Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0230

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fis-26 ta’ Mejju 2016.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:366

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SAUGMANDSGAARD ØE

    ippreżentati fis-26 ta’ Mejju 2016 ( 1 )

    Kawża C‑230/15

    Brite Strike Technologies Inc.

    vs

    Brite Strike Technologies SA

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag (tribunal ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 71 — Applikabbiltà ta’ konvenzjoni dwar qasam partikolari — Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali — Konvenzjoni li daħlet fis-seħħ wara dan ir-regolament iżda li tirriproduċi l-kontenut ta’ trattati preċedenti — Regolament Nru 44/2001 — Artikolu 22(4) — Kawża dwar trade mark Benelux — Ġurisdizzjoni tal-qrati tat-tliet Stati tal-Benelux jew ta’ wieħed minnhom — Kriterji li għandhom jiġu applikati għall-identifikazzjoni tiegħu”

    I – Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) u tal-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ), normalment imsejjaħ, ir-“Regolament Brussell I”.

    2.

    Din it-talba saret fil-kuntest ta’ proċedura pendenti quddiem l-imsemmija qorti Olandiża, li tagħti lok għal problema ta’ identifikazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni ratione loci sabiex tiddeċiedi dwar proċeduri li tressqu minn kumpannija Amerikana sabiex tikseb l-annullament ta’ trade mark Benelux ta’ kumpannija Lussemburgiża.

    3.

    Peress li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni dwar il-kawżi transkonfinali bejn individwi fir-rigward tal-validità ta’ trade mark jinsabu kemm fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll fl-Artikolu 4.6 tal-Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni) tal-25 ta’ Frar 2005 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“KBPI”), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-mod li bih għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti f’każ ta’ kompetizzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae, territorjali u ratione temporis tagħhom.

    4.

    Skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, id-dħul fis-seħħ tiegħu ma affettwax l-applikabbiltà ta’ konvenzjonijiet li diġà jorbtu lill-Istati Membru tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw il-ġurisdizzjoni f’oqsma partikolari. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi dwar jekk għandhiex tingħata supremazija lill-KBPI f’dan il-każ, peress li din daħlet fis-seħħ wara l-imsemmi regolament, iżda tirriproduċi, fl-Artikolu 4.6 tagħha biss, il-kontenut tat-Trattati Benelux preċedenti.

    5.

    F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 44/2001 għandhom jipprevalu fuq dawk tal-KBPI, il-qorti tar-rinviju titlob għalhekk li jiġi ddeterminat jekk mill-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament jirriżultax li l-qrati tat-tliet Stati Membri tal-Benelux għandhomx l-istess ġurisdizzjoni internazzjonali fil-każ ta’ kawża bħall-kawża prinċipali, jew jekk dan ma huwiex il-każ, li jiġi speċifikat liema huma l-kriterji li jippermettu li jintgħażel l-Istat Membru fost dawn l-Istati Membri li l-qrati tiegħu biss għandhom ġurisdizzjoni, possibbilment b’applikazzjoni tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI fuq dan il-livell.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Ir-Regolament Nru 44/2001

    6.

    L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni li tipprovdi li, “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

    7.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tiegħu intitolat “Ġurisdizzjoni esklussiva”, jipprovdi li “[d]awn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju[,] fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti, trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ”.

    8.

    It-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 4 jippreċiża li, “[b]la ħsara għal ġurisdizzjoni ta’ l-Uffiċju Ewropew tal-Patenti skond il‑Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Patenti Ewropew, iffirmata f’Munich fil-5 ta’ Ottubru 1973” ( 4 ), “il-qrati ta’ kull Stat Membru għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju, fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ xi privattiva Ewopea mogħtija għal dak l-Istat” ( 5 ).

    9.

    L-Artikolu 71 tal-istess regolament, li jinsab fil-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Relazzjonijiet ma’ strumenti oħra”, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni li dwar[ha] l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, [t]irregola l-ġurisdizzjoni jew ir-[r]ikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

    2.   Bil-għan ta’ l-interpretazzjoni uniformi tiegħu, paragrafu 1 għandu jiġi applikat b’dan il-mod:

    (a)

    dan ir-Regolament m’għandux ifixkel qorti ta’ Stat Membru, li jkun parti mill-konvenzjoni dwar materja partikolari, milli jassumi ġurisdizzjoni skond dik il-konvenzjoni, anki meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Membru ieħor li ma jkunx partu minn dik il-konvenzjoni. Il-qorti li [t]kun [t]isma’ l-azzjoni għand[ha], fi kwalunkwe każ, tapplika l-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament;

    […]” ( 6 ).

    10.

    Ir-Regolament Nru 44/2001 tħassar mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 7 ), normalment imsejjaħ ir-“Regolament Brussell Ia”, iżda dan ma japplikax għal azzjonijiet ġudizzjarji li, bħal fil-kawża prinċipali, tressqu qabel l‑10 ta’ Jannar 2015 ( 8 ). Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2(1), fl-Artikolu 22(4) u fl‑Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 ġew riprodotti fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 24(4) u fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, b’numru ta’ addattamenti li ma jaffettwawx il-kontenut ġenerali ta’ dawn l-ewwel dispożizzjonijiet ( 9 ). Ir-Regolament (UE) Nru 542/2014 ( 10 ) emenda b’mod iktar sostanzjali dan l-aħħar regolament, billi żied l-Artikoli 71a sa 71d, sabiex jirregola r-relazzjonijiet eżistenti ( 11 ) bejnu u bejn kemm il-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi ( 12 ) kif ukoll it-Trattat dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux ( 13 ).

    B – Il-KBPI

    11.

    Skont l-Artikolu 5.2 tagħha, il-KBPI ħassret b’effett mill-1 ta’ Settembru 2006, minn naħa, il-Konvenzjoni Benelux dwar it-trade marks tal-prodotti ffirmata fi Brussell fid-19 ta’ Marzu 1962 ( 14 ), li magħha kien hemm annessa l-Liġi Uniformi Benelux dwar it-trade marks ( 15 ), u min-naħa l-oħra, il-Konvenzjoni Benelux dwar id-disinni ffirmata fi Brussell fil-25 ta’ Ottubru 1966 ( 16 ), li magħha kien hemm annessa l-Liġi Uniformi Benelux dwar id-disinni ( 17 ).

    12.

    Skont il-preambolu tagħha, il-KBPI għandha l-għan, b’mod partikolari, li:

    “tissostitwixxi l-konvenzjonijiet, il-liġijiet uniformi u l‑protokolli emendatorji dwar it-trade marks u d-disinni Benelux b’konvenzjoni waħda li tirregola kemm id-dritt tat‑trade marks kif ukoll id-dritt tad-disinni b’mod sistematiku u trasparenti”;

    “tipprovdi proċeduri rapidi u effiċjenti […] għall-adattament tal-leġiżlazzjoni Benelux għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u għat‑trattati internazzjonali diġa rratifikati mit-tliet Partijiet Kontraenti l-Kbar”; u

    “tissostitwixxi l-Uffiċju Benelux tat-Trade Marks u l-Uffiċju Benelux tad-Disinni bl-Organizzazzjoni Benelux tal-Proprjetà Intellettwali (trade marks, disinni) billi twettaq il-missjoni tagħha permezz ta’ korpi ta’ deċiżjoni u ta’ eżekuzzjoni li għandhom ġurisdizzjoni u poteri addizzjonali oħra tagħhom stess” ( 18 ).

    13.

    Billi essenzjalment irriproduċa l-Artikolu 37 tal-LBT ( 19 ) u l-Artikolu 29 tal-LBD ( 20 ), l-Artikolu 4.6 tal-KBPI, intitolat “Ġurisdizzjoni territorjali”, jistabbilixxi, fir-rigward tal-kawżi bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ( 21 ):

    “1.   Sakemm ma jkunx hemm speċifikat il-ġurisdizzjoni territorjali f’kuntratt, din għandha tkun iddeterminata, fil-qasam tat-trade marks u disinni, mid-domiċilju tal-konvenut jew mill-post fejn tnissel l-obbligu kkontestat, jew fejn ġie jew għandu jiġi eżerċitat. Il-post tal-preżentazzjoni u tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew ta’ disinn f’ebda każ ma jista’ jikkostitwixxi l-unika bażi sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni.

    2.   Meta l-kriterji stabbiliti hawn fuq ikunu insuffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni territorjali, l-applikant jista’ jressaq il-każ quddiem il-qorti tad-domiċilju jew tar-residenza tiegħu, jew jekk ma għandux domiċilju jew residenza fit-territorju Benelux, quddiem il-qorti tal-għażla tiegħu, fi Brussell, f’Den Haag jew fil-Lussemburgu.

    3.   Il-qrati għandhom japplikaw ex officio r-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 u għandhom jikkonfermaw il-ġurisdizzjoni tagħhom.

    […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    14.

    Fl-4 ta’ Frar 2010, Brite Strike Technologies SA, li s-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), applikat għas‑sinjal verbali “Brite Strike” sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Benelux mill-UBPI, li huwa stabbilit f’Den Haag.

    15.

    Fil-21 ta’ Settembru 2012, Brite Strike Technologies Inc., kumpannija Amerikana li l-prodotti tagħha kienu tqassmu b’mod partikolari minn Brite Strike Technologies SA, ippreżentat rikors kontra din tal-aħħar quddiem ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) sabiex tikseb l-annullament tal-imsemmija trade mark, abbażi tal-Artikoli 2.4 ( 22 ) u 2.28 ( 23 ) tal-KBPI, billi allegat li l-konvenuta rreġistratha b’mala fide u kisret id-drittijiet tagħha bħala l-ewwel utent magħruf tas-sinjal ikkonċernat fit-territorju Benelux.

