 45), u, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni (C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 115).

    ( 90 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 6061).

    ( 91 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni (C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 92 ) Ara, in primis, l-Artikolu 15(3) TFUE.

    ( 93 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 38 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u l-Artikolu 22(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 94 ) Ara, b’mod partikolari l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 25).

    ( 95 ) Ara, b’mod partikolari l-Artikolu 68(4), l-Artikolu 103, l-Artikolu 104 u l-Artikolu 144 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u l-Artikolu 131(2) sa (4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Meierhofer (T‑560/08 P, EU:T:2010:192, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 96 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55, punt 156).

    ( 97 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234, punti 48 sa 51).

    ( 98 ) Ara l-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u l-Artikolu 190a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara wkoll id-Deċiżjoni (UE) 2016/2386 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2016 dwar ir-regoli ta’ sigurtà applikabbli għall-informazzjoni jew għall-annessi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali taħt l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha (ĠU 2016, L 355, p. 5), u d-Deċiżjoni (UE) 2016/2387 tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-regoli ta’ sigurtà applikabbli għall-informazzjoni jew għall-annessi prodotti taħt l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura (ĠU 2016, L 355, p. 18).

    ( 99 ) Din it-taqsima hija magħmula minn xi “osservazzjonijiet preliminari”, li fihom il-Qorti Ġenerali ppruvat tistabbilixxi l-qafas legali applikabbli (punti 38 sa 46) u minn tliet taqsimiet speċifiċi li fihom, min-naħa tagħha, hija applikat dan il-qafas biex teżamina l-ammissibbilità tad-diversi dokumenti kkonċernati mit-talba tal-Kunsill (punti 47 sa 56 fir-rigward tal-ewwel dokument inkwistjoni, il-punti 57 sa 64 fir-rigward tat-tieni dokument inkwistjoni, u l-punti 65 sa 68 fir-rigward tat-tielet dokument inkwistjoni).

    ( 100 ) Punti 125 sa 135 tad-digriet appellat.

    ( 101 ) Punti 40, 52 u 55 tad-digriet appellat.

    ( 102 ) Punt 51 tad-digriet appellat.

    ( 103 ) Punti 41, 42 u 135 tad-digriet appellat.

    ( 104 ) Ċerti kunsiderazzjonijiet fil-qosor dwar dan il-punt jistgħu, forsi, jitqiesu bħala “impliċiti” fil-punt 129 tad-digriet appellat fir-rigward tad-Dokumenti Ġermaniżi Mingħajr Tħassir.

    ( 105 ) Ara b’mod partikolari l-punt 51 tad-digriet appellat.

    ( 106 ) Ara b’mod partikolari l-punt 52 tad-digriet appellat.

    ( 107 ) Punt 135 tad-digriet appellat.

    ( 108 ) Il-proċeduri ta’ arbitraġġ bdew fis‑26 ta’ Settembru 2019 skont l-Artikolu 26(4)(b) tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u l-Artikolu 3 tar-Regoli tal-Arbitraġġ tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali (UNCITRAL) 1976.

    ( 109 ) Punti 57 sa 63 tad-digriet appellat. Il-punt 63 huwa partikolarment indikattiv f’dan ir-rigward: il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-analiżi billi ddikjarat li “l-Kunsill ġustament iqis li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 […] li jiġġustifika, fih innifsu, li l-imsemmi dokument jiġi sfilżat mill-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi bbilanċjata l-protezzjoni ta’ dan l-interess pubbliku ma’ interess ġenerali superjuri […]”. L-enfasi hija tiegħi.

    ( 110 ) Punt 135 tad-digriet appellat.

    ( 111 ) Bilkemm għandi bżonn nindika, f’dan il-kuntest, li weħed mir-rekwiżiti għal-locus standi ta’ rikorrenti privati huwa, preċiżament, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku.

    ( 112 ) Mingħajr ma nidħlu fil-kwistjoni ta’ min ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi (u kif) x’inhi kawża nobbli denja ta’ drittijiet speċjali, u x’inhu sempliċement egoiżmu individwali normali.

    ( 113 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jingħad ukoll li l-ġurisprudenza li għaliha għamlet riferiment il-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest kienet tikkonċerna tipi differenti ta’ azzjonijiet u (parzjalment) ukoll tipi differenti ta’ dokumenti. Iż-żewġ deċiżjonijiet iċċitati fl-aħħar tal-punt 54 tad-digriet appellat ingħataw f’tilwim bejn rikorrent pprivileġġati li, skont ir-regoli tat-Trattati u tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huma minnhom innifishom f’pożizzjoni differenti minn dik ta’ rikorrenti privati (bħall-appellanti f’din il-kawża).

    ( 114 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001. Ara wkoll is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 45 sa 47), u tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punti 84 sa 95).

    ( 115 ) Ara diġà iktar ’il fuq, il-punt 140 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 116 ) Ara, inter alia, id-digrieti tat‑23 ta’ Ottubru 2002, L‑Awstrija vs Il‑Kunsill (C‑445/00, EU:C:2002:607, punt 12), u tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 8).

    ( 117 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, QB vs BĊE (T‑827/16, ECLI:EU:T:2018:756, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Il‑Kummissjoni vs Tordeur (C‑232/84, EU:C:1985:392), u d-digriet tal‑15 ta’ Ottubru 1986, LAISA vs Il‑Kunsill (31/86, mhux ippubblikata).

