EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0257

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-24 ta’ Novembru 2021 (Estratti).
Khaldoun Al Zoubi vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-257/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:819

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

24 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑257/19,

Khaldoun Al Zoubi, residenti f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentat minn L. Cloquet, avukata,

rikorrent,

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Kyriakopoulou u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 13), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 4), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 132, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/798 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 132, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1), inkwantu dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: B. Lefebvre, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑21 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors

[omissis]

12

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2019, L 18 I, p. 13), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2019, L 18 I, p. 4) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti inizjali”), isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-linja 268 tat-Taqsima A tal-listi tal-ismijiet tal-persuni, entitajiet u organi suġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 u fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi inkwistjoni”), bl-indikazzjoni tar-raġunijiet sussegwenti:

“Negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, b’interessi u attivitajiet f’bosta setturi tal-ekonomija tas-Sirja; inkluż ir-rwoli tiegħu bħala Viċi President ta’ Aman Holding u azzjonist maġġoritarju tal-linja tal-ajru Fly Aman. Fil-kapaċità tiegħu, huwa marbut ma’ Samer Foz. Aman Holding huwa rrappreżentat fuq il-bord ta’ ‘Aman [Dimashq]’, impriża konġunta fil-kostruzzjoni ta’ Marota City, żvilupp residenzjali u kummerċjali ta’ lussu appoġġat mir-reġim, u għandu sehem maġġoritarju fiha. [Al Zoubi] jibbenefika mir-reġim u/jew jappoġġah permezz tal-pożizzjoni tiegħu bħala Viċi President ta’ Aman Holding.”

[omissis]

16

Fis‑17 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/806 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2019, L 132, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), li estendiet l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni sal‑1 ta’ Ġunju 2020; fl-istess jum, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/798 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2019, L 132, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2019”). Isem ir-rikorrent inżamm f’linja differenti, il-linja 286 tat-Taqsima A tal-listi inkwistjoni abbażi ta’ raġunijiet identiċi għal dawk li jinsabu fl-atti inizjali.

[omissis]

21

Fit‑28 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/719 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2020, L 168, p. 66), li estendiet l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni sal‑1 ta’ Ġunju 2021, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/716 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2020, L 168, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2020”). Isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 286 tat-Taqsima A tal-listi inkwistjoni, taħt raġunijiet parzjalment differenti minn dawk imsemmija fl-atti ta’ żamma tal‑2019. Il-Kunsill iġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu billi indika r-raġunijiet sussegwenti:

“Negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, b’interessi u attivitajiet f’bosta setturi tal-ekonomija tas-Sirja; inkluż ir-rwoli tiegħu bħala Viċi President ta’ Aman Holding u azzjonist maġġoritarju tal-linja tal-ajru Fly Aman (sa Frar 2019). Fil-kapaċità tiegħu, huwa marbut ma’ Samer Foz. Aman Holding huwa rrappreżentat fuq il-bord ta’ ‘Aman [Dimashq]’, impriża konġunta fil-kostruzzjoni ta’ Marota City, żvilupp residenzjali u kummerċjali ta’ lussu appoġġat mir-reġim, u għandu sehem maġġoritarju fiha. [Al Zoubi] jibbenefika minn u/jew jappoġġa lir-reġim Sirjan. Membru fundatur ta’ ‘Asas Iron Company’.”

[omissis]

Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

23

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ April 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors intiż għall-annullament tal-atti inizjali, inkwantu dawn l-atti jikkonċernawh.

24

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, adatta r-rikors, b’mod illi dan huwa intiż ukoll għall-annullament tal-atti ta’ żamma tal‑2019, inkwantu dawn l-atti jikkonċernawh. Ir-rikorrent tenna wkoll it-talbiet li kienu jinsabu fir-rikors.

25

Fit‑8 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-risposta u l-osservazzjonijiet dwar l-ewwel nota ta’ adattament.

26

Ir-replika ġiet ippreżentata fl‑1 ta’ Ottubru 2019.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura, assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, assenjat lir-Raba’ Awla.

28

Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fit‑8 ta’ Jannar 2020.

29

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fit‑8 ta’ Jannar 2020.

30

Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, fit‑23 ta’ Lulju 2020, talbet lill-Kunsill iwieġeb għal sensiela ta’ mistoqsijiet Il-Kunsill wieġeb għall-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

31

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adatta r-rikors għat-tieni dabra, b’mod li dan huwa intiż ukoll għall-annullament tal-atti ta’ żamma tal‑2020, inkwantu dawn l-atti jikkonċernawh. Ir-rikorrent tenna wkoll it-talbiet li kienu jinsabu fir-rikors kif ukoll fl-ewwel nota ta’ adattament u ressaq argumenti ġodda.

32

Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, fit‑30 ta’ Settembru 2020, talbet lill-Kunsill jipproduċi dokument. Il-Kunsill ikkonforma ruħu ma’ din it-talba fit-terminu mogħti. Matul is-seduta li nżammet fil‑21 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent ma ppreżentax osservazzjonijiet dwar it-tweġibiet tal-Kunsill għall-miżuri ta’ organizzazzjoni differenti deċiżi mill-Qorti Ġenerali.

33

Fit‑2 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tieni nota ta’ adattament.

34

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑21 ta’ Ottubru 2020.

35

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-atti inizjali, l-atti ta’ żamma tal‑2019 u l-atti ta’ żamma tal‑2020 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti kkontestati”) inkwantu dawn jikkonċernawh;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

36

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kkontestati inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, tordna ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/87 kif ukoll tad-Deċiżjonijiet 2019/806 u 2020/719 inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2019/85, 2019/798 u 2020/716 inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent.

