EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0435

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-22 ta’ Marzu 2017.
GROFA GmbH et vs Hauptzollamt Hannover u Inspecteur van de Belastingdienst vs Douane kantoor Rotterdam Rijnmond.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg u Rechtbank Noord-Holland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Intestaturi tariffarji — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Vidjowkameras — Nomenklatura Magħquda — Subintestaturi 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-Nomenklatura Magħquda — Noti ta’ spjegazzjoni — Interpretazzjoni — Regolamenti ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1249/2011 u (UE) Nru 876/2014 — Interpretazzjoni — Validità.
Kawżi magħquda C-435/15 u C-666/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:232

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

22 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Intestaturi tariffarji — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Vidjowkameras — Nomenklatura Magħquda — Subintestaturi 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-Nomenklatura Magħquda — Noti ta’ spjegazzjoni — Interpretazzjoni — Regolamenti ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1249/2011 u (UE) Nru 876/2014 — Interpretazzjoni — Validità”

Fil-Kawżi magħquda C‑435/15 u C‑666/15,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja) (C‑435/15) u mir-rechtbank Noord-Holland (qorti tal-provinċja ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi) (C‑666/15), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-19 ta’ Ġunju 2015 u tat-8 ta’ Diċembru 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fl-10 ta’ Awwissu 2015 u fl-14 ta’ Diċembru 2015, fil-kawżi

GROFA GmbH

vs

Hauptzollamt Hannover (C‑435/15),

u

X,

GoPro Coöperatief UA

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond (C‑666/15),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal GROFA GmbH, minn G. Eder, avukat,

għal X u GoPro Coöperatief UA, minn H. de Bie, avukat,

għall-Hauptzollamt Hannover, minn T. Röper, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. A. M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann, A. Caeiros u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-validità tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1249/2011, tad-29 ta’ Novembru 2011, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2011, L 319, p. 39), kif ukoll tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 876/2014, tat-8 ta’ Awwissu 2014, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2014, L 240, p. 12), u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tariffarji 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […] (ĠU 1987, L 256, p. 1), fil-verżjonijiet tiegħu li rriżultaw suċċessivament mir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 282, p. 1, u r-Rettifika ĠU 2011, L 290, p. 6), mir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012, tad-9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1), u mir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal-4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, GROFA GmbH u l-Hauptzollamt Hannover (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Hannover, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) (C‑435/15), u, min-naħa l-oħra, X u GoPro Coöperatief UA, u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond (spettorat tas-servizzi tat-taxxa/uffiċċju tad-dwana ta’ Rotterdam Rijnmond, il-Pajjiżi l-Baxxi) (C‑666/15), fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ kameras tal-azzjoni intiżi li jirreġistraw sekwenzi vidjo matul attivitajiet sportivi.

Il-kuntest ġuridiku

3

Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali huma dawk relatati mas-snin 2012, 2013 u 2014, li jirriżultaw, rispettivament, mir-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 1006/2011, 927/2012 u 1001/2013. Id-dispożizzjonijiet tan-NM applikabbli għall-kawża prinċipali baqgħu madankollu identiċi minn verżjoni għall-oħra.

4

It-tieni parti tan-NM intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi t-Taqsima XVI, li tinkludi l-Kapitolu 85, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

5

In-Nota 3, li tinsab fl-imsemmija sezzjoni, hija fformulata kif ġej:

“Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.”

6

Il-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi l-intestaturi u subintestaturi segwenti:

“ 8525Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw[…][…]8525 80‐ Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw[…][…]8525 80 30‐ ‐ Kameras diġitali‐ ‐ Vidjowkameras li jirrekordjaw:8525 80 91‐ ‐ ‐ Jistgħu jirreġistraw biss ħoss u immaġni meħudin b’telekamera8525 80 99‐ ‐ ‐ Oħrajn”.

7

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a), u skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU 2000, L 28, p. 16), il-Kummissjoni Ewropea, assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, tadotta l-miżuri relatati mal-applikazzjoni tan-NM, li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-merkanzija. Huwa abbażi tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet li ġew adottati r-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 1249/2011 u 876/2014.

8

L-Anness tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011, adottat abbażi tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 254/2000, jikklassifika fin-NM il-prodotti indikati fl-ewwel kolonna tat-tabella li tinsab fih bil-kodiċi indikat fir-rigward ta’ dawn il-prodotti fit-tieni kolonna ta’ din it-tabella. Fir-rigward tas-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, it-tabella tipprevedi:

“Apparat portabbli li jaħdem bil-batteriji, biex jiġi rrekordjat il-vidjow, b’dimensjonijiet ta’ madwar 10 × 5,5 × 2 ċm (hekk imsejjaħ “pocket sized video recorder [Vidjowkamera]”) li jikkonsisti f’:

lenti tal-kamera u zoom diġitali,

mikrofonu,

loudspeaker,

display LCD b’tul dijagonali tal-iskrin ta’ madwar 5 ċm (2 pulzieri),

mikroproċessur,

memorja ta’ 2 GB, kif ukoll

interfaces USB u AV. L-apparat huwa kapaċi biss li jirrekordja l-fajls tal-vidjow fil-forma ta’ sekwenzi ta’ stampi fil-format ta’ MPEG4-AVI. Il-vidjow huwa rikordjat b’riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels bi 30 frame kull sekonda għal massimu ta’ sagħtejn.

Is-sekwenzi tal-vidjow rekordjati mill-apparat jistgħu jiġu trasferiti f’magna awtomatika għall-iproċessar tad-dejta (ADP), permezz ta’ interface tal-USB, mingħajr ma jiġi modifikat il-format tal-fajls tal-vidjow, jew għal rekorder tal-vidjow diġitali, moniter jew sett tat-televixin permezz ta’ interface AV.

Il-fajls tal-vidjow jistgħu jiġu trasferiti għall-apparat minn magna ADP, permezz ta’ interface USB.”