    16.

    Brite Strike Technologies SA invokat eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali, billi sostniet li r-rikors kellu jiġi ppreżentat fil‑Lussemburgu, fejn jinsab l-istabbiliment tagħha peress li hija l-konvenuta, u mhux f’Den Haag, fejn ġiet irreġistrata t-trade mark inkwistjoni.

    17.

    Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tiġi deċiża din il-kwistjoni proċedurali, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI, li minnha jirriżulta li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ din il-kawża ( 24 ), għandhiex tipprevali fuq ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa l-oħra tagħtiha ġurisdizzjoni.

    18.

    F’dan ir-rigward, ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) iċċitat sentenza tal-Gerechtshof Den Haag (qorti tal-appell ta’ Den Haag) tas-26 ta’ Novembru 2013 ( 25 ), li fiha din l-aħħar qorti kkunsidrat li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001 kellhom jipprevalu fuq dawk tal-KBPI għar-raġuni li “anki jekk din il-konvenzjoni hija essenzjalment estensjoni tat-testi Benelux preċedenti u anki jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni korrispondenti huma identiċi”, din il-konvenzjoni hija “ex post d-dħul fis-seħħ tal-[imsemmi] regolament”, “b’tali mod li l-Artikolu 4.6 tagħha ma jistax jitqies bħala leġiżlazzjoni speċifika fis-sens tal-Artikolu 71 [tagħha]” ( 26 ).

    19.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jeżistu madankollu inċertezzi dwar is-sinjifikattiv li għandu jingħata lill-imsemmi Artikolu 71 kif ukoll dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kuntest ta’ kawża bħall-kawża prinċipali dwar il-validità ta’ trade mark Benelux.

    20.

    F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2015, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Mejju 2015, ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-BCIP […] għandha (għar-raġunijiet indikati fil-punti 28-34 tas‑sentenza ta’ Gerechtshof Den Haag tas-26 ta’ Novembru 2013 jew għal oħrajn) tiġi kkunsidrata bħala konvenzjoni li saret wara, hekk li l-Artikolu 4.6 tagħha ma jistax jitqies bħala regola partikolari fis-sens tal-Artikolu 71 tar‑Regolament [Nru 44/2001]?

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda:

    2)

    Jirriżulta mill-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] li kemm il-qorti Belġjana kif ukoll il-qorti [Olandiża] u l-qorti Lussemburgiża għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża?

    3)

    Jekk dan ma huwiex il-każ, kif għandu jiġi stabbilit, f’kawża bħal din, jekk hijiex il-qorti Belġjana jew dik [Olandiża] jew il-qorti Lussemburgiza li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali? Huwa possibbli li (madankollu) jiġi applikat l-Artikolu 4.6 tal-BCIP sabiex tiġi stabbilita (b’mod iktar preċiż) il-ġurisdizzjoni internazzjonali?”

    21.

    Il-Kummissjoni Ewropea biss ippreżentat osservazzjonijiet bil‑miktub. Ma nżammitx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

    IV – Analiżi

    A – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001

    1. Fuq l-għan tal-ewwel domanda preliminari

    22.

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi b’liema mod ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI u dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom japplikaw fid-dawl tal-Artikolu 71 ta’ dan tal-aħħar, f’każijiet meta l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti, li ma jikkoinċidux kompletament, ikunu jikkoinċidu fuq livell kemm territorjali, kif ukoll ratione temporis u ratione materiae.

    23.

    Peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-validità ta’ trade mark Benelux, l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li huwa d-dispożizzjoni li l-qorti tar-rinviju tipprevedi speċifikament li tapplika fil-każ ineżami sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha, filwaqt li jiġi nnotat li jekk, għall-kuntrarju, jiġi applikat l-Artikolu 4.6 tal-KBPI, il-qrati ta’ Stat Membru differenti jista’ jkollhom ġurisdizzjoni. Madankollu, hija fformulat l-ewwel domanda tagħha b’tali mod li tinkludi d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, jiena nikkunsidra li l-problema tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ strumenti internazzjonali ma tqumx biss mill-perspettiva tal-imsemmi Artikolu 22(4). Fil-fatt, huwa possibbli li, f’każijiet differenti, regoli ta’ ġurisdizzjoni differenti stabbiliti minn dan ir-regolament jikkompetu ma’ dawk tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI fil-każ ta’ proċedura ġudizzjarja dwar il-protezzjoni tat-trade marks jew disinni ( 27 ). Għaldaqstant, din l-eventwalità ma għandhiex tiġi injorata matul l-eżami tal-ewwel domanda magħmula f’din il-kawża u għandha tingħata risposta li tkun tista’ tapplika b’mod ġenerali.

    24.

    L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan li jirriżerva l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fil-konvenzjonijiet iffirmati mill-Istati Membri, bejniethom jew flimkien ma’ terzi, li jirrigwardaw “materji partikolari” ( 28 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-KBPI huwa ta’ natura speċjali meta mqabbel mal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, nippreċiża li, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jimplika t-titolu qasir tagħha, il-portata tal-KBPI ma testendix għad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali kollha, iżda hija limitata għat-“trade marks u disinni” ( 29 ). Min-naħa tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari l‑Artikolu 22(4) tiegħu, jinkludi varjazzjoni iktar wiesgħa ta’ titoli ta’ proprjetà intellettwali ( 30 ). Għaldaqstant, mir-riżerva pprovduta fl-imsemmi Artikolu 71 normalment għandu jirriżulta li huma r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI li għandhom japplikaw fir-rigward tal-kawża prinċipali, u mhux ir-regola stabbilita fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament.

    25.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 71 fis-sens li “ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni […] previsti mill-konvenzjonijiet speċjali li l-Istati Membri kienu diġà parti kontraenti fihom fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, fil-prinċipju, għandhom l-effett li jeskludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jittrattaw l-istess materja”, meta l-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali konvenzjoni ( 31 ). Hija bbażat din l-interpretazzjoni restrittiva fuq il-konstatazzjoni li, bid-differenza għall-imsemmi artikolu 71 li juża l-kliem “jkunu parti”, l-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li minnha jidderiva l-Artikolu 71, kien juża l-kliem “huma jew ser ikunu partijiet” u tippreċiża li din il-konvenzjoni ma tipprekludix, għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 44/2001, l-applikazzjoni ta’ regoli oħra ta’ ġurisdizzjoni li għalihom l-Istati Membri kontraenti jistgħu jkunu suġġetti, anki fil-futur, billi jikkonkludu konvenzjonijiet speċjali ( 32 ).

    26.

    Ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mod li bih għandhom jiġu implementati dawn il-prinċipji ta’ interazzjoni f’dan il-każ, fi-dawl tal-fatt li huwa minnu li l-KBPI ġiet iffirmata wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001 ( 33 ), iżda li essenzjalment kellha l-għan li tikkonsolida dawn iż‑żewġ konvenzjonijiet Benelux li, min-naħa tagħhom, ġew iffirmati qabel din id-data ( 34 ). Fi kliem ieħor, hija tistaqsi jekk il-KBPI għandhiex tiġi kklassifikata bħala konvenzjoni “ex post” ir-regolament, li minn hekk jirriżulta, kif ikkunsidrat il-Gerechtshof Den Haag (qorti tal-appell ta’ Den Haag) f’kawża oħra ( 35 ), li huma d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar strument, u mhux dawk tal-Konvenzjoni, li għandhom japplikaw fil-kawża prinċipali.

    27.

    Il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li, minħabba d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, il-KBPI ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-riżerva prevista fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 u li għalhekk, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 4.6 ta’ din il-konvenzjoni ma jistgħux jipprevalu fuq dawk tal-imsemmi regolament. Min-naħa tiegħi, nikkunsidra li minkejja li l-KBPI hija formalment ex post ir-Regolament Nru 44/2001, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni partikolari li hija tinkludi essenzjalment jippreċedu dawk stabbiliti minn dan ir-regolament u għandhom għalhekk jipprevalu fuq dawn tal-aħħar, għar-raġunijiet segwenti.

    2. Fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71 tar‑Regolament Nru 44/2001 fir-rigward tar-regoli ta ’ ġurisdizzjoni previsti mill-KBPI

    a) Fuq il-portata tal-prinċipju ta’ supremazija tal-konvenzjonijiet speċjali preċedenti stabbiliti fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001

    28.

    Il-premessa 25 tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi li s-supremazija mogħtija mill-Artikolu 71 tiegħu lill-konvenzjonijiet ta’ natura speċjali hija ġġustifikata mir-“[r]ispett għall-impennji internazzjonali li kienu daħlu għalihom l-Istati Membri”. Kif tindika l-Kummissjoni, il-preokkupazzjoni espressa f’din il-premessa tirreferi prinċipalment għall-ftehim konklużi ma’ Stati terzi ( 36 ). Madankollu, ma huwiex ikkontestat li r-riżerva inkluża f’dan l-Artikolu 71 tkopri wkoll il-konvenzjonijiet konklużi bejn Stati Membri, bħal fil-każ tal-konvenzjonijiet Benelux.

    29.

    F’dan ir-rigward, nenfasizza li, għall-kuntrarju ta’ ħafna regolamenti oħra relatati wkoll mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, ir-Regolament Nru 44/2001 ma jinkludix dispożizzjonijiet li jipprovdu li huwa “[jipprevali] fuq konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn tnejn jew aktar minnhom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn [dan] ir-Regolament” ( 37 ), formulazzjoni li twassal għall-esklużjoni ta’ ftehim bejn Stati Membri – għall-kuntrarju ta’ dawk konklużi ma’ Stati terzi – anki jekk huma kemm speċjali kif ukoll preċedenti meta mqabbla mar-regolament ikkonċernat.