Id‑dritt

[omissis]

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni

39

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jikkontesta li huwa negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta l-elementi meqjusa mill-Kunsill sabiex jinkludi ismu fil-listi inkwistjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li teżisti distinzjoni ċara bejn il-pożizzjoni ta’ kap tad-diretturi eżekuttivi ta’ Aman Holding JSC li huwa okkupa u l-pożizzjoni ta’ Viċi President. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li huwa rriżenja b’effett immedjat minn din il-pożizzjoni. Sussegwentement, huwa jirrikonoxxi li huwa l-fundatur u l-azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman LLC, iżda jsostni li huwa ttrasferixxa l-ishma kollha tiegħu. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tar-rikorrent adottata mill-Kunsill bħala “kap ta’ impriża attiv f’diversi setturi fis-Sirja u barra mill-pajjiż” ma hijiex issostanzjata, peress li d-Dokument WK 47/2019 INIT jirreferi biss għal żewġ kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fis-Sirja u li fir-rigward tagħhom il-Kunsill jista’ jipprova li huwa ħadem magħhom u l-allegat status tiegħu. Ir-rikorrent ma huwiex, direttament jew indirettament, involut fil-proġett Marota City, b’mod li huwa ma setax jiżviluppa artijiet esproprjati li jappartjenu lil persuni spostati minħabba l-kunflitt fis-Sirja, fatt li pprekludihom milli jerġgħu lura d-dar tagħhom. Barra minn hekk, il-kompiti fdati lir-rikorrent bħala impjegat ta’ Aman Holding, azzjonista ta’ Aman Damascus JSC (iktar ’il quddiem “Aman Dimashq”), responsabbli għad-drittijiet ta’ kostruzzjoni ta’ parti mill-artijiet ta’ Marota City, qatt ma inkludew is-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ din tal-aħħar li kienet irriżervata lil impjegat ieħor, Bashar Assi. Fl-aħħar, skont ir-rikorrent, il-proġett Marota City fl-ebda każ ma jirrigwarda l-iżvilupp ta’ artijiet esproprjati, b’mod li la l-proġett Marota City kollu kemm hu u lanqas Aman Dimashq ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala impriżi li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Istat.

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, ir-rikorrent jikkontesta r-raġuni l-ġdida għall-inklużjoni ta’ ismu, relatata mal-kwalità tiegħu ta’ membru fundatur ta’ Asas Iron Company u jsostni, f’dan ir-rigward, li huwa qatt ma kien il-fundatur jew il-proprjetarju ta’ Asas Iron Company u qatt ma kien involut mod ieħor f’din il-kumpannija, u lanqas ma kien marbut magħha.

41

Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma pprovdiex biżżejjed informazzjoni li tipprova li huwa għandu rabta mar-reġim Sirjan. Barra minn hekk, il-provi marbuta mal-kisba taċ-ċittadinanza Libaniża mir-rikorrent jistabbilixxu li huwa ma jagħmilx parti miċ-ċirku ristrett ta’ negozjanti qrib ir-reġim Sirjan u li huwa assolutament ma huwiex assoċjat mal-imsemmi reġim.

42

Fir-raba’ lok, diversi dokumenti jikkonċernaw lil Samer Foz jew lil kumpanniji oħra marbuta miegħu, iżda li magħhom ir-rikorrent ma huwiex assoċjat, bħal pereżempju Aman Dimashq. Barra minn hekk, ebda wieħed mid-dokumenti tad-Dokument WK 47/2019 INIT ma jirreferi espliċitament għar-rabta preżunta tar-rikorrent mar-reġim Sirjan. Għall-kuntrarju, ir-rikorrent jirrikonoxxi li, bħala sempliċi impjegat ta’ Aman Holding, huwa preċedentement kellu rabtiet professjonali ma’ S. Foz.

43

Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

Kunsiderazzjonijiet preliminari

[omissis]

51

Għandu jitfakkar li l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, jipprevedu li l-persuni u l-entitajiet li jibbenefikaw mill-politika mħaddna mir-reġim Sirjan jew li jappoġġjawh għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi. Bl-istess mod, l-Artikolu 27(2)(a) u (3) u l-Artikolu 28(2)(a) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-Artikolu 15(1a)(a) u (1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, jipprevedu li l-kategorija tan-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi, ħlief jekk ikun hemm informazzjoni biżżejjed li tindika li huma ma humiex, jew ma humiex iktar, marbuta mar-reġim, jew li huma ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li huma ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evażjoni.

52

Mir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, imsemmija fil-punti 12 u 21 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi dedott li isem dan tal-aħħar ġie inkluż u miżmum fil-listi inkwistjoni minħabba, l-ewwel, l-istatus tiegħu ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u, it-tieni, ir-rabta tiegħu mar-reġim Sirjan. Fi kliem ieħor, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent hija bbażata, minn naħa, fuq il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(2)(a) u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828 (kriterju ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja) u, min-naħa l-oħra, fuq il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 15(1)(a) tal-imsemmi regolament (kriterju ta’ assoċjazzjoni mar-reġim).

