EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0183

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-31 ta’ Jannar 2019.
International Management Group vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kooperazzjoni għall-iżvilupp – Implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ ġestjoni indiretta – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Deċiżjoni li kompitu ta’ implimentazzjoni tal-baġit jiġi fdat lil persuna differenti minn dik magħżula inizjalment – Deċiżjoni li kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit ġodda ma jibqgħux jiġu fdati lill-entità magħżula inizjalment – Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 – Artikolu 43 – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012 – Artikolu 43 – Kunċett ta’ ‘organizzazzjoni internazzjonali’ – Kundizzjonijiet – Talba għal kumpens.
Kawżi magħquda C-183/17 P u C-184/17 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:78

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

31 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Appell – Kooperazzjoni għall-iżvilupp – Implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ ġestjoni indiretta – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Deċiżjoni li kompitu ta’ implimentazzjoni tal-baġit jiġi fdat lil persuna differenti minn dik magħżula inizjalment – Deċiżjoni li kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit ġodda ma jibqgħux jiġu fdati lill-entità magħżula inizjalment – Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 – Artikolu 43 – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012 – Artikolu 43 – Kunċett ta’ ‘organizzazzjoni internazzjonali’ – Kundizzjonijiet – Talba għal kumpens”

Fil-Kawżi magħquda C‑183/17 P u C‑184/17 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil-11 ta’ April 2017, minn

International Management Group, stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn L. Levi u J. -Y. de Cara, avukati,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský (Relatur), L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tiegħu, International Management Group (iktar ’il quddiem “IMG”) qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Frar 2017, International Management Group vs Il-Kummissjoni (T‑29/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata T‑29/15”, EU:T:2017:56), u tat-2 ta’ Frar 2017, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (T‑381/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata T‑381/15”, EU:T:2017:57) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom din il-qorti ċaħdet ir-rikorsi tiegħu intiżi, fil-Kawża T‑29/15, għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9787 finali tas-16 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2013) 7682 dwar il-Programm ta’ Azzjoni Annwali 2013 favur il-Mjanmar/Burma ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014”), u, fil-Kawża T‑381/15, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tinsab fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2015 lil IMG (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015” u, flimkien mad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni kkawżati mid-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002

Ir-Regolament Nru 1605/2002

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 48, p. 88) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1605/2002”), tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1). Madankollu, l-Artikolu 212(a) tar-Regolament Nru 966/2012 ipprovda, b’mod partikolari, li l-Artikoli 53 u 53d tar-Regolament Nru 1605/2002 għandhom jibqgħu japplikaw għall-impenji kollha magħmulin sal-31 ta’ Diċembru 2013.

3

L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1605/2002 jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit skond id-dispożizzjonijiet imniżżin fl-Artikoli 53a sa 53d fi kwalunkwe minn dawn il-metodi:

(a)

fuq bażi ċentralizzata;

(b)

b’ġestjoni maqsuma jew deċentralizzata;

(ċ)

b’ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.”

4

L-Artikolu 53d ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod partikolari:

“1.   Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit permezz ta’ amministrazzjoni konġunta, ċerti kompiti implimentattivi għandhom ikunu delegati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali […]

[…]

2.   Il-ftehim individwali li ntlaħqu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għall-għoti ta’ finanzjament għandu jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kompiti fdati f’idejn it-tali organizzazzjonijiet internazzjonali.

[…]”

Ir-Regolament Nru 2342/2002

5

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat-23 ta’ April 2007 (ĠU 2008, L 56M, p. 337) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2342/2002” u, flimkien mar-Regolament Nru 1605/2002, il-“leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002”), tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, permezz tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 966/2012 (ĠU 2012, L 362, p. 1). (iktar ’il quddiem, flimkien mar-Regolament Nru 966/2012, il-“leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2012”).

6

L-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 2342/2002, intitolat “Ġestjoni konġunta”, kien jinkludi b’mod partikolari l-paragrafu (2) li jipprovdi:

“L-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 53d tar-Regolament [Nru 1605/2002] huma dawn li ġejjin:

(a)

organizzazzjonijiet internazzjonali tas-settur pubbliku [tad-dritt internazzjonali pubbliku] mwaqqfa permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi, u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn dawn l-organizzazzjonijiet;

[…]”

Il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2012

Ir-Regolament Nru 966/2012

7

Ir-Regolament Nru 966/2012 daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Ottubru 2012, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 214 tiegħu. Dan huwa applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2013, skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, mingħajr preġudizzju għad-dati ta’ applikazzjoni speċifika previsti għal artikoli oħrajn ta’ dan ir-regolament.

8

Fost dawn l-artikoli l-oħrajn hemm l-Artikolu 58, intitolat “Metodi ta’ implimentazzjoni tal-baġit”, li huwa applikabbli biss għall-impenji li saru mill-1 ta’ Jannar 2014 u li jinkludi paragrafu (1) li jaqra kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit b’dawn il-modi:

(a)

direttament (‘ġestjoni diretta’), permezz tad-dipartimenti tagħha […]

(b)

taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri (‘ġestjoni kondiviża’); or

(c)

indirettament (‘ġestjoni indiretta’), […] billi tafda kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit lil:

(i)

pajjiżi terzi jew il-korpi nnominati minnhom;

(ii)

organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom;

[…]”

9

Min-naħa tagħhom, l-Artikoli 84 sa 86 tar-Regolament Nru 966/2012 huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2013.

10

Skont l-Artikolu 84 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Deċiżjoni ta’ finanzjament”:

“1.   Kull element tan-nefqa għandu jiġi impenjat, validat, awtorizzat u mħallas.

2.   Ħlief fil-każ ta’ approprjazzjoniet li jistgħu jiġu implimentati […] [mingħajr att bażiku], l-impenn tan-nefqa għandu jkun preċedut b’deċiżjoni finanzjarja adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet li lilhom il-poteri jkunu ġew delegati mill-istituzzjoni.

3.   Id-deċiżjoni ta’ finanzjament imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tispeċifika l-objettiv segwit, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tagħha. Hija għandha tinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni, u kalendarju indikattiv għall-implimentazzjoni.

Fil-każ ta’ ġestjoni indiretta, id-deċiżjoni ta’ finanzjament għandha wkoll tispeċifika l-entità jew il-persuna fdata skont l-Artikolu 58(1), il-kriterji użati biex tintgħażel l-entità jew persuna u l-kompiti fdati lil dik il-persuna jew entità.

