Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0299

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta’ Settembru 2019.
    VG Media Gesellschaft zur Verwertung der Urheber- und Leistungsschutzrechte von Medienunternehmen mbH vs Google LLC.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Berlin.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika industrijali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 98/34/KE – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi kif ukoll tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 1(11) – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’.
    Kawża C-299/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:716

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    12 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika industrijali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 98/34/KE – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi kif ukoll tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 1(11) – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’”

    Fil-Kawża C‑299/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

    VG Media Gesellschaft zur Verwertung der Urheber- und Leistungsschutzrechte von Medienunternehmen mbH

    vs

    Google LLC, aventi kawża ta’ Google Inc.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Hogan,

    Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal VG Media Gesellschaft zur Verwertung der Urheber- und Leistungsschutzrechte von Medienunternehmen mbH, minn U. Karpenstein, M. Kottmann, R. Heine u J. Hegemann, Rechtsanwälte,

    għal Google LLC, aventi kawża ta’ Google Inc., minn A. Conrad, W. Spoerr u T. Schubert, Rechtsanwälte,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u M. Kall, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn E.‑M. Mamouna u N. Dafniou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz kif ukoll minn V. Ester Casas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Petersen, Y. Marinova u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Diċembru 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2), (5) u (11) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VG Media Gesellschaft zur Verwertung der Urheber- und Leistungsschutzrechte von Medienunternehmen mbH (iktar ’il quddiem “VG Media”) u Google LLC dwar l-allegat ksur minn Google ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 98/34

    3

    L-Artikolu 1(2) sa (5) u (11) tad-Direttiva 98/34 jistabbilixxi li:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

    […]

    2.

    ‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

    Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

    ‘mill-bogħod’ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

    ‘b’mezzi elettroniċi’ tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

    ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’ tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

    Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

    […]

    3.

    ‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

    It-terminu ‘speċifikazzjoni teknika’ jkopri wkoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni użati rigward il-prodotti agrikoli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) tat-Trattat, il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, u l-prodotti mediċinali ddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 65/65/KEE […], kif ukoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti oħra, fejn dawn ikolhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom;

    4.

    ‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

    5.

    ‘regola dwar is-servizzi’, ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

    […]

    Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

    regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat,

    regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali.

    […]

    11.

    ‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

    Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

    il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għall-kodiċijiet professjonali jew il-kodiċijiet ta’ prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li l-ħarsien tagħhom jagħti preżunzjoni ta’ konformità ma’ l-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq,

    ftehim volontarji li awtorità pubblika tkun parti kontrattanti għalihom u li jipprovdu, fl-interess ġenerali, għal konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, għajr speċifikazzjonijiet dwar l-offerti ta’ l-akkwist pubbliku,

    speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

    Dan jinkludi r-regolamenti tekniċi imposti mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri u li jidhru f’lista li għandha titfassal mill-Kummissjoni [Ewropea] qabel il‑5 ta’ Awwissu 1999, fil-qafas tal-Kumitat li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 5.

    Għandha tiġi użata l-istess proċedura biex tiġi emendata din il-lista.”

    4

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

    “Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

    5

    Id-Direttiva 98/34 tħassret bid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2015, Vol. 241, p. 1), li daħlet fis-seħħ fis‑7 ta’ Ottubru 2015, jiġifieri wara l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    Id-dritt Ġermaniż

    6

    Permezz tal-achtes Gesetz zur Änderung des Urheberrechtsgesetzes (it-Tmien Liġi li Temenda l-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur), tas‑7 ta’ Mejju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1161), il-Kapitolu 7, intitolat “Protezzjoni tal-pubblikatur ta’ gazzetti u rivisti”, dwar id-drittijiet relatati tal-pubblikaturi ta’ gazzetti u rivisti, ġie introdott, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2013, fit-tieni parti tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati, iktar ’il quddiem l-“UrhG”). Din it-Taqsima 7 tinkludi t-tliet artikoli li ġejjin.

    7

    L-Artikolu 87f tal-UrhG, intitolat “Pubblikaturi ta’ ġurnali u rivisti”, jipprevedi li:

    “(1)   Il-produttur ta’ prodott tal-istampa (pubblikatur ta’ gazzetti u rivisti) għandu jkollu d-dritt esklużiv li jagħmel il-prodott tal-istampa jew partijiet tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet kummerċjali, sakemm dan ma jkunx jikkonsisti minn kliem iżolat jew estratti qosra ħafna minn testi. Meta l-prodott tal-istampa jkun ġie prodott minn kumpannija, sid il-kumpannija għandu jitqies li huwa l-produttur.