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-Kunsill sostna, fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, li r-rikorrent kien ġie inkluż fil-listi inkwistjoni abbażi biss tal-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 27(2)(a) u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, huwa, għall-kuntrarju, iddikjara, waqt is-seduta, li r-rikorrent kien ġie inkluż abbażi ta’ tliet kriterji ta’ inklużjoni. Fil-fatt, minbarra ż-żewġ kriterji msemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq, il-Kunsill indika li r-rikorrent kien ġie inkluż minħabba r-rabtiet tiegħu ma’ S. Foz. Konsegwentement, l-inklużjoni tiegħu hija bbażata wkoll fuq il-kriterju ddefinit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 27(2) u fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(1a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/1828 (persuni u entitajiet li huma marbuta mal-persuni u l-entitajiet li jaqgħu taħt wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi tal-Unjoni). Madankollu, fil-kuntest tar-raġunijiet għal inklużjoni ppreżentati mill-Kunsill fl-atti kkontestati, it-tieni sentenza tal-imsemmija raġunijiet, li skontha r-rikorrent “[f]il-kapaċità tiegħu, huwa marbut ma’ Samer Foz”, tista’ tinftiehem biss b’riferiment għall-ewwel sentenza li, min-naħa tagħha, tirreferi għall-kriterju ta’ negozjant prominenti. Konsegwentement, isem ir-rikorrent tabilħaqq ġie inkluż u miżmum fil-listi inkwistjoni abbażi taż-żewġ kriterji msemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq.

[omissis]

Fuq l‑istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja

81

Għandu jiġi vverifikat jekk il-provi kollha prodotti mill-Kunsill jissodisfawx l-oneru tal-prova impost fuqu bis-saħħa tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 iktar ’il fuq u jikkostitwixxu għalhekk sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex tiġi ssostanzjata l-ewwel raġuni għal inklużjoni.

82

F’dan ir-rigward, il-Kunsill qies li r-rikorrent huwa negozjant prominenti li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja minħabba l-interessi u l-attivitajiet li huwa għandu f’bosta setturi tal-ekonomija Sirjana. Fir-rigward tal-atti inizjali u tal-atti ta’ żamma tal‑2019, il-provi li jirriżultaw mid-Dokument WK 47/2019 INIT jirrigwardaw żewġ attivitajiet prinċipali, jiġifieri, minn naħa, l-istatus ta’ azzjonist maġġoritarju tal-kumpannija tal-ajru Fly Aman tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, l-istatus tiegħu ta’ Viċi President ta’ Aman Holding, kumpannija rrappreżentata fuq il-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq, li hija impriża konġunta attiva fil-proġett Marota City. Jissemmew ukoll ir-rabtiet li r-rikorrent għandu ma’ S. Foz. Fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, minbarra l-elementi msemmija iktar ’il fuq, il-provi addizzjonali, li jirriżultaw mid-Dokument WK 3600/2020 REV 1, isemmu l-fatt li r-rikorrent huwa soċju fundatur ta’ Asas Iron Company.

83

Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi eżaminat kull wieħed minn dawn l-elementi.

– Fuq l‑istatus ta’ azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman

[omissis]

85

Mill-artikli ppubblikati fis-siti internet “meirss.org”, “Aliqtisadi” u “7al.net”, riprodotti fid-Dokument WK 47/2019 INIT, jirriżulta li r-rikorrent huwa l-azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman u għandu f’dan ir-rigward 90 % tal-ishma ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, l-artiklu ppubblikat fis-sit internet Sirjan “7al.net” jindika li huwa waqqaf, b’kooperazzjoni man-negozjant B. Assi, kumpannija tal-ajru ġdida, Fly Aman. Skont dan is-sit internet, il-Ministeru għall-Kummerċ Intern u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Sirjan irratifika l-istatuti ta’ din tal-aħħar. Fl-aħħar nett, mill-artiklu tas-sit internet “Aliqtisadi”, ippreżentat fid-Dokument WK 3600/2020 REV 1, jirriżulta wkoll li r-rikorrent huwa l-president u l-fundatur konġunt ta’ Fly Aman.

86

Ir-rikorrent jikkontesta dan u jsostni li huwa ma għandu ebda sehem fi Fly Aman, peress li huwa ttrasferixxa s-sehem kollu tiegħu. Għal dan il-għan, huwa jipproduċi ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Fly Aman, tat‑28 ta’ Mejju 2018, u l-istatuti ta’ Fly Aman, irratifikati fit‑22 ta’ Frar 2018, li minnhom jirriżulta, essenzjalment, li inizjalment huwa kien l-azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman mal-kumpannija B. Huwa jipproduċi wkoll ir-Riżoluzzjoni 2274/169/12/3, tal‑14 ta’ Frar 2019, tal-Ministeru għall-Kummerċ Intern u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Sirjan li tirreferi għal ittra rreġistrata mibgħuta minn Fly Aman. Ir- Riżoluzzjoni 2274/169/12/3 tindika li s-sehem fi ħdan Fly Aman tar-rikorrent ġie ttrasferit, parzjalment, lill-kumpannija B (fejn il-parti tal-azzjonijiet miżmuma issa tammonta għal 20 %) u, parzjalment, lill-azzjonisti C u D li t-tnejn li huma għandhom sehem li jirrappreżenta, b’kollox, 80 % tal-ishma tal-kapital ta’ Fly Aman.

87

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ikun ġie adottat (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il‑Kunsill, T‑577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

F’dan il-każ, fir-rigward tal-atti inizjali, għandu jiġi rrilevat li t-trasferiment tal-ishma fi Fly Aman miżmuma mir-rikorrent, kif ikkonfermat mir-Riżoluzzjoni 2274/169/12/3, seħħ wara d-data tal-adozzjoni tagħhom. Għaldaqstant, ir-Riżoluzzjoni 2274/169/12/3 ma tistax tikkontesta l-legalità tal-atti inizjali, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 87 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-istatuti ta’ Fly Aman, tat‑22 ta’ Frar 2018, jikkonfermaw li r-rikorrent kien, fid-data tal-adozzjoni tal-atti inizjali, azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman. Fi kwalunkwe każ, hekk kif ġustament iqajjem il-Kunsill, l-allegazzjoni tar-rikorrent li huwa ma għadx għandu azzjonijiet tikkonferma li huwa kellu tali azzjonijiet. Għaldaqstant, din il-parti tar-raġunijiet tal-atti inizjali hija fondata.