[…]”

11

Skont l-Artikolu 85(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Tipi ta’ impenji”:

“Impenn tal-baġit huwa l-operazzjoni li biha l-approprjazzjoni meħtieġa sabiex tkopri l-ħlasijiet sussegwenti sabiex ikunu onorat impenji legali hija rriservata.

Impenn legali huwa att li bih l-uffiċjal awtorizzanti jidħol fi, jew jistabbilixxi, obbligu li jirriżulta fi spiża.

[…]”

12

L-Artikolu 86 tal-istess regolament, intitolat “Regoli applikabbli għall-impenji”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura li tista’ twassal għal nefqa debitabbli lill-baġit, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jagħmel impenn baġitarju qabel ma jidħol f’impenn legali ma’ partijiet terzi […]”

Ir-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012

13

L-Artikolu 43 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, bit-titolu “Dispożizzjonijiet speċifiċi għal ġestjoni indiretta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“L-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija [fl-Artikolu 58(1)(c)(ii)] tar-Regolament [Nru 966/2012] jkunu:

(a)

organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku internazzjonali [tad-dritt internazzjonali pubbliku] stabbiliti permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn tali organizzazzjonijiet;

[…]”

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

14

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2013.

15

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura tal-investigazzjonijiet”, fil-paragrafu 6 tiegħu jipprovdi:

“Meta l-investigazzjonijiet juru li jista’ jkun xieraq li jittieħdu miżuri amminisstrattivi ta’ prekawzjoni biex ikunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-[OLAF] għandu, mingħajr dewmien, jinforma lill-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija kkonċernata bl-investigazzjoni li tkun qed issir. L-informazzjoni mogħtija għandha tinkludi dan li ġej:

[…]

L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija kkonċernata tista’ fi kwalunkwe ħin, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-[OLAF], tiddeċiedi li tieħu kwalunkwe miżuri prekwazjonarji adatti, inklużi miżuri għas-salvagwardja tal-provi, u għandha tinforma lill-[OLAF] mingħajr dewmien dwar tali deċiżjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawżi

L-appellant

16

Skont l-istatuti tiegħu, hekk kif jidhru fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, IMG ġie stabbilit fil-25 ta’ Novembru 1994 bħala organizzazzjoni internazzjonali, imsejħa “International Management Group – Infrastructure for Bosnia and Herzegovina” u li għandu s-sede tiegħu f’Belgrad (is-Serbja), bil-għan li jippermetti lill-Istati parteċipanti fir-rikostruzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina li jkollhom għal dan il-għan entità ddedikata. Sa minn dakinhar, IMG gradwalment estenda l-ambitu tal-attivitajiet tiegħu, imbagħad ikkonkluda, fit-13 ta’ Ġunju 2012, ftehim dwar is-sede mar-Renju tal-Belġju.

Id-deċiżjoni inizjali

17

Fis-7 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2013) 7682 finali dwar il-Programm ta’ Azzjoni Annwali 2013 favur il-Mjanmar/Burma ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), abbażi tal-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 966/2012.

18

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li l-programm ta’ azzjoni għas-sena 2013 favur il-Mjanmar/Burma, kif speċifikat fl-Annessi 1 u 2 tagħha, huwa approvat.

19

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi li kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ ġestjoni konġunta jistgħu jiġu fdati lill-entitajiet elenkati fl-Annessi 1 u 2 tagħha, suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ delega.

20

L-Anness 2 tal-istess deċiżjoni jiddeksrivi t-tieni azzjoni li tikkostitwixxi l-programm ta’ azzjoni għas-sena 2013 favur il-Mjanmar/Burma. It-taqsimiet 5 u 8 ta’ dan l-anness jipprovdu, essenzjalment, li din l-azzjoni hija magħmula minn programm ta’ żvilupp tal-kummerċ li l-ispiża tiegħu, stmata għal EUR 10 miljun, se tkun iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea u li l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi żgurata permezz ta’ ġestjoni konġunta ma’ IMG. Il-punt 8.3.1 tal-imsemmi anness jippreżenta lil IMG bħala organizzazzjoni internazzjonali diġà stabbilita fil-Mjanmar/Burma u assoċjata mal-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni f’dak l-Istat.

Id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 u l-isfond tagħha

21

Fis-17 ta’ Frar 2014, l-OLAF informa lill-Kummissjoni li huwa kien fetaħ investigazzjoni dwar l-istatus ta’ IMG.

22

Fl-24 ta’ Frar 2014, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni bagħat din l-informazzjoni lid-Direttur Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp ta’ dik l-istituzzjoni, u ġibed l-attenzjoni tiegħu dwar il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri kawtelatorji fuq il-bażi tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 883/2013.

23

Fis-26 ta’ Frar 2014, dan id-Direttur Ġenerali adotta miżuri kawtelatorji fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjoni, u ġġustifikahom mill-fatt li l-analiżi inizjali tal-OLAF kienet uriet dubji dwar l-istatus ta’ IMG (iktar ’il quddiem il-“miżuri kawtelatorji tas-26 ta’ Frar 2014”). Dawn il-miżuri kawtelatorji kkonsistew, essenzjalment, fil-projbizzjoni temporanja, minn naħa, tal-konklużjoni ta’ kwalunkwe ftehim ta’ delega ġdid ma’ IMG taħt ġestjoni indiretta tal-baġit tal-Unjoni abbażi tar-Regolament Nru 966/2012, u, min-naħa l-oħra, l-estensjoni ta’ kwalunkwe ftehim ta’ delega diġà konkluż ma’ IMG permezz ta’ ġestjoni konġunta tal-baġit tal-Unjoni abbażi tar-Regolament Nru 1605/2002.

