Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0021

    Kawża C-21/12 P: Appell ippreżentat fil- 16 ta’ Jannar 2012 minn Abbott Laboratories kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal- 15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-363/10 — Abbott Laboratories vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    ĠU C 98, 31.3.2012, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 98/13


    Appell ippreżentat fil-16 ta’ Jannar 2012 minn Abbott Laboratories kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-363/10 — Abbott Laboratories vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    (Kawża C-21/12 P)

    2012/C 98/21

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Abbott Laboratories (rappreżentanti: R. Niebel u C. Steuer, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    Talbiet tal-appellanti

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-363/10;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tad-9 ta’ Ġunju 2010 fil-Każ R 1560/2009-1 dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 008 448 251, RESTORE;

    tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appell mis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti Ġenerali huwa essenzjalment ibbażat fuq dan li ġej:

    (1)

    Fl-ewwel lok, l-appellanti tinvoka żnaturament tal-fatti jew tal-provi mill-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar telqet, b’mod żbaljat, mill-prinċipju li huwa magħruf sewwa li l-kelma “restore” għandha tifsira medika diretta. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, huwa biss paċifiku l-fatt li “restore” għandha tiġi tradotta b’“tistabbilixxi mill-ġdid”. Madankollu, din it-traduzzjoni ma għandha ebda rabta mal-mediċina. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali tibbaża l-perspettiva tagħha fuq l-estratti minn dizzjunarji ppreżentati jikkostitwixxi żnaturament tal-provi. Minn dawn l-estratti jirriżulta li, fiha nfisha, “restore” ma għandhiex tifsira medika, iżda tikkostitwixxi kunċett b’diversi aspetti, li jista’ jinftiehem b’modi li jvarjaw ħafna skont il-kuntest. Għalhekk, it-tifsira ta’ dan it-terminu ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija magħrufa sewwa u għaldaqstant bħala fatt li, b’mod eċċezzjonali, ma huwiex meħtieġ li jiġi pprovat.

    (2)

    Fit-tieni lok, l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li t-trade mark RESTORE kienet purament deskrittiva. L-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 timplika li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni jista’ jservi, fil-kummerċ, sabiex “jindika” x-xorta etc tal-prodott. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontenut deskrittiv għandu joħroġ b’mod “manifest” mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-terminu għandu, fih innifsu, ikollu karattru deskrittiv.

    Il-verb “restore” fih innifsu ma jipprovdix indikazzjoni tax-xorta, tal-kwalità jew tal-użu intenzjonat tal-prodotti previsti. Il-verb “restore” jikseb funzjoni deskrittiva biss meta jingħaqad ma’ nom jew diversi nomi oħra (pereżempju: “restore one’s health”). Fil-każ fejn rabta mal-mediċina tirriżulta miċ-ċirkustanzi, din ir-rabta ma tkunx suffiċjenti peress li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, att ta’ trasferiment min-naħa tal-pubbliku, fis-sens ta’ sforz ta’ interpretazzjoni, ikun neċessarju. Tifsira b’rabta mal-mediċina tista’ tiriżulta biss meta jiżdiedu kliem bħal “health”, li ma huwiex preċiżament il-każ fil-każ ineżami. Minflok ma eżaminaw it-trade mark RESTORE, li għaliha saret applikazzjoni, il-Bord tal-Appell u kif ukoll il-Qorti Ġenerali eżaminaw it-trade mark RESTORE SOMEONE’S HEALTH.

    (3)

    Fit-tielet lok, l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Bord tal-Appell, filwaqt li injora l-kriterju ġuridiku adattat, ikkunsidra t-trade mark RESTORE bħala sinjal nieqes minn karattru distintiv u għalhekk irrifjuta b’mod żbaljat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark. Skont l-appellanti, il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali ċaħdu wkoll kwalunkwe karattru distintiv lit-trade mark RESTORE, li għaliha saret applikazzjoni, minħabba l-allegat karattru deskrittiv tagħha. Dan l-approċċ huwa diġà kkontestat fil-kuntest tat-tieni aggravju.

    Lanqas l-“analiżi li saret sussidjarjament” fir-rigward tan-nuqqas ta’ kwalunkwe karattru distintiv (punti 52 sa 54 tas-sentenza) ma tiġġustifika s-sentenza. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkostitwixxu insistenza tawtoloġika tal-argument li trade mark deskrittiva hija dejjem nieqsa minn karattru distintiv. Il-fatt li l-pubbliku ma jistenniex deskrizzjoni tal-funzjoni fuq prodott mediku, anki taħt il-forma ta’ kelma waħda, imur ukoll kontra l-karattru deskrittiv.

    (4)

    Fir-raba’ lok, l-appellanti tinvoka ksur tal-aħħar parti tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009. Essenzjalment, il-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq estratti minn dizzjunarji li għalihom l-appellanti ma kellhiex aċċess u li fir-rigward tagħhom hija għalhekk ma setgħetx tieħu pożizzjoni. Għaldaqstant, dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ peress li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni tista’ tiġi bbażata biss fuq fatti li fir-rigward tagħhom il-partijiet kkonċernati setgħu jieħdu pożizzjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bord tal-Appell huwa madankollu marbut li jikkomunika, għall-finijiet ta’ teħid ta’ pożizzjoni, il-provi li huwa jkun ġabar ex officio u li fuq il-bażi tagħhom huwa jkun jixtieq jibbaża d-deċiżjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell naqas, fir-rigward ta’ punt essenzjali għall-proċediment, li jippreżenta l-estratti mid-dizzjunarji li huwa kiseb u għalhekk huwa kiser id-dritt għal smigħ tagħha.

    (5)

    Fil-ħames lok, l-appellanti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. B’mod kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ reġistrazzjonijiet preċedenti u dan b’mod kuntrarju wkoll għall-prassi tiegħu fil-qasam tar-reġistrazzjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti ma tinjorax il-fatt li dan il-prinċipju huwa suġġett għall-osservanza tal-legalità. Madankollu, is-sempliċi riferiment għal dan il-prinċipju ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi injorat il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għall-kuntrarju, huwa kellu jesponi b’mod konkret għal xiex huwa kellu jitlaq mill-prinċipju li dawn ir-reġistrazzjonijiet preċedenti kienu, fihom infushom, irregolari.


    Top