89

Fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2019, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-inklużjoni ta’ isem persuna jew entità fil-listi stabbiliti mill-Kunsill, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward tal-informazzjoni jew tal-provi pprovduti mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni u li għandha tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata fir-rigward tagħhom, hekk kif imfakkar fil-punt 48 iktar ’il fuq. Għalhekk, il-qorti tal-Unjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-provi kollha li ġew ikkomunikati lilha kemm inkriminanti kif ukoll skaġunanti mill-partijiet matul il-proċedura ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, mill-premessa 15 tad-Deċiżjoni 2015/1836 jirriżulta li “[i]d-deċiżjonijiet kollha dwar l-elenkar għandhom isiru fuq bażi individwali u skont il-każ b'kont meħud tal-proporzjonalità tal-miżura”.

90

Issa, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrent wera li ttrasferixxa l-ishma fi Fly Aman li huwa kellu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ipproduċa r-Riżoluzzjoni 2274/169/12/3, li tippreċedi d-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2019. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kunsill ammetta, fl-atti ta’ żamma tal‑2020, il-fatt li r-rikorrent ma kienx għadu, mix-xahar ta’ Frar 2019, azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-atti ta’ żamma tal‑2020 tirrifletti l-kontenut tar-Riżoluzzjoni 2274/169/12/3, peress li dan tal-aħħar isemmi d-data effettiva tat-trasferiment ta’ dan is-sehem, jiġifieri “Frar 2019”.

91

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kunsill ma setax, waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2019, ikun jaf bir-Riżoluzzjoni 2274/169/12/3, fid-dawl tat-tixrid limitat ta’ din id-deċiżjoni lil xi korpi amministrattivi, ma jistax jillimita l-eżami tal-legalità tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent imwettaq mill-qorti tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-evalwazzjoni tal-legalità tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni ma tistax tkun limitata għall-fatt li r-rikorrent ma invokax ir-Riżoluzzjoni 2274/169/12/3 fil-kuntest tal-iskambji tiegħu mal-Kunsill matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid li seħħet qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2019 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2012, Oil Turbo Compressor vs Il‑Kunsill, T‑63/12, EU:T:2012:579, punti 21 sa 24). Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrent wera, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li huwa ma kienx iktar azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2019.

92

Għaldaqstant, dan l-element tar-raġunijiet tal-atti ta’ żamma tal‑2019 ma huwiex fondat.

93

Fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, għandu jiġi osservat li l-Kunsill żamm isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni minħabba l-istatus tiegħu ta’ azzjonist maġġoritarju filwaqt li ċċita, madankollu, id-data tat-trasferiment tal-ishma fil-pussess tar-rikorrent fi Frar 2019.

94

Issa, f’dan il-każ, mid-Dokument WK 3600/2020 REV 1 ma jirriżultax li l-Kunsill ippreżenta indizji serji u konkordanti li jippermettu raġonevolment li jitqies li r-rikorrent żamm rabtiet ma’ Fly Aman filwaqt li huwa ma kellux iktar ishma f’din il-kumpannija fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020. It-tliet artikli tas-siti internet “Eqtsad News”, “Aliqtisadi” u “newturkpost.com” ġew fil-fatt jew ikkonsultati jew ippubblikati wara r-Riżoluzzjoni 2274/169/12/3, iżda ma jagħmlux riferiment għat-trasferiment ta’ ishma, u lanqas għall-eżistenza ta’ rabtiet oħra bejn Fly Aman u r-rikorrent. Għalhekk, id-Dokument WK 3600/2020 REV 1 ma jinkludi ebda prova ta’ natura li tiġġustifika li, minkejja t-trasferiment tal-ishma fi Frar 2019, din l-indikazzjoni kellha tinżamm fir-raġunijiet għal inklużjoni. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, waqt is-seduta, għalkemm il-Kunsill sostna li, minkejja l-fatt li r-rikorrent kien irrinunzja għal dan is-sehem, dan il-fatt kien jikkostitwixxi indizju li huwa kien għadu negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, huwa ma ssostanzjax l-argument tiegħu.

95

Għaldaqstant, dan l-element tar-raġunijiet tal-atti ta’ żamma tal‑2020 ma huwiex fondat.

96

Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-element tar-raġunijiet relatat mas-sehem maġġoritarju tar-rikorrent fi ħdan Fly Aman, huwa biss dak li jirrigwarda r-raġunijiet tal-atti inizjali li huwa fondat.

– Fuq l‑istatus ta’ Viċi President ta’ Aman Holding

97

Mill-estratt tal-blog “Salon Syria”, tas‑7 ta’ Ġunju 2018, u mill-artiklu tas-sit internet “meirss.org ”, li jirriżultaw mid-Dokument WK 47/2019 INIT, jirriżulta li r-rikorrent huwa l-Viċi President ta’ Aman Holding, fatt li huwa kkonfermat mill-artikli li joriġinaw mis-siti internet “Eqtsad News ”, “Alqtisadi” u “newturkpost.com ”, inklużi fid-Dokument WK 3600/2020 REV 1. Barra minn hekk, l-artiklu tas-sit internet “7al.net”, inkluż fid-Dokument WK 47/2019 INIT, jiddeskrivi lir-rikorrent bħala impjegat ta’ kumpannija miżmuma minn S. Foz.