8525 80 99Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM] u tal-kliem użat fil-kodiċi NM 8525,8525 80 u 8525 80 99. Minħabba li l-apparat huwa kapaċi biss li jirrekordja l-vidjow, il-klassifikazzjoni bħala kamera diġitali taħt il-kodiċi NM 8525 80 30 hija eskluża. Minħabba l-karatteristiċi tiegħu, l-apparat huwa rikorder bil-kamera tal-vidjow [Vidjowkamera]. Minħabba li l-apparat huwa kapaċi jirrekordja fajls tal-vidjow minn sorsi oħra apparti dawk inkorporati f’kamera tat-televixin, il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8525 80 91 bħala rikorders bil-kamera tal-vidjow li huma kapaċi biss li jirrekordjaw ħoss u stampi meħuda minn kamera tat-televixin, hija eskluża. Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8525 80 99 bħala rikorders tal-kamera tal-vidjow oħra.”

9

L-Anness tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014, adottat abbażi tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 254/2000, jikklassifika fin-NM il-prodotti indikati fl-ewwel kolonna tat-tabella li tinsab fih bil-kodiċi indikat fir-rigward ta’ dawn il-prodotti fit-tieni kolonna ta’ din it-tabella. Fir-rigward tas-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, it-tabella tipprevedi:

“Apparat li jaħdem bil-batteriji portabbli għall-ġbid u l-irreġistrar ta’ stampi statiċi u vidjo (l-hekk imsejħa “kamera tal-azzjoni”) b’dimensjonijiet ta’ madwar 6 × 4 × 2 cm u piż ta’ madwar 74 g, li tikkonsisti:

f’lenti tal-kamera ta’ angolu wiesa’ ħafna,

tagħmir tal-kristall likwidu (LCD) indikatur tal-istatus,

interfaċċji tal-USB mikro u l-HDMI mikro,

slott għall-kard tal-SD mikro,

WiFi inkorporat,

port għal aċċessorji żejda.

L-apparat ma għandux zoom, viewfinder jew skrin biex juri l-istampi rreġistrati. L-apparat mhuwiex magħmul biex jinżamm fl-idejn iżda biex jiġi mmuntat fuq, pereżempju, elmu. Huwa ppreżentat biex jintuża biex jinġibdu impressjonijiet dinamiċi tal-ambjent kif esperjenzati waqt attivitajiet ta’ barra bħas-sewqan tar-rota, is-surfing u l-iskijar. Il-kwalità tal-vidjo tista’ tiġi aġġustata b’varjetà minn 848 × 480 għal 1920 × 1080 pixels.

L-istampi statiċi jistgħu jiġu rreġistrati biss bi kwalità ta’ 5.0 megapixel. Il-kwalità għall-istampi statiċi (bħall-akutezza tal-istampa, il-kulur, il-kompożizzjoni tal-oġġett) ma tistax tiġi aġġustata fuq l-apparat.

L-apparat huwa kapaċi jiġbed u jirreġistra fajls tal-vidjo f’format MPEG4. L-ogħla reġistrazzjoni tal-vidjo hija f’riżoluzzjoni ta’ 1920 × 1080 pixels fi 30 immaġni kull sekonda għal perjodu kontinwu massimu ta’ tliet sigħat b’batterija ċċarġjata kollha. Il-ġbid jista’ jitwaqqaf biss mill-utent. L-istampi miġbuda huma rreġistrati f’fajls separati li jdumu madwar 15-il minuta kull wieħed.

Il-fajls li jintwerew jistgħu jiġu ttrasferiti għall-apparat minn magna għall-ipproċessar awtomatiku tad-dejta permezz tal-interfaċċja USB.

8525 80 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], in-nota 3 tat-taqsima XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8525, 8525 80 u 8525 80 99.

Minħabba l-karatteristiċi objettivi tal-apparat, bħad-daqs u l-piż żgħar tiegħu, il-fatt li huwa mmuntat fuq, pereżempju, elmu, il-kapaċità tiegħu li jirreġistra vidjo għal perjodu kontinwu ta’ massimu ta’ tliet sigħat, il-funzjoni prinċipali tal-kamera hija li tiġbed l-istampi vidjo.

Għalkemm l-apparat għandu d-disinn ta’ kamera diġitali, huwa kapaċi jirreġistra vidjo fi kwalità ta’ minn tal-inqas 800 × 600 pixels fi 30 immaġni kull sekonda għal perjodu kontinwu ta’ massimu ta’ tliet sigħat. Il-ġbid mhuwiex awtomatikament imwaqqaf wara 30 minuta (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-[NM] għas-subintestaturi 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99). Il-fatt li l-istampi miġbuda huma rreġistrati f’fajls separati li jdumu madwar 15-il minuta kull wieħed ma jinfluwenzax il-kapaċità tad-dewmien tar-reġistrar tal-vidjo kontinwu tal-kamera. Il-klassifikazzjoni taħt is-subintestatura 8525 80 30 bħala kameras diġitali hija għalhekk eskluża.

Minħabba li l-apparat huwa kapaċi jirreġistra fajls tal-vidjo minn sorsi oħra apparti mil-lenti inkorporata tal-kamera, il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8525 80 91 bħala vidjokameras li kapaċi jirreġistraw biss ħsejjes u stampi meħuda mill-kamera tat-televixin hija eskluża.

Għaldaqstant, l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8525 80 99 bħala reġistraturi vidjokameras oħrajn.”

10

In-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM (ĠU 2011, C 137, p. 1) jirrigwardaw in-NM fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, L 284, p. 1). Il-formulazzjoni tal-intestatura 8525, kif ukoll tas-subintestaturi 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-NM, hija madankollu identika fir-Regolamenti Nri 861/2010, 1006/2011, 927/2012 u 1001/2013. In-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM li jirrigwardaw dawn l-intestaturi u s-subintestaturi jipprevedu:

“8525

Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw

[…]

[…]

[…]

8525 80 30

Kameras diġitali

Kameras diġitali ta’ dan is-subtitlu huma dejjem kapaċi li jirrekordjaw immaġni fissa, kemm jekk fuq memorja interna kif ukoll fuq midja li tinqala’ u tinbidel.

Ħafna mill-kameras ta’ dan is-subtitlu għandhom ix-xeħta ta’ kamera fotografika tradizzjonali u m’għandhomx viewfinder li jintewa.

Dawn il-kameras jistgħu wkoll ikunu kapaċi jieħdu vidjow biex jirrekordjaw sekwenzi ta’ vidjow.

Kameras jibqgħu kklassifikati f’dan is-subtitlu għajr meta, meta tintuża l-kapaċità ta’ ħażna massima, huma kapaċi jirrekordjaw bi kwalità ta’ 800 × 600 pixels (jew ogħla) bi 23 frejm kull sekonda (jew ogħla), għallinqas 30 minuta f’sekwenza waħda ta’ vidjow.