    (2)   Prodott tal-istampa għandu jitqies li huwa t-tħejjija editorjali u teknika ta’ kontribuzzjonijiet ġurnalistiċi fil-kuntest ta’ ġabra ppubblikata perijodikament fuq kull media b’titolu wieħed, li, wara li tkun saret evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha, jista’ jitqies bħala ġeneralment tipiku għad-dar tal-pubblikazzjoni u li fil-parti l-kbira tiegħu ma jkunx iservi skopijiet ta’ awtopromozzjoni. Kontribuzzjonijiet ġurnalistiċi għandhom jitqiesu li huma, b’mod iktar speċifiku, artikoli u illustrazzjonijiet li jservu sabiex ixerrdu informazzjoni, jiffurmaw opinjonijiet jew ikunu ta’ divertiment.”

    8

    L-Artikolu 87g tal-UrhG, intitolat “Trasferibbiltà, tul u limitazzjonijiet tad-dritt”, huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   Id-dritt ta’ pubblikatur ta’ gazzetti u rivisti, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 87f(1), għandu jkun trasferibbli. L-Artikoli 31 u 33 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    (2)   Id-dritt għandu jiskadi sena wara l-pubblikazzjoni tal-prodott tal-istampa.

    (3)   Id-dritt tal-pubblikatur ta’ gazzetti u rivisti ma jistax jiġi invokat għad-detriment tal-awtur jew tad-detentur ta’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur li x-xogħol jew is-suġġett tiegħu, protetti skont din l-liġi, ikunu jinsabu fil-prodott tal-istampa.

    (4)   It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ prodotti tal-istampa jew ta’ partijiet tagħhom għandu jkun permissibbli sakemm dan ma jsirx minn operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix jew minn operaturi kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’mod simili. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 tal-Parti 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis”.

    9

    L-Artikolu 87h tal-UrhG, intitolat “Dritt tal-awtur għal sehem mir-remunerazzjoni”, jistabbilixxi li:

    “L-awtur għandu jkun intitolat għal sehem ekwu mir-remunerazzjoni.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    VG Media hija kumpannija ta’ ġestjoni kollettiva, approvata fil-Ġermanja, li tiddefendi d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati ta’ stazzjonijiet televiżivi u ta’ stazzjonijiet tar-radju privati kif ukoll id-drittijiet fuq offerti editorjali diġitali. F’dan il-kuntest, VG Media tikkonkludi mad-detenturi ta’ drittijiet il-“kuntratt ta’ amministrazzjoni għat-televiżjoni, radju u pubblikaturi”, li permezz tiegħu dawn id-detenturi ta’ drittijiet jikkonċedu b’mod esklużiv id-drittijiet attwali tagħhom, kif ukoll id-drittijiet li ser jingħataw matul il-kuntratt, fir-rigward tal-prodotti tal-istampa prodotti minnhom.

    11

    Google topera diversi magni ta’ tiftix fuq l-internet, fosthom b’mod partikolari l-magna ta’ tiftix tal-istess isem, kif ukoll sit ta’ informazzjoni awtomatizzat (“Google News”). Fuq il-magna ta’ tiftix “Google”, wara li t-terminu mfittex ikun iddaħħal u tkun inbdiet il-funzjoni ta’ tiftix, jidher test qasir jew estratt minn test (is-“Snippet”) b’immaġni mċekkna, intiża sabiex tgħin lill-utent jevalwa r-rilevanza tas-sit internet muri għall-bżonn tiegħu ta’ informazzjoni. Fir-rigward tas-sit ta’ informazzjoni “Google News”, dan jagħti, f’għamla ta’ rivisti, aħbarijiet minn għadd limitat ta’ sorsi ta’ infomazzjoni. L-informazzjoni li tinsab fuq dan is-sit hija miġbura minn kompjuters permezz ta’ algoritmu minn numru kbir ta’ sorsi ta’ informazzjoni. Fuq l-imsemmi sit, is-“Snippet” jidher fil-forma ta’ sunt qasir tal-artiklu li jkun ġej mis-sit internet ikkonċernat, li spiss jirrepeti l-frażijiet introduttivi ta’ dan l-artiklu.

    12

    Barra minn hekk, Google tippubblika, bi ħlas, permezz tas-servizzi online tagħha, ir-reklami ta’ terzi fuq is-siti internet tagħha kif ukoll fuq is-siti internet ta’ terzi.

    13

    VG Media ppreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors għad-danni kontra Google, li fil-kuntest tiegħu hija tikkontesta, essenzjalment, l-użu minn Google, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, ta’ estratti ta’ testi, ta’ immaġnijiet u ta’ immaġnijiet animati, li joriġinaw minn offerti tal-membri tagħha, mingħajr ma tħallas remunerazzjoni bħala korrispettiv, għall-wiri ta’ riżultati ta’ riċerka u ta’ sommarji ta’ aħbarijiet.