98

Madankollu, mingħajr ma huwa kkontestat fuq dan il-punt mill-Kunsill, ir-rikorrent jiċħad li okkupa l-pożizzjoni ta’ Viċi President ta’ Aman Holding u jsostni li huwa kien jokkupa l-funzjoni ta’ kap tad-diretturi eżekuttivi fi ħdan Aman Holding. Sabiex juri dan, huwa jipproduċi l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, tat‑18 ta’ Jannar 2017. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, huwa jipproduċi wkoll l-istatuti ta’ Aman Holding kif ukoll iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni “preċedenti” ta’ din il-kumpannija, li juru b’mod ċar l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn, minn naħa, il-Bord tad-Diretturi li huwa ma kienx ipoġġi fuqu u, min-naħa l-oħra, id-diretturi eżekuttivi, li huwa kien parti minnhom. B’hekk, ir-rikorrent huwa indikat fihom bħala li jokkupa l-funzjoni ta’ kap tad-diretturi eżekuttivi tal-kumpannija. Konsegwentement, ir-rikorrent wera b’mod validu, bl-għajnuna tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu tat‑18 ta’ Jannar 2017, tal-istatuti ta’ Aman Holding u taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ din il-kumpannija, li joriġina mill-amministrazzjoni Sirjana u li l-affidabbiltà tiegħu ma ġietx, barra minn hekk, ikkontestata mill-Kunsill, li huwa ma kienx jokkupa l-pożizzjoni ta’ Viċi President ta’ Aman Holding.

99

Minn dan isegwi li l-element tar-raġunijiet tal-atti kkontestati relatat mal-funzjoni ta’ Viċi President ta’ Aman Holding okkupata mir-rikorrent ma huwiex fondat.

– Fuq is‑sehem ta’ Aman Holding, li hija rrappreżentata fuq il‑Bord tad‑Diretturi ta’ Aman Dimashq, impriża konġunta attiva fil‑kostruzzjoni ta’ Marota City, żvilupp residenzjali u kummerċjali ta’ lussu appoġġjat mir‑reġim Sirjan

100

Preliminarjament, għandu jinftiehem, hekk kif ikkonferma l-Kunsill waqt is-seduta, li r-raġunijiet tal-atti kkontestati bil-Franċiż li jippreċiżaw li “Aman Holding est représentée au conseil d’administration d’Aman [Dimashq] (dans lequel il détient une participation majoritaire)” jinkludu żball ta’ traduzzjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jista’ jinftiehem, hija tabilħaqq Aman Holding li għandha sehem maġġoritarju fi ħdan Aman Dimashq u mhux ir-rikorrent. Għaldaqstant, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li r-rikorrent ma għandu ebda sehem fi ħdan Aman Dimashq.

101

Qabel kollox, ir-rikorrent isostni li l-unika rabta li tista’ tkun teżisti bejnu u l-proġett Marota City tinsab fil-fatt li Aman Holding hija azzjonista tal-impriża konġunta Aman Dimashq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent jirriżulta li Aman Holding għandha 40 % tal-ishma ta’ Aman Dimashq u li l-azzjonisti l-oħra ta’ din l-impriża konġunta, Foz for Trading u Damascus Cham Holding, għandhom, rispettivament, 11 % u 49 % tal-ishma tagħha. Għal dan il-għan, minn dan it-tqassim tal-ishma jista’ jiġi dedott li Aman Holding għandha ċerta setgħa deċiżjonali fi ħdan il-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq.

102

Sussegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi analizzat fid-dettall il-proġett Marota City, għandu jitfakkar li, fil-punt 99 iktar ’il fuq, ġie stabbilit li l-Kunsill kien qies b’mod żbaljat l-istatus ta’ Viċi President ta’ Aman Holding tar-rikorrent sabiex juri l-istatus tiegħu ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. Minn dan jirriżulta li, a fortiori, il-Kunsill ma jistax jallega l-parteċipazzjoni tar-rikorrent, bħala Viċi President ta’ Aman Holding, fil-proġett Marota City sabiex jistabbilixxi l-imsemmi status.

103

Fi kwalunkwe każ, hekk kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 98 iktar ’il fuq, ir-rikorrent wera b’mod validu li huwa kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ kap tad-diretturi eżekuttivi fi ħdan Aman Holding u mhux dawk ta’ Viċi President. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent tabilħaqq jinsab fl-organigramma tal-kumpannija, li huwa għandu ċertu numru ta’ delegazzjonijiet ta’ setgħat u li huwa inkarigat mis-superviżjoni tad-diretturi eżekuttivi u b’hekk mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ Aman Holding, iżda huwa jibqa’ impjegat ta’ Aman Holding, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill. Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega, ġustament, li l-kompiti fdati lilu bħala impjegat ta’ Aman Holding qatt ma inkludew is-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ Aman Dimashq. Dan il-kompitu huwa rriżervat lil impjegat ieħor, jiġifieri B. Assi, li, għal dan il-għan, inħatar President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq, bil-għan li jżomm informat lill-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Holding dwar l-iżvilupp ta’ Aman Dimashq, fatt li huwa, essenzjalment, ikkonfermat mill-paġna li tirriżulta mis-sit internet “Damacham.sy” ta’ Damascus Cham Holding. B’hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrent ma jpoġġix fuq il-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq. Barra minn hekk, mill-kuntratt ta’ xogħol ta’ B. Assi, tal‑4 ta’ Ottubru 2017 u prodott mir-rikorrent, ċertament jirriżulta li l-pożizzjoni okkupata minnu bħala amministratur ta’ proġetti hija eżerċitata taħt ir-responsabbiltà, b’mod partikolari, tal-kap tad-diretturi eżekuttivi ta’ Aman Holding. Madankollu, la d-Dokumenti WK 47/2019 INIT u WK 3600/2020 REV 1 u lanqas is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kunsill ma jistabbilixxu li kienet teżisti rabta ta’ superviżjoni bejn ir-rikorrent u B. Assi fil-kuntest tat-tmexxija tal-proġett Marota City fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Għaldaqstant, il-Kunsill ma weriex li l-funzjonijiet li r-rikorrent jokkupa fi ħdan Aman Holding jinkludu l-eżerċizzju ta’ responsabbiltajiet deċiżjonali fil-kuntest tas-sehem maġġoritarju ta’ Aman Holding fi ħdan il-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq.