Imqabbla mal-vidjowkameras li jirrekordjaw ta’ subtitli [subintestaturi] 8525 80 91 u 8525 80 99, ħafna kameras diġitali (meta jintużaw bħala vidjowkameras) m’għandhomx il-funzjoni ta’ żum ottiku waqt li jkunu qed jirrekordjaw il-vidjow. Il-kapaċità ta’ ħażna ma taffettwax hekk kif xi kameras, wara ċertu perijodu ta’ ħin, iwaqqfu l-irrekordjar tal-vidjow awtomatikament.

8525 80 91

u

8525 80 99

Vidjowkameras li jirrekordjaw

Il-vidjowkameras li jirrekordjaw ta’ dawn is-subtitli huma dejjem kapaċi li jirrekordjaw sekwenzi ta’ vidjow, kemm fuq memorja interna kif ukoll fuq midja li tinqala’ u tinbidel.

Ġeneralment, il-vidjowkameras li jirrekordjaw ta’ dawn is-subtitli [subintestaturi] għandhom id-disinn li jvarja mill-kameras diġitali ta’ subtitlu 8525 80 30. Ġeneralment ikollhom viewfinder li jintewa u ta’ spiss ikunu ppreżentati flimkien ma’ apparat għall-kontroll mill-bogħod. Dejjem joffru l-funzjoni ta’ żum ottiku matul l-irrekordjar tal-vidjow.

Dawn il-vidjowkameras diġitali jistgħu wkoll jirrekordjaw immaġni fissa.

Kameras diġitali huma esklużi minn dawn is-subtitli jekk mhumiex kapaċi, meta tintuża lkapaċità ta’ ħażna massima, jirrekordjaw bi kwalità ta’ 800 × 600 pixels (jew ogħla) bi 23 frejm kull sekonda (jew ogħla), għallinqas 30 minuta f’sekwenza waħda ta’ vidjow.

8525 80 99

Oħrajn

Dan is-subtitlu [subintestatura] jkopri vidjowkameras (imsejħa “camcorders”) għall-irrekordjar mhux biss tal-ħoss u xbihat meħuda mill-kamera iżda wkoll ta’ sinjali minn sorsi esterni, per eżempju plejers tad-DVD, magni awtomatiċi li jipproċessaw id-data, jew riċevituri tat-televixin. Immaġni rrekordjati hekk, jistgħu jkunu riprodotti permezz ta’ riċevitur tat-televixin estern jew moniter.

Dan is-subtitlu jinkludi wkoll ‘camcorders’ fejn l-input vidjow ikun imfixkel permezz ta’ platt, jew b’xi mod ieħIssa, jew li fih l-interface vidjow jista’ jkun sussegwentement attivat bħala input vidjow permezz ta’ softwer. L-apparat madanakollu jkun disinjat biex jirrekordja programmi televiżivi jew sinjali vidjow oħrajn li jkunu ġejjin mill-estern.

Madankollu, ‘camcorders’ li bihom tista’ tirrekordja biss l-immaġni meħuda bil-kamera u jistgħu jkunu riprodotti permezz ta’ riċevitur tat-televixin estern jew moniter jaqgħu f’subtitlu 8525 80 91.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑435/15

11

GROFA hija kumpannija li timporta l-kameras tal-manifattur GoPro Coöperatief, li huma apparat elettroniku li jaħdem bil-batteriji, li huwa partikolarment xieraq sabiex jirreġistra l-attivitajiet sportivi u ta’ ħin liberu. It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda tliet mudelli ta’ kameras tas-serje GoPro Hero 3 Black Edition (iktar ’il quddiem il-“kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15”).

12

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 għandhom display LCD, iżda ebda viewfinder. L-imsemmija kameras għandhom diversi funzjonijiet fotografiċi u għandhom lenti ffokata għal distanza fissa. Id-data tal-ħoss u viżiva miġbura mill-lenti u mill-mikrofonu integrat jiġu maħżuna f’format ta’ fajl MP4 H.264 fuq karta tal-memorja li tista’ titneħħa. Dawn il-kameras la għandhom zoom diġitali, la laudspeaker, u lanqas memorja interna integrata. Is-software tal-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 jikkodifika d-data rreġistrata b’tali mod li huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn il-fajls prodotti minn dawn il-kameras u dawk li joriġinaw minn sorsi esterni.

13

L-imsemmija kameras jistgħu jirreġistraw sa 120 minuta ta’ vidjo ta’ 30 immaġni kull sekonda b’riżoluzzjoni ta’ mill-inqas 1920 x 1080 pixels fil-modalità vidjo kontinwu. Is-sekwenzi vidjo ta’ iktar minn 26 minuta u tliet sekondi huma rreġistrati f’diversi fajls MP4 H.264, kull wieħed b’tul massimu ta’ 26 minuta u tliet sekondi. Madankollu, il-persuna li tara r-reġistrazzjoni ma tintebaħx bil-mogħdija minn fajl għal ieħor.

14

Il-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 għandhom slott għal karti tal-memorja, port micro HDMI, port mini USB kompatibbli ma A/C composite kejbil u adapter għal mikrofonu 3.5 mm, kif ukoll wifi integrat u port HERO.

15

Permezz tal-port HDMI unidirezzjonali u tal-konnessjoni unidirezzjonali ma A/C composite kejbil, il-fajls ta’ immaġni u ta’ vidjo maħżuna fil-karta tal-memorja jistgħu jintwerew fuq sett tat-televixin jew fuq display ta’ kompjuter.

16

Il-wifi bidirezzjonali jippermetti li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 jiġu ttelekomandati permezz ta’ konnessjoni radju, minn teblit jew minn smartphone li fuqhom tkun qed tintwera d-data rreġistrata fuq il-karta tal-memorja. L-interface wifi ma jippermettix reġistrazzjoni tal-fajls ta’ vidjo. Huma biss il-fajls ta’ immaġni u ta’ vidjo maħżuna fuq il-karta tal-memorja u rreġistrati minn dawn il-kameras li jistgħu jintwerew. Il-fajls li joriġinaw minn sorsi oħra ma jistgħux jinqraw minn dawn il-kameras u jwasslu sabiex fuq il-moniter jew id-display jidher il-messaġġ “File not supported”.

