Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0545

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Frar 2018.
    Kubota (UK) Lted u EP Barrus Limited vs Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ merkanzija – Subintestaturi 8704 10 10 u 8704 21 91 – Regolament (UE) 2015/221 – Validità.
    Kawża C-545/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:101

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)

    22 ta’ Frar 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ merkanzija – Subintestaturi 8704 10 10 u 8704 21 91 – Regolament (UE) 2015/221 – Validità”

    Fil-Kawża C‑545/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il‑Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

    Kubota (UK) Ltd,

    EP Barrus Ltd

    vs

    Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Kubota (UK) Ltd u EP Barrus Ltd, minn V. Sloane, barrister, u minn S. Cock.

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane u M. Fell, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u J. Hradil, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 8704 10 10 u 8704 21 91 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”), kif ukoll il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/221 tal-10 ta’ Frar 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2015, L 37, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Kubota (UK) Ltd u EP Barrus Ltd, u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs (Amministrazzjoni Fiskali u Doganali, ir-Renju Unit), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ ċerti vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ merkanzija, importati minn dawn il-kumpanniji fl-Unjoni Ewropea.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) jipprovdi:

    “1.   Ħlief fejn hemm provdut mod ieħor, skond konvenzjonijiet internazzjonali jew prattiċi stabbiliti bi skop ġeografiku u ekonomiku limitat jew skond miżuri awtonomi tal-Komunità, regoli doganali tal-Komunità għandhom japplikaw b’mod uniformi f’kull parti tat-territorju doganali tal-Komunità.

    2.   Ċerti dispożizzjonijiet ta’ regoli doganali jistgħu japplikaw ukoll barra t-territorju doganali tal-Komunità fi ħdan il-qafas jew ta’ regolamenti li jirregolaw oqsma speċifiċi jew konvenzjonijiet internazzjonali.”

    4

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(6) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Id-detentur ta’ l-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa li ma tibqax valida skond il-paragrafu 5 (b) [(a)(ii) jew (iii)] jew (ċ) [(b)(ii) jew (iii)] xorta jista’ juża dik l-informazzjoni sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni jew notifika sakemm ikun ikkonkluda kuntratti li jorbtu għax-xiri jew bejgħ tal-merkanzija kkonċernata, skond il-bażi ta’ l-informazzjoni li torbot qabel ġiet adottata dik il-miżura tat-tariffa. Iżda, fil-każ ta’ prodotti li dwarhom jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ importazzjoni, esportazzjoni jew ftehim minn qabel meta jsiru l-formalitajiet doganali, il-perjodu ta’ sitt xhur jiġi sostitwit mill-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat.” (traduzzjoni mhux uffiċjali)

    5

    In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

    6

    L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. Taħt it-Taqsima I ta’ din il-parti, li tirrigwarda r-regoli ġenerali, is-Subtaqsima A, intitolat “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, jipprovdi:

    “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

    […]

    3.

    Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej: |

    a)

    it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

    […]”

    7

    L-intestatura 8704 tan-NM hija strutturata b’dan il-mod:

    “8704

    Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ oġġetti

    8704 10

    – Vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) biex jintużaw ‘l hinn mit-triq prinċipali (ġo l-imħarbat):

    8704 10 10

    – – B’magna li titqabbad b’kompressjoni b’pistuni b’kombustjoni interna (dijżil jew semi-dijżil), jew b’magna li titqabbad bi xrara b’pistuni b’kombustjoni interna

    8704 10 90

    – – Oħrajn

     

    – Oħrajn, b’magna li titqabbad b’kompressjoni b’pistuni b’kombustjoni interna (dijżil jew semi-dijżil):

    8704 21

    – – B’piż gross tal-vettura mhux aktar minn 5 tunnellati metriċi

    […]

    […]

     

    – – – – B’magni b’ċilindrata mhux akbar minn 2 500 cm3;

    8704 21 91

    – – – – – Ġodda

    […]