    30.

    Din il-partikolarità tar-Regolament Nru 44/2001 hija iktar u iktar notevoli minħabba l-fatt li dan ir-regolament kien is-suġġett ta’ riforma sħiħa fl-2012 u li, minkejja li d-diffikultajiet prattiċi li kien hemm fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-portata tal-imsemmi Artikolu 71 ( 38 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni ma emendax il-kontenut ta’ dan tal-aħħar ( 39 ). L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, kien ċertament issupplementat b’mod sinjifikattiv mir-Regolament Nru 542/2014 ( 40 ), iżda mingħajr ma kien ristrett il-prinċipju li jipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill‑konvenzjonijiet ta’ natura speċjali, anki dawk konklużi esklużivament bejn Stati Membri, jippermettu deroga minn dawk li issa huma stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012.

    31.

    It-tieni għan previst mill-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, li fl-opinjoni tiegħi għandu jilgħab rwol prinċipali f’din il-kawża, huwa li tingħata kunsiderazzjoni debita lill-fatt li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn konvenzjonijiet speċjali ġew stabbiliti billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-oqsma kkonċernati u li dawn ir-regoli huma għalhekk ta’ utilità li għandha tiġi ppreżervata ( 41 ). Dan jirrigwarda b’mod iktar partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni adottati għall-proprjetà intellettwali li jinsabu f’konvenzjonijiet internazzjonali, li l-awturi ta’ dan ir-regolament ma kellhomx l-intenzjoni li jeskludu ( 42 ).

    32.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, niddeduċi li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 kien maħsub sabiex jippreżerva l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu f’konvenzjonijiet ta’ natura speċjali konklużi mill-Istati Membri qabel d-dħul fis-seħħ tiegħu, sa fejn dawn ir-regoli għandhom kontenut iktar addattat għall-qasam ikkonċernat u dan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm dawn ikunu konformi mal-prinċipji li jirregolaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea ( 43 ). Jiena nikkunsidra li dan l-approċċ favorevoli għandu jiġi segwit, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI, fid-dawl tal-kontenut sostantiv tiegħu.

    b) Fuq ir-riproduzzjoni fil-KBPI ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu f’konvenzjonijiet speċjali li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001

    33.

    Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-KBPI ssostitwixxiet konvenzjonijiet li kienu fis-seħħ fit-tliet Stati Membri li jiffurmaw il-Benelux, b’effett mill-1971 għat-trade marks u mill-1975 għad-disinni, mingħajr ma għamlet emendi sostanzjali fuq il-livell tal-kontenut tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 4.6 tal‑KBPI, li huwa l-unika dispożizzjoni rilevanti f’din il-kawża ( 44 ), jirriproduċi b’mod identiku r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu f’dawn iż-żewġ strumenti qodma, billi sempliċement jadatta t-terminoloġija li kienet neċessarja minħabba l-fatt li dan it-test ġdid jirrigwarda kemm it-trade marks kif ukoll id-disinni ( 45 ).

    34.

    Il-Kummissjoni ssostni li huwa madankollu irrilevanti, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, li d-dispożizzjonijiet tal-KBPI jkunu simili wkoll għal dawk tal-konvenzjonijiet ta’ Benelux li hija ssostitwixxiet. Għall-kuntrarju, jiena tal-opinjoni li huwa essenzjali li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li billi adottaw l-imsemmi Artikolu 4.6, it-tliet Stati Membri partijiet tal-KBPI kkonservaw sempliċement il-kontenut tad-dispożizzjonijiet speċjali li kienu diġà applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001, mingħajr ebda tibdil sostantiv.

    35.

    Peress li wieħed mill-iskopijiet tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa li jippermetti l-applikazzjoni tar-regoli iktar addattati għall-partikolarità tal-qasam inkwistjoni ( 46 ), jidhirli li din il-kunsiderazzjoni tiġġustifika li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni riprodotti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI jipprevalu fuq dawk previsti minn dan ir-regolament. Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni, il-KBPI hija intiża, b’mod partikolari, tistabbilixxi regoli partikolari li jieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tat-trade mark Benelux, jiġifieri trade mark unika li la hija diviża bejn l-Istati Membri kkonċernati u lanqas marbuta ma’ wieħed minn dawn l-Istati b’mod partikolari. Fil-fatt, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni riprodotti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI huma, fl-opinjoni tiegħi, iktar addattati għat-trattament ta’ kawża li tirrigwarda trade mark Benelux milli huma r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001.

    36.

    L-istess japplika, b’mod partikolari, għar-regola stabbilita fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament li, għad-differenza tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI, ma kinitx intiża għall-kawżi bħal dik prinċipali. Jiena ser nindirizza iktar ’il quddiem il-limiti ta’ applikazzjoni possibbli tal-imsemmi Artikolu 22(4) għal din il-kawża, iżda ser insemmi preżentement ir-raġunijiet prinċipali ta’ din il-konstatazzjoni negattiva. F’dan ir-rigward, nenfasizza, minn naħa, li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi identifikat direttament liema hija l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi kawża ta’ dan it-tip ( 47 ), filwaqt li l-Artikolu 4.6 tal-KBPI jistabbilixxi serje ta’ kriterji ta’ ġurisdizzjoni iktar preċiżi ( 48 ). Min-naħa l-oħra, dan l-aħħar artikolu jeskludi – għall-kuntrarju tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 – li l-post tal-preżentazzjoni jew tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark iservi waħdu bħala fattur determinanti għall-ġurisdizzjoni, sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni ta’ ġurisdizzjoni f’wieħed mill-Istati Benelux ( 49 ). Fl-aħħar nett, nirrileva li l-leġiżlatur tal-Unjoni stess ried jiżgura li jiġu adottati regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw mir-Regolament Nru 44/2001 meta d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali ta’ din in-natura, li għandhom effett unitarju f’diversi Stati Membri, ikunu ġew stabbiliti fuq livell Komunitarju ( 50 ).

    37.

    Barra minn hekk, jiena nikkunsidra li l-applikazzjoni f’dan il-każ tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI b’ebda mod ma tippreġudika, anzi pjuttost il-kuntrarju, il-prinċipji essenzjali li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri f’materji ċivili u kummerċjali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservazzjoni tagħhom f’każ ta’ applikazzjoni f’dan il-qasam ta’ regoli inklużi f’konvenzjonijiet internazzjonali ta’ natura speċjali ( 51 ). Fid-dawl tal-partikolarità tagħhom, b’mod partikolari peress li jistabbilixxu l-qorti li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi kawża dwar il-validità ta’ trade mark Benelux, b’mod iktar preċiż u bbilanċjat minn dak possibbli taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 52 ), ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI jissodisfaw, fil-fehma tiegħi, dawn l-imsemmija prinċipji li huma rilevanti għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni ( 53 ).

    38.

    Barra minn hekk, jiena ma naqbilx mal-perspettiva tal-Kummissjoni li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 4.6 tal-KBPI għandu jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet kompetittivi tar-Regolament Nru 44/2001, dan ikun jikkontradixxi r-regola, stabbilita fl-Artikolu 3(3) TFUE u spjegata f’iktar dettall fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Istati Membri ma jibqgħux liberi li jikkonkludu konvenzjonijiet bejniethom li jistgħu “jaffettwaw regoli komuni”, bħal dawk previsti mir-Regolament Nru 44/2001, “jew li jibdlu l-portata”, għaliex l-Unjoni jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f’dan il-qasam ( 54 ). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll, fir-rigward ta’ konvenzjoni konkluża ma’ Stati terzi, iżda madankollu mingħajr ma llimitat ruħha espressament għal dan il-każ, li l-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament “ma jagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jintroduċu, permezz tal-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet speċjali jew l-emenda ta’ konvenzjonijiet li huma diġà fis-seħħ, regoli li jkollhom supremazija fuq ir-Regolament Nru 44/2001” ( 55 ).

    39.

    Madankollu, jiena nikkunsidra li, filwaqt li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI jirriproduċu biss dispożizzjonijiet tal-KBT u tal-KBD li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/200, u b’hekk ikkonsolidaw dawn it-testi, la jista’ jitqies li l-adozzjoni tal-KBPI tista’ taffettwa d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jew tibdel il-portata tagħhom, u lanqas li l-KBPI tikkostitwixxi “konvenzjoni ġdida speċjali” jew konvenzjoni li “temenda konvenzjonijiet diġà fis-seħħ”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

    40.

    F’dan il-kuntest partikolari fejn żewġ konvenzjonijiet Benelux li jippreċedu r-Regolament Nru 44/2001 kienu s-suġġett ta’ sempliċi riformulazzjoni fil-kuntest ta’ konvenzjoni Benelux oħra li kienet iffirmata u rratifikata wara dan ir-regolament, il-prinċipju ta’ supremazija tal-konvenzjonijiet speċjali stabbilit fl-Artikolu 71 tiegħu għandu, fl-opinjoni tiegħi, jipprevali fuq kunsiderazzjonijiet intiżi li jagħtu iktar importanza lill-forma milli lill-kontenut. Il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni għandha bħala riżultat kontestabbli li tipprekludi lill-Istati Membri milli jipproċedu b’tibdil li jikkonċerna sempliċement l-abbozzar jew purament il-forma, li fl-opinjoni tiegħi għandu jkun distint minn emendi ta’ natura sostanzjali li huma pprojbiti mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

    41.