17

Permezz tal-port mini USB, il-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 jistgħu jitqabbdu ma kompjuter li jista’ jaqra l-karta tal-memorja ta’ dawn il-kameras bħala ħardisk estern. Permezz ta’ software tal-kompjuter li jista’ jaqra l-format MP4, il-fajls ta’ immaġni u ta’ vidjo li jkunu fil-karta tal-memorja jistgħu jiġu riprodotti fuq display imqabbda mal-kompjuter. Fajls ta’ immaġni jew ta’ vidjo li jkunu fil-karta tal-memorja tal-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 jistgħu wkoll jinħażnu fuq kompjuter u, bil-maqlub, data li tkun f’kompjuter tista’ tiġi ttrasferita fuq il-karta tal-memorja ta’ dawn il-kameras. Dan il-proċess ta’ ħażna huwa kkontrollat minn software ta’ ġestjoni tal-fajls tal-kompjuter. F’dan il-każ, l-imsemmija kameras ma jistgħux jintużaw. Ma teżisti l-ebda possibbiltà oħra ta’ ħażna ta’ data ta’ immaġni u ta’ vidjo fuq il-karta tal-memorja tagħhom.

18

Fil-5 ta’ Diċembru 2012, GROFA talbet lill-Hauptzollamt jipprovdilha informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem l-“ITV”), filwaqt li pproponiet li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8525 80 91 tan-NM.

19

Permezz tal-ITV tal-21 ta’ Jannar 2013, il-Hauptzollamt ikklassifika dawn il-kameras fis-subintestatura tariffarja 8525 80 99 tan-NM. Fit-22 ta’ Frar 2013, GROFA ressqet ilment kontra din l-ITV fejn talbet, din id-darba, klassifikazzjoni fis-subintestatura tariffarja 8525 80 30 tan-NM. Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2014, il-Hauptzollamt ċaħad l-ilment ta’ GROFA peress li qies li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 huma makkinarju u għodod mekkaniċi multifunzjonali fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM, li l-funzjoni prinċipali tagħhom hija dik ta’ vidjowkamera. Skont il-Hauptzollamt, dawn il-kameras għandhom jiġu kklassifikati bħala vidjowkameras “oħrajn” fis-subintestatura tariffarja 8525 80 99 tan-NM. Il-Hauptzollamt ibbaża ruħu, fl-ewwel lok, fuq in-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM dwar l-intestatura 8525 ta’ din tal-aħħar, li jgħidu li apparat fotografiku multifunzjonali diġitali ma għandux jiġi kklassifikat inkwantu apparat fotografiku diġitali jekk dan jista’, meta tintuża l-kapaċità ta’ ħażna massima, jirreġistra b’riżoluzzjoni ta’ 800 × 600 (jew iktar) pixels bi 23 immaġni kull sekonda (jew iktar) minn tal-inqas sekwenza vidjo waħda ta’ 30 minuta. Dan huwa l-każ tal-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15. Il-fatt li s-sekwenzi vidjo huma maħżuna f’diversi fajls fil-karta tal-memorja sa minn 26 minuta u erba’ sekondi ma għandu l-ebda effett fuq it-tul totali ta’ reġistrazzjoni. Fit-tieni lok, huwa qies li l-fatt li dawn il-kameras jistgħu jaħżnu fajls ta’ vidjo bil-ħoss, ittrasferiti minn sors estern permezz tal-port USB, huwa karatteristiku ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġni u ta’ ħsejjes fis-sens tas-subintestatura tariffarja 8525 80 99 tan-NM.

20

GROFA ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn talbet li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8525 80 30 tan-NM jew, sussidjarjament, fis-subintestatura 8525 80 91 tan-NM inkwantu vidjowkameras li ma għandhomx kapaċità awtonoma ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjali minn sorsi esterni.

21

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011, li jikklassifika l-“pocket sized video recorder [vidjowkamera]” fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, jistax jiġi applikat b’analoġija għal każ inkwistjoni.

22

Fil-każ fejn ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011 huwa applikabbli b’analoġija, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-imsemmi regolament, peress li, skont l-Anness tiegħu, kamera li tista’ “[t]irrekordja fajls tal-vidjow minn sorsi oħra apparti dawk inkorporati f’kamera tat-televixin” minħabba li “l-fajls li jintwerew jistgħu jiġu ttrasferiti għall-apparat minn magna għall-ipproċessar awtomatiku tad-dejta permezz tal-interfaċċja USB”, għandha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM inkwantu “vidjokameras oħrajn”. Skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “possibbiltà oħra ta’ rrekordjar” fis-sens tas-8525 80 99 tan-NM ma hijiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li teżiġi li l-proċess ta’ rrekordjar ikun immexxi mill-vidjowkamera nnifisha.

23

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014, li jikklassifika l-“kamera tal-azzjoni” fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, jista’ jkun applikabbli b’analoġija għall-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15. Madankollu, hija għandha wkoll dubji dwar il-validità ta’ dan ir-regolament peress li, minn naħa, l-Anness tiegħu jipprevedi li t-trasferiment ta’ data fuq il-kamera, minn magna għall-ipproċessar awtomatiku tad-dejta, huwa meqjus li huwa “possibbiltà ta’ rrekordjar”, li jeskludi klassifikazzjoni fis-subintestatura 8525 80 91 tan-NM, bil-kontra ta’ dak li huwa previst fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014 ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kameras inkwistjoni ma humiex f’pożizzjoni li jirriproduċu l-fajls vidjo li joriġinaw minn sorsi esterni permezz ta’ moniter konness, bil-kontra ta’ dak li jipprevedu n-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM fir-rigward tas-subintestatura 8525 80 99 tagħha.

24

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussidjarjament, jekk in-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM rilevanti jipprekludux il-klassifikazzjoni tal-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 fis-subintestaturi 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-NM, peress li, minn tul ta’ 26 minuta u erba’ sekondi, id-data vidjo rreġistrata fuq dawn il-kameras ma tinħażinx fuq fajl wieħed, u dan jista’ jikkonfuta l-kapaċità tal-imsemmija kameras li jirreġistraw il-vidjos b’mod kontinwu, fis-sens ta’ dawn in-noti ta’ spjegazzjoni.

