Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0358

    Kawża T-358/17: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 – Mubarak vs Il-Kunsill

    ĠU C 239, 24.7.2017, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 239/71


    Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 – Mubarak vs Il-Kunsill

    (Kawża T-358/17)

    (2017/C 239/83)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Mohamed Hosni Elsayed Mubarak (Il-Kajr, l-Eġittu) (rappreżentanti: B. Kennelly, QC, J. Pobjoy, Barrister, G. Martin, M. Rushton u C. Enderby Smith, Solicitors)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/496, tal-21 ta’ Marzu 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”; ĠU 2017, L 76, p. 22), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/491, tal-21 ta’ Marzu 2017, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 270/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”; ĠU 2017, L 76, p. 10), sa fejn japplikaw għar-rikorrent;

    tiddikjara li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”; ĠU 2011, L 76, p. 63) u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”; ĠU 2017, L 76, p. 4) ma humiex applikabbli sa fejn japplikaw għar-rikorrent, u, konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni (PESK) 2016/411, sa fejn tapplika għar-rikorrent, u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament huma illegali għaliex (a) huma nieqsa minn bażi legali valida u/jew (b) jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tar-rikorrent skont l-Artikolu 6, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3 TUE, u l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-preżunzjoni tal-Kunsill li l-proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu rrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żbalji ta’ evalwazzjoni meta qies li l-kriterju għall-inklużjoni tar-rikorrent fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament kien issodisfatt.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt għal amministrazzjoni tajba u għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. B’mod partikolari, il-Kunsill naqas milli jeżamina bir-reqqa u b’mod imparzjali jekk l-allegati raġunijiet iddikjarati li jiġġustifikaw l-inklużjoni mill-ġdid kinux fondati fid-dawl tas-sottomissjonijiet magħmula mir-rikorrent qabel l-inklużjoni mill-ġdid.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt tiegħu għal protezzjoni tal-proprjetà u tar-reputazzjoni. L-impatt tad-deċiżjoni kkontestata u tar-regolament ikkontestat fuq ir-rikorrent huwa ta’ portata kbira, kemm fir-rigward tal-proprjetà tiegħu kif ukoll fir-rigward tar-reputazzjoni tiegħu madwar id-dinja. Il-Kunsill naqas milli juri li l-iffriżar tal-assi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent huwa relatat ma’, jew iġġustifikat minn, kwalunkwe għan leġittimu, u wisq inqas li huwa proporzjonat ma’ tali għan.


    Top