    L-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ natura mhux formalista, hija fl-opinjoni tiegħi kkorroborata minn kunsiderazzjonijiet iktar ġenerali, ibbażati fuq id-dritt primarju tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 350 TFUE ( 56 ) jirriżulta li l-ftehim reġjonali speċifiku li jiġi konkluż fil-kuntest tal-Benelux għandu jkun ippreżervat peress li jippermetti li jintlaħqu aħjar l-għanijiet previsti minn dan tal-aħħar milli d‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sa fejn huma indispensabbli sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-sistema Benelux ( 57 ). F’dan il-każ, jiena tal-opinjoni li huwa effettivament xieraq, u anki indispensabbli, li t-tliet Stati tal-Benelux iżommu fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li huma kienu adottaw minn qabel sabiex jiżguraw funzjonament armonjuż u bbilanċjat tas-sistema tat-trade mark uniformi eżistenti bejniethom ( 58 ). Din l-opinjoni hija bbażata fuq il-fatt li, minn naħa, din is-sistema, li ssostitwixxiet totalment il-leġiżlazzjonijiet ta’ dawn l-Istati f’dan il-qasam ( 59 ), sal-lum għad ma għandhiex ekwivalenti tagħha fid-dritt tal-Unjoni ( 60 ), u min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 ma toffrix riżultat sodisfaċenti daqs dak tal-imsemmi Artikolu 4.6, f’dan il-kuntest partikolari.

    42.

    Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-KBPI għandha tiġi kklassifikata bħala konvenzjoni dwar qasam partikolari li huma partijiet tagħha Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 u li għalhekk, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 4.6 tal-imsemmija konvenzjoni għandhom jipprevalu fuq dawk stabbiliti minn dan ir-regolament fil-każ fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jikkoinċidi. Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li dan l-Artikolu 71 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ fejn kawża transkonfinali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess regolament u f’dak tal-KBPI, Stat Membru jista’, skont l-Artikolu 71(1), japplika r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 4.6 ta’ din il-konvenzjoni.

    B – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001

    1. Fuq l-għan tat-tieni u t-tielet domandi preliminari

    43.

    It-tieni u t-tielet domandi saru mill-qorti tar-rinviju b’mod sussidjarju biss, fil-każ li, b’risposta għall-ewwel domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jipprevalu fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI. Jiena nqis li dan ma għandux ikun il-każ. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament li jiena qed nipproponi, allura ma jkunx hemm lok li tingħata risposta għal dawn iż-żewġ domandi. Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, ser nagħmel l-osservazzjonijiet segwenti f’dan ir-rigward.

    44.

    Qabelxejn, nippreċiża li, fid-dawl tal-konnessjoni eżistenti bejn dawn id-domandi, li fl-opinjoni tiegħi t-tnejn jirrigwardaw is-sens u l-portata li għandha tingħata lill-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kuntest ta’ kawża bħal dik prinċipali, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien, sa fejn għandha tingħata risposta għalihom.

    45.

    Skont il-qorti tar-rinviju, jekk jitqies li r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 22(4) għandha tapplika f’kawża li, bħal f’dan il-każ, tirrigwarda n-nullità possibbli ta’ trade mark Benelux, jeżisti dubju fir-rigward tat-tifsira li għandha tingħata, f’dan il-kuntest partikolari, lill-espressjoni “il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni”, li tikkostitwixxi l-kriterju ta’ konnessjoni rilevanti, skont din id-dispożizzjoni, fil-qasam tal-validità tat-trade marks.

    46.

    Sabiex tiġġustifika t-tieni domanda tagħha, hija tindika essenzjalment, li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Benelux tapplika b’mod uniformi għat-territorju Benelux kollu, b’tali mod li l-qrati ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li jifformaw lil din tal-aħħar – għalhekk kemm il-qrati Belġjani kif ukoll dawk Lussemburgiżi u Olandiżi – jista’ jkollhom ġurisdizzjoni konġunta fid-dawl tal-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 22(4).

    47.

    Fil-każ li din l-interpretazzjoni ma tintlaqax mill-Qorti tar-rinviju titlobha għalhekk, permezz tat-tielet domanda tagħha, tippreċiża, minn naħa, liema wieħed minn dawn it-tliet Stati Membri huwa l-uniku wieħed li għandu ġurisdizzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, u min-naħa l-oħra, jekk il-fatturi ta’ ġurisdizzjoni territorjali previsti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI jistgħux jintużaw f’dan l-istadju sabiex jiġi identifikat l-Istat inkwistjoni.

    48.

    Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tirrakkomanda, fl-opinjoni tiegħi ġustament, li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li “l-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ trade mark Benelux, kemm il-qorti Belġjana kif ukoll il-qorti Olandiża u [l-qorti] Lussemburgiża għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu l-kawża”. Il-Kummissjoni ma tesprimix ruħha dwar it-tielet domanda. Min-naħa tiegħi, ser nagħmel numru ta’ rimarki f’dan ir-rigward.

    2. Fuq il-qrati kompetenti sabiex jiddeċiedu kawża dwar il-validità ta’ trade mark Benelux fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001

    a) Dwar il-kontenut tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001

    49.

    Infakkar li, kif jindika l-Artikolu 22 ab initio tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni kollha stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-artikolu għandhom partikolaritajiet komuni li japplikaw indipendentement mid-domiċilju tal-partijiet ( 61 ) u li jistabbilixxu ġurisdizzjoni ta’ natura esklużiva u mandatorja li l-applikazzjoni tagħha torbot b’mod speċifiku kemm lill-partijiet kif ukoll lill-qorti ( 62 ). Peress li b’hekk dawn jidderogaw mhux biss mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament li tiffavorixxi lill-konvenut, iżda wkoll mill-possibbiltajiet ta’ proroga volontarja tal-ġurisdizzjoni li fil-prinċipju huma offruti lill-partijiet ( 63 ), dawn id-dispożizzjonijiet speċjali għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta ( 64 ).

    50.

    Għall-kuntrarju ta’ dak li jindikaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni ( 65 ), l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, li jirreferi kollettivament għall- “qrati [ta’] Stat Membru”, sempliċement jindika l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni ratione materiae skont din id-dispożizzjoni, mingħajr madankollu ma jqassam il-kompetenzi fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja ( 66 ).

    51.

    L-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 22(4) jipprovdi li meta kawża transkonfinali tirrigwarda r-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li jagħti lok għal depożitu jew reġistrazzjoni, bħal trade mark, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tingħata esklużivament lill-“qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ”. It-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 4 jżid li, fil-qasam partikolari tal-privattiva Ewropea irregolat mill-Konvenzjoni ta’ Munich, “il-qrati ta’ kull Stat Membru għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva […] fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ xi patent Ewopew mogħti għal dak l-Istat” ( 67 ).

    52.

    Tali allokazzjoni ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, prevista f’dawn iż-żewġ paragrafi, għall-Istat Membru direttament ikkonċernat mill-għoti tad-dritt inkwistjoni għandha raġuni preċiża. Din hija riflessjoni tal-volontà tal-leġiżlatur li jikkonforma mal-għanijiet ta’ rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jissemmew, bħala ġustifikazzjonijiet għall-eċċezzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tal-prinċipju tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 44/2001.

    53.

    Fil-fatt, il-qrati tal-Istat fejn dan it-titolu jkollu effetti legali jitqiesu li jinsabu “fl-aħjar pożizzjoni” ( 68 ) sabiex jiddeċiedu dwar ir-reġistrazzjoni jew dwar il-validità tagħha fid-dawl tad-dritt applikabbli għaliha, jiġifieri ġeneralment il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-istess Stat li fit-territorju tiegħu għandha tkun żgurata l-protezzjoni tad-dritt ( 69 ). Kif tenfażizza l-Kummissjoni, teżisti tradizzjonalment rabta qawwija bejn is-salvagwardja tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u s-sovranità nazzjonali ( 70 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfażizzat ukoll li l-għoti ta’ drittijiet bħal privattivi jimplika l-intervent tal-amministrazzjoni nazzjonali u li l-kontenżjuz marbut miegħu huwa rriżervat għall-qrati speċjalizzati f’diversi Stati Membri ( 71 ).

    54.

    Huwa fid-dawl ta’ dan il-fatturi kemm testwali kif ukoll ġurisprudenzjali, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet notevoli li jippreżenta d-dritt ta’ proprjetà intellettwali fil-kawża prinċipali, li għandu jiġi eżaminat b’liema mod id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom eventwalment jiġu implementati f’dan il-każ.

    b) Fuq l-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ ineżami

    55.

    Qabelxejn nippreċiża li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi – għall-kuntrarju ta’ dak li jiena nipproponi li għandha tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari – li r-Regolament Nru 44/2001 għandu japplika f’kawża bħal dik prinċipali, jidhirli li huwa ċar mill-formulazzjoni tiegħu, li hija r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(4) u mhux dawk li jinsabu f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament ( 72 ), li għandha tiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-“validità” tat-trade mark Benelux inkwistjoni.

    56.

    Il-fattur determinanti ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni għall-kawżi li għalihom japplika l-Artikolu 22(4), huwa r-rabta stretta li għandha teżisti bejn id-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni u t-territorju li fih dan id-dritt igawdi minn protezzjoni ( 73 ). Fil-każ partikolari ta’ dritt b’effett unitarju li tikkostitwixxi t-trade mark Benelux, peress li din hija valida fit-tliet Stati tal-Benelux li fihom tgawdi protezzjoni uniformi ( 74 ), jiena nqis li l-kunċett ta’ “territorju” li għalih jirreferi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(4) għandu jinftiehem bħala riferiment f’dan il-każ għat-territorju Benelux kollu ( 75 ), li huwa assimilat għal territorju ta’ Stat Membru, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntesti analogi ( 76 ). Għalhekk, inqis li fil-kuntest partikolari tat-trade mark Benelux, it-territorji ta’ dawn it-tliet Stati huwa indikat b’mod kollettiv u l-qrati ta’ kull wieħed minnhom għandhom potenzjalment ġurisdizzjoni, peress li kollha jistgħu jitqiesu bħala li jinsabu “fl-aħjar pożizzjoni” sabiex japplikaw is-sistema uniformi adottata mill-imsemmija Stati fir-rigward ta’ din it-trade mark.

