EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0326

Kawża T-326/17: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2017 – Air Canada vs Il-Kummissjoni

ĠU C 239, 24.7.2017, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/55


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2017 – Air Canada vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-326/17)

(2017/C 239/68)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Air Canada (Saint-Laurent, Quebec, il-Kanada) (rappreżentanti: T. Soames, G. Bakker u I.-Z. Prodromou-Stamoudi, avukati, u J. Joshua, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru) fl-intier tagħha jew parzjalment, sa fejn jirrigwardawha;

tannulla, jew sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, ksur tad-dritt għal smigħ u ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

Skont ir-rikorrenti, id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni naqset milli tinnotifika t-teorija li fuqha hija bbażata l-kawża kollha kif espressa għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, b’hekk ipprekludiet lill-konvenuta milli tiddefendi ruħha. Dawn il-motivi huma suffiċjenti sabiex jannullaw id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta’ difiża tagħha billi i) ma tat ebda raġunament adegwat, jew assolutament ebda raġuni, sabiex issostni l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot kollha, ii) billi ma ddefinietx in-natura u l-portata tal-ksur allegat(i) bil-livell ta’ dettall impost mil-liġi u iii) billi ma kkorreġġitx il-kontradizzjoni inerenti li teżisti bejn ksur uniku u kontinwu u erba’ istanzi ta’ ksur separati li wasslu għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010. Dawn ir-raġunijiet huma suffiċjenti sabiex jannullaw id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball manifest dwar l-impossibbiltà għat-trasportaturi minn barra UE/ŻEE li joperaw fuq ir-rotot intra-Ewropej.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni i) ikkonstatat b’mod żbaljat, fl-Artikolu 1(1) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata, li hija wettqet wieħed jew iktar ksur fuq ir-rotot fi ħdan iż-ŻEE u bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera fejn hija ma għandhiex dritt legali li tipprovdi servizzi ta’ ġarr bl-ajru, ii) injorat jew fehmet ħażin l-ordinamenti legali internazzjonali u tal-Unjoni li jirregolaw id-drittijiet tat-traffiku tal-ajru u iii) applikat b’mod ħażin il-ġurisprudenza rilevanti billi kkonstatat li ma hemmx “ostaklu insormontabbli” li jipprekludiha milli tipprovdi dawn is-servizzi fuq ir-rotot intra-Ewropej u li għaldaqstant żbaljat li hija kklassifikat lir-rikorrenti bħala kompetitur potenzjali fuq dawn ir-rotot. Skont ir-rikorrenti, dawn l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u dawn l-iżbalji manifesti ta’ liġi, meħuda individwalment jew flimkien, jikkostitwixxu motivi suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha jew, sussidjarjament, l-Artikolu 1(1) u (4) ta’ din id-deċiżjoni.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt manifest fil-qasam tal-ġurisdizzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ fatt li jikkonsistu għall-Kummissjoni i) li bbażat ruħha fuq aġir fil-fatt legali fuq ir-rotot mal-pajjiżi terzi sabiex tipprova jew tistabilixxi ksur fuq rotot intra-Ewropej li ma jistax jitwettaq (raġuni suffiċjenti sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha) u ii) li b’mod żbaljat invokat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq allegata kollużjoni dwar it-traffiku “dieħel” fuq ir-rotot mal-pajjiżi terzi (raġuni ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha jew, sussidjarjament, tal-Artikolu 1(2) u (3)).

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi invokati fil-konfront tar-rikorrenti.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni i) ma applikatx korrettament il-leġiżlazzjoni dwar il-provi tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, ii) naqset milli tistabilixxi assjem ta’ provi affidabbli u ma ppruvatx suffiċjentement skont il-liġi il-fatti li qed jiġu allegati kontra r-rikorrenti u iii) irrifjutat b’mod żbaljat li tilqa’ l-irtirar tat-talba tagħha għal klemenza lamentabbli u ma eżaminatx l-effett ta’ dan l-irtirar fuq il-provi invokati fil-konfront tagħha. Dawn ir-raġunijiet huma suffiċjenti sabiex jannullaw id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

6

is-sitt motiv: konformement mal-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali li tannulla l-multa imposta fl-Artikolu 3 jew, sussidjarjament, li tnaqqas sostanzjalment l-ammont tagħha konformement fil-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mal-Artikolu 261 TFUE, mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-ġurisprudenza.


Top