Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0631

    Kawża T-631/19: Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2019 – BNetzA/ACER

    ĠU C 383, 11.11.2019, p. 69–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 383/69


    Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2019 – BNetzA/ACER

    (Kawża T-631/19)

    (2019/C 383/78)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (BNetzA) (rappreżentanti: H. Haller, T. Heitling, L. Reiser, N. Gremminger u V. Vacha, avukati)

    Konvenuta: L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-dispożizzjonijiet elenkati iktar ’l isfel tad-Deċiżjoni Nru 2/2019, meħuda mill-konvenuta fil-21 ta’ Frar 2019, kif ukoll id-deċiżjoni relatata magħha Nru A-003-2019, meħuda mill-Bord tal-Appell tal-konvenuta fil-11 ta’ Lulju 2019;

    (i)

    l-Artikolu 5(5) sa (9) tal-Anness I;

    (ii)

    it-tieni nofs tas-sentenza tal-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 10(5) tal-Anness I;

    (iii)

    it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 16(3)(d)(vii) tal-Anness I;

    (iv)

    l-Artikolu 5(5) sa (9) tal-Anness II;

    (v)

    l-Artikolu 17(3)(d)(vii) tal-Anness II;

    (vi)

    kull dispożizzjoni tal-Annessi I u II li tirreferi espliċitament għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (i) sa (v);

    sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni Nru 2/2019 kollha kemm hi, meħuda mill-konvenuta fil-21 ta’ Frar 2019, kif ukoll id-deċiżjoni relatata magħha Nru A-003-2019 meħuda mill-Bord tal-Appell tal-konvenuta fil-11 ta’ Lulju 2019;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità formali tad-deċiżjoni kkontestata.

    Id-deċiżjoni kkontestata meħuda mill-ACER hija illegali mill-perspettiva formali peress li meta adottat din id-deċiżjoni, l-ACER qabżet il-limiti ta’ kompetenza tagħha.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    L-ACER ma hijiex awtorizzata li tistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti li jiġu esklużi elementi tan-netwerk interni mill-kalkolu tal-kapaċità fil-kuntest ta’ preselezzjoni.

    Fid-deċiżjoni tagħha, l-ACER (i) iddefinixxiet l-elementi tan-netwerk kritiċi, (ii) ipprevediet applikazzjoni differenzjata tal-valur ta’ fattur ta’ distribuzzjoni tat-trasferiment tal-enerġija (PTDF) lill-elementi tan-netwerk interni minn naħa u lill-elementi tan-netwerk transżonali min-naħa l-oħra, u (III), introduċiet kriterju ta’ effikaċja għall-elementi tan-netwerk interni. Dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 16(4) u (8) tar-Regolament (UE) 2019/943.

    Fid-deċiżjoni kkontestata, l-ACER ipprevediet li l-konfigurazzjoni taż-żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti għandha tiġi rriveduta skont metodu speċifiku u f’termini preċiżi. Dan imur kontra r-Regolament (UE) 2019/943.

    L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni huma de facto obbligati li jżommu kapaċità kummerċjali minima ta’ 100 % disponibbli fuq l-elementi tan-netwerk interni tagħhom u iktar minn hekk għal kummerċ transkonfinali. Dan imur kontra r-Regolament (UE) 2019/943.

    L-ACER tixtieq teskludi fuq żmien twil mill-kalkolu tal-kapaċità l-konnessjonijiet interni li għandhom valur ta’ PTDF b’inqas minn 10 %. Dan imur kontra r-Regolament (UE) 2019/943.

    Permezz tal-introduzzjoni ta’ kriterji ta’ effiċjenza, id-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 tiġi evitata.

    Id-deċiżjoni tal-ACER tikser l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2019/943 peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni investimenti ġodda fl-infrastruttura tan-netwerk.

    L-ACER teħtieġ applikazzjoni estensiva tal-azzjonijiet ta’ rimedju. Dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943.

    L-ACER tevita d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943 dwar il-konfigurazzjoni ġdida taż-żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti.

    L-ACER tingħata kompetenza relatata mar-riorganizzazzjoni taż-żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti u għalhekk tikser l-Artikolu 14(3), (6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2019/943 kif ukoll l-Artikolu 15(5) u (7) ta’ dan ir-regolament.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (2).

    Il-kriterju ta’ effikaċja ppreżentat mill-ACER jobbliga de facto lill-Istati Membri jikkonfiguraw mill-ġdid iż-żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti tagħhom. Dan imur kontra r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    L-ACER teħtieġ applikazzjoni estensiva tal-azzjonijiet ta’ rimedju. Dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    Id-deċiżjoni tal-ACER hija sproporzjonata peress li ma tippermettix li jiġu ssodisfatti l-għanijiet tar-Regolament (UE) 2015/1222.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

    Id-determinazzjoni tal-elementi tan-netwerk kritiċi u l-adozzjoni fi stadju bikri ta’ azzjonijiet ta’ rimedju sabiex jiġu eliminati l-flussi ta’ enerġija paralleli jwasslu għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.


    (1)  Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54).

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24).


    Top