104

Minn dan isegwi li l-element tar-raġunijiet tal-atti kkontestati relatat mal-parteċipazzjoni tar-rikorrent, bħala Viċi President ta’ Aman Holding, fil-proġett Marota City ma huwiex fondat.

– Fuq ir‑rabtiet tar‑rikorrent ma’ S. Foz

105

Preliminarjament, għandu jitfakkar, hekk kif ġie indikat fil-punt 53 iktar ’il fuq, li t-tieni sentenza tar-raġunijiet għall-inklużjoni u għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, li skontha huwa “[f]il-kapaċità tiegħu, huwa marbut ma’ Samer Foz”, tista’ tinftiehem biss b’riferiment għall-ewwel sentenza li, min-naħa tagħha, tirreferi għall-attivitajiet eżerċitati mir-rikorrent, b’mod partikolari għall-istatus tiegħu ta’ azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman u għall-istatus tiegħu ta’ Viċi President ta’ Aman Holding. Minn dan għandu jiġi dedott li r-rabtiet li r-rikorrent għandu ma’ S. Foz, fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu, tqiesu, mill-Kunsill, bħala prova li tippermetti li jiġi stabbilit l-istatus tiegħu ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li isem S. Foz ġie inkluż, imbagħad inżamm, fil-linja 278 tat-Taqsima A tal-listi inkwistjoni, minħabba, minn naħa, l-istatus tiegħu negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u, min-naħa l-oħra, l-assoċjazzjoni tiegħu mar-reġim Sirjan, konformement mal-kriterji mfakkra fil-punt 52 iktar ’il fuq.

106

Sussegwentement, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-prossimità qariba tar-rikorrent ma’ S. Foz tissemma fl-artikli tas-siti internet “aawsat.com”, li jiddeskrivih bħala d-Direttur tal-Uffiċċju tiegħu, u “meirss.org”, li jirriżultaw mid-Dokument WK47/2019 INIT. Barra minn hekk, mill-artiklu tas-sit internet “Eqtsad News”, prodott fil-kuntest tad-Dokument WK 3600/2020 REV 1, jirriżulta li r-rikorrent huwa sieħeb kummerċjali ta’ S. Foz.

107

Fit-tieni lok, hemm lok li jitfakkar li, fil-punt 99 iktar ’il fuq, ġie stabbilit li r-rikorrent ma huwiex Viċi President ta’ Aman Holding. Barra minn hekk, huwa pproduċa ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Aman Holding, iddatat Settembru 2019, u skambju ta’ korrispondenza li seħħ bejnu u l-imsemmija kumpannija, li juru li mit‑22 ta’ Jannar 2019 huwa ma kienx għadu jokkupa l-funzjoni ta’ kap tad-diretturi eżekuttivi ta’ Aman Holding.

108

Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-atti inizjali, ir-rabtiet eżistenti bejn ir-rikorrent u S. Foz huma limitati għall-fatt li r-rikorrent kien soċju maġġoritarju fi Fly Aman. Waqt is-seduta, ir-rikorrent sostna li Fly Aman ġiet stabbilita fuq ordni ta’ S. Foz u li l-istabbiliment ta’ din il-kumpannija seħħ fil-kuntest tar-relazzjoni professjonali tiegħu, peress li S. Foz kien dak iż-żmien il-persuna li timpjegah. Issa, il-Kunsill ma pproduċiex, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 iktar ’il fuq, fil-kuntest tad-Dokument WK 47/2019 INIT, indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu jissostanzjaw b’mod suffiċjenti li r-rabta eżistenti bejn ir-rikorrent u S. Foz kienet teċċedi l-unika relazzjoni professjonali li tista’ teżisti bejn persuna li timpjega u l-impjegat tagħha, b’mod li jista’ jiġġustifika li jitqies li r-rikorrent, assoċjat ma’ S. Foz, huwa negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja.

109

Fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2019 u dawk tal‑2020, għandu jiġi rrilevat li, peress li r-rikorrent ma kienx iktar azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman mix-xahar ta’ Frar 2019 u rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu ta’ kap tad-diretturi eżekuttivi ta’ Aman Holding, ir-rabtiet privileġġjati li huwa kellu eventwalment ma’ S. Foz minħabba tali status ma għadhomx, fi kwalunkwe każ, ipprovati. Għaldaqstant, il-Kunsill jonqos milli jistabbilixxi li r-rikorrent, minħabba l-attivitajiet professjonali tiegħu, għandu rabtiet ma’ S. Foz.

110

Konsegwentement, fl-atti kkontestati, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq ir-rabtiet bejn ir-rikorrent u S. Foz sabiex juri l-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja tar-rikorrent.