    ( 118 ) Dak jista’ jkun il-każ fejn azzjonijiet isiru fuq il-bażi ta’ użu ħażin ta’ poter, jew wara informazzjoni minn informaturi, jew fejn azzjonijiet jistgħu jinvolvu xi responsabbiltà kriminali min-naħa ta’ ċerti membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet.

    ( 119 ) Li, kif imsemmi fil-punt 116 iktar ’il fuq, kellha s-setgħa li tagħmel.

    ( 120 ) Punti 131 sa 135 tad-digriet appellat.

    ( 121 ) Li, f’termini prattiċi, jibqa’ possibbli. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każijiet eċċezzjonali, tabilħaqq teskludi ċertu dokument mill-proċess, ċertament ma huwiex ir-rwol tagħha li tmexxi uffiċċju ta’ ċensura u tivverifika s-sottomissjonijiet ta’ parti rigward il-kontenut tiegħu, billi tivverifika u tikkontroverifika jekk argument legali mressaq minn parti kien possibbilment diġà jinsab f’dokument ieħor.

    ( 122 ) Bil-linja bażi b’hekk tibqa’ neċessarjament id-differenza bejn riferiment lil awtorità esterna (“dan huwa korrett għax istituzzjoni tal-Unjon qalet hekk, u hawn fejn qalitha”) u l-argument indipendenti bbażat fuq il-mertu, metaforikament joqgħod fuq saqajh, mingħajr l-ebda ħtieġa li tiġi invokata awtorità esterna.

    ( 123 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 107), u, iktar reċenti, tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 93).

    ( 124 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 125 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 126 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke Friesland Campina (C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il‑Kunsill (C‑309/89, EU:C:1994:197, punt 19).

    ( 127 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il‑Kunsill (C‑309/89, EU:C:1994:197, punt 22).

    ( 128 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18, punt 31); tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 60); u tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punti 5960).

    ( 129 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali VerLoren van Themaat fil-kawża Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, EU:C:1982:356, p. 218).

    ( 130 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Codorniu vs Il‑Kunsill (C‑309/89, EU:C:1992:406, punt 38). L-enfasi hija tiegħi.

    ( 131 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 72), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59).

    ( 132 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 1975, CAM vs EEC (100/74, EU:C:1975:152, punt 18). Bl-istess mod, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il‑Kummissjoni (41/70 sa 44/70, EU:C:1971:53, punti 1718).

    ( 133 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni (169/84, EU:C:1986:42, punti 2425).

    ( 134 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 50 sa 57). Bl-istess mod, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il‑Kummissjoni (T‑95/03, EU:T:2006:385, punti 52 sa 55).

    ( 135 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217, punti 71 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑3 ta’ Frar 2005, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑139/01, EU:T:2005:32, punt 110). Ara wkoll is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 1990, Weddel vs Il‑Kummissjoni (C‑354/87, EU:C:1990:371, punt 20 sa 22), u tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Abertal et vs Il‑Kummissjoni (C‑213/91, EU:C:1993:238, punt 23).

    ( 136 ) Kif irrikonoxxut, pereżempju, mill-Kummissjoni nnifisha meta ressqet il-proposta tagħha għall-miżura kkontestata: ara l-Iskeda Informattiva tal-Kummissjoni Ewropea, “Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Proposta tal-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva tal-Gass (2009/73/KE)”, MEMO/17/4422, tat‑8 ta’ Novembru 2017 (Tweġiba għall-Mistoqsija 10).

    ( 137 ) Ara, fost dokumenti oħra aċċessibbli liberament, (i) Skeda Informattiva tal-Kummissjoni Ewropea, “Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Proposta tal-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva tal-Gass (2009/73/KE)”, MEMO/17/4422, tat‑8 ta’ Novembru 2017 (Tweġibiet għal Mistoqsijiet 8 sa 11), (ii) Mistoqsijiet tal-Parlament Ewropew, Tweġiba mogħtija mis-Sur Arias Cañete f’isem il-Kummissjoni Ewropea (E-004084/2018 (ASW)), tal‑24 ta’ Settembru 2018, u (iii) Briefing tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, EU Legislation in Progress, “Common rules for gas pipelines entering the EU internal market” (Regoli Komuni għal Pipelines tal-Gass li jidħlu fis-Suq Intern tal-UE), tas‑27 ta’ Mejju 2019, p. 2.

    ( 138 ) Ara, speċjalment, it-Tweġiba mogħtija mill-Kummissarju għall-Enerġija Cañete u l-briefing tal-Parlament imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti. Ara wkoll id-deċiżjoni tal-Bundesnetzagentur imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 iktar ’il fuq.

    ( 139 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 78), u tal‑20 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Litwanja (C‑61/12, EU:C:2014:172, punt 62).

    ( 140 ) Ara l-Artikolu 2 tal-miżura kkontestata. Interessanti li l-Istati Membri ngħataw perijodu madwar darbtejn l-ammont ta’ żmien biex jittrasponu d-Direttiva dwar il-Gass (ara l-Artikolu 54 tagħha), u saħansitra żmien itwal biex japplikaw id-dispożizzjoni dwar is-separazzjoni (ara l-Artikolu 9 tagħha).

    ( 141 ) Ara wkoll iktar ’il fuq, il-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top