24

Fil-25 ta’ April 2014, l-istess Direttur Ġenerali bagħat ittra lil IMG (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-25 ta’ April 2014”), fejn informah bi tliet elementi ġodda fil-fajl tal-Kummissjoni dwar, l-ewwel nett, il-fatt li ħames Stati Membri tal-Unjoni li IMG kien jippreżenta bħala membri tiegħu ma kinux iqisu ruħhom bħala tali, it-tieni nett, il-fatt li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) kien indika li IMG ma kienx aġenzija speċjalizzata tan-NU u, it-tielet nett, il-fatt li kienu jeżistu inċertezzi relatati mas-setgħat tal-persuni li rrappreżentaw ċerti Stati preżenti waqt l-iffirmar tal-att ta’ kostituzzjoni ta’ IMG. Id-Direttur Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp tal-Kummissjoni indika ukoll li, minħabba d-dubji li dawn l-element qajmu dwar l-istatus ta’ IMG, kien ta struzzjonijiet lis-servizzi tiegħu sabiex jissospendu temporanjament, fir-rigward tiegħu, l-użu tal-proċeduri li jippermettu t-twettiq tal-kompiti tal-baġit minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

25

Fil-15 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni rċeviet ir-rapport stabbilit mill-OLAF fi tmiem l-investigazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”), flimkien ma’ sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet. F’dan ir-rapport l-OLAF ikkunsidra, essenzjalment, li IMG ma kienx jikkostitwixxi organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002 u tal-2012, u rrakkomanda lill-Kummissjoni timponi sanzjonijiet fuq IMG kif ukoll twettaq l-irkupru tas-somom li kienu tħallsu lil IMG f’din il-kwalità.

26

L-għada, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 966/2012. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, l-Anness 2 tad-deċiżjoni inizjali huwa ssostitwit b’anness ġdid, li t-taqsimiet 1 u 4.3 tiegħu jistabbilixxu, essenzjalment, li l-implimentazzjoni tal-programm ta’ żvilupp kummerċjali stabbilit minn din id-deċiżjoni inizjali se tkun ipprovduta permezz ta’ ġestjoni indiretta, mhux aktar minn IMG, iżda minn Deutsche Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit GmbH (iktar ’il quddiem “GIZ”).

Id-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015

27

Fis-16 ta’ Jannar 2015, is-servizz legali tal-Kummissjoni pproduċa nota intitolata “Analiżi legali tar-[rapport tal-OLAF] fl-investigazzjoni […] li tirrigwarda lil [IMG]” (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tas-servizz legali”).

28

Fit-8 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni bagħtet lil IMG ittra li tinformah dwar l-azzjonijiet li kellha ħsieb tieħu dwar ir-rapport tal-OLAF, fejn hija informatu li, filwaqt li ma tatx segwitu għall-parti l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF, hija kienet ddeċidiet, inter alia, li, sakemm ikun hemm ċertezza assoluta fir-rigward tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali ta’ IMG, is-servizzi tagħha ma kinux se jibqgħu jikkonkludu ftehimiet ta’ delega ġodda miegħu skont il-metodu ta’ ġestjoni indiretta ma’ organizzazzjoni internazzjonali, previst mir-Regolament Nru 966/2012. Hija din il-parti tal-imsemmija ittra li tikkostitwixxi d-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015, imsemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza.

Is-sentenzi appellati

Is-sentenza appellata T‑29/15

29

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2015 u rreġistrat bin-numru T‑29/15, IMG ippreżenta azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014.

30

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra din l-azzjoni, li kienet ibbażata fuq in-natura mhux kontestabbli tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, minħabba, minn naħa, l-assenza ta’ effetti legali vinkolanti tagħha u, min-naħa l-oħra, tan-natura purament konfermattiva tagħha b’rabta mal-ittra tal-25 ta’ April 2014, li kienet informat lil IMG bl-eżistenza tal-miżuri kawtelatorji tas-26 ta’ Frar 2014.

31

Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti Ġenerali għaqqdet din l-eċċezzjoni mal-mertu u rriżervat l-ispejjeż.

32

Fit-2 ta’ Frar 2017, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza appellata T‑29/15, li biha din ċaħdet ir-rikors ta’ IMG u kkundannatu għall-ispejjeż. F’dan il-kuntest, hija qieset, fl-ewwel lok, fil-punti 28 sa 78 ta’ din is-sentenza, li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni ma kinitx fondata, sa fejn id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 kienet ipproduċiet effetti legali vinkolanti, inkwantu hija kienet definittivament ċaħħdet lil IMG mill-possibbiltà li jikkonkludi ftehim ta’ delega, minn naħa, u inkwantu hija ma kinitx ta’ natura purament konfermattiva b’rabta mal-ittra tal-25 ta’ April 2014, min-naħa l-oħra, b’tali mod li r-rikors ippreżentat minn IMG kontra din id-deċiżjoni kellu jiġi kkunsidrat ammissibbli. Fit-tieni lok, fil-punti 79 sa 169 u 174 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ebda wieħed mis-seba’ motivi invokati minn IMG ma seta’ jintlaqa’ u li r-rikors tiegħu għaldaqstant kellu jiġi miċħud bħala infondat.

Is-sentenza appellata T‑381/15

33

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Lulju 2015 u rreġistrat bin-numru T‑381/15, IMG ippreżenta azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015 u għall-kumpens tad-danni kkawżati minnha.

34

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra din l-azzjoni, ibbażata fuq in-natura mhux kontestabbli tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015 minħabba, b’mod partikolari, l-assenza ta’ effetti legali vinkolanti.

35

Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Jannar 2016, il-Qorti Ġenerali għaqqdet din l-eċċezzjoni mal-mertu u rriżervat l-ispejjeż.

36

Fit-2 ta’ Frar 2017, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza appellata T‑381/15, li biha ddikjarat li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar parti mir-rikors ta’ IMG, ċaħdet il-kumplament ta’ dan ir-rikors u kkundannat lil IMG għall-ispejjeż. F’dan il-kuntest, hija qieset, l-ewwel nett, fil-punti 41 sa 53 u 75 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015 kienet ipproduċiet effetti legali vinkolanti, inkwantu hija kienet ċaħħdet lil IMG mill-possibbiltà li jingħata kompiti ġodda ta’ implimentazzjoni baġitarja taħt il-metodu ta’ ġestjoni indiretta ma’ organizzazzjoni internazzjonali, previst fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 966/2012, u li r-rikors għal annullament ta’ IMG kien għalhekk ammissibbli. Sussegwentement, fil-punti 76 sa 160 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ebda wieħed mit-tmien motivi invokati minn IMG ma seta’ jintlaqa’ u li r-rikors għal annullament tiegħu għaldaqstant kellu jiġi miċħud bħala infondat. Fl-aħħar nett, fil-punti 170 sa 173 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal kumpens ta’ IMG bħala infondata.

