Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0563

    Kawża C-563/13: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit- 30 ta’ Ottubru 2013 — UPC DTH Sàrl vs President tan-Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság

    ĠU C 24, 25.1.2014, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.1.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/4


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-30 ta’ Ottubru 2013 — UPC DTH Sàrl vs President tan-Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság

    (Kawża C-563/13)

    2014/C 24/08

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Qorti tar-rinviju

    Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: UPC DTH Sàrl

    Konvenut: President tan-Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság

    Domandi preliminari

    (1)

    L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas, jiġifieri d-Direttiva 2002/21/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, jista’ jiġi interpretat fis-sens li s-servizz li bih il-fornitur ta’ servizzi jipprovdi, bi ħlas, aċċess kundizzjonali għal pakkett ta’ programmi trażmess bis-satellita, li jinkludi servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni, jiġi kklassifikat bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi?

    (2)

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn Stati Membri japplika wkoll għas-servizz imsemmi fid-domanda 1) sa fejn dan jirrigwarda servizz ipprovdut mil-Lussemburgu fit-territorju tal-Ungerija?

    (3)

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jista’ jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ tas-servizz li għalih tirreferi d-domanda 1), il-pajjiż ta’ destinazzjoni, li lejh huwa ddestinat is-servizz, għandu d-dritt li jillimita l-provvista ta’ tali servizzi billi jeżiġi r-reġistrazzjoni obbligatorja tas-servizz fl-Istat Membru u l-istabbiliment ta’ fergħa jew ta’ entità ġuridika distinta, filwaqt li jinsisti li tali servizz jista’ jiġi pprovdut biss permezz ta’ fergħa jew entità distinta?

    (4)

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri marbuta mas-servizzi li għalihom tirreferi d-domanda 1) jaqgħu taħt l-awtorità tal-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni territorjali fuq il-bażi tal-post li fih jiġi pprovdut is-servizz — indipendentement mill-Istat Membru li fih topera jew hija rreġistrata l-impriża li tipprovdi s-servizz?

    (5)

    L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 (Direttiva Qafas), jista’ jiġi interpretat fis-sens li s-servizz li għalih tirreferi d-domanda 1) huwa servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew li s-servizz deskritt fid-domanda 1) huwa servizz ta’ aċċess kundizzjonali pprovdut billi tintuża s-sistema ta’ aċċess kundizzjonali iddefinita fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva Qafas?

    (6)

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dispożizzjonijiet rilevanti jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-fornitur tas-servizz li għalih tirreferi d-domanda 1) huwa fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens tal-leġiżlazzjoni Komunitarja?


    (1)  Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

    (2)  Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 337, p. 37).


    Top