    […]”

    8

    L-Anness tar-Regolament 2015/221, adottat skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, jikklassifika l-prodotti deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella li tidher fl-anness ta’ dan ir-regolament bil-kodiċi NM korrispondenti msemmi fil-kolonna 2, konformement mal-motivazzjonijiet indikati fil-kolonna 3 ta’ din it-tabella. Dan l-anness huwa fformulat kif ġej:

    “Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Vettura ġdida b’diversi użi li tingrana fuq erba’ roti, li għandha magna interna bil–pistuni bil-kombustjoni li taqbad bil-kompressjoni (magna diżil) b’ċilindrata ta’ 720 ċm3, li għandha piż nett (inklużi l-fluwidi) ta’ madwar 630 kg u kapaċità ta’ rmunkar mingħajr il-brejkijiet ta’ 750 kg, u li jkun fiha bejn wieħed u ieħor 300 ċm b’160 ċm

    Il-vettura għandha kabina miftuħa b’żewġ sits (inkluż dak tas-sewwieq), u għandha qafas sħiħ ta’ protezzjoni kontra l-qlib, pjattaforma għall-merkanzija [reċipjent għar-rimi] magħmula minn qafas sod tal-azzar b’bodi b’saħħtu li jitmejjel bi pjattaforma ċatta, b’kaxxa li titmejjel permezz ta’ mekkaniżmu li jitħaddem bl-idejn u li tkun tiflaħ 0,4 m3 jew madwar 400 kg.| Il-vettura hija maqtugħa sew mill-art (tinsab 27 ċm ‘l fuq mill-art) u għandha bażi tar-roti ta’ 198 ċm.

    Hija għandha tajers li jċaqalqu t-terrapien jew il-ħamrija li jistgħu jintużaw fuq art imħarbta, brejkijiet b’diska umda, mekkaniżmu tat-tqabbid u konnessjoni tal-irmonk fuq quddiem. Il-vettura għandha veloċità li hija limitata għal 25 km fis-siegħa u għandha kapaċità kbira ta’ bbrejkjar.

    Il-vettura hija ddisinjata biex tintuża fuq art imħarbta, u b’mod partikulari fuq art imħattba ħafna. Il-vettura qed tiġi ppreżentata bħala vettura li tista’ tintuża għal diversi funzjonijiet, pereżempju biex timbotta jew tiġbed il-karrijiet, jewinkella biex jinġarru minn naħa għall-oħra l-annimali, il-pjanti, il-kaxxi, l-ilma u t-tagħmir, jew biex jinġarr il-munizzjon jew l-għalf għall-annimali.

    8704 21 91

    Il-klassifikazzjoni qed issir skont ir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u skont il-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8704, 8704 21 u 8704 21 91.

    Il-vettura hija ddisinjata bħala vettura bi skop multiplu li tista’ tintuża għal għadd ta’ funzjonijiet f’diversi ambjenti. Hija għandha l-karatteristiċi oġġettivi tal-vetturi bil-mutur użati għat-trasport tal-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 8704 (Ara wkoll l-Opinjonijiet numri 8704.31/3. u 8704 90/1. dwar il-klassifikazzjoni fis-sistema armonizzata).

    Il-vettura mhix trakk tal-ġebel b’kaxxa li awtomatikament tferra’ l-materjal ta’ go fiha li hi ddisinjata biex ma tinstaqx fit-triq. Mhix mibnija b’saħħitha biżżejjed b’bodi li jitmejjel [reċipjent għar-rimi] jew li jinfetaħ minn taħt, li huwa ddisinjat biex iġorr il-materjal imħaffer jew materjal ieħor (ara wkoll in-noti ta’ spjegazzjoni tas-sistema armonizzata b’rabta mal-punt (1) tas-sitt paragrafu tal-intestatura 8704). Għalhekk, il-vettura ma tistax tiġi kklassifikata taħt is-sottointestatura 8704 10

    Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8704 21 91 bħala vettura ġdida bil-mutur għat-trasport tal-prodotti.

