Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0344

    Kawża T-344/17: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 – Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 239, 24.7.2017, p. 65–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 239/65


    Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 – Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-344/17)

    (2017/C 239/77)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Latam Airlines Group SA (Santiago, iċ-Ċili) u Lan Cargo SA (Santiago) (rappreżentanti: B. Hartnett, barrister, O. Geiss, avukat u W. Sparks, solicitor)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Il-Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru) sa fejn din tapplika għar-rikorrenti;

    barra minn hekk, jew sussidjarjament, tnaqqas il-multi imposti fuq ir-rikorrenti; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi iu ta’ fatt min-naħa tal-Kummissjoni sa fejn interpretat ħażin il-provi ċċitati kontra r-rikorrenti, applikat ħażin l-Artikolu 101 TFEU, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim mal-Iżvizzera, u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti, fl-impożizzjoni tar-responsabbiltà fuq ir-rikorrenti għall-ksur fir-rigward tas-soprataxxa ta’ sigurtà u n-nuqqas ta’ ħlas tal-kummissjoni.

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat li huma kienu jafu bl-aġir antikompetittiv relatat mas-soprataxxa ta’ sigurtà u man-nuqqas ta’ ħlas tal-kummissjoni.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li dawn l-aspetti tal-ksur uniku u kontinwu allegat ma humiex separabbli mit-totalità tiegħu u li d-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi annullata fl-intier tagħha.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt min-naħa tal-Kummissjoni sa fejn interpretat ħażin il-provi ċċitati kontra r-rikorrenti, applikat ħażin id-dispożizzjonijiet rilevanti, u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti, meta kkonstatat li r-rikorrenti pparteċipaw fil-ksur dwar is-soprataxxa tal-fjuwil.

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wettqitx il-prova suffiċjenti skont il-liġi li huma pparteċipaw fl-allegat ksur sa fejn dan kien jirrigwarda s-soprataxxa tal-fjuwil.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-fatt li huma rċevew l-istqarrijiet għall-istampa ma setax jippermetti li huma jkunu jafu bl-allegat akkordju.

    Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-provi limitati relatati mal-kuntatti tagħhom ma’ trasportaturi ma jistabbilixxu ebda aġir antikompetittiv min-naħa tagħhom u ma jurux li huma kienu jafu jew setgħu jipprevedu l-aġir antikompetittiv ta’ trasportaturi oħra.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ fatt u ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li r-rikorrenti kienu responsabbli għal ksur fuq ir-rotot identifikati fl-Artikoli 1(1), 1(3) u 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata, u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti.

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta, fl-Artikoli 1(1), 1(3) u 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata, żammithom responsabbli, għax il-perijodu ta’ preskrizzjoni kien skada.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex issibhom responsabbli għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE f’rotot intra-ŻEE qabel l-1 ta’ Mejju 2004, jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE qabel id-19 ta’ Mejju 2005.

    Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-Kummissjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex issibhom responsabbli għal ksur fir-rigward tar-rotot UE-Żvizzera.

    Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-konstatazzjonijiet jiksru l-prinċipju ne bis in idem.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ fatt u ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni meta kkonkludiet dwar l-eżistenza tal-allegat akkordju, u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti.

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li huma pparteċipaw fl-allegat akkordju hija vvizzjata b’nuqqas ta’ provi.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li din hija bbażata fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-ksur kellu effett fuq ir-rotot kollha.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li din teċċedi l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni u twassal għal ambigwità fir-rigward tal-ambitu ġeografiku tal-allegat ksur.

    Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li din twassal għal diskrepanzi bejn ir-raġunijiet u d-dispożittiv fir-rigward tas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, li ma jippermettux lir-rikorrenti jifhmu n-natura u l-portata tal-allegat ksur.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ fatt u ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li l-allegat aġir jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għal din il-konklużjoni.

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir inkwistjoni ma kellux skop antikompetittiv uniku.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-aġir inkwistjoni ma kienx jirrigwarda prodott wieħed jew servizz wieħed.

    Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-aġir inkwistjoni ma kienx jirrigwarda l-istess impriża.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-allegat ksur ma kienx ta’ natura unika.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-elementi tal-allegat ksur ma ġewx eżaminati b’mod parallel.

    Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni pprovdiet provi insuffiċjenti u naqset milli tagħmel analiżi skont l-Artikolu 101(3) TFUE fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħlas tal-kummissjoni.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni tad-drittijiet ta’ difiża u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti.

    Ir-rikorrenti jsostnu li huma ma setgħux iwieġbu għall-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li huma kienu jafu dwar il-ksur relatat mas-soprataxxa ta’ sigurtà u man-nuqqas ta’ ħlas tal-kummissjoni.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li saru allegazzjonijiet ġodda sabiex isostnu l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-allegat akkordju.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li huma inammissibbli fil-konfront tagħhom.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li diskrepanzi bejn ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata u d-dispożittiv iwasslu għal vizzju ta’ motivazzjoni.

    Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma setgħux jipprovdu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tad-deċiżjoni li jitneħħew tlettax-il trasportatur u tliet aspetti tal-ksur mill-investigazzjoni wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u l-Kummissjoni ma pprovdiet ebda raġunijiet għal dan.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt min-naħa tal-Kummissjoni meta kkalkolat il-multa tar-rikorrenti, u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti.

    Ir-rikorrenti jsostnu nuqqas ta’ differenzjazzjoni bejn il-koordinazzjoni ta’ prezz finali u l-koordinazzjoni fir-rigward ta’ elementi limitati tal-prezz.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ishma mis-suq ikkombinati limitati tad-destinatarji u r-rekwiżiti regolatorji tal-industrija.

    Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-Kummissjoni ttrattat l-aġir tagħhom bl-istess mod bħall-aġir ferm iktar serju ta’ destinatarji oħra, inkluż il-“grupp ewlieni”.

    Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni iktar limitata tagħhom fil-ksur b’paragun ma’ dik ta’ destinatarji oħra li kisbu wkoll tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti.


    Top