EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0181

Kawża T-181/19: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2019 — Dickmanns vs EUIPO

ĠU C 206, 17.6.2019, p. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 206/47


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2019 — Dickmanns vs EUIPO

(Kawża T-181/19)

(2019/C 206/50)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Sigrid Dickmanns (Gran Alacant, Spanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-EUIPO, ikkomunikata b’ittra tal-4 ta’ Ġunju 2018, li permezz tagħha huwa ċaħad it-talbiet tar-rikorrenti mressqa fl-ittra tagħha tal-25 ta’ Jannar 2018:

i.

għall-annullament tal-klawżola tal-Artikolu 5 tal-kuntratt tar-rikorrenti u għar-riklassifikazzjoni tal-kuntratt tagħha bħala kuntratt għal żmien indeterminat fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem il-“KIAO”) u, jekk meħtieġ, ir-revoka tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2017, u

ii.

għat-tieni estensjoni tal-kuntratt tagħha fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-KIAO fit-30 ta’ Ġunju 2018 (jew, skont il-każ, fit-30 ta’ Settembru 2018, id-data finali tal-perijodu kif posposta minħabba l-mard tar-rikorrenti), jew tal-inqas għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-proċedura għat-tieni tiġdid ta’ kuntratti temporanji fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-KIAO, liema kuntratti jiskadu fl-2018, skont il-“Linji Gwida għat-Tiġdid tal-Kuntratti għal Żmien Determinat tat-28 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-‘Linji Gwida’),

tikkundanna lill-EUIPO iħallas lir-rikorrenti ammont xieraq, stabbilit mill-Qorti Ġenerali ex bono et aequo, għad-danni morali u immaterjali li hija sostniet minħabba d-deċiżjoni tal-EUIPO, imsemmija fl-ewwel talba iktar ’il fuq, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka dawn il-motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-konvenut, ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament u ksur tal-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-klawżola ta’ tkeċċija sa fejn din tmur kontra l-Linji Gwida, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju li t-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju teħtieġ kawża ġusta (iusta causa) u fuq ksur tal-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tad-Direttiva 1999/70/KE (1), tal-Ftehim Qafas (partikolarment il-paragrafi 1(b) u 5(1) tiegħu) u tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 158 dwar it-Terminazzjoni tal-Kuntratt ta’ Impjieg mill-Persuna li Timpjega.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji Gwida, li jikkostitwixxi wkoll ksur proċedurali sostanzjali, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, tad-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li toħloq preġudizzju (l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), tad-dmir ta’ diliġenza tal-konvenut u tal-obbligu tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tar-rikorrenti u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar tal-interessi tar-rikorrenti mal-interessi tas-servizz u fuq ksur tal-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li minħabba l-ksur tat-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-KIAO u tal-projbizzjoni ta’ relazzjonijiet tax-xogħol katina, il-kuntratt tar-rikorrenti huwa validu għal żmien indeterminat mingħajr klawżola ta’ terminazzjoni.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq iż-żamma illegali tal-klawżola ta’ terminazzjoni fil-kuntest tal-protokoll ta’ integrazzzjoni mill-ġdid u ksur tal-aspettattivi leġittimi, tal-interessi leġittimi tar-rikorrenti u tad-dmir ta’ premura permezz tal-applikazzjoni tal-klawżola inkwistjoni.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, tad-dmir ta’ premura tal-konvenut u tan-nuqqas ta’ rispett tal-interessi leġittimi tagħha sa fejn il-konvenut irrifjuta li jġedded il-kuntratt ta’ servizz, u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-interessi tas-servizz.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).


Top