    9

    In-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea, tas-6 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, C 137, p. 1, iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega għan-NM”), jipprevedu, fir-rigward tal-kodiċi 8704:

    “8704

    Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ oġġetti

    In-Noti ta’ Spjega għal titlu 8703 japplikaw, mutatis mutandis.

    Għad-definizzjoni ta’ kapaċita’ ta’ ċilindrata, ara n-Noti ta’ Spjega SA għal subtitli 8407 31, 8407 32, 8407 33 u 8407 34.

    Dawn is-subtitli jinkludu four-wheel drive, xáżi artikolat, vetturi għal kull art fejn it-taqsima ta’ quddiem ikollha magna dijżil u kabina mgħammra b’kontrolli. It-taqsima ta’ wara tikkonsisti f’xáżi b’żewġ roti, mingħajr tagħmir, iżda disinjata biex tintrama’ b’varjeta’ ta’ apparat.

    Dan it-titlu madanakollu ma jinkludix vetturi bħal dawn meta dawn ikunu mgħammrin b’apparat agrikolu jew apparat ieħor għal għanijiet speċjali (titlu 8705).

    8704 10 10

    u

    8704 10 90

    Vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) biex jintużaw ‘il hinn mit-triq prinċipali (ġo l-imħarbat)

    1.

    Dawn is-subtitli jkopru prinċipalment vetturi mgħammrin b’bodi [reċipjent għar-rimi] ġej għall-ponta fuq quddiem jew fuq wara jew b’bodi li jinfetaħ mill-qiegħ li kien speċjalment disinjat għat-trasport ta’ ramel, grevil, ħamrija, ġebel, eċċ., u li huma intiżi għal użu f’barrieri ta’ taħt l-art, mini, jew f’siti fejn qed jittella’ bini, fejn qed isiru xogħlijiet tat-toroq, ajruporti u portijiet. Eżempji li juru tipi varji ta’ vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom huma mgħotijin fl-aħħar ta’ dawn in-noti.

    2.

    Dawn is-subtitli jkopru wkoll vetturi żgħar simili tat-tip li jintużaw f’siti ta’ kostruzzjoni għal ġarr ta’ ħamrija, ġebel, siment frisk u konkrit, eċċ. Dawn ikollhom xáżi artikolat jew fiss u jkunu two- jew four-wheel drive, fejn id-dumper hopping [reċipjent għar-rimi] jinsab fuq fus wieħed u s-sit tax-xufier fuq l-oħra. Is-sit tax-xufier is-soltu ma jkunx ġo kabina.”

    In-Noti ta’ Spjega tas-SA

    10

    Skont l-Artikolu 6(1) tal-konvenzjoni internazzjonali msemmija fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, kumitat imsejjaħ “Kumitat tas-Sistema Armonizzata”, kompost mir-rappreżentanti ta’ kull parti kontraenti, ġie mwaqqaf fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali. Ix-xogħol tiegħu jikkonsisti, b’mod partikolari, li jipproponi emendi għal din il-konvenzjoni u li jifformula noti ta’ spjega (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega tas-SA”), opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni u opinjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA.

    11

    In-Noti ta’ Spjega tas-SA huma għalhekk ifformulati, fir-rigward tas-subintestatura 8704 10:

