EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0051

Kawża T-51/17: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2017 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

ĠU C 86, 20.3.2017, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/31


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2017 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-51/17)

(2017/C 086/41)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2018, tal-15 ta’ Novembru 2016, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 312, p. 26) sa fejn teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ammonti ta’ EUR 38 984 850,50 u ta’ EUR 76 816 098,12 imħallsa mill-aġenzija tal-ħlas approvata mir-Repubblika tal-Polonja;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1) peress li l-Kummissjoni applikat korrezzjoni finanzjarja billi bbażat ruħha fuq konstatazzjonijiet fattwali żbaljati u fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt, meta r-Repubblika tal-Polonja wettqet il-ħlas b’mod konformi mad-dispożizzjoniijet tad-dritt tal-Unjoni.

L-ammonti esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni skont id-deċiżjoni kkontestata tħallsu b’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (2) u mar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni Nru 543/2011 (3), b’tali mod li ma kienx hemm bażi għall-esklużjoni ta’ dawn l-ammonti mill-finanzjament.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 peress li l-ammont tal-korrezzjoni b’rata fissa kif applikata, kien manifestament eċċessiv fid-dawl tar-riskju possibbli ta’ telf finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % applikata mill-Kummissjoni hija għolja wisq u teċċedi t-telf massimu possibbli li jista’ jġarrab il-fond. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal-Linji Gwida VI/5330/97 li jikkonċernaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji u ddikjarat li hija osservat il-kundizzjonijiet kollha previsti fil-linji gwida ċċitati iktar ’il fuq sabiex tibbenefika mill-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ rata iktar baxxa jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-korrezzjoni.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 peress li l-korrezzjoni finanzjarja ġiet ikkalkolata għall-ispejjeż imwettqa iktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel in-notifkazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

Skont l-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ir-rifjut tal-finanzjament ma jistax jikkonċerna spejjeż imwettqa iktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel in-notifkazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat.


(1)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, p. 549).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 299, p. 1).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, p. 1).


Top