    14

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikoli 87f u 87g tal-UrhG humiex applikabbli għall-kawża prinċipali. Hija tistaqsi fil-fatt jekk dawn id-dispożizzjonijiet, li jirriżultaw mill-emenda, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2013, tal-UrhG, kellhomx jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fl-istadju tal-abbozz, konformement ma’ dak li jipprevedi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-dispożizzjonijiet adottati bi ksur tal-obbligu ta’ notifika previst f’din id-dispożizzjoni ma humiex applikabbli u għaldaqstant ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront tal-individwi.

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi biss lill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lill-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenuti, iżda mhux lill-utenti l-oħra, inklużi kummerċjali, li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku prodotti tal-istampa, b’mod sħiħ jew parzjali (bl-eċċezzjoni ta’ kliem iżolat jew estratti qosra ħafna ta’ test), tikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 1(2) u (5) tad-Direttiva [98/34], regola li ma hijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi ddefiniti [fl-imsemmi punt],

    u, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv,

    2)

    dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi biss lill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lill-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenuti, iżda mhux lill-utenti l-oħra, inklużi kummerċjali, li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku prodotti tal-istampa, b’mod sħiħ jew parzjali (bl-eċċezzjoni ta’ kliem iżolat jew estratti qosra ħafna ta’ test), tikkostitwixxi regolament tekniku fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva [98/34], jiġifieri regola li l-osservazzjoni tagħha hija obbligtorja relatata mal-provvista ta’ servizz?”

    Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

    16

    Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, VG Media, permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar u fit‑18 ta’ Frar 2019, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

    17

    Insostenn tat-talba tagħha, VG Media ssostni, essenzjalment, li, minn naħa, l-Avukat Ġenerali ppreżenta, b’mod partikolari fil-punti 34 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, evalwazzjonijiet żbaljati dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u bbaża ruħu fuq elementi ta’ fatt li kienu jeħtieġu diskussjoni iktar fil-fond. Min-naħa l-oħra, VG Media tqis li l-ftehim politiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni, li ġie qabel l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tar-risposti għad-domandi preliminari.

    18

    Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    19

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali bbaża ruħu fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju. Issa, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    20

    Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2019/790, li għalhekk ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

    21

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari u li ebda wieħed mill-elementi invokati minn VG Media insostenn tat-talba tagħha ma jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

    Fuq id-domandi preliminari

    23

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan il-kuntest, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    F’dan il-każ, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi unikament lill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lill-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’mod simili milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku prodotti tal-istampa, totalment jew parzjalment (bl-eċċezzjoni ta’ kliem iżolat jew estratti qosra ħafna ta’ test), tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozz tiegħu għandu jkun suġġett għal komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

    25

    Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” ikopri erba’ kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri, l-ewwel nett l-“[i]speċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34, it-tieni nett il-“ħtiġiet oħra”, kif iddefiniti fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, it-tielet nett, ir-“regola dwar is-servizzi” msemmija fl-Artikolu 1(5) tal-imsemmija direttiva u, r-raba’ nett, “il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”, fis-sens tal-Artikolu 1(11) tal-istess direttiva (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Van Gennip et, C‑137/17, EU:C:2018:771, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, sabiex miżura nazzjonali taqa’ taħt l-ewwel kategorija ta’ regolamenti tekniċi msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34, jiġifieri taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika”, din il-miżura għandha tirreferi neċessarjament għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu inkwantu tali u għaldaqstant tistabbilixxi waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Fortuna et, C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva jkopri ċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott wara t-tqegħid tiegħu fis-suq (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 72).

    27

    F’dan il-każ, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-ewwel u t-tieni kategorija ta’ miżuri msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tirreferix għal prodotti bħala tali, iżda, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-projbizzjoni imposta fuq l-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix fuq l-internet u fuq il-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’mod simili milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku prodotti tal-istampa.

    28

    Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex “regola dwar is-servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, għandu, qabelxejn, jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, “servizz” huwa ddefinit bħala “kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

    29

    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija “regola dwar is-servizzi”, mingħajr madankollu ma tispjega r-raġunijiet. Hija tindika biss li l-fornituri ta’ magni ta’ tiftix jipprovdu, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ destinatarju li jibda t-tfittxija wara li jdaħħal it-terminu mfittex, servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva.

    30

    Fil-fatt, fir-rigward tas-servizzi pprovduti mill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix fuq l-internet, ma hemmx dubju li dawn jikkostitwixxu tali servizzi. Min-naħa l-oħra, dan ma japplikax neċessarjament ukoll għas-servizzi pprovduti mill-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’mod simili. Fil-fatt, kif tosserva l-Kummissjoni, il-modifika analoga ta’ kontenut ta’ prodotti tal-istampa tista’ ssir b’mod ieħor ħlief permezz tal-internet jew ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal, pereżempju, fuq il-karta.

    31

    Sussegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk regola tistax tiġi kklassifikata bħala “regola dwar is-servizzi”, hija għandha, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, tkun intiża “speċifikament” għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

    32

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-ewwel inċiż tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva, regola għandha titqies li hija speċifikament intiża għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fir-rigward kemm tal-motivazzjoni tagħha kif ukoll tat-test tad-dispożittiv tagħha. Barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li r-regola inkwistjoni jkollha fit-totalità tagħha “il-mira speċifika u l-għan” li tirregola servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, peress li huwa biżżejjed li din ir-regola tfittex din il-mira jew dan l-għan f’uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et, C‑255/16, EU:C:2017:983, punt 32).

    33

    Barra minn hekk, anki fil-każ fejn ma jirriżultax mill-formulazzjoni biss ta’ regola nazzjonali li din tal-aħħar hija intiża, għall-inqas parzjalment, sabiex tirregola speċifikament servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, dan l-għan jista’ madankollu jirriżulta b’mod ċar mill-motivazzjoni ta’ din ir-regola, hekk kif tirriżulta, konformement mar-regoli ta’ interpretazzjoni nazzjonali rilevanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari mix-xogħol preparatorju tal-imsemmija regola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et, C‑255/16, EU:C:2017:983, punt 33).

    34

    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 87g(4) tal-UrhG jirreferi b’mod espress, b’mod partikolari, għall-fornituri kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix li fil-konfront tagħhom huwa paċifiku li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34.

    35

    Min-naħa l-oħra, jidher li r-regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-mira u l-għan speċifiċi li tirregola b’mod espliċitu u speċifiku s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

    36

    Fil-fatt, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tipprovdix indikazzjonijiet ċari dwar il-mira u l-għan speċifiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, inizjalment, l-emenda tal-UrhG kienet tirrigwarda speċifikament il-fornituri ta’ magni ta’ tiftix fuq l-internet. Barra minn hekk, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jindikaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni kien li jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-pubblikaturi ta’ gazzetti u rivisti fid-dinja diġitali. Jidher, għalhekk, li l-għan prinċipali u l-mira tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu li dawn il-pubblikaturi ta’ gazzetti u rivisti jiġu protetti kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur mill-magni ta’ tiftix online. F’dan il-kuntest, protezzjoni tidher li tqieset neċessarja biss kontra istanzi ta’ ksur sistematiċi tax-xogħlijiet tal-pubblikaturi ta’ gazzetti u rivisti online, imwettqa minn fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

    37

    Ċertament, il-projbizzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ prodotti tal-istampa prevista fl-Artikolu 87g(4) tal-UrhG ma tirrigwardax biss il-fornituri ta’ servizzi online, iżda wkoll il-fornituri ta’ servizzi offline. Madankollu, mill-premessi 7 u 8 tad-Direttiva 98/48, li emendat id-Direttiva 98/34, jirriżulta li d-Direttiva 98/48 għandha l-għan li tadatta leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti għas-servizzi ġodda tas-soċjetà tal-informazzjoni u li tevita r-“restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, li b’hekk iwasslu għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern”. Issa, imur kontra dan l-għan il-fatt li tiġi eskluża regola, li probabbilment għandha l-mira u l-għan li tirregola s-servizzi online relatati ma’ prodotti tal-istampa, mill-klassifikazzjoni bħala regola li tkopri speċifikament tali servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, għas-sempliċi raġuni li l-formulazzjoni tagħha ma tirreferix biss għas-servizzi online, iżda ssemmi wkoll servizzi pprovduti offline (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et, C‑255/16, EU:C:2017:983, punti 3435).

    38

    Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 87g(4) tal-UrhG jaqa’ fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, ir-regolamenti tekniċi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali ma humiex esklużi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, kuntrarjament għal dawk li huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet jew ta’ servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, mis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Schwibbert (C‑20/05, EU:C:2007:652) jirriżulta li dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jistgħu jikkostitwixxu “regolament tekniku” suġġett għal notifika skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva.

    39

    Sa fejn regola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun intiża speċifikament għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, l-abbozz ta’ regolament tekniku għandu jkun suġġett għan-notifika minn qabel lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34. Fin-nuqqas, skont ġurisprudenza stabbilita, l-inapplikabbiltà ta’ regolament tekniku nazzjonali li ma jkunx ġie nnotifikat skont din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata f’tilwima bejn individwi (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction, C‑613/14, EU:C:2016:821, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi unikament lill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lill-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’mod simili milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku prodotti tal-istampa, totalment jew parzjalment (bl-eċċezzjoni ta’ kliem iżolat jew estratti qosra ħafna ta’ test), tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozz tiegħu għandu jkun suġġett għal komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi unikament lill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lill-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’mod simili milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku prodotti tal-istampa, totalment jew parzjalment (bl-eċċezzjoni ta’ kliem iżolat jew estratti qosra ħafna ta’ test), tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozz tiegħu għandu jkun suġġett għal komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top