– Fuq it‑twaqqif ta’ Asas Iron Company

111

Fir-rigward tal-element il-ġdid tar-raġunijiet li jinsab fl-atti ta’ żamma tal‑2020, mill-artikli tas-siti internet “Eqtsad News” u “Aliqtisadi”, li joriġinaw mid-Dokument WK 3600/2020 REV 1, jirriżulta li r-rikorrent huwa, rispettivament, membru fundatur u membru tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija Assas lil‑Hadid. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif isostni r-rikorrent, is-sunti tal-artikli ta’ dawn is-siti internet, imwettqa mill-Kunsill, jindikaw l-isem “Asas Iron Company” minflok “Assas lil‑Hadid”. Madankollu, din hija tassew l-istess kumpannija. Fil-fatt, l-ewwel isem huwa t-traduzzjoni bl-Ingliż tat-tieni isem, li jikkorrispondi għall-isem Għarbi tal-entità. L-istatuti ta’ Asas Iron Company irratifikati mir-rappreżentant tal-fundaturi tagħha u mill-Ministeru għall-Kummerċ Intern u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Sirjan kif ukoll iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Asas Iron Company tas‑6 ta’ Novembru 2019, prodotti mir-rikorrent, jikkonfermaw il-korrispondenza ta’ dawn iż-żewġ ismijiet.

112

Sussegwentement, ir-rikorrent jikkontesta li huwa membru fundatur ta’ Asas Iron Company. Huwa jsostni li qatt ma kien il-fundatur u lanqas il-proprjetarju ta’ din il-kumpannija u li huwa qatt ma kien involut b’mod ieħor fiha u lanqas marbut magħha, peress li huwa ma jagħmilx parti mill-korpi ta’ ġestjoni u ta’ tmexxija tagħha.

113

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jipproduċi ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u l-istatuti ta’ Asas Iron Company li fihom ismu ma jidhirx. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija statuti, il-proprjetarji ta’ Asas Iron Company huma E u F. Huma għandhom 500 sehem kull wieħed, li jirrappreżentaw 50 % tal-ishma totali tal-impriża, b’valur ta’ SYP 1.5 biljun ta’ (madwar EUR 3.03 miljun). Barra minn hekk, skont l-istatuti ta’ Asas Iron Company, il-kapital jammonta għal SYP 3 biljun (madwar EUR 6.06 miljun), li jikkorrispondi wkoll għall-ammont inkluż fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmija kumpannija. Għaldaqstant, ir-rikorrent wera b’mod validu li huwa ma kienx il-fundatur ta’ Asas Iron Company.

114

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tal-Kunsill intiż li jikkontesta r-rilevanza tal-istatuti ta’ Asas Iron Company u taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni prodotti mir-rikorrent, billi jsostni, essenzjalment, li dawn il-provi jixhdu li, mis‑6 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent ma kienx għadu wieħed mill-proprjetarji tal-kumpannija. Huwa jsostni li, permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 832, tad‑19 ta’ Marzu 2019, tal-Ministeru għall-Kummerċ Intern u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Sirjan, prodotta mir-rikorrent, il-forma ġuridika tal-kumpannija nbidlet. Asas Iron Company, li kienet kumpannija uninominali b’responsabbiltà limitata, għaldaqstant saret il-kumpannija b’responsabbiltà limitata Asas Iron Company, wara li d-detentur tal-kapital ittrasferixxa 50 % tal-ishma tiegħu. Issa, l-istatuti ta’ Asas Iron Company u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma jippermettux li tiġi kkonfermata l-identità tal-azzjonisti fundaturi ta’ Asas Iron Company bejn id-data tal-istabbiliment ta’ din il-kumpannija, it‑30 ta’ Marzu 2017, u d-data tar-Riżoluzzjoni Nru 832, jiġifieri qabel il-bidla fil-forma ġuridika tal-kumpannija. Fi kliem ieħor, il-Kunsill jallega li r-rikorrent seta’ kien irreġistrat bħala uniku soċju fundatur tal-kumpannija uninominali b’responsabbiltà limitata qabel ma ttrasferixxa l-ishma tiegħu, sabiex ma jibqax jidher fid-dokumenti uffiċjali relatati ma’ Asas Iron Company, mingħajr ma jipproduċi provi li jissostanzjaw l-argument tiegħu.

115

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li r-rikorrent kien verament il-fundatur ta’ Asas Iron Company, mid-dokumenti li huwa pproduċa jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020, huwa ma kienx għadu marbut mal-imsemmija kumpannija.

116

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent wera b’mod validu li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020, minn naħa, huwa ma kellu l-ebda sehem f’Asas Iron Company u, min-naħa l-oħra, ma kienx indikat bħala membru fundatur ta’ din il-kumpannija.

117

Għaldaqstant, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq il-kwalità ta’ membru fundatur ta’ Asas Iron Company tar-rikorrent sabiex iqis lil dan tal-aħħar bħala negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja.

– Konklużjoni dwar l‑istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja tar‑rikorrent

118

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-atti inizjali, għandu jiġi konkluż mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent kien azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman. Għall-kuntrarju, il-Kunsill wettaq żbalji materjali meta inkluda isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni minħabba l-istatus tiegħu ta’ Viċi President ta’ Aman Holding, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 98 iktar ’il fuq, ir-rikorrent wera li huwa kien kap tad-diretturi eżekuttivi ta’ din il-kumpannija. Konsegwentement, peress li ma huwiex Viċi President ta’ Aman Holding, ir-rikorrent ma jipparteċipax, abbażi ta’ tali funzjonijiet, fil-proġett Marota City u ma għandux rabtiet ma’ S. Foz. Barra minn hekk, il-Kunsill ma weriex, permezz ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti, ir-rabta bejn l-istatus ta’ azzjonist maġġoritarju fi Fly Aman tar-rikorrent u S. Foz.