    “Il‑vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) ta’ din is-subintestatura jistgħu jiġu ġeneralment distinti minn vetturi oħra intiżi għat-trasport tal-oġġetti (b’mod partikolari t-trakkijiet li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom) minħabba l-karatteristiċi segwenti:

    il-vettura li tferra’ l-materjal ta’ ġo fiha hija magħmula minn pjanċa ta’ azzar b’saħħtu ħafna, fejn il-parti ta’ quddiem tagħha testendi fuq il-kabina tas-sewwieq sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħha u parti minn jew il-qiegħ kollu tagħha jitla’ ’l fuq lejn in-naħa ta’ wara;

    f’xi każijiet, semikabina għas-sewwieq;

    nuqqas ta’ sospensjoni tal-fusijiet;

    sistema ta’ bbrejkjar imsaħħaħ;

    veloċità massima u raġġ ta’ moviment limitat;

    tajers speċjali għal art ratba;

    il-proporzjon piż mingħajr tagħbija/tagħbija ma għandux jaqbeż 1:1,6 minħabba s-saħħa tal-vettura;

    b’reċipjent eventwalment imsaħħan bil-gass tal-egżost, sabiex jiġi evitat li l-materjali jeħlu jew jiffriżaw.

    Madankollu, għandu jiġi osservat li wħud mill-vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) huma magħmula speċjalment sabiex jiġu użati fil-barrieri ta’ taħt l-art jew fil-mini, bħal, pereżempju, dawk li jkollhom il-qiegħ tar-reċipjent jinfetaħ. Dawn ikollhom uħud mill-karatteristiċi msemmija iktar ’il fuq, iżda ma jkollhomx kabina u r-reċipjent ma jestendix sabiex joffri tip ta’ saqaf ta’ protezjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Wara deċiżjoni tal-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità), ir-Renju Unit), l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali, fuq it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ħarġetilhom informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem “ITV”) li tikklassifika xi vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ merkanzija li huma kienu jimportaw bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) taħt is-subintestatura 8704 10.

    13

    Matul is-sena 2014, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali eżamina l-klassifikazzjoni ta’ ċerti vetturi kummerċjali, eżami mmotivat, skont il-qorti tar-rinviju, mid-deċiżjoni tal-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il‑Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità)) Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament 2015/221, li jikklassifika l-vetturi ta’ tip simili għall-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt is-subintestatura 8704 21 91. Dan il-kumitat implementa dan ir-regolament u l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali informat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bir-revoka tal-ITV.

    14

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw din ir-revoka quddiem il-qorti tar-rinviju billi invokaw żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, huma sostnew li r-Regolament 2015/221 ma japplikax għall-vetturi li huma jimportaw u, permezz tat-tieni motiv, li dan ir-regolament huwa invalidu sa fejn jikklassifika l-vettura msemmija fl-anness tiegħu taħt is-subintestatura 8704 21 91.

    15

    Wara li kkonstatat li r-Regolament 2015/221 japplika għall-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jqajmu dubju dwar il-validità ta’ dan ir-regolament ma humiex infondati.

    16

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il‑Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Ir-Regolament [2015/221] huwa invalidu sa fejn huwa jikklassifika l-vetturi speċifikati fir-Regolament taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) 8704 21 91 u mhux il-kodiċi tan-NM 8704 10?

    2)

    B’mod partikolari, ir-Regolament [2015/221] huwa invalidu sa fejn huwa: jirrestrinġi indebitament l-ambitu tas-subintestatura 8704 10; jieħu inkunsiderazzjoni fatturi inammissibbli; huwa intrinsikament inkonsistenti; ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod xieraq in-noti ta’ spjega, tal-intestaturi tan-NM u tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM; u/jew ma jiħux inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti rilevanti identifikati mill-ġurisprudenza tal-[Qorti] fir-rigward tal-intestatura 8704 10 tan-NM?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    17

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tistaqsi dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, peress li l-problema tal-validità tar-Regolament 2015/221 hija ta’ natura unikament ipotetika. Fil-fatt, ir-raġunijiet li għalihom l-ITV inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet irrevokata mill-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali ma humiex ċari, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu, skont dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 12(6) tar-Regolament Nru 2913/92, ikomplu jinvokawhom sal-5 ta’ Ġunju 2015.

