Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0050

    Kawża C-50/12 P: Appell ippreżentat fl- 1 ta’ Frar 2012 minn Kendrion NV kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas- 16 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-54/06, Kendrion NV vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 80, 17.3.2012, p. 14–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 80/14


    Appell ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2012 minn Kendrion NV kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-54/06, Kendrion NV vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-50/12 P)

    2012/C 80/20

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Partijiet

    Appellanti: Kendrion NV (rappreżentanti: P. Glazener u T. Ottervanger, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla totalment jew parzjalment is-sentenza appellata, skont l-aggravji invokati fl-appell preżenti;

    tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni, sa fejn din tirrigwarda lill-appellanti;

    tannulla jew tnaqqas l-multa imposta fuq l-appellanti;

    sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi mill-ġdid skont il-punti tal-liġi deċiżi fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura preżenti kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    (1)

    Skont l-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u immotivat is-sentenza tagħha b’mod kontradittorju u mimli lakuni meta ddeċidiet li l-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet li wassluha sabiex timponi fuq Kendrion multa għola minn dik imposta fuq Fardem.

    (2)

    Skont it-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra li Kendrion hija responsabbli in solidum għall-multa li għandha tiġi imposta fuq l-ex-sussidjarja tagħha Fardem, wettqet żball ta’ liġi u ma pproċedietx b’mod korrett għal eżami konkret tal-prova, u għalhekk b’dan il-mod wettqet żbalji proċedurali. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qassmet b’mod inġusta l-oneru tal-prova, hija manifestament interpretat ħażin il-fatti u kjarament evalwat b’mod żbaljat il-mezzi ta’ prova. Il-Qorti Ġenerali barra minn hekk immotivat b’mod insuffiċjenti l-kunsiderazzjonijiet tagħha u ma eżaminatx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-argumenti invokati minn Kendrion.

    (3)

    Permezz tat-tielet aggravju, Kendrion tikkuntesta l-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tieni, ir-raba’ u l-ħames motivi li hija invokat fl-ewwel istanza. Skont Kendrion, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni meta ddeċidiet li l-kumpannija parent, li ma kinitx implikata fil-ksur, setgħet tiġi suġġetta għal multa għola minn dik imposta fuq is-sussidjarja tagħha Fardem, awtriċi tal-ksur. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali, u mmotivat is-sentenza tagħha b’mod kontradittorju u mimli lakuni.

    (4)

    Permezz tar-raba’ aggravju, Kendrion tinvoka li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat bħala “ineffettiv” l-argument imqajjem minn Kendrion, li skontu l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kienet ħadet wisq fit-tul. Il-Qorti Ġenerali għalhekk donnha tqis li hija ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq irregolaritajiet fil-proċedura quddiemha. Anki li kieku kien korrett li jingħad li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti hija nnifisha sabiex tnaqqas il-multa minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f‛kull każ obbligata li tiddeċiedi dan il-punt essenzjali għaċ-ċertezza legali u li minnu tislet il-konklużjonijiet indispensabbli.


    Top