Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0034

    Kawża T-34/12: Rikors ippreżentat fil- 25 ta’ Jannar 2012 — Herbacin cosmetic vs UASI — Laboratoire Garnier (HERBA SHINE)

    ĠU C 80, 17.3.2012, p. 24–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 80/24


    Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2012 — Herbacin cosmetic vs UASI — Laboratoire Garnier (HERBA SHINE)

    (Kawża T-34/12)

    2012/C 80/41

    Lingwa tar-rikors: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Herbacin cosmetic GmbH (Wutha-Farnroda, il-Ġermanja) (rappreżentant: J. Eberhardt, avukat)

    Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Laboratoire Garnier et Cie (Pariġi, Franza)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-22 ta’ Novembru 2011 fil-Każ R 2255/2010-1, u

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Applikant għat-trade mark Komunitarja: Laboratoire Garnier et Cie.

    Trade mark Komunitarja kkonċernata:“HERBA SHINE” għal prodotti fil-klassi 3.

    Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti.

    Trade mark jew sinjal invokat: it-trade mark verbali “HERBACIN”, protetta minn trade mark nazzjonali, trade mark Komunitarja u reġistrazzjoni internazzjonali, għal prodotti fil-klassi 3.

    Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa.

    Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell milqugħ.

    Motivi invokati: ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba l-fatt li, fil-mument tad-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza fuq l-oppożizzjoni, ma kien għad hemm ebda talba, li tipproduċi effett, sabiex jiġu prodotti provi tal-użu min-naħa tal-applikant; ksur tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba l-fatt li l-Bord tal-Appell, b’mod legalment żbaljat, ma ħax inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ fuq l-esportazzjoni sinjifikattiv imwettaq permezz tat-trade mark “HERBACIN”, invokata insostenn tal-oppożizzjoni; kif ukoll ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, mill-fatt li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod inkorrett il-provi ta’ użu ppreżentati f’dak li jikkonċerna x-xerrejja fit-territorju tal-Komunità.


    Top