25

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussidjarjament, dwar x’konsegwenzi għandu, fuq il-klassifikazzjoni tal-kameras fil-Kawża C‑435/15, l-fatt li l-kameras inkwistjoni jirreġistraw sinjali li joriġinaw minn sorsi esterni, iżda ma jistgħux jirriproduċuhom permezz ta’ moniter estern jew permezz ta’ sett tat-televixin estern. F’dan ir-rigward, hija tosserva li n-noti ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 8525 80 99 tagħha jindikaw li l-immaġni rreġistrati għandhom ikunu jistgħu jiġu riprodotti permezz ta’ sett tat-televixin jew ta’ moniter estern.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin.

“1)

a)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 1249/2011] huwa applikabbli b’analoġija għall-prodotti li huma s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali (GoPro HERO3 “Black Edition”, “Black Edition Surf”, u “Black Edition Motorsport”)?

b)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2011 huwa validu?

2)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1(a) jew 1(b) tkun negattiva:

a)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 876/2014] huwa applikabbli b’analoġija għall-prodotti li huma s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali?

b)

Fil-każ li r-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 876/2014 huwa validu?

3)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1(a) jew għad-domanda 1(b) tkun negattiva: In-noti ta’ spjega tal-Kummissjoni għall-intestaturi 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-[NM] għandhom jiġu interpretati fis-sens li sekwenza ta’ vidjow irrekordjata f’fajls separati ta’ inqas minn 30 minuta kull wieħed tikkostitwixxi rrekordjar ta’ ‘għallinqas 30 minuta f’sekwenza waħda ta’ vidjow’ jekk, meta jintwera l-irrekordjar, il-persuna li tkun qed tarah ma tkunx tista’ tinnota li l-irrekordjar jgħaddi minn fajl għal ieħor?

4)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1(a) jew għad-domanda 1(b) tkun negattiva, u r-risposta għad-domandi 2(a), 2(b) u 3 tkun fl-affermattiv: Il-fatt li vidjowkameras li jistgħu jirrekordjaw sinjali minn sorsi esterni ma jkunux jistgħu jirriproduċu dawn is-sinjali fuq riċevitur tat-televiżjoni estern jew fuq moniter estern jipprekludi li dawn jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8525 80 99 tan-[NM]?”

Kawża C‑666/15

27

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima li tinvolvi ħames kawżi, bejn il-kumpanniji X u GoPro Coöperatief, u l-awtoritajiet tad-dwana Olandiżi fir-rigward ta’ diversi ITV relatati ma ħames tipi ta’ kameras tad-ditta GoPro Hero li jikklassifikawhom fis-subintestatura 8525 80 91 tan-NM jew fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM.

28

Il-ħames kawżi jirrigwardaw kameras tat-tipi GoPro Hero 3 Silver Edition, GoPro Hero 3 + Silver Edition, GoPro Hero 4 Silver Edition, GoPro Hero 4 Black Edition u GoPro Hero (iktar ’il quddiem il-“kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑666/15”).

29

Fir-rigward tal-kamera tat-tip GoPro Hero 3 Silver Edition, waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistaqsi dwar il-klassifikazzjoni tagħha fis-subintestatura 8525 80 30 tan-NM jew, sussidjarjament, fis-subintestatura 8525 80 91 tan-NM, filwaqt li l-awtorità tad-dwana nazzjonali ssostni li l-imsemmija kamera għandha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM. F’dak li jirrigwarda l-kameras l-oħra inkwistjoni fil-Kawża C‑666/15, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu li dawn jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8525 80 30 tan-NM, filwaqt li l-awtorità tad-dwana nazzjonali ssostni li dawn il-kameras għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8525 80 91 tan-NM.

30

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑666/15 jistgħu jitqiegħdu fil-modalità “video record” għal iktar minn 30 minuta għal irrekordjar ta’ 23 immaġni kull sekonda (jew iktar), b’riżoluzzjoni ta’ 800 x 600 pixels (jew iktar). F’dan ir-rigward, hija tindika li dawn il-kameras jaħżnu reġistrazzjoni ta’ iktar minn 30 f’diversi fajls vidjo, li huma rikonoxxuti bħala separati meta jinqraw, qari li jieqaf wara t-tmiem ta’ kull fajl. L-utent għandu jikklikkja fuq fajl ġdid u jagħfas “play” biex jaqra l-fajl segwenti. Il-qorti tar-rinviju tkompli tesponi li l-imsemmija kameras jippermettu li jintwerew biss fajls irreġistrati minn dawn il-kameras. Iktar minn hekk, mill-istruzzjonijiet għall-użu tal-kameras kollha inkwistjoni fil-Kawża C‑666/15 jirriżulta li dawn joffru l-għażla “looping”, li tippermetti li l-kameras jirreġistraw għal iktar minn 30 minuta qabel ma jiġi rreġistrat vidjo ġdid minflok dak preċedenti (“overwriting”).

31

Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li element partikolarment importanti għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑666/15 huwa l-kwistjoni ta’ jekk dawn il-kameras għandhomx biss il-possibbiltà li jirreġistraw ħoss u immaġni meħuda mill-kamera tat-televiżjoni u jekk dawn il-kameras jistgħux jirreġistraw minn tal-inqas 30 minuta ta’ vidjo f’sekwenza waħda.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Noord-Holland (qorti tal-provinċja ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-noti ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni marbuta mas-subintestatura 8525 80 30 u mas-subintestaturi 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-[NM] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jista’ jingħad li jkun hemm reġistrazzjoni ta’ ‘għall-inqas 30 minuta f’sekwenza waħda ta’ vidjow’ meta permezz tal-funzjoni ‘video record’ jiġu rreġistrati sekwenzi tal-vidjow għal iktar minn 30 minuta, iżda meta dawk is-sekwenzi tal-vidjow jiġu rreġistrati f’fajls separati, kull wieħed minnhom b’tul ta’ inqas minn 30 minuta, u meta l-utent ikollu, biex iħaddimhom, jiftaħ separatament kull wieħed minn dawn il-fajls b’tul ta’ inqas minn 30 minuta, anki jekk teżisti madankollu l-possibbiltà, permezz tas-softwer ipprovdut minn goPro, li s-sekwenzi inkorporati f’dawk il-fajls jitpoġġew wieħed wara l-ieħor fuq il-kompjuter personali sabiex b’hekk jiġi rreġistrat filmat wieħed tal-vidjo li jkun itwal minn 30 minuta ġo fajl wieħed?