    18

    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa biss possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux osservati jew meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    20

    F’dan il-każ, ma jirriżultax mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li s-suġġett tal-kawża prinċipali jirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikabbiltà tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/221, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw, permezz tat-tieni motiv tar-rikors tagħhom, il-validità ta’ dan ir-regolament, sa fejn jikklassifika l-merkanzija li jirreferi għaliha fis-subintestatura 8704 21 91 tan-NM. Issa, il-qorti tar-rinviju, li tikkunsidra li l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hija tal-fehma li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-validità tiegħu hija neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-problema mqajma mid-domandi preliminari ma hijiex ta’ natura ipotetika, dawn huma ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    22

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament 2015/221.

    23

    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill tal-Unjoni ta lill-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni mal-periti doganali tal-Istati Membri, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tippreċiża l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta’ merkanzija speċifika. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta miżuri stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87 ma tawtorizzahiex sabiex tbiddel il-kontenut u lanqas il-portata tal-intestaturi tariffarji (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, billi wettqet il-klassifikazzjoni tariffarja tal-vettura deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament 2015/221 fis-subintestatura 8704 21 91 u mhux fis-subintestatura 8704 10, emendatx il-kontenut ta’ dawn iż-żewġ subintestaturi tariffarji.

    25

    F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, EU:C:2006:259, punt 38; tad-29 ta’ Ottubru 2009, Dinter u Europol Frost-Food, C‑522/07 u C‑65/08, EU:C:2009:663, punt 29, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Premis Medical, C‑273/09, EU:C:2010:809, punt 42).

    26

    Barra minn hekk, id-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn din hija inerenti għal dan il-prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tas-22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C-666/15, EU:C:2017:232, punt 40).

    27

    F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament 2015/221 dwar is-subintestatura 8704 21 91, il-vettura msemmija fih hija vettura kummerċjali ġdida, b’diversi użi li tingrana fuq erba’ roti, b’piż nett ta’ madwar 630 kg, b’kapaċità ta’ rmunkar mingħajr il-brejkijiet ta’ 750 kg u ta’ daqs ta’ madwar 300 × 160 cm. Din il-vettura għandha kabina miftuħa b’żewġ siġġijiet, mgħammra b’qafas sħiħ ta’ protezzjoni kontra l-qlib, reċipjent għar-rimi msaħħaħ permezz ta’ pjattaforma għat-tgħabija kkostitwita minn qafas tal-azzar b’saħħtu, kif ukoll b’mekkaniżmu għar-rimi li jitħaddem bl-idejn. Mgħammra b’tajers li jċaqalqu t-terrapien jew il-ħamrija li jistgħu jintużaw fuq art imħarbta, mekkaniżmu tat-tqabbid u konnessjoni tal-irmonk fuq quddiem, il-vettura għandha veloċità li hija limitata għal 25 kilometru fis-siegħa u għandha kapaċità kbira ta’ bbrejkjar. Hija maħsuba sabiex tintuża fuq art imħarbta, u b’mod partikulari fuq art imħarbta ħafna. Il-vettura qed tiġi ppreżentata bħala vettura li tista’ tintuża għal diversi funzjonijiet, pereżempju biex timbotta jew tiġbed il-karrijiet, jew inkella biex jinġarru minn naħa għall-oħra annimali, pjanti, kaxxi, ilma u t-tagħmir, jew biex jinġarr il-munizzjon jew l-għalf għall-annimali.

    28

    Għandu jitfakkar li l-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 8704 10 hija, skont il-kliem stess ta’ din tal-aħħar, “[v]etturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) biex jintużaw ‘il hinn mit-triq prinċipali (ġo l-imħarbat)”. Għaldaqstant, din il-formulazzjoni tippreżupponi li vettura għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata, jiġifieri tkun vettura li tferra’ l-materjal ta’ ġo fiha (dumper) u tkun maħsuba sabiex tintuża lil hinn min-netwerk tat-toroq (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C‑396/02, EU:C:2004:536, punt 31).