37

Barra minn hekk, fil-punti 174 sa 184 tas-sentenza appellata T‑381/15, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq talba tal-Kummissjoni intiża sabiex żewġ dokumenti prodotti minn IMG, jiġifieri r-rapport tal-OLAF u l-opinjoni tas-servizz legali, jiġu rtirati mill-proċess ġudizzjarju. Hija ċaħdet din it-talba fir-rigward tal-ewwel dokument inkwistjoni u laqgħetha fir-rigward tat-tieni.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38

Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑183/17 P, IMG jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata T‑29/15 sa fejn ċaħdet ir-rikors tiegħu għal annullament bħala infondat;

tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża billi tannulla d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza u kemm tal-appell.

39

Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑184/17 P, IMG jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata T‑381/15 sa fejn din ċaħdet ir-rikors tiegħu għal annullament u t-talba għad-danni bħala infondati;

tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawża billi tannulla d-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015 u tikkundanna lill-Unjoni għall-ħlas tad-danni kkawżati minn din id-deċiżjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza u kemm tal-appell.

40

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad iż-żewġ appelli u tikkundanna lil IMG għall-ispejjeż korrispondenti.

41

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ appelli inċidentali, li permezz tagħhom hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

fiż-żewġ kawżi, tannulla s-sentenzi appellati inkwantu ċaħdu l-eċċezzjonijiet tagħha ta’ inammissibbiltà, tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawżi billi tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli u tikkundanna lil IMG għall-ispejjeż;

fil-Kawża C‑184/17 P, tordna, barra minn hekk, li r-rapport tal-OLAF jitneħħa mill-proċess ġudizzjarju.

42

IMG jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dawn iż-żewġ appelli inċidentali u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż korrispondenti.

43

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Frar 2018, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-possibbiltà li ż-żewġ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bi tweġiba għal dan, IMG iddikjara li ma kellux oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni ma rrispondietx fit-termini stabbiliti.

44

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2018, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali.

Fuq l-appelli inċidentali

L-argumenti tal-partijiet

45

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 57 sa 63 tas-sentenza appellata T‑29/15 u fil-punti 44 sa 48 tas-sentenza appellata T‑381/15, li d-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom effetti legali vinkolanti inkwantu dawn kienu ċaħħdu lil IMG mill-possibbiltà li jikkonkludi ftehimiet ta’ delega ta’ ġestjoni indiretta ta’ proġetti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Ċertament, id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 bidlet id-deċiżjoni inizjali billi ssostitwixxiet lil IMG b’GIZ bħala entità magħżula bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ delega speċifiku, u d-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015 tindika li l-Kummissjoni tipprevedi li ma tibqax tikkonkludi iktar ftehimiet ta’ delega ma’ IMG. Xorta jibqa’ l-fatt li IMG ma kellu l-ebda dritt sabiex tali ftehimiet ikunu konklużi miegħu, u din hija sitwazzjoni li minnha għandu jiġi dedott li d-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom, l-iktar l-iktar, effetti fattwali fir-rigward tiegħu.

46

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 49 sa 52 tas-sentenza appellata T‑29/15, deċiżjoni ta’ finanzjament, bħad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, għandha titqies li hija att ta’ portata purament interna, li ma tipproduċi ebda effett legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi.

47

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 ma kinitx tikkostitwixxi att purament konfermattiv tal-ittra tal-25 ta’ April 2014, li biha IMG kien ġie informat dwar l-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji tas-26 ta’ Frar 2014. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma kien fiha ebda element fattwali jew ġuridiku ġdid, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punti 70 sa 73 tas-sentenza appellata T‑29/15. Barra minn hekk, minkejja li l-imsemmija deċiżjoni u l-imsemmija miżuri kawtelatorji huma bbażati fuq bażijiet legali differenti u ġew adottati fil-kuntest ta’ proċeduri distinti, hekk kif il-Qorti Ġenerali ddikjarat fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, il-fatt jibqa li d-deċiżjoni kienet il-konsegwenza diretta u awtomatika tal-miżuri.

48

Barra minn hekk, fl-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C‑184/17 P, il-Kummissjoni ssostni li IMG ma kellux jingħata aċċess għar-rapport tal-OLAF.

49

Għaldaqstant, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jirtira dan ir-rapport mill-proċess ġudizzjarju.

50

IMG jikkontesta l-fondatezza ta’ dawn id-diversi argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ effetti legali vinkolanti tad-deċiżjonijiet ikkontestati, imsemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għandhom jitqiesu bħala li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament id-dispożizzjonijiet jew il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ persuna fiżika jew ġuridika, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tagħha (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 54, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 37).

52

F’dan il-każ, fir-rigward tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti Ġenerali qabelxejn irrilevat, fil-punti 37 sa 42 tas-sentenza appellata T‑29/15, li ma humiex ikkritikati mill-Kummissjoni, li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament adottata mill-imsemmija istituzzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 966/2012 u li għandha mhux biss l-effett legali, iżda wkoll bħala suġġett stess, l-emenda tad-deċiżjoni inizjali, billi GIZ hija stabbilita bħala l-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-azzjoni ta’ żvilupp tal-kummerċ prevista fil-kuntest tal-programm ta’ azzjoni għall-Mjanmar/Burma għas-sena 2013, minflok IMG.

53

Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari, fil-punt 38 tal-imsemmija sentenza, li kien paċifiku bejn il-partijiet li d-deċiżjoni inizjali kienet hija stess indikat lil IMG bħala entità responsabbli biss “suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ delega” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

54

Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Qorti Ġenerali sussegwentement qieset, fil-punti 44 sa 48 u 57 sa 63 tal-istess sentenza, li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 kienet tipproduċi effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi ta’ IMG billi jċaħħdu minn kull possibbiltà li jikkonkludi dan il-ftehim ta’ delega.