2)

Il-fatt li vidjowkameras li huma kapaċi jirreġistraw sinjali provenjenti minn sorsi esterni ma jistgħux jirriproduċu dawn is-sinjal permezz ta’ apparat tat-televiżjoni jew ta’ monitor esterni, peress li tali vidjokameras, bħal pereżempju l-GoPro Hero 3 Silver Edition, jistgħu jirriproduċu fuq skrin jew monitor estern dawk il-fajls biss li jkunu ġew irreġistrati minnhom bil-lentijiet tagħhom, jipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ tali vidjokameras taħt is-subintestatura 8525 80 99 tan-[NM]?”

33

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2016, il-Kawżi C‑435/15 u C‑666/15 ingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑435/15

34

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑435/15 essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli, b’analoġija, għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tal-kameras inkwistjoni fl-imsemmija kawża u, fil-każ li r-risposta tkun fl-affermattiv, jekk dan ir-regolament huwiex validu.

35

Għandu jiġi osservat, minn naħa, li skont ġurisprudenza stabbilita, regolament ta’ klassifikazzjoni għandu portata ġenerali sa fejn ma japplikax għal operatur partikolari iżda b’mod ġenerali għal prodotti identiċi għal dak li jkun ġie eżaminat mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Sabiex, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, LEK, C‑700/15, EU:C:2016:959, punt 49).

36

F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011, li l-għan tiegħu hija l-klassifikazzjoni tal-“pocket sized video recorder [vidjowkamera]” fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, ma huwiex applikabbli direttament għall-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15. Fil-fatt, dawn l-aħħar prodotti ma humiex identiċi għal “pocket sized video recorder [vidjowkamera]” imsemmija minn dan ir-regolament, peress li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, hemm distinzjoni bejn l-imsemmija prodotti, b’mod partikolari, minħabba l-kapaċità tagħhom li jieħdu ritratti u mill-fatt li dawn la għandhom zoom diġitali, la laudspeaker u lanqas memorja interna integrata.

37

Għandu jiġi osservat, min-naħa l-oħra, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm regolament ta’ klassifikazzjoni ma jkunx direttament applikabbli għal prodotti li ma humiex identiċi, iżda biss analogi għall-oġġett li huwa s-suġġett ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa applikabbli b’analoġija għal tali prodotti (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Kawasaki Motors Europe, C‑91/15, EU:C:2016:716, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, bħalma huwa r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011, għall-prodotti simili għal dawk koperti minn dan ir-Regolament tiffavorixxi, effettivament, interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C‑14/05, EU:C:2006:465, punt 32).

38

Madankollu, sabiex regolament ta’ klassifikazzjoni jiġi applikat b’analoġija, xorta ikun meħtieġ li l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati u dawk imsemmija minn dan ir-regolament ikunu suffiċjentement simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C‑376/07, EU:C:2009:105, punt 67). F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-motivazzjoni tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C‑14/05, EU:C:2006:465, punt 34, u tal-4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 58).

39

F’dan il-każ, skont il-motivazzjoni pprovduta fit-tielet kolonna tal-Anness tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011, il-klassifikazzjoni fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM tal-“pocket sized video recorder [vidjowkamera]” hija ġġustifikata b’mod partikolari minħabba li l-apparat “huwa kapaċi biss li jirrekordja l-vidjow”. Minn dan isegwi li l-inkapaċità li jirreġistra ritratti tikkostitwixxi waħda mill-elementi determinanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni magħżula mill-imsemmi regolament. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑435/15 jirriżulta li l-kameras inkwistjoni f’dik il-kawża huma differenti, f’dan l-aspett, mill-“pocket sized video recorder [vidjowkamera]” li huma s-suġġett tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011, għaliex dawn jippermettu t-teħid tar-ritratti.

40

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 41, u tal-4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 47).

41

Issa, mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 huma mfassla sabiex jippermettu li l-utenti jiffilmjaw l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni u sportivi tagħhom, u dan jirrikjedi li l-utent jibqa’ partikolarment ħieles fil-movimenti tiegħu. Minn dan isegwi li l-użu prinċipali li għalih huma intiżi l-imsemmija kameras jista’ jiġi distint faċilment minn dak tal-“pocket sized video recorder [vidjowkamera]” imsemmija fir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011.

42

Peress li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 la huma identiċi u lanqas ma huma suffiċjentement simili għall-prodotti li huma s-suġġett ta’ klassifikazzjoni mir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011, dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli għalihom. Konsegwentement, ma hemmx lok li l-validità tiegħu tiġi evalwata.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑435/15 għandha tkun li r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1249/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli, b’analoġija, għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tal-kameras inkwistjoni fl-imsemmija Kawża.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑435/15

44

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑435/15 essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli, b’analoġija, għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tal-kameras inkwistjoni fl-imsemmija kawża u, jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, jekk dan ir-regolament huwiex validu.

45

L-għan tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014 huwa l-klassifikazzjoni, fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, ta’ “kameras tal-azzjoni”.

46

Mill-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 huma differenti mill-kameras tal-azzjoni li huma s-suġġett tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari sa fejn dawn tal-ewwel jistgħu kemm jitwaħħlu ma oġġett, bħal elmu, kif ukoll jinżammu fl-idejn, għandhom kapaċità ta’ reġistrazzjoni iqsar, jiġifieri sagħtejn l-iktar, iżda b’riżoluzzjoni aħjar, jistgħu jieħdu ritratti ta’ kwalità aħjar u jistgħu jikkontrollaw il-kwalità tagħhom. Minn dan isegwi li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 ma humiex identiċi għall-prodotti li huma s-suġġett tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014.

47

Madankollu, l-imsemmija prodotti huma simili ħafna, kemm fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom kif ukoll fl-użu intiż tagħhom, għall-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15. Għalhekk, kemm il-“kameras tal-azzjoni”, fis-sens tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014, kif ukoll il-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 huma ta’ daqs u ta’ piż żgħar, ma għandhomx zoom, ma għandhomx viewfinder u lanqas ma għandhom memorja interna integrata, għandhom port micro HDMI, port mini USB u konnessjoni wifi, jippermettu kemm it-teħid ta’ ritratti kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ vidjos ta’ sekwenzi ta’ iktar minn 30 minuta, li madankollu huma, fiż-żewġ każijiet, maħżuna f’diversi fajls separati. Bl-istess mod, dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti huma speċjalment iddisinjati sabiex ikunu jistgħu jintużaw fil-kuntest ta’ attivitajiet sportivi.