    57.

    Nenfasizza li r-regola li tipprovdi tqassim nazzjonali tal-ġurisdizzjoni li hija espressament stabbilita għall-privattiva Ewropea, fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 22(4), ma tistax tiġi trasposta għat-trade mark Benelux, peress li s-sistemi inkwistjoni huma fundamentalment distinti ( 77 ). Fil-fatt, il-privattiva Ewropea hija differenti mit-trade mark Benelux, peress li ma tikkostitwixxix dritt unitarju iżda tikkorrispondi għal grupp ta’ privattivi nazzjonali separati ( 78 ). Kif indikat il-Kummizzjoni, “essenzjalment, legalment dawn jibqgħu privattivi differenti li jibqgħu marbuta, individwalment, mat-territorju nazzjonali kkonċernat”. Dan jiġġustifika li l-kompetenza ġudizzjarja tibqa’ għalhekk marbuta ma’ kull Stat li fit-territorju tiegħu tintalab protezzjoni ta’ privattiva Ewropea, bħal ma huwa l-każ ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali strettament nazzjonali.

    58.

    Huwa preċiżament b’kunsiderazzjoni għall-fatt li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u riprodotti fir-Regolament Nru 44/2001 ma humiex adattati għall-partikolaritajiet ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali ta’ natura unitarja li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi ġew adottati għad-drittijiet ta’ dan it-tip li nħolqu fuq il-livell tal-Komunità Ewropea u mbagħad tal-Unjoni Ewropea. Dan kien il-każ għad-“disinni Komunitarji” ( 79 ), għat-“trade mark Komunitarja” li reċentement saret “trade mark tal-Unjoni Ewropea” ( 80 ), kif ukoll għall-“privattiva Ewropea b’effett unitarju” ( 81 ).

    59.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li dawn is-“sistemi derogatorji ma għandhomx madankollu l-effett li l-qorti kompetenti tista’ tkun dik ta’ Stat Membru li fih id-dritt ta’ proprjetà intellettwali ma huwiex validu” ( 82 ). Fl-opinjoni tiegħi, jiena nenfasizza li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, u b’mod partikolari dawk relatati mal-validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, iwasslu għall-esklużjoni totali tar-regola stabbilita fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament, peress li jipprovdu li għandu jkun uffiċċju ċentralizzat li jkollu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar talbiet ta’ nullità ppreżentati prinċipalment, u qrati speċjalizzati li għandhom jiddeċiedu dwar kontrotalbiet ta’ nullità – b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni –, qrati li fil-prinċipju huma dawk tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut ( 83 ).

    60.

    Bħall-Kummissjoni, jiena naqbel li, peress li twassal lill-qrati tat-tliet Stati Membri li jinsabu fl-istess pożizzjoni li jkollhom ġurisdizzjoni f’azzjoni għall-invalidità ta’ trade mark Benelux, l-interpretazzjoni stretta tal-imsemmi Artikolu 22(4) li qiegħda tiġi proposta hawnhekk toffri riżultat li ma jidhirx “ottimu” fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001 ( 84 ). Madankollu, fil-każ li dan ir-regolament jitqies li huwa applikabbli għal tali azzjoni, din l-interpretazzjoni ssir inevitabbli fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl kemm tal-formulazzjoni kif ukoll tal-bażi tal-Artikolu 22(4) tiegħu, u minħabba l-karatteristiċi partikolari tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni f’dan il-każ ( 85 ).

    61.

    Fl-aħħar nett, inqis li din il-konstatazzjoni negattiva għandha tiġi kkwalifikata, għaliex huwa probabbli li fil-prattika, hija ħafna drabi r-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) li – bħal fil-kawża prinċipali – li quddiemha jitressqu azzjonijiet b’riferiment għall-post tad-depożitu u/jew tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Benelux ikkonċernata ( 86 ). Jidhirli li l-fatt li l-applikant jista’ jagħżel li jressaq l-azzjoni quddiem kwalunkwe wieħed minn dawn it-tliet Stati jista’ ċertament jobbliga lill-konvenut jeċepixxi b’lingwa li huwa ma għandux għarfien sod tagħha u jwassal għal riskju ta’ forum shopping. Madankollu, din il-possibbiltà ta’ għażla għandha konsegwenzi prattiċi li huma inqas sinjifikattivi fil-kuntest partikolari tat-trade mark Benelux milli f’dak tar-regola ġenerali, peress li s-sistema legali applikabbli għaliha kienet armonizzata b’mod sħiħ bejn dawn l-Istati Membri u hija interpretata b’mod uniformi ( 87 ).

    c) Fuq l-impossibbiltà li jsir rikors suppplementari għall-Artikolu 4.6 tal-KBPI

    62.

    Sabiex jiġu evitati l-limiti li jqumu bl-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għal kawża dwar dritt ta’ proprjetà intellettwali b’effett unitarju bħat-trade mark Benelux ( 88 ), il-qorti tar-rinviju tipprevedi l-possibbiltà li tirrikorri, mid-dehra b’mod addizzjonali, għal serje ta’ regoli ta’ “ġurisdizzjoni territorjali” li jinsabu fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI, sabiex jiġi ddeterminat liema mit-tliet Stati tal-Benelux eżattament għandu ġurisdizzjoni f’dan il-qasam ( 89 ).

    63.

    Preliminarjament, nenfasizza li l-Artikolu 4.6 tal-KBPI jistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni f’sekwenza ( 90 ) li, min-naħa sostantiva tagħhom, huma fundamentalment differenti mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ta’ natura esklużiva li tinsab fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001. Jiena nsostni wkoll li hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 bħall-Artikolu 22(4) tiegħu għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni awtonoma, u mhux b’riferiment għad-dritt tal-Istati Membri ( 91 ).

    64.

    Qabelxejn, inqis li kull riferiment, anki riferiment supplementari, għal din id-dispożizzjoni tal-KBPI, għandu jiġi eskluż fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din għandha tkun eskluża mir-Regolament Nru 44/2001 skont l-Artikolu 71 ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, ikunu biss d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li jkunu applikabbli sabiex jiġu solvuti kunflitti ta’ ġurisdizzjoni jew anki kunflitti ta’ proċeduri li jistgħu jirriżultaw minn kawża bħal dik prinċipali.

    65.

    Il-fatt li l-qrati ta’ wieħed mill-Istati tal-Benelux jistgħu, fl-opinjoni tiegħi, jkunu aditi b’mod indifferenti mill-applikant, fil-każ li l-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament ikollu jiġi applikat għal tali kawża, dan iwassal għal diffikultajiet li madankollu ma humiex insurmontabbli, peress li dan ir-regolament stess jinkludi soluzzjonijiet li jippermettu li jiġu solvuti. Għaldaqstant fil-każ ta’ proċeduri simultanji, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tiġi allokata bejn tliet Stati skont ir-regola li tagħti prijorità lill-“ewwel qorti li jkollha quddiemha l-każ” li hija stabbilita fl-Artikoli 27 sa 30 ta’ dan l-istess regolament, li jirregolaw il-każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati li jistgħu jqumu bejn il-qrati tal-Istati Membri ( 92 ), u dan fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmija artikoli ( 93 ).

    66.

    Għaldaqstant, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis neċessarju li tiddeċiedi dwar it-tieni u t-tielet domandi preliminari, ikun hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi deċiż li l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tiġi deċiża kawża transkonfinali dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ trade mark Benelux, għandhom ġurisdizzjoni l-qrati ta’ kull wieħed mit-tliet Stati Membri li fit-territorju tagħhom dan id-dritt ta’ proprjetà intellettwali jkollu l-effetti tiegħu u għandu jiġi protett b’mod uniformi, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    V – Konklużjoni

    67.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi):

    L-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 5ta’ Diċembru 2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-kawża transkonfinali tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-Konvenzjoni Benelux fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni), iffirmata f’Den Haag fil-25 ta’ Frar 2005, Stat Membru jista’, skont l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament, japplika r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 4.6 ta’ din il-konvenzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

    ( 3 ) Konvenzjoni ffirmata f’Den Haag mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    ( 4 ) It-test ta’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Munich”) huwa aċċessibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: http://www.epo.org/law-practice/legal-texts/html/epc/2013/f/ma1.html.

    ( 5 ) L-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l-Artikolu 22(4) jikkorrispondu essenzjalment għall-Artikolu 16(4), rispettivament, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) u għall-Artikolu V d tal-Protokoll anness magħha, kif emendata mill-Konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni (ĠU 1998, C 27, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Brussell”). L-interpretazzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-rigward tal‑Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huma fl-opinjoni tiegħi trasponibbli għall-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba l-ekwivalenza eżistenti bejn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 38).

    ( 6 ) L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, b’differenza waħda notevoli fil-formulazzjoni (ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 7 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

    ( 8 ) Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa ddefinit fl-Artikolu 66 tiegħu.

    ( 9 ) F’dan ir-rigward, ninnota biss li, minn naħa, l-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 1215/2012 jispeċifika li din id-dispożizzjoni tapplika indipendentement mill-fatt dwar jekk il-kwistjoni titqajjimx permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ eċċezzjoni (skont is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT, C‑4/03, EU:C:2006:457, punt 31, u Roche Nederland et, C‑539/03, EU:C:2006:458, punt 40) u min-naħa l-oħra, li, fil-verżjoni Franċiża fost oħrajn, l-Artikolu 71 tagħha jissostitwixxi t-terminu ġeneriku ta’ “juridiction” għal dak ta’ “tribunal” li jinsab fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001.