    29

    Kif il-Kummissjoni stess tikkonferma, il-vettura msemmija mir-Regolament 2015/221 kienet tissodisfa l-kundizzjoni dwar l-użu barra min-netwerk tat-toroq, peress li hija mgħammra b’tajers li jċaqalqu t-terrapien jew il-ħamrija li jistgħu jintużaw fuq art imħarbta u l-veloċità tagħha hija limitata għal 25 kilometru fis-siegħa.

    30

    Għad irid jiġi stabbilit jekk tali vettura tissodisfax ukoll il-kundizzjoni dwar il-kwalità bħala vettura li tferra’ l-materjal ta’ ġo fiha (dumper).

    31

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li s-subintestatura 8704 10 tan-NM hija intestatura speċifika għall-vetturi li huma speċjalment maħsuba għat-trasport u għall-ħatt ta’ diversi materjali barra min-netwerk tat-toroq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, B.A.S. Trucks, C‑400/05, EU:C:2007:22, punt 36) u li karatteristika essenzjali tal-vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) hija li għandhom reċipjent għar-rimi jew li jinfetaħ minn taħt li jippermetti t-trasport ta’ dan il-materjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C‑396/02, EU:C:2004:536, punt 32).

    32

    Barra minn hekk, skont in-Noti ta’ Spjega tan-NM, jaqgħu taħt subintestaturi 8704 10 10 u 8704 10 90, b’mod partikolari, il-vetturi maħsuba speċjalment għat-trasport ta’ ramel, żrar, ħamrija u ġebel, jiġifieri materjal mhux marbut u li huma intiżi għal barrieri ta’ taħt l-art, mini, jew f’siti fejn qed jittella’ bini, fejn qed isiru xogħlijiet tat-toroq, ajruporti u portijiet.

    33

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-vettura msemmija mir-Regolament 2015/221 hijiex imfassla speċifikament għal dan l-użu partikolari.

    34

    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-kliem stess ta’ dan ir-regolament li tali vettura hija mgħammra b’kabina miftuħa u reċipjent għar-rimi b’kapaċità ta’ 0.4 m3 jew ta’ madwar 400 kg.

    35

    B’hekk, il-vettura msemmija mir-Regolament 2015/221, minħabba s-saħħa baxxa tagħha, il-kapaċità tat-tagħbija limitata tagħha u minħabba l-kabina tagħha miftuħa mingħajr protezzjoni tas-sewwieq kontra l-materjal mhux marbut, hija ppreżentata sbiex tintuża għal diversi funzjonijiet ta’ trasport ta’ diversi elementi, bħal pjanti jew annimali, materjal, kaxxi jew munizzjon.

    36

    Minbarra dan, din il-vettura, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħha u minħabba l-proprjetajiet oġġettvi tagħha, ma tistax tiġi assimilata mal-vetturi li jaqgħu taħt is-subintestatura 8704 10, peress li ma għandhiex is-saħħa neċessarja għal użu f’siti fejn qed jittella’ bini, karatteristika inerenti għall-vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, B.A.S. Trucks, C‑400/05, EU:C:2007:22, punt 35).

    37

    Konsegwentement, il-fatt li tali vettura għandha reċipjent għar-rimi, li jippermettilha, b’mod anċillari, li tittrasporta kwantitajiet żgħar ta’ materjal mhux marbut, ma jpoġġix fid-dubju l-fondatezza tal-klassifikazzjoni tagħha taħt is-subintestatura 8704 21 91.

    38

    Fl-aħħar nett, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tippreċiża l-kontenut tal-intestaturi tariffarji.

    39

    Billi l-analiżi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma juri ebda motiv ta’ invalidità, huwa korrett li r-Regolament 2015/221 ikklassifika l-vettura li jiddeskrivi fis-subintestatura 8704 21 91 u mhux fis-subintestatura 8704 10.

    40

    Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-eżami tagħhom ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-regolament.

    Fuq l-ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/221 tal-10 ta’ Frar 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top