55

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 84(2) tar-Regolament Nru 966/2012, li abbażi tiegħu kemm id-deċiżjoni inizjali kif ukoll id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 ġew adottati, jipprevedi li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jippreċedu l-impenn ta’ nefqa. Fir-rigward ta’ dan l-impenn, huwa jikkorrispondi, kif jirriżulta mill-Artikolu 85(1) u mill-Artikolu 86(1) ta’ dan ir-regolament, għall-operazzjoni li tikkonsisti, għall-operatur baġitarju, li wieħed jipproċedi għall-impenn baġitarju tan-nefqa, u, sussegwentement, għall-konklużjoni ta’ impenn legali fil-konfront tat-terz intiż li jirċievi l-ħlasijiet li jikkonkretizzaw lil din in-nefqa. Konsegwentement, huwa b’mod ġust li l-Kummissjoni ssostni li l-ebda impenn legali ma kien ittieħed fil-konfront ta’ IMG fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 u, għaldaqstant, li IMG ma kellu l-ebda dritt li jikkonkludi ftehim ta’ delega mal-Kummissjoni.

56

Madankollu, hekk kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 42 u 59 tas-sentenza appellata T‑29/15, deċiżjoni ta’ impenn xorta tippreċiża, skont l-Artikolu 84(3) tar-Regolament Nru 966/2012, “l-entità jew il-persuna fdata […], il-kriterji użati biex tintgħażel […] u l-kompiti fdali lil dik il-persuna jew entità”. Id-deċiżjoni inizjali għaldaqstant kienet għażlet lil IMG bħala entità responsabbli minn waħda mill-azzjonijiet previsti fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni għall-Mjanmar/Burma għas-sena 2013.

57

Barra minn hekk, mill-Artikolu 53d(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, li kien applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, jirriżulta li ftehim ta’ delega, bħal dak previst minn din id-deċiżjoni, għandu bħala għan li jippreċiża l-modalitajiet ta’ twettiq tal-kompiti baġitarji li ġew mogħtija qabel, f’każ partikolari, lil organizzazzjoni internazzjonali. Il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim għandha għalhekk neċessarjament tiġi ppreċeduta bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament li tafda tali kompiti lill-imsemmija organizzazzjoni u tista’ ssir biss ma’ din tal-aħħar. Fl-istess ħin, it-telf tal-kwalità ta’ entità responsabbli mill-kompiti inkwistjoni għandu bħala konsegwenza awtomatika t-telf tal-possibbiltà li wieħed jikkonkludi l-ftehim ta’ delega korrispondenti. Issa, id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 kellha preċiżament l-għan u l-effett legali li tidentifika lil GIZ bħala entità responsabbli sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi ftehim ta’ delega ma’ dik l-entità minflok ma’ IMG.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 44, 45, 57, 59, 60 u 62 tas-sentenza appellata T‑29/15, li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 tellfet lil IMG kemm il-kwalità legali ta’ entità magħżula biex tkun responsabbli għal kompitu baġitarju kif ukoll kwalunkwe possibbiltà effettiva sabiex jikkonkludi l-ftehim ta’ delega korrispondenti.

59

Issa, it-telf ta’ tali kwalità legali jikkostitwixxi, evidentement, effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi ta’ IMG. Fir-rigward tat-telf ta’ kull possibbiltà effettiva li jikkonkludi l-ftehim ta’ delega korrispondenti, dan huwa l-konsegwenza awtomatika ta’ tali telf tal-kwalità legali, kif indikat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, u bħala tali huwa wkoll effett legali vinkolanti.

60

Għaldaqstant, l-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C‑183/17, sa fejn huwa bbażat fuq l-assenza ta’ effett legali vinkolanti tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

61

Fir-rigward tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015, għandu qabel kollox jiġi osservat li hija ma tesprimix intenzjoni futura, kif madankollu tallega l-Kummissjoni, iżda deċiżjoni reali u attwali li ma jiġi konkluż ebda ftehim ta’ delega ieħor “sakemm ikun hemm ċertezza assoluta dwar l-istatus ta’ IMG bħala organizzazzjoni internazzjonali”. F’dan ir-rigward, hija ċċaħħad lill-parti kkonċernata minn kull opportunità effettiva li tiġi fdata kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja ġodda u li tingħata l-fondi korrispondenti fil-kuntest ta’ ġestjoni indiretta tal-baġit tal-Unjoni, kif il-Qorti Ġenerali sostniet fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata T‑381/15.

62

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha stess fil-konfront ta’ persuna speċifika jkollha l-effett, permezz tas-sempliċi adozzjoni tagħha, li din il-persuna titlef kull opportunità effettiva li tibbenefika minn finanzjament tal-Unjoni, dan l-effett għandu jitqies bħala effett legali vinkolanti tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 1997, Geotronics vs Il‑Kummissjoni, C‑395/95 P, EU:C:1997:210, punti 1415).

63

Għaldaqstant, l-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C‑184/17 P, sa fejn huwa bbażat fuq l-assenza ta’ effett legali vinkolanti tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015, għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

64

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-Kummissjoni espost fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li deċiżjoni ta’ finanzjament bħal dik inkwistjoni f’dawn il-kawżi kellha tiġi kkunsidrata bħala att li ma jipproduċi ebda effett legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, bħala prinċipju, l-atti li huma intiżi biss li jipproduċu effetti legali fl-isfera interna tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkun l-awtur tagħhom, ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1988, Les Verts vs Il-Parlament, 190/84, EU:C:1988:94, punt 8, u tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑443/97, EU:C:2000:190, punt 28).

65

F’dan il-każ, huwa biżżejjed madankollu li jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 kienet intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ IMG, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, din il-qorti ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala infondat, fil-punti 49 sa 52 tas-sentenza appellata T‑29/15, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li din id-deċiżjoni tipproduċi effetti legali biss fl-isfera interna tal-Kummissjoni.

66

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Kummissjoni ssostni, kif indikat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 kellha tiġi kkwalifikata bħala “att purament konfermattiv ta’ att preċedenti”, jiġifieri l-ittra tal-25 ta’ April 2014 li tinforma lil IMG bl-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji tas-26 ta’ Frar 2014.

67

F’dan ir-rigward, att għandu jitqies bħala li purament jikkonferma att preċedenti meta ma jkun fih ebda element uridiku jew fattwali ġdid meta mqabbel ma’ dan l-att preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 1970, Nebe vs Il‑Kummissjoni, 24/69, EU:C:1970:22, punt 8, u tat-3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 69).