48

Minn dan isegwi li, abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014 huwa applikabbli, b’analoġija, għall-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15 u li, konsegwentement, hemm lok li l-validità tiegħu tiġi eżaminata.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li regolament ta’ implementazzjoni, bħal ma huwa, f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 876/2014, jiġi adottat mill-Kummissjoni, fuq parir tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, meta l-klassifikazzjoni fin-NM ta’ prodott speċifiku tista’ tikkawża diffikultà jew tkun is-suġġett ta’ kontroversja. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta lill-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni mal-esperti doganali tal-Istati Membri, diskrezzjoni wiesgħa sabiex tippreċiża l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta’ oġġett speċifiku. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta miżuri msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 254/2000, ma tawtoriżahiex temenda l-kontenut jew il-portata tal-intestaturi tariffarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122, punti 2526 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014 jikklassifika, fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, il-“kameras tal-azzjoni”, mingħajr ma jeżiġi li dawn ikunu jistgħu jintużaw għar-reġistrazzjoni ta’ sorsi vidjofoniċi esterni b’mod awtonomu, jiġifieri mingħajr ma jkunu meħtieġa materjali jew softwer li ma humiex mgħammrin bih oriġinalment. Issa, tali kapaċità ta’ rrekordjar awtonomu hija kundizzjoni neċessarja għall-klassifikazzjoni ta’ merkanzija fis-subintestatura tariffarja 8525 80 99 tan-NM. Fin-nuqqas ta’ dan, il-prodotti ma għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, iżda pjuttost fis-subintestatura 8525 80 91 tan-NM (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Vario Tek, C‑178/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:152, punt 32).

51

Minn dan isegwi li r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014, sa fejn jikklassifika l-“kameras tal-azzjoni” fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, mingħajr ma jispeċifika li dawn, għall-bżonnijiet tal-imsemmija klassifikazzjoni, għandhom ikunu kapaċi jirreġistraw b’mod awtonomu sorsi vidjofoniċi esterni, huwa inkompatibbli mal-portata ta’ din is-subintestatura.

52

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014, il-Kummissjoni emendat, billi estendietha, il-portata tas-subintestatura 8525 80 99 tan-NM u, għaldaqstant, marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni mogħtija lilha bl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 254/2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Kawasaki Motors Europe, C‑91/15, EU:C:2016:716, punt 62).

53

Għalhekk, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑435/15 tkun li r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 876/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli b’analoġija għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tal-kameras inkwistjoni fl-imsemmija kawża, iżda ma huwiex validu.

Fuq ir-raba ’ domanda fil-Kawża C‑435/15

54

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għat-tieni domanda fil-Kawża C‑435/15, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda magħmula f’dik l-istess kawża.

Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑435/15 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑666/15

55

Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑435/15 kif ukoll permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑666/15, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk is-subintestaturi 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-NM għandhomx jiġu interpretati, fid-dawl tan-noti ta’ spjega tan-NM relatati ma dawn is-subintestaturi, fis-sens li sekwenza vidjo ta’ iktar minn 30 minuta, irreġistrata f’fajls separati ta’ tul individwali ta’ inqas minn 30 minuta, għandha titqies li hija reġistrazzjoni ta’ mill-inqas 30 minuta ta’ sekwenza vidjo waħda, meta l-utent ma jistax jintebaħ bil-mgħodija minn fajl għal ieħor matul il-qari tagħhom jew, bil-kontra ta’ dan, meta l-utent għandu, matul dan il-qari, jiftaħ, bħala prinċipju, kull wieħed mill-fajls separatament.

56

Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li n-noti ta’ spjega mfassla, f’dak li jirrigwarda n-NM, mill-Kummissjoni, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr madankollu ma għandhom saħħa vinkolanti ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2016, Salutas Pharma, C‑124/15, EU:C:2016:87, punt 31, u tal-15 ta’ Diċembru 2016, LEK, C‑700/15, EU:C:2016:959, punt 41).

57

Skont in-noti ta’ spjega tan-NM relatati mas-subintestatura 8525 80 30 ta’ din tal-aħħar, minn naħa, u n-noti ta’ spjega tan-NM relatati mas-subintestaturi 8525 80 91 u 8525 80 99 tagħha, min-naħa l-oħra, il-kapaċità tal-prodott inkwistjoni li jirreġistra b’riżoluzzjoni ta’ 800 x 600 (jew iktar) pixels sa 23 immaġni kull sekonda (jew iktar) minn tal-inqas 30 minuta ta’ sekwenza vidjo waħda hija kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-apparat fotografiku diġitali u l-vidjowkameras.

58

Għalhekk, hija biss il-kapaċità ta’ rrekordjar kontinwu ta’ mill-inqas 30 minuta ta’ sekwenza vidjo b’riżoluzzjoni minima, u mhux dik ta’ riproduzzjoni kontinwa ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet, li tikkostitwixxi l-karatteristika li tippermetti li jiġi eskluż li prodott jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8525 80 30 tan-NM. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk il-kameras inkwistjoni fil-Kawżi C‑435/15 u C‑666/15 jistgħux jew le jaqraw, b’mod kontinwu, sekwenzi vidjo ta’ tul ta’ mill-inqas 30 minuta ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-imsemmija kameras f’waħda mit-tliet subintestaturi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Vario Tek, C‑178/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:152, punt 36).

59

Minn dan isegwi li l-fatt li s-sekwenzi vidjo ta’ iktar minn 30 minuta, irreġistrati mill-kameras inkwistjoni fil-Kawżi C‑435/15 u C‑666/15, jiġu rreġistrati f’fajls separati ma jipprekludix l-esklużjoni tal-klassifikazzjoni tal-imsemmija kameras fis-subintestatura 8525 80 30 tan-NM, sa fejn tali ħażna f’diversi fajls ma tbiddilx in-natura kontinwa tar-reġistrazzjoni tas-sekwenza, iżda tbiddel biss, jekk ikun il-każ, in-natura kontinwa tal-qari tagħha, u li l-kwistjoni ta’ jekk l-utent jintebaħx jew le mill-mogħdija minn vidjo għal ieħor ma hijiex kriterju rilevanti għall din il-klassifikazzjoni tariffarja.

