Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0326

Kawża C-326/13 P: Appell ippreżentat fis- 17 ta’ Ġunju 2013 minn Peek & Cloppenburg KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit- 18 ta’ April 2013 fil-Kawża T-507/11 — Peek & Cloppenburg KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

ĠU C 245, 24.8.2013, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 245, 24.8.2013, p. 5–5 (HR)

24.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 245/5


Appell ippreżentat fis-17 ta’ Ġunju 2013 minn Peek & Cloppenburg KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-18 ta’ April 2013 fil-Kawża T-507/11 — Peek & Cloppenburg KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-326/13 P)

2013/C 245/08

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Peek & Cloppenburg KG (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentant: P. Lange, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Peek & Cloppenburg KG (Hamburg, il-Ġermanja)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ April 2013 fil-Kawża T-507/11;

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-28 ta’ Frar 2011 fil-Każ R 262/2005-1;

tikkundanna lill-UASI u lil Peek & Cloppenburg KG (Hamburg) għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tallega ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-espressjoni li “[t]agħti […] d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv”.

Kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi preżunt li r-rekwiżit tad-dispożizzjoni jikkonsisti esklużivament fil-fatt li d-dritt mitlub għandu portata li ma hijiex biss waħda lokali. Il-kriterju inkwistjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-portata tas-sinjali opposti hija iktar wiesgħa minn dik tal-porata lokali biss. Din l-interpretazzjoni tassumi li d-dritt nazzjonali inkwistjoni għandu jagħti lid-detentur tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark sussegwenti fit-territorju kollu tal-Istat Membru li fih kien oriġina dan id-dritt.

Din il-fehma hija kkorroborata mill-proċedimenti ta’ oppożizzjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni għal trade mark, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 110 u tal-Artikolu 111 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u mill-fehim tal-kriterju fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja li huwa identiku għal dak tal-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE (2).

Il-leġiżlatur Ġermaniż ittraspona l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE fis-sens li l-liġi inkwistjoni għandha tagħti lid-detentur id-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark sussegwenti fit-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-interpretazzjoni tal-kriterju “d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv” hija rilevanti għall-kawża.

Sussidjarjament, l-appellanti tallega ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja minħabba l-interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-espressjoni “ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali”. Għalhekk hija tinvoka wkoll is-sinjifikat tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u l-għan li jiġi llimitat id-dritt ta’ rikors fil-konfront tas-sinjali nazzjonali ċċitati fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-kuntest regolatorju tal-Artikolu 110 u tal-Artikolu 111 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u r-regola tal-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

(2)  Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).


Top