    ( 10 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 fir-rigward tar-regoli li għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux (ĠU 2014, L 163, p. 1), li japplika b’effett mill-10 ta’ Jannar 2015, skont l-Artikolu 2 tiegħu.

    ( 11 ) Ara l-premessi 1 sa 4 tar-Regolament Nru 542/2014. B’mod partikolari, l-Artikolu 71a inkluż b’dan tal-aħħar jipprovdi li l-“[qrati] komuni għal diversi Stati Membri” li jikkostitwixxu l-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom jitqiesu bħala “qrati” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 12 ) Dan il-ftehim iffirmat fid-19 ta’ Frar 2013 (ĠU 2013, C 175, p. 1) ser jidħol fis-seħħ meta tlettax-il Stat Membru jirratifikawh, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 89(1) tiegħu.

    ( 13 ) Trattat dwar l-istabbiliment u l-istatut ta’ Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, iffirmat fil-31 ta’ Marzu 1965, mir-Renju Unit, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1974. Dawn it-tliet Stati ffirmaw, fil-15 ta’ Ottubru 2012, Protokoll li jemenda dan it-trattat sabiex jittrasferixxu l-ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux f’oqsma speċifiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 14 ) Iktar ’il quddiem il-“KBT”, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1969.

    ( 15 ) Iktar ’il quddiem il-“LBT”, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1971.

    ( 16 ) Iktar ’il quddiem il-“KBD”, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1974.

    ( 17 ) Iktar ’il quddiem il-“LBD”, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1975.

    ( 18 ) Skont l-Artikoli 1.2, 1.3 u 1.5 tal-KBPI, l-imsemmija Organizzazzjoni għandha s-sede tagħha f’Den Haag u hija komposta minn diversi organi li jippermettulha twettaq il-kompiti mogħtija lilha skont din il-konvenzjoni, fosthom “l-Uffiċċju Benelux tal-Proprjetà Intellettwali (trade marks u disinni)” (iktar ’il quddiem l’“UBPI”).

    ( 19 ) Kummentarju tal-KBT u tal-LBT li ġie abbozzat konġuntament mill-Gvern tal-Belġju, tal-Lussemburgu u tal-Olanda kien ippubblikat bl-Olandiż fit-Tractatenblad van het Koninkrijk der Nederlanden, 1962, Nru 58 (ara p. 75 fir-rigward tal-Artikolu 37 tal-LBT). Verżjoni bil-Franċiż ta’ din l-espożizzjoni tal-motivi tinsab fis-sit tal-internet tal-UBPI (https://www.boip.int/wps/portal/site/juridical/regulations/oldregulations/!ut/p/a0/04_Sj9CPykssy0xPLMnMz0vMAfGjzOKdg5w8HZ0MHQ0s_IKNDDxdfX1DHL1CDYO9DfSD04r0C7IdFQHd_Xc9/).

    ( 20 ) L-espożizzjoni tal-motivi tal-Artikolu 29 tal-LBD, li jirriproduċu essenzjalment dawk relatati mal-Artikolu 37f tal-LBT, jinsabu wkoll fl-indirizz elettroniku msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 21 ) Dan l-eżempju, li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, huwa distint mir-rikorsi magħmula direttament kontra deċiżjoni tal-UBPI dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Benelux, li fir-rigward tagħhom il-KBPI jipprevedi regoli speċifiċi (ara l-Artikoli 2.12, 2.17 u 4.2).

    ( 22 ) Skont l-Artikolu 2.4 ab intio u (f) tal-KBPI, “[m]a jagħtix dritt għal trade mark : […] (f) ir‑reġistrazzjoni ta’ trade mark [Benelux] li l-preżentazzjoni tagħha twettqet b’mala fide, b’mod partikolari: 1. il-preżentazzjoni, magħmula b’konoxxenza jew b’nuqqas ta’ konoxxenza li ma hijiex skużabbli tal-użu normali magħmul b’bona fide fl-aħħar tliet snin fit-territorju Benelux, ta’ trade mark simili għal prodotti jew servizzi simili, minn terz li ma tax il-kunsens tiegħu […]”.

    ( 23 ) L-Artikolu 2.28(3) u (b) tal-KBPI jistabbilixxi li “[m]inkejja li […] it-terz imsemmi fl-Artikolu 2.4, […] (f), ikun parti fil-kawża, kull persuna kkonċernata tista’ tinvoka n-nullità: […] (b) tal-preżentazzjoni li ma tagħtix dritt għal trade mark b’applikazzjoni tal-Artikolu 2.4, […] (f), […] f’terminu ta’ ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni”.

    ( 24 ) Il-qorti tar-rinviju targumenta li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma għandhiex domiċilju fil-Pajjiżi l-Baxxi u lanqas ma għandha obbligu li kien jew li għandu jitwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    ( 25 ) Sentenza H&M AB et vs G Star (ECLI:NL:GHDHA:2013:4466), aċċessibbli fl-indirizz elettroniku segwenti : http://deeplink.rechtspraak.nl/uitspraak?id=ECLI:NL:GHDHA:2013:4466.

    ( 26 ) Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-pożizzjoni meħuda fl-2013 mill-Gerechtshof Den Haag (qorti tal-appell ta’ Den Haag) “tikkonforma ma’ artiklu li kien ippubblikat fuq dan is-suġġett”, jiġifieri: S.J. Schaafsma, “Samenloop van EEX en BVIE”, Intellectuele eigendom & reclamerecht (IER), 2012, p. 593 et seq., speċjalment il-punt 8. Jidhirli li l-awtur ta’ dan l-artiklu kien wieħed mill-membri tal-qorti li qatgħet is-sentenza inkwistjoni.

    ( 27 ) Ir-regoli ġenerali tar-Regolament Nru 44/2001 japplikaw għall-azzjonijiet oħra li ma jirrigwardawx “ir-reġistrazzjoni jew il-validità” tat-titoli ta’ proprjetà intellettwali previsti fl-Artikolu 22(4) tiegħu (ara fir-rigward tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ekwivalenti għal din l-aħħar dispożizzjoni, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee, 288/82, EU:C:1983:326, punti 23 et seq). Għaldaqstant, proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Benelux jistgħu jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 4.6 tal-KBPI kif ukoll taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, applikabbli fl-oqsma delittwali (kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Gerechtshof Den Haag [qorti tal-appell ta’ Den Haag] li tqajmet fid-deċiżjoni tar-rinviju, ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jew anki taħt l-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament, dwar miżuri provviżorji (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay, C‑616/10, EU:C:2012:445, punti 31 et seq).

    ( 28 ) Nippreċiża li għall-kuntrarju tal-Artikolu 71, li jippreserva l-effett ta’ “konvenzjoni li dwari l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola ġurisdizzjoni jew r-Rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi” (enfażi tiegħi), l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li dan tal-aħħar jissostitwixxi l-konvenzjonijiet iffirmati bejn l-Istati Membri li jirregolaw dawn l-istess kwistjonijiet iżda li għandhom portata ġenerali. Barra minn hekk, anki fil-preżenza ta’ konvenzjoni ta’ natura speċjali, ir-regoli stabbiliti mill-imsemmi regolament għandhom ikunu applikati fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha ta’ ġurisdizzjoni mhux koperti minnha (ara, fir-rigward tal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ekwivalenti għall-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry, C‑406/92, EU:C:1994:400, punti 2527).

    ( 29 ) Ara l-punt 3 kif ukoll il-punt 11 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 30 ) L-imsemmi Artikolu 22(4) jipprevedi fl-istess waqt “patenti, trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati”. Din l-aħħar formulazzjoni tinkludi b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ varjazzjoni ta’ pjanti (ara P. Jenard, Rapport dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoniet u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ĠU 1979, C 59, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“rapport Jenard”).

    ( 31 ) Enfasi tiegħi. Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punti 45 sa 48), u tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 37).

    ( 32 ) Enfażi tiegħi. Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punti 3738).

    ( 33 ) Infakkar li l-KBPI daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2006, u għalhekk wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001 li, skont l-Artikolu 76 tiegħu, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2002 għat-tliet Stati Membri li jifformaw il-Benelux.

    ( 34 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 35 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 36 ) Ir-rapport Jenard (op. cit., p. 60) jesponi, fir-rigward tal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ekwivalenti għall-imsemmi Artikolu 71, li “l-Istati Membri tal-Komunità, billi jadottaw dawn il-ftehimiet f’oqsma speċjali, ikunu fil-parti l-kbira, ikkuntrattaw obbligi lejn Stati terzi li ma jistgħux jemendaw mingħajr il-kunsens ta’ dawn l-Istati”.

    ( 37 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40); Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6); kif ukoll il-premessa 73 in fine u l-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107). Ara preċedentement, il-formulazzjoni simili tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) u l-Artikolu 59(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

    ( 38 ) Ara B. Hess, T. Pfeiffer, u P. Schlosser, Study JLS/C4/2005/03, Report on the Application of Regulation Brussels I in the Member States, Ruprecht Karls Universität Heidelberg, 2007, p. 67 et seq, partikolarment il-punt 145 kif ukoll, wara dan l-istudju, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, tal-21 ta’ April 2009 (COM [2009] 174 finali, punt 3.8.1).