68

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 70 sa 73 tas-sentenza appellata T‑29/15, li, filwaqt li l-eżami tal-kontenut tal-miżuri kawtelatorji tas-26 ta’ Frar 2014 kien juri li dawn kellhom l-effett li jissospendu temporanjament il-konklużjoni, ma’ IMG, ta’ kwalunkwe ftehim ta’ delega bħal dak previst mid-deċiżjoni inizjali, l-analiżi tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 kienet tirrileva li l-kontenut tagħha kellu bħala effett legali vinkolanti li jċaħħad, b’mod speċifiku u definittiv, lil IMG mill-possibbiltà li jikkonkludi l-imsemmi ftehim.

69

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-elementi legali u fattwali ġodda li jikkaratterizzaw id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 meta mqabbla mal-miżuri kawtelatorji tas-26 ta’ Frar 2014.

70

Għaldaqstant, l-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C‑183/17, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura ta’ “att purament konfermattiv ta’ att preċedenti” tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

71

Billi ebda wieħed mill-aggravji mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-appelli inċidentali tagħha ma jista’ jintlaqa’, dawn l-appelli għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

72

Barra minn hekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex ir-rapport tal-OLAF jitneħħa mill-proċess, peress li din tal-aħħar tilfet l-iskop tagħha, sa fejn waqt is-seduta l-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fuq inizjattiva tagħha stess, għaddiet dan ir-rapport lil IMG.

Fuq l-appelli prinċipali

73

Insostenn tal-appelli tiegħu intiżi għall-annullament tas-sentenzi appellati sa fejn dawn ċaħdu r-rikorsi tiegħu għal annullament bħala mhux fondati, IMG iressaq erba’ aggravji fil-Kawża C‑183/17 P u ħames aggravji fil-Kawża C‑184/17 P rispettivament. Huwa jinvoka wkoll diversi lmenti dwar dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fir-rigward ta’ ċerti dokumenti fil-proċessi ġudizzjarji.

74

Barra minn hekk, insostenn tal-appell tagħha intiż għall-annullament tas-sentenza appellata T‑381/15 sa fejn din ċaħdet it-talba tiegħu ta’ kumpens għad-danni bħala infondata, IMG iressaq is-sitt aggravju fil-Kawża C‑184/17 P.

75

Hemm lok li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni aggravju mressaq minn IMG f’kull waħda mill-kawżi magħquda.

Fuq it-tieni aggravju fil-Kawżi C‑183/17 P u C‑184/17 P

L-argumenti tal-partijiet

76

IMG isostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adottat id-deċiżjonijiet kontenzjużi fuq il-bażi ta’ motivi bbażati fuq dubji li din l-istituzzjoni kellha dwar l-istatus tiegħu ta’ organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002 u tal-2012. Fil-fatt, l-elementi invokati mill-Kummissjoni sabiex tibbaża d-dubji tagħha jikkonċernaw biss parti mis-sittax-il membru ta’ IMG u mhux l-istatus stess ta’ organizzazzjoni internazzjonali ta’ din l-entità, fis-sens tal-imsemmija regolamenti.

77

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi ċaħdet b’mod sommarju l-argumenti invokati minn IMG sabiex jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjonijiet kontenzjużi minflok ma eżaminat id-diversi dokumenti prodotti mill-persuna kkonċernata annessi man-noti tagħha (statuti, rapport tal-kostituzzjoni, ftehim dwar is-sede mar-Renju tal-Belġju, dikjarazzjonijiet ta’ ambaxxaturi, eċċ.) sabiex juri l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Issa, dawn id-dokumenti, li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta adottat id-deċiżjonijiet kontenzjużi, juru li IMG huwa organizzazzjoni internazzjonali tad-dritt internazzjonali pubbliku, stabbilita matul is-sena 1994 fuq il-bażi ta’ ftehim intergovernattiv konkluż minn sittax-il Stat u u mill-Uffiċċju Umanitarju tal-Komunità Ewropea (ECHO), wara laqgħa ta’ grupp ta’ ħidma tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, li jippermetti lill-Istati li jipparteċipaw fir-rikostruzzjoni tal-Bosnja‑Ħerzegovina li jkollhom entità ddedikata għal dan il-għan.

78

Bħala risposta, il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni li għandha tiġi riżolta sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tas-sentenzi appellati ma hijiex jekk IMG għandux jew le l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002 u tal-2012, iżda jekk, fid-dawl tad-dubji eżistenti f’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni setgħetx tiddeċiedi li ma tibqax tafdalu kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit abbażi ta’ dan l-istatus. F’dan il-kuntest, l-argumenti ta’ IMG imsemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza sempliċiment jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali u, bħala tali, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, peress li ma jaqgħux taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-elementi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-dubji espressi fid-deċiżjonijiet ikkontestati jirrigwardaw biss parti mis-sittax-il membru ta’ IMG ma ġiex imressaq fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell, minħabba li huwa ġdid. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali la wettqet żball ta’ liġi u lanqas ma żnaturat il-provi prodotti minn IMG, meta qieset li d-dubji eżistenti dwar l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali ta’ dan tal-aħħar kienu jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet kontenzjużi.

79

Fir-replika tiegħu, IMG jżid li l-argumenti tiegħu jikkontestaw il-fondatezza legali tar-raġunament li sar mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi fid-dawl tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002 u tal-2012, u li għalhekk dawn huma ammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

80

Peress li l-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà ta’ parti mill-ilmenti żviluppati minn IMG insostenn tat-tieni aggravju ta’ kull wieħed mill-appelli tiegħu, preliminarjament għandu jitfakkar li appellant jista’ jikkontesta, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu saru fl-ewwel istanza mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 43, u tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 51), u, f’dan il-kuntest, iressaq aggravji intiżi sabiex tiġi kkritikata l-fondatezza legali tal-evalwazzjonijiet magħmula minn din il-qorti fis-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:372, punt 146, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑197/13 P, EU:C:2014:2157, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Issa, f’dan il-każ, permezz tal-ilmenti tiegħu msemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, IMG jinvoka żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002 u tal-2012 fil-punti 102 sa 106 u 113 tas-sentenza appellata T‑29/15 kif ukoll fil-punti 98 sa 103 u 108 sa 109 tas-sentenza appellata T‑381/15, b’risposta għall-motivi li permezz tagħhom IMG ikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi fir-rigward ta’ dawn ir-regolamenti.