60

Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑435/15 u għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑666/15 għandha tkun li s-subintestaturi 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-NM għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tan-noti ta’ spjega tan-NM relatati ma dawn is-subintestaturi, fis-sens li sekwenza vidjo ta’ iktar minn 30 minuta, irreġistrata f’fajls separati ta’ tul individwali ta’ inqas minn 30 minuta, għandha titqies li hija reġistrazzjoni ta’ mill-inqas 30 minuta ta’ sekwenza vidjo waħda, irrispettivament mill-fatt li l-utent ma jistax jintebaħ bil-mgħodija minn fajl għal ieħor matul il-qari tagħhom jew li, bil-kontra ta’ dan, huwa jkollu, matul dan il-qari, jiftaħ, bħala prinċipju, kull wieħed mill-fajls separatament.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑666/15

61

Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑666/15 essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li vidjowkamera li tista’ tirreġistra sinjali li joriġinaw minn sorsi esterni, iżda li madankollu ma tistax tirriproduċihom permezz ta’ sett tat-televixin jew ta’ moniter estern, peress li din il-vidjowkamera tista’ taqra, fuq display jew moniter estern, biss dawk il-fajls li rreġistrat hija stess permezz tal-lenti tagħha, ma tistax tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-karatteristiċi essenzjali tal-vidjowkameras li jaqgħu taħt is-subintestatura 8525 80 99 tan-NM huma, b’mod partikolari, il-kapaċità tagħhom li jirreġistraw sorsi vidjofoniċi esterni b’mod awtonomu, jiġifieri mingħajr ma jkunu meħtieġa materjal jew softwer li ma humiex mgħammrin bih oriġinalment. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-livell ta’ kumplessità tal-manipulazzjonijiet li għandhom jitwettqu, sa fejn ir-reġistrazzjoni għandha tkun tista’ titwettaq faċilment minn utent li ma għandux kompetenzi partikolari (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Vario Tek, C‑178/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:152, punt 32).

63

Fin-nuqqas ta’ dan, il-prodotti ma għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM, iżda pjuttost fis-subintestatura 8525 80 91 tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Vario Tek, C‑178/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:152, punt 32).

64

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-kameras inkwistjoni fil-Kawża C‑666/15 għandhom tabilħaqq tali kapaċità ta’ rrekordjar awtonomu. Fin-nuqqas ta’ dan, il-klassifikazzjoni tagħhom fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM tkun, f’kull każ, eskluża.

65

Għandu jiġi osservat, fit-tieni lok, li n-noti ta’ spjega tan-NM relatati mas-subintestatura 8525 80 99 tagħha jispeċifikaw li l-vidjowkameras li jaqgħu taħt din is-subintestatura għandhom jippermettu r-riproduzzjoni tal-fajls ta’ audio u ta’ vidjo rreġistrati minn sorsi esterni permezz ta’ riċevitur jew ta’ moniter tat-televixin estern (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Vario Tek, C‑178/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:152, punt 37).

66

Minn dan isegwi li vidjowkamera li tista’ tirreġistra, b’mod awtonomu, sinjali li joriġinaw minn sorsi esterni, iżda li madankollu ma tistax tirriproduċihom permezz ta’ sett tat-televixin jew ta’ moniter estern, ma tistax tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8525 80 99 tan-NM.

67

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑666/15 għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li vidjowkamera li tista’ tirreġistra sinjali li joriġinaw minn sorsi esterni, iżda li madankollu ma tistax tirriproduċihom permezz ta’ sett tat-televixin jew ta’ moniter estern, peress li din il-vidjowkamera tista’ taqra, fuq display jew moniter estern, biss dawk il-fajls li rreġistrat hija stess permezz tal-lenti tagħha, ma tistax tiġi kklassifikata fis-subintestatura tariffarja 8525 80 99 tan-NM.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1249/2011, tad-29 ta’ Novembru 2011, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli, b’analoġija, għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tat-tliet mudelli ta’ kameras tas-serje GoPro Hero 3 Black Edition, inkwistjoni fil-Kawża C‑435/15.

 

2)

Ir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 876/2014, tat-8 ta’ Awwissu 2014, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli b’analoġija għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tat-tliet mudelli ta’ kameras tas-serje GoPro Hero 3 Black Edition, inkwistjoni fl-imsemmija Kawża, iżda huwa invalidu.

 

3)

Is-subintestaturi 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-Nomenklatura Magħquda li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […], fil-verżjonijiet tiegħu li rriżultaw suċċessivament mir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas-27 ta’ Settembru 2011, mir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni(UE) Nru 927/2012, tad-9 ta’ Ottubru 2012, u mir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal-4 ta’ Ottubru 2013, għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tan-noti ta’ spjega ta’ din in-Nomenklatura Magħquda relatati ma dawn is-subintestaturi, fis-sens li sekwenza vidjo ta’ iktar minn 30 minuta, irreġistrata f’fajls separati ta’ tul individwali ta’ inqas minn 30 minuta, għandha titqies li hija reġistrazzjoni ta’ mill-inqas 30 minuta ta’ sekwenza vidjo waħda, irrispettivament mill-fatt li l-utent ma jistax jintebaħ bil-mgħodija minn fajl għal ieħor matul il-qari tagħhom jew li, bil-kontra ta’ dan, huwa jkollu, matul dan il-qari, jiftaħ, bħala prinċipju, kull wieħed mill-fajls separatament.

 

4)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, fil-verżjonijiet tiegħu li rriżultaw suċċessivament mir-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nru 1006/2011, Nru 927/2012 u Nru 1001/2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li vidjowkamera li tista’ tirreġistra sinjali li joriġinaw minn sorsi esterni, iżda li madankollu ma tistax tirriproduċihom permezz ta’ sett tat-televixin jew ta’ moniter estern, peress li din il-vidjowkamera tista’ taqra, fuq display jew moniter estern, biss dawk il-fajls li rreġistrat hija stess permezz tal-lenti tagħha, ma tistax tiġi kklassifikata fis-subintestatura tariffarja 8525 80 99 ta’ din in-Nomenklatura Magħquda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top