    ( 39 ) Ħlief korrezzjoni żgħira (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 40 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 41 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll ir-rapport Jenard (op. cit., p. 60), li jenfasizza li “ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dawn il-ftehimiet huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet partikolari għall-oqsma li jirrigwardaw”. Barra minn hekk, matul ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 44/2001, f’dikjarazzjoni konġunta fir-rigward “tal-Artikoli 71 u 72 kif ukoll dwar l-innegozjar fil-kuntest tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat”, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw li “[b]’kunsiderazzjoni għall-utilità li jista’ kultant ikollha l-elaborazzjoni tar-regoli speċifiċi għal oqsma partikolari, il-Kunsill u l-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-possibbiltà li jibdew negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali f’ċerti oqsma” (ara n-nota tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dokument Nru 14139/00, JUSTCIV 137, anness I, p. 3, punt 2).

    ( 42 ) L-abbozz tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Lulju 1999, li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, tal-14 ta’ Lulju 1999, kienet tikkwota espressament, fost il-konvenzjonijiet speċjali li għandhom ikomplu japplikaw u li hija elenkat inizjalment fl-Artikolu 63 tiegħu, il-Konvenzjoni ta’ Munich dwar il-liċenzja Ewropea, imsemmija wkoll fl-Artikolu 22(4) ta’ dan l-abbozz (COM [1999] 348 finali, p. 42 u 58).

    ( 43 ) Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, ara l-ġurisprudenza li ser tissemma fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 44 ) Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interazzjoni bejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI u dawk previsti mir-Regolament Nru 44/2001, hemm lok fl-opinjoni tiegħi, li l-analiżi tiffoka fuq ir-regoli ta’ dan it-tip, u li għalhekk ma jiġux eżaminati r-regoli tad-dritt materjali stabbiliti f’dispożizzjonijiet oħra ta’ din il-konvenzjoni. Ara b’analoġija, P. Schlosser, Rapport dwar il-konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll għal Protokoll dwar l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 139, punt 238 in fine, iktar ’il quddiem ir-“Rapport Schlosser”).

    ( 45 ) Ara l-punti 11 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Ara wkoll il-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 47 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 48 ) Skont l-imsemmi Artikolu 4.6, il-ġurisdizzjoni tista’ tingħata bi klawżola ta’ għażla tal-forum; fin-nuqqas ta’ tali ftehim espress, il-ġurisdizzjoni tingħata skont id-domiċilju tal-konvenut jew skont il-post fejn tnissel jew ġie eżegwit l-obbligu kkontestat (paragrafu 1); sussidjarjament, il-konvenut jista’ jressaq il-kawża quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju jew tar-residenza tiegħu, kemm-il darba dawn ikunu jinsabu fit-territorju tal-Benelux, jew jekk dan ma jkunx il-każ, jista’ jagħżel bejn il-qorti ta’ Brussell, il-qorti ta’ Den Haag jew il-qorti tal-Lussemburgu (paragrafu 2).

    ( 49 ) Ara l-aħħar frażi tal-Artikolu 4.6(1) tal-KBPI. Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Artikolu 37 tal-LBT (op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jirriżulta li l-awturi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti hemmhekk, irriprodotti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI, għandhom l-għan, fost oħrajn, li ma “jagħtux preferenza lil qorti ta’ pajjiż kontraenti wieħed” u “li jipprekludu estensjoni kbira ħafna tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-post fejn [ser] ikun stabbilit l-Uffiċju Benelux tat-Trade Marks”, li kien issostitwit mill-Organizzazzjoni Benelux tal-Proprjetà Intellettwali, skont l-Artikolu 5.1 tal-KBPI. Dan ir-rifjut ta’ ċentralizzazzjoni tal-ġurisdizzjoni fi Stat wieħed jidhirli li jindirizza l-preokkupazzjoni ġġustifikata li jiġi żgurat tqassim ġust tar-responsabbiltà tal-kawżi kontenzjużi bejn il-qrati nazzjonali, kif ukoll li jiġi żgurat trattament lingwistiku xieraq tal-individwi, filwaqt li jiġi ppreċiżat li fi ħdan unjoni reġjonali fejn jintuża kemm l-Olandiż kif ukoll il-Franċiż, jidhirli li huwa siewi li ma tingħatax predominanza lil waħda minn dawn il-lingwi meta mqabbla mal-oħra.

    ( 50 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 58 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 51 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-ġurisprudenza li tirrigwarda konvenzjoni konkluża ma’ Stati terzi – jiġifieri l-Konvenzjoni dwar it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq (imsejħa CMR), iffirmata f’Genève fid-19 ta’ Mejju 1956 –, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi, b’mod partikolari “il-prinċipji espressi fil-premessi 6, 11, 12 u 15 sa 17 tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ ċirkulazzjoni libera tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili jew kummerċjali, ta’ previdibbiltà tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u, għaldaqstant, ta’ ċertezza legali għall-persuni suġġetti għal-liġi, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċeduri simultanji, kif ukoll ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni”.

    ( 52 ) Ara wkoll il-punti 36, 56 u 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 53 ) Jiġifieri li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-imsemmi Artikolu 4.6 jirrapreżentaw grad għoli ta’ prevedibbiltà, jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jippermettu t-tnaqqis tar-riskju ta’ proċeduri simultanji, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fost il-prinċipji msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawk marbuta mal-moviment liberu tad-deċiżjonijiet u tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri jirreferu għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punti 5354).

    ( 54 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-Opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81) u għas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 100101). Ara wkoll l-Opinjoni 1/13, tal-14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punti 71 et seq.), fejn huma stabbiliti d-dettalji ta’ din il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Unjoni.

    ( 55 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 38), tindika li “[d]in il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li tgħid li, bl-istabbiliment ta’ regoli komuni, l-Istati Membri ma għandhomx iżjed dritt li jikkonkludu ftehim internazzjonali li jaffettwa dawn ir-regoli (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, imsejħa “AETR”, 22/70, [EU:C:1971:32], punti 17 sa 19, u tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, imsejħa ‘sema miftuħ’, C‑467/98, [EU:C:2002:625], punt 77)”.

    ( 56 ) Skont l-imsemmi Artikolu 350, “[i]d-dispożizzjonijiet tat-trattati ma jipprekludux l-eżistenza u t-twettiq ta’ għaqdiet reġjonali bejn il-Belġju u l-Lussemburug, kif ukoll bejn il-Belgju, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi, safejn l-għanijiet ta’ dawn l-għaqdiet reġjonali ma jippreġudikawx l-applikazzjoni tat-trattati”.

    ( 57 ) Ara fir-rigward tal-Artikolu 233 KEE (li sar l-Artikolu 306 KE u mbagħad l-Artikolu 350 TFUE), b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et (C‑367/93 sa C‑377/93, EU:C:1995:261, punt 40), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, għall-kuntrarju, li l-Istati Membri li jiffurmaw il-Benelux jistgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni sabiex jevitaw l-obbligi imposti fuqhom skont id-dritt Komunitarju, meta dan ikun “indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema Benelux”; kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-Kawżi magħquda Roders et (C‑367/93 sa C‑377/93, EU:C:1995:11, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jfakkru li din id-dispożizzjoni “għandha l-għan li tevita li l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju jkollha l-effett li tkisser l-unjoni reġjonali bejn dawn it-tliet Stati Membri jew tostakola l-iżvilupp tagħha”.

    ( 58 ) Ara l-premessi li jinsabu fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 ta dawn il-konklużjonijiet.

    ( 59 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, “[i]l-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi tal-Benelux ma għandhiex liġi nazzjonali dwar it-trade marks, iżda l-liġi dwar it-trade marks Benelux biss, li tapplika fit-territorju Benelux kollu”.

    ( 60 ) It-trade mark Komunitarja, li saret it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara n-nota ta’ qiegħ l-paġna 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet), tagħti lid-detentur tagħha protezzjoni li hija valida fl-Istati Membri kollha, iżda, għall-kuntrarju tat-trade mark Benelux, is-sistema tagħha ma tissostitwixxix l-proċeduri u r-regoli tad-dritt applikabbli fuq livell nazzjonali (ara l-premessi 4 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill [KE] Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU 2009, L 78, p. 1). Id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25) ċertament tarmonizzahom iżda biss parzjalment (ara l-premessi 4 et seq.).

    ( 61 ) L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tiegħu anki meta l-konvenut ma jkunx domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru.

    ( 62 ) Ara, fir-rigward tas-suġġett dwar l-ekwivalenza tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell mal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2006, GAT (C‑4/03, EU:C:2006:457, punt 24).

    ( 63 ) L-Artikolu 23(5) u l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludu, rispettivament, li kemm konvenzjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni kif ukoll preżenza volontarja tal-konvenut, jippermettu li jiġu evitati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva previsti fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament. Nirrileva li, għall-kuntrarju, l-Artikolu 4.6 tal-KBPI jiffavorixxi l-għażla tal-forum.

    ( 64 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30), li tenfasizza n-neċessità ta’ “interpretazzjoni stretta” tad-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmi Artikolu 22; kif ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Komu et (C‑605/14, EU:C:2015:833, punt 24), li tfakkar li “sa fejn huma jdaħħlu eċċezzjoni għar-regoli ġenerali tal-ġurisprudenza [tar-R]egolament [Nru 44/2001], […] id-dispożizzjonijiet [tal-Artikolu 22(1)] ta’ dan l-istess regolament ma għandhomx jiġu interpretati f’sens iktar wiesa’ minn dak mitlub mill-għan tagħhom. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala effett li jċaħħdu lill-partijiet mill-għażla tal-qorti li kieku tkun f’idejhom u, f’ċerti każijiet, li twassalhom quddiem qorti li ma tkunx il-qorti tad-domiċilju ta’ ebda wieħed minnhom”.