82

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument li l-elementi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-dubji espressi f’dawn id-deċiżjonijiet jirrigwardaw biss parti mis-sittax-il membru ta’ IMG huwa intiż sabiex jikkritika l-fondatezza legali tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tidher, minn naħa, fil-punt 103 tas-sentenza appellata T‑29/15, li jagħmel riferiment għall-punt 89 ta’ dik is-sentenza, li min-naħa tiegħu jagħmel riferiment għall-punt 85 tal-imsemmija sentenza, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 98 tas-sentenza appellata T‑381/15, li jagħmel riferiment għall-punt 85 ta’ din l-aħħar sentenza, li tgħid li l-imsemmija deċiżjonijiet għandhom jitqiesu, fid-dawl tal-kuntest li fih dawn ġew fis-seħħ, bħala ġġustifikati, fost l-oħrajn, minn dawn l-elementi. F’dan ir-rigward, tali lment ma jistax, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell peress li ma tressaqx fl-ewwel istanza.

83

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ilmenti ppreżentati minn IMG insostenn tat-tieni aggravju tiegħu f’kull waħda mill-kawżi magħquda u, għaldaqstant, dawn l-aggravji stess, huma ammissibbli.

– Fuq il-mertu

84

Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni aggravju tal-appelli prinċipali jirrigwarda l-punti 102 sa 106 u 113 tas-sentenza appellata T‑29/15 kif ukoll il-punti 98 sa 103, 108 u 109 tas-sentenza appellata T‑381/15, rispettivament.

85

F’dan ir-rigward, quddiem il-Qorti Ġenerali, IMG ikkontesta, minn naħa, il-legalità tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 fir-rigward tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002 u tal-2012, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-legalità tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015 fir-rigward tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2012. F’dan il-kuntest, huwa sostna b’mod partikolari, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 102 u 104 tas-sentenza appellata T‑29/15 u fil-punt 96 tas-sentenza appellata T‑381/15, li huwa organizzazzjoni internazzjonali tad-dritt internazzjonali pubbliku mwaqqfa permezz ta’ ftehim intergovernattiv, fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, kif jirriżulta mid-dokumenti differenti prodotti kemm quddiem il-Kummissjoni kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali.

86

Sabiex tiċħad dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett, fil-punti 103 u 105 tas-sentenza appellata T‑29/15 u fil-punt 98 tas-sentenza appellata T‑381/15 indikat, li, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni kienet esprimiet dubji dwar l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali ta’ IMG billi bbażat ruħha fuq l-elementi msemmija fl-ittra tal-25 ta’ April 2014, fil-kliem espress fil-punt 24 tas-sentenza preżenti.

87

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 104 sa 105 tas-sentenza appellata T‑29/15 u fil-punt 102 tas-sentenza appellata T‑381/15, li l-argumenti u d-dokumenti pprovduti minn IMG ma kinux ta’ natura li tistabbilixxi n-natura infondata tad-dubji espressi mill-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, abbażi tal-elementi inkwistjoni.

88

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikoli 53 u 53d(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, kif ukoll mill-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 966/2012, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1605/2002, jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, timplimenta l-baġit tal-Unjoni billi tafda kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit lil organizzazzjonijiet internazzjonali.

89

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni li tafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lil entità partikolari f’dan ir-rigward, hija għandha l-obbligu li tiżgura ruħha li din ikollha l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

90

Barra minn hekk, meta, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lil entità partikolari bħala organizzazzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet bħalma huma d-deċiżjonijiet kontenzjużi, fuq il-bażi ta’ elementi li huma ta’ natura li, fil-fehma tagħha, tqiegħed inkwistjoni din il-kwalità, l-imsemmija deċiżjonijiet għandhom ikunu ġġustifikati legalment kif ukoll fattwalment.

91

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”, imsemmi fl-Artikoli 53 sa 53d tar-Regolament Nru 1605/2002 u fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 966/2012 ġie ddefinit, bl-istess kliem, fl-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 2342/2002 u sussegwentement fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 1268/2012, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 2342/2002. Skont dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet, dan għandu jinkludi, fost l-oħrajn, “organizzazzjonijiet internazzjonali tas-settur pubbliku [tad-dritt internazzjonali pubbliku] mwaqqfa permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi, u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn dawn l-organizzazzjonijiet”.

92

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali naqset milli tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, iżda kulma għamlet kien li affermat li l-argumenti u l-prova ppreżentati minn IMG ma kinux jikkontestaw id-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali ta’ IMG.

93

Issa, din l-affermazzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, peress li ebda wieħed mill-elementi indikati mill-Qorti Ġenerali sabiex jiġu kkunsidrati bħala ġġustifikati d-dubji tal-Kummissjoni, kif imfakkra fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, ma jista’ legalment ikun ta’ bażi għalihom.

94

Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-elementi, dwar jekk diversi Stati ppreżentati minn IMG bħala membri tiegħu kinux effettivament membri tiegħu, mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali nnifisha jirriżulta li d-dubji tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kienet jikkonċernaw biss “uħud” mill-membri ta’ IMG u, b’mod iktar preċiż, ħamsa minn total ta’ sittax. Madankollu, tali dubji, jekk jitqies li huma fondati, fid-dritt internazzjonali ma għandhomx il-konswegwenza li jċaħħdu lill-entità li tagħha dawn l-Istati ma jkunux — jew ma jkunux għadhom — membri, mill-kwalità ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”, u dan inqas u inqas meta, bħal f’dan il-każ, l-Istati kkonċernati jkunu jikkostitwixxu biss parti minoritarja sew tal-entità inkwistjoni.

95

F’dak li jikkonċerna t-tieni element, marbut mal-eżistenza ta’ dubji dwar is-setgħat tal-persuni li rrappreżentaw ċerti Stati waqt l-iffirmar tal-att ta’ kostituzzjoni ta’ IMG, għandu, bl-istess mod, jiġi rrilevat li dan jista’ possibbilment iqiegħed f’dubju l-validità tal-firma, minn dawk l-Istati b’mod partikolari, tal-att ta’ kostituzzjoni ta’ IMG, imma mhux il-validità tal-ħolqien stess ta’ dan tal-aħħar, peress li l-irregolaritajiet eventwali ta’ rappreżentanza msemmija kienu jikkonċernaw biss numru limitat ta’ Stati parteċipanti.

96

Fir-rigward tat-tielet element, li skontu s-Segretarjat Ġenerali tan-NU indika lill-OLAF li IMG ma kienx aġenzija speċjalizzata tan-NU, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan kien nieqes minn kull rilevanza legali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 91 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002 u tal-2012 bl-ebda mod ma timponu li entità partikolari tkun aġenzija tan-NU biex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “organizzazzjoni internazzjonali”. Barra minn hekk, f’dan il-każ, kien paċifiku li IMG qatt ma kien sostna li huwa tali aġenzija, iżda kien invoka l-kwalità ta’ “organizzazzjoni internazzjonali tad-dritt internazzjonali pubbliku mwaqqfa permezz ta’ ftehim intergovernattiv”, kif jirriżulta b’mod ċar mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali mfakkra fil-punt 85 ta’ din is-sentenza.

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li t-tieni aggravju invokat minn IMG insostenn ta’ kull wieħed mill-appelli tiegħu fil-Kawżi C‑183/17 P u C‑184/17 P, u bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fis-sentenzi appellati, iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ġġustifikat l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati permezz tad-dubji li kellha fir-rigward tal-istatus ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” ta’ IMG, fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002 u tal-2012, huwa fondat. Għaldaqstant, dawn l-aggravji għandhom jintlaqgħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hijiex, barra minn hekk, ivvizzjata bi żnaturament tal-fatti.

Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-fatt li dawn it-tieni aggravji jintlaqgħu

98

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-iżball ta’ liġi identifikat fil-punt ta’ qabel dan, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi kkonstatat li ċ-ċaħda tal-motivi ta’ IMG bbażati fuq żball ta’ liġi li wettqet il-Kummissjoni meta ġġustifikat id-deċiżjonijiet ikkontestati permezz tad-dubji li kellha fir-rigward tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali ta’ IMG huwa s-sostenn neċessarju għad-dispożittiv tas-sentenzi appellati sa fejn dawn ċaħdu r-rikorsi għal annullament ta’ din l-entità.

99

Għaldaqstant, hemm lok li s-sentenzi appellati jiġu annullati inkwantu ċaħdu r-rikorsi għal annullament ta’ IMG bħala infondati, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji u l-ilmenti l-oħra mqajma minn IMG insostenn tal-appelli tiegħu.

100

Fit-tieni lok, u kif indikat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, IMG kien ressaq ukoll, fil-Kawża T‑381/15, talba għal kumpens għad-danni li allegatament kkawżatlu d-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015, sa fejn fiha l-Kummissjoni tiddikjara li mhix se tikkonkludi iktar ftehimiet ta’ delega permezz ta’ ġestjoni indiretta tal-baġit tal-Unjoni ma’ IMG.

101

Issa, huwa wkoll billi bbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni żbaljata fil-liġi msemmija fil-punt 97 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, konsegwentement, din it-talba għal kumpens, kif jirriżulta mill-punti 170 u 172 tas-sentenza appellata T‑381/15.

102

Għaldaqstant, hemm lok ukoll li tiġi annullata s-sentenza appellata T‑381/15 sa fejn din tal-aħħar ċaħdet bħala infondata l-imsemmija talba għal kumpens.

Fuq ir-rikorsi għal annullament u t-talba għal kumpens

103

Meta l-kawża tkun parzjalement fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tiddeċiedi hija stess definittivament fuq din il-parti tal-kawża u tirrinvija l-kumplament tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

104

F’dan il-każ, hemm lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq iż-żewġ rikorsi għal annullament, li huma fi stat li jiġu deċiżi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 92 sa 96 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet kontenzjużi huma illegali peress li l-elementi invokati mill-Kummissjoni insostenn tagħhom ma humiex ta’ natura li jqiegħdu f’dubju l-kwalità ta’ organizzazzjoni internazzjonali ta’ IMG fis-sens tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-2002 u tal-2012. Għaldaqstant, hemm lok li l-imsemmija deċiżjonijiet jiġu annullati fl-intier tagħhom.

105

Fir-rigward tat-talba għal kumpens imressqa fil-Kawża T‑381/15, għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħditha billi bbażat ruħha, b’mod esklużiv, fuq l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ġġustifikat l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2015 permezz tad-dubji li kellha fir-rigward tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali ta’ IMG. Madankollu, għalkemm mill-punti preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li din l-evalwazzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, xorta waħda jibqa’ meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tal-partijiet fir-rigward tal-imsemmija talba għal kumpens, u b’mod partikolari dawk dwar l-eżistenza u l-portata tad-danni allegati minn IMG, li, barra minn hekk, ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

106

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-parti tal-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u, għaldaqstant, li tirrinvija, f’dan ir-rigward, il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

107

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja stess taqta’ l-kawża definittivament, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

108

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

109

F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet fil-Kawżi C‑183/17 P, C‑184/17 P u T‑29/15, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż f’dawn it-tliet kawżi, skont it-talbiet ta’ IMG.

110

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Kawża T‑381/15, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni tilfet fil-kuntest tar-rikors għal annullament ippreżentat minn IMG, it-talba għal kumpens li takkumpanja dan ir-rikors għal annullament ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.

111

Konsegwentement, hemm lok li f’din il-kawża l-ispejjeż jiġu rriżervati, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Frar 2017, International Management Group vs Il-Kummissjoni (T‑29/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:56), u tat-2 ta’ Frar 2017, International Management Group vs Il-Kummissjoni (T‑381/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:57), huma annullati.

 

2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9787 finali tas-16 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2013) 7682 dwar il-Programm ta’ Azzjoni Annwali 2013 favur il-Mjanmar/Burma ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, hija annullata.

 

3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tibqax tikkonkludi ftehimiet ta’ delega permezz ta’ ġestjoni indiretta ġodda ma’ International Management Group, li tinsab fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2015, hija annullata.

 

4)

Il-Kawża T‑381/15 hija rrinvijata lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens ta’ International Management Group fir-rigward tad-danni li allegatament ġew ikkawżati lil din l-entità permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 3 ta’ dan id-dispożittiv.

 

5)

L-appelli inċidentali huma miċħuda.

 

6)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawżi C‑183/17 P, C‑184/17 P u T‑29/15.

 

7)

L-ispejjeż huma rriżervati fil-Kawża T‑381/15.

 

Firem


( *1 ) Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Franċiż.

Top