119

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2019, minbarra l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 118 iktar ’il fuq, il-Kunsill wettaq żball materjali peress li r-rikorrent wera li huwa ma kellux iktar ishma fil-kapital ta’ Fly Aman mill‑14 ta’ Frar 2019. Konsegwentement, ir-rikorrent ma kellux rabtiet ma’ S. Foz f’dan ir-rigward.

120

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, minbarra l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, il-Kunsill wettaq żball materjali inkwantu r-rikorrent ipproduċa l-prova, minn naħa, li huwa ma kellu ebda sehem f’Asas Iron Company u, min-naħa l-oħra, li huwa ma kienx membru fundatur ta’ din il-kumpannija.

121

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, kuntrarjament għar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inklużi fl-atti inizjali, ir-rikorrent ma għandux “interessi u attivitajiet f’bosta setturi tal-ekonomija tas-Sirja”. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 118 iktar ’il fuq, il-Kunsill huwa biss f’pożizzjoni li juri li, fir-rigward tal-atti inizjali, ir-rikorrent għandu interessi fi Fly Aman, fatt li huwa insuffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt il-kriterju ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. Barra minn hekk, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2019 u tal-atti ta’ żamma tal‑2020, il-Kunsill ma rnexxilux juri li r-rikorrent kellu, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija atti, l-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. Għaldaqstant, l-ewwel raġuni għal inklużjoni ma hijiex issostanzjata biżżejjed.

122

Jeħtieġ, għaldaqstant, li tiġi eżaminata t-tieni raġuni għal inklużjoni.

Fuq l‑assoċjazzjoni mar‑reġim Sirjan.

123

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-atti inizjali u mill-atti ta’ żamma tal‑2019 jirriżulta li r-rikorrent jappoġġja lir-reġim Sirjan u jibbenefika minnu minħabba l-funzjoni tiegħu ta’ Viċi President ta’ Aman Holding, filwaqt li, skont l-atti ta’ żamma tal‑2020, huwa jagħmel dan minħabba l-attivitajiet u l-interessi kollha li huwa għandu, hekk kif imsemmija fil-raġunijiet għal inklużjoni.

124

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrent huwa meqjus, mill-Kunsill, bħala li jappoġġja lir-reġim Sirjan u bħala li jikseb vantaġġ minnu huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk li wassluh sabiex iqisu bħala negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja.

125

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li ma jistax jiġi eskluż li, għal persuna speċifika, ir-raġunijiet għal inklużjoni jikkoinċidu sa ċertu punt, fis-sens li persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjanta prominenti li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Sirja u titqies bħala li tibbenefika, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, mir-reġim Sirjan jew bħala li tappoġġjah permezz ta’ dawn l-istess attivitajiet. Dan jirriżulta preċiżament mill-fatt li, hekk kif huwa stabbilit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, ir-rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan u l-appoġġ lilu mogħti minn din il-kategorija ta’ persuni huma waħda mir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill iddeċieda li joħloq din il-kategorija. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn huma, anki f’dan il-każ, kriterji differenti (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 77).

126

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-atti inizjali u tal-atti ta’ żamma tal‑2019, għandu jiġi dedott mill-konklużjonijiet fil-punti 99 u 104 iktar ’il fuq, li, peress li r-rikorrent ma kienx Viċi President ta’ Aman Holding fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, huwa ma jistax jitqies bħala li jibbenefika mir-reġim Sirjan f’dan ir-rigward, u lanqas li jappoġġjah minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett Marota City.

127

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, l-ewwel, fil-punt 126 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ma jistax jitqies bħala li jibbenefika mir-reġim Sirjan minħabba l-istatus tiegħu ta’ Viċi President ta’ Aman Holding. It-tieni, mill-artiklu tas-sit internet “7al.net” jirriżulta li r-rikorrent stabbilixxa kumpannija tal-ajru filwaqt li, fis-Sirja, is-settur tal-avjazzjoni ċivili jbati minn diffikultajiet kbar fid-dawl tal-operazzjonijiet militari li kellhom bħala konsegwenza l-waqfien tat-traffiku turistiku u l-waqfien tas-servizzi fi ħdan ċerti ajruporti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, fil-punt 96 iktar ’il fuq, li r-rikorrent ma għadux azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman. Barra minn hekk, minn ebda waħda mill-provi inklużi fid-Dokumenti WK 47/2019 INIT u WK 3600/2020 REV 1 ma jirriżulta li r-rikorrent jibbenefika, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist maġġoritarju u sussegwentement ta’ ex azzjonist maġġoritarju tal-imsemmija kumpannija, mir-reġim Sirjan u lanqas li huwa jappoġġjah.

128

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma pproduċiex sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu juru l-fatt li r-rikorrent jappoġġja lir-reġim Sirjan u/jew jikseb vantaġġ minnu. Għaldaqstant, it-tieni raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu mar-reġim Sirjan ma hijiex suffiċjentement issostanzjata, b’mod li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent ma hijiex fondata fir-rigward tal-atti kkontestati.

129

Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi milqugħ u, għaldaqstant, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt motiv imressqa insostenn tar-rikors.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/798 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, huma annullati inkwantu dawn jikkonċernaw lil Khaldoun Al Zoubi.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Gervasoni

Madise

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Novembru 2021.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

Top