    ( 65 ) Il-Kummissjoni tiddikjara, b’mod żbaljat fl-opinjoni tiegħi, li “l-applikazzjoni tal-kriterji previsti fl-Artikolu 22(4), jippermettu fil-prinċipju li tingħażel qorti nazzjonali waħda li għandhom ġurisdizzjoni. Skont is-sitwazzjoni, din tkun il-qorti tal-Istat Membru” fejn jiġi ddepożitat jew irreġistrat it-titolu ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni (enfażi magħmula minni).

    ( 66 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 48).

    ( 67 ) Ir-rapport Schlosser jippreċiża li l-qrati li għalhekk ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva ma humiex il-qrati tal-Istat li fih saret applikazzjoni għal privattiva Ewropea, iżda dawk tal-Istat li għalih din l-applikazzjoni titqies valida u għandha tiġi kkontestata (op. cit., p. 123).

    ( 68 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C 4/03, EU:C:2006:457, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 69 ) Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-lex loci protectionis, ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 864/2007 (imsejjaħ Rome II), kif ukoll l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali tal-20 ta’ Marzu 1883 li hemm riferiment għalih fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża GENESIS (C‑190/10, EU:C:2011:202, punt 29).

    ( 70 ) Ir-Rapport Jenard jistabbilixxi korrelazzjoni bejn il-fatt li “l-għoti ta’ privattiva nazzjonali [jew dritt ekwivalenti] jirriżulta mis-sovranità nazzjonali” u n-natura esklużiva tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista f’dan il-qasam (op. cit., p. 36).

    ( 71 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C‑4/03, EU:C:2006:457, punti 2223).

    ( 72 ) Fuq l-intervent possibbli ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 44/2001 fil-qasam ta’ proprjetà intellettwali, ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 73 ) Peress li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni kollha previsti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 huma bbażati biss fuq l-għan tat-talba u japplikaw indipendentement mid-domiċilju tal-partijiet, il-paragrafu (4) ta’ dan l-artikolu jista’ teoretikament japplika anki jekk ebda wieħed mill-partijiet ma jkun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri, u b’mod partikolari f’wieħed mill-Istati Membri tal-Benelux, iżda dan ma huwiex il-każ hawnhekk għaliex il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija kumpannija Lussemburgiża.

    ( 74 ) Ara l-introduzzjoni u l-kummentarji kemm tal-Artikolu 1 tal-KBT kif ukoll tal-Artikolu 37 tal-LBT, fl-espożizzjonijiet tal-motivi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 75 ) It-territorju Benelux huwa kompost mit-“territorju tar-Renju tal-Belġju, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-Ewropa”, skont l-Artikolu 1.16 tal-KBPI.

    ( 76 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Bovemij Verzekeringen (C‑108/05, EU:C:2006:530, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, “għal dak li jirrigwarda t-trade marks irreġistrati mal-UTB [li sar l-Organizzazzjoni Benelux tal-Proprjetà Intellettwali], it-territorju Benelux għandu jiġi mqabbel ma’ territorju ta’ Stat Membru, billi l-Artikolu 1 tad-direttiva [tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1)] jqabbel dawn it-trade marks ma’ dawk irreġistrati fi Stat Membru” (enfasi tiegħi). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et (C‑367/93 sa C‑377/93, EU:C:1995:261, punt 20), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “it-territorji tal-Belġju, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Lussemburgu għandhom ikunu kkunsidrati bħala territorju wieħed għal dak li jirrigwarda d-dazji tas-sisa fuq l-inbid [peress li] konvenzjoni [konkluża bejn dawn il-partijiet] għaqdet ir-rati u l-kriterji tas-sisa” f’dan il-qasam (enfasi tiegħi).

    ( 77 ) Fuq id-distinzjoni bejn is-sistema tal-privattiva Ewropea u dik ta’ dritt unitarju, kif ukoll l-impatt ta’ din id-distinzjoni fil-qasam ta’ ġurisdizzjoni ġudizzjarja, ara r-rapport Schlosser (op. cit., p. 123).

    ( 78 ) Filwaqt li dan id-dritt jingħata fi tmiem proċedura unika mwettqa mill-Uffiċċju tal-Privattiva Ewropea ta’ Munich, dan jagħti lill-proprjetarju tiegħu, simultanjament fl-Istati differenti identifikati mill-applikant, l-istess drittijiet mogħtija minn privattiva nazzjonali maħruġa f’kull wieħed minn dawn l-Istati kontraenti (ara l-Artikoli 2, 3, 64 u 79 tal-Konvenzjoni ta’ Munich).

    ( 79 ) Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), li l-Artikoli 79 sa 94 tiegħu jistabbilixxu “ġurisdizzjoni u […] proċedura legali fil-kawżi li jkollhom x’jaqsmu mad-disinji Komunitarji”, filwaqt li jirrelatahom mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

    ( 80 ) Ara r-Regolament Nru 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. B’mod partikolari, l-Artikolu 1 punti 90 sa 96 tar-Regolament Nru 2015/2424 jemenda l-Artikoli 94 sa 108 tar-Regolament Nru 207/2009, li jistabbilixxi ir-regoli ta’ “ġurisdizzjoni, u [tal-]proċedura li għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skont il-liġi li tirrigwarda trade marks Komunitarji” billi jindika b’mod partikolari meta r-Regolament Nru 44/2001 ikun applikabbli f’dan il-qasam (ara l-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 207/2009).

    ( 81 ) L-emendi introdotti fir-Regolament Nru 1215/2424 bir-Regolament Nru 542/2014 (ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet) huma esposti fil-premessi 1 sa 12 ta’ dan tal-aħħar. Ara wkoll il-kummentarju tal-Artikoli 71a et seq tar-Regolament Nru 1215/2012 minn P. Mankowski, f’European Commentaries on Private International Law, Vol. I, Brussels Ibis Regulation, U. Magnus, u P. Mankowski, (Ed.), Otto Schmidt, Köln, 2016, p. 1075 et seq.

    ( 82 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll għall-Artikoli 71a u 71b tar-Regolament Nru 1215/2012 u tar-Regolament Nru 542/2014.

    ( 83 ) Dwar dawn ir-regoli kollha ta’ ġurisdizzjoni speċifika, li l-kontenut tagħhom huwa kumpless, ara b’mod partikolari, J.-P. Beraudo, u M. J. Beraudo, “Convention de Bruxelles, conventions de Lugano et règlement (CE) no 44/2001”, JurisClasseur Europe, Ġabra 3010, 2015, punti 66 et seq.; H. Gaudemet Tallon, Compétence et exécution des jugements en Europe, LGDJ Lextenso, Issy les Moulineaux, 5 Edizzjoni, 2015, punti 118 et seq.

    ( 84 ) Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 tagħti lill-applikant għażla li ma tinkwadrax perfettament mal-għanijiet ta’ dan l-istrument u tikkawża prevedibbiltà inqas minn dik li tiġġenera l-applikazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI, peress li dawn tal-aħħar iwasslu fil-parti l-kbira tal-każijiet għal ġurisdizzjoni esklużiva ta’ qorti waħda. Intenni li, skont il-premessi 11 u 15 ta’ dan ir-regolament, dan huwa intiż fil-prinċipju sabiex jiżgura li “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel” u “titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji”.

    ( 85 ) J.-P. Beraudo, u M.-J. Beraudo, op. cit., jikkunsidraw ukoll li, meta skont strument internazzjonali, talba ppreżentata fi Stat jew quddiem uffiċċju internazzjonali twassal għall-għoti ta’ dritt f’diversi Stati, il-qrati ta’ kull wieħed mill-Istati li għalihom ingħata d-dritt għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiddeċiedu kontestazzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità tiegħu f’dak l-Istat (ara l-punt 51 in fine).

    ( 86 ) Ir-raġuni li din hija probabbli hija li f’Den Haag hemm stabbilit l-UBPI, li quddiemu tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Benelux, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ amministrazzjoni nazzjonali li f’dan il-każ għandha tibgħat l-applikazzjoni li tkun irċeviet lill-UBPI (Artikolu 2.5(1) u (4) tal-KBPI). Huwa sewwasew sabiex tiġi evitata tali konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni li l-Istati Benelux adottaw is-serje ta’ regoli riprodotti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI (ara n-nota ta’ qiegħ l-paġna 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 87 ) Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-istituzzjoni u dwar l-istatut ta’ Qorti tal-Ġustizzja Benelux (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u mal-Artikolu 1.15 tal-KBPI, l-imsemmija qorti tista’, u saħansitra għandha, tkun adita mill-qrati tat-tliet Stati tal-Benelux, bi kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni preliminari tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar strument.

    ( 88 ) Dwar dawn il-limiti, ara b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 89 ) Fir-rigward tal-applikazzjoni eventwali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI b’mod supplementari għal dawk tar-Regolament Nru 44/2001, ara S.J. Schaafsma, op. cit., punt 9.

    ( 90 ) Li l-kontenut tagħhom huwa deskritt fil-qosor fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 91 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenzi tal-15 Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326, punti 16 sa 19) u tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C‑4/03, EU:C:2006:457, punt 14), kif ukoll b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Komu et (C‑605/14, EU:C:2015:833, punt 23).

    ( 92 ) Ara wkoll il-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001. B’mod partikolari, l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[m]eta azzjonijiet jidħlu fil-ġurisdizzjoni esklussiva ta’ diversi qrati”, kif jista’ jkun il-każ jekk l-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament jiġi applikat għal kawża dwar trade mark Benelux, “xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastjeni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti”.

    ( 93 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-interazzjoni bejn regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva stabbilita fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament u r-regola marbuta mal-lis pendens prevista fl-Artikolu 27 tiegħu, is-sentenza tat-3 April 2014, Weber (C‑438/12, EU:C:2014:212, punti 48 et seq).

    Top