Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0053

    Kawża T-53/16: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2016 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 145, 25.4.2016, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 145/30


    Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2016 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-53/16)

    (2016/C 145/37)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) u Airport Marketing Services Ltd (Dublin) (rappreżentanti: G. Berrisch, E. Vahida, I. Metaxas-Maragkidis, avukati u B. Byrne, Solicitor)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla l-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2014 fil-każ dwar għajnuna mill-Istat SA.33961 (2012/C) (ex 2012/NN) li kkonstatat li Ryanair u Airport Marketing Services irċevew għajnuna mill-Istat illegali, inkompatibbli mas-suq intern, permezz ta’ numru ta’ ftehimiet konklużi mal-ajruport ta’ Nîmes-Garons; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, sa fejn il-Kummissjoni ma ppermettietx li r-rikorrenti jkollhom aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni u ma qegħditx lir-rikorrenti f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jissottomettu effettivament l-osservazzjonijiet tagħhom.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE għaliex il-Kummissjoni żbaljat meta imputat il-miżuri inkwistjoni lill-Istat.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE għaliex il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li r-riżorsi ta’ Veolia Transport Aéroport de Nîmes (VTAN), wieħed mill-amministraturi tal-ajruport, kienu riżorsi tal-Istat.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE għaliex il-Kummissjoni ma applikatx korrettament il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tibbaża ruħha fuq analiżi komparattiva, li kienet twassal għall-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ għajnuna lir-rikorrenti. Sussidjarjament, il-Kummissjoni naqset milli tagħti valur xieraq lis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, żbaljat meta ċaħdet ir-raġunament għad-deċiżjoni tal-ajruport li jinxtraw tali servizzi, żbaljat meta eskludiet il-possibbiltà li parti mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħu nxtraw għal għanijiet ta’ interess ġenerali, żbaljat meta qieset lill-amministratur tal-ajruport, is-Syndicat Mixte pour l’aménagement et le dévelopment de l’aéroport de Nîmes – Alès – Camargue – Cévennes (SMAN), u lill-kuntrattur privat tagħha VTAN bħala entità waħda, ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq data inkompleta u inadegwata għall-kalkolu tal-profitabbiltà tal-ajruport, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-esternalitajiet tan-netwerk li l-ajruport seta’ jistenna li jikseb mir-relazzjoni tiegħu ma’ Ryanair, u naqset milli tipparaguna d-data pprovduta mill-ajruport ma’ dawk li huma tipikament relatati ma’ ajruport immexxi tajjeb. Fi kwalunkwe każ, anki jekk kien hemm vantaġġ għar-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-vantaġġ kien selettiv.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq allegat ksur tal-Artikoli 107(1) u 108(1) TFUE, għaliex il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-għajnuna lil Ryanair u lil Airport Marketing Services kienet ekwivalenti għat-telf marġinali akkumulat tal-ajruport (kif ikkalkolat mill-Kummissjoni) minflok għall-vantaġġ realment miksub minn Ryanair u minn Airport Marketing Services. Il-Kummissjoni messha eżaminat sa fejn l-allegat vantaġġ kien effettivament ingħadda lill-passiġġieri ta’ Ryanair. Barra minn hekk, hija naqset milli tikkwantifika kwalunkwe vantaġġ kompetittiv li bbenefikat minnu Ryanair permezz tal-allegata għajnuna u naqset milli tispjega b’mod adegwat għaliex kien neċessarju l-irkupru tal-ammont tal-għajnuna speċifikat fid-deċiżjoni sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni qabel l-għoti tal-għajnuna.


    Top