Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0684

    Kawża T-684/19: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2019 – Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal vs ACER

    ĠU C 406, 2.12.2019, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 406/37


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2019 – Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal vs ACER

    (Kawża T-684/19)

    (2019/C 406/47)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrent: Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: G. Stanka, G. Szikla u J.M. Burai-Kovács, avukati)

    Konvenuta: Agencia de Cooperación de los Reguladores de la Energía (ACER)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    prinċipalment,

    tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni kkontestata;

    tiddikkjara li l-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 (1), li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, huwa inapplikabbli minħabba l-Artikolu 277 TFUE;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    sussidjarjament,

    fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-Regolament 2017/459, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontesta, ma għandux jiġi ddikkjarat inapplikabbli, tannulla l-imsemmija deċiżjoni, i) fl-ewwel lok minħabba nuqqas ta’ kompetenza; ii) fit-tieni lok minħabba ksur gravi tal-proċedura; iii) u fit-tielet lok minħabba nuqqas ta’ bażi materjali;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-Deċiżjoni Nru 05/2019 tal-ACER, tad-9 ta’ April 2019, ikkonfermata mill-Bord tal-Appell tal-ACER fis-6 ta’ Awwissu 2019.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 kollu, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontesta, huwa invalidu minħabba nuqqas ta’ kompetenza leġiżlattiva

    Ir-Regolament 2017/459, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontesta, ġie adottat bl-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni mogħtija bir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    Abbażi tad-delega mogħtija lilha fir-Regolament Nru 715/2009, il-Kummissjoni kellha l-kompetenza biss sabiex toħloq kodiċi tan-netwerk, applikat għall-kapaċità eżistenti u inkrementali tan-netwerks ta’ trasport tal-gass, li jiddefinixxi mekkaniżmi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità.

    Għall-kuntrarju, il-Kapitolu V, filwaqt li jmur lil hinn minn dan is-suġġett li kellu jirregola, ma jistabbilixxix qafas ġuridiku għad-distribuzzjoni, newtrali mill-perspettiva tal-kompetenza, tal-kapaċità ta’ trasport ta’ gass, iżda, filwaqt li jmur lil hinn mil-limiti tal-ambitu tal-kodiċi tan-netwerk, jirregola fid-dettall kwistjonijiet fil-qasam ta’ investiment relatati mal-kapaċità inkrementali.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq li l-kapaċità tal-ACER sabiex tadotta deċiżjoni individwali bil-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex valida minħabba nuqqas ta’ bażi legali adegwata

    L-ACER qegħdha tassumi, fid-deċiżjoni kkontestata, kompetenza, relatata ma’ deċiżjoni bl-imsemmi kontenut, li d-delega tagħha favur l-ACER tikser ir-rekwiżiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza Meroni vs Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7) u s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-270/12, EU:C:2014:18) u tikser l-Artikolu 114 TFUE. Għaldaqstant, b’konformità mal-Artikolu 277 TFUE, ma hijiex applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ kompetenza

    Apparti l-kwistjoni tal-validità, mill-perspettiva tad-dritt pubbliku, tar-regolament adottat mill-Kummissjoni li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni tal-ACER, din l-Aġenzija lanqas ma għandha kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tad-dispożizzjonijiet legali indikati bħala bażi legali tad-deċiżjoni tagħha, għaliex:

    i)

    fil-kuntest tar-Regolament 2017/459 tista’ teżerċita unikament u esklużivament il-fakultajiet ta’ deċiżjoni msemmija expressis verbis fl-Artikolu 28(2) tal-imsemmi regolament, u

    ii)

    abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (3) li jirregola l-istatus ta’ ACER u li kien fis-seħħ fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-ACER setgħet biss tadotta deċiżjoni individwali li

    a)

    taqa’ fl-ambitu tal-kompetenzi tal-aworitajiet regolatorji nazzjonali;

    b)

    tirreferi għall-aċċess u għas-sigurtà operativa, u

    c)

    tirrigwarda kwistjonijiet regolatorji.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali

    Il-proċedura mibdija mill-ACER kisret l-Artikolu 41(1) u (2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li ma tissoddisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha u r-rekwiżiti ta’ proċedimenti imparzjali u ekwi.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ bażi materjali

    Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni li l-ACER ma eżaminat bl-ebda mod, fuq il-mertu, l-“effetti detrimentali fuq il-kompetizzjoni jew fuq il-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass assoċjati mal-proġetti” b’riferiment għall-Artikolu 22 tar-Regolament 2017/459, id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata fondata mill-perspettiva sostantiva.


    (1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas-16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU 2017, L 72, p. 1).

    (2)  Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36).